Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0548

    Kawża T-548/08: Rikors ippreżentat fis- 16 ta' Diċembru 2008 — Total vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 44, 21.2.2009, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/59


    Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2008 — Total vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-548/08)

    (2009/C 44/102)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Total SA (Courbevoie, Franza) (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery u A. Noël-Baron, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    prinċipalment, tannulla, abbażi tal-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Nru C(2008) 5476 finali tal-1 ta' Ottubru 2008 safejn tikkonċerna lil TOTAL SA;

    sussidjarjament, tannulla, abbażi tal-Artikolu 230 KE, il-multa ta' EUR 128 163 000 imposta in solidum lil TOTAL FRANCE u lil TOTAL SA permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Nru C(2008) 5476 finali tal-1 ta' Ottubru 2008;

    b'mod iktar sussidjarju, tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 229 KE, il-multa ta' EUR 128 163 000 imposta in solidum lil TOTAL FRANCE u lil TOTAL SA permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Nru C(2008) 5476 finali tal-1 ta' Ottubru 2008;

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 — Xama' tax-xemgħa, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea billi iffissaw il-prezzijiet u qasmu s-swieq tax-xama' tal-paraffin fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-gatsch [paraffina żejtnija mhux raffinata] fil-Ġermanja.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem disa' motivi fuq il-bażi ta' jew intiżi għal:

    ksur tad-drittijiet ta' difiża u tal-preżunzjoni tal-innoċenza tar-rikorrenti, safejn id-deċiżjoni kkontestata tikser il-kamp ta' applikazzjoni ratione personae ta' dawn id-drittijiet u minħabba d-difetti proċedurali li twettqu matul il-fażi tal-investigazzjoni u r-raġunament ċirkolari fid-deċiżjoni nnfisha;

    kontradizzjoni tal-motivi fir-rigward i) tan-neċessità li jiġi vverifikat jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx influwenza determinati fuq is-sussidjarja tagħha u ii) tad-daqs tal-kontroll li kumpannija parent għandha teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha sabiex ikun possibbli li l-ksur imwettaq minn din tal-aħħar jiġi attribwit lill-kumpannija parent;

    ksur tar-regoli li jirregolaw l-attribuzzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE fi ħdan il-gruppi ta' kumpanniji, safejn i) id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara żbaljatament li l-Kummissjoni mhijiex marbuta li tippreżenta provi li jikkorroboraw il-preżunzjoni u ii) id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' awtonomija ġuridika u ekonomika ta' kull sussidjarja li fuqu huma bbażati d-drittijiet nazzjonali tal-kumpanniji;

    żball manifest ta' evalwazzjoni, safejn i) il-ħatra tal-membri tal-kunsill ta' amministrazzjoni ta' TOTAL FRANCE minn TOTAL SA ma ssaħħaħx il-preżunzjoni ta' influwenza determinanti u ii) is-sensiela ta' indizji ppreżentati minn TOTAL SA tippermetti b'mod inkontestabbli li jkun hemm inverżjoni tal-preżunzjoni ta' influwenza determinanti;

    ksur tal-prinċipji ta' responsabbiltà għall-atti persunali u tan-natura individwali tal-pieni, kif ukoll tal-prinċipju ta' legalità safejn il-Kummissjoni ddikjarat l-eżistenza ta' entità ekonomika waħda magħmula minn TOTAL SA u TOTAL FRANCE;

    ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-amministrazzjoni tajba, safejn i) l-attribuzzjoni lil TOTAL SA tal-ksur li twettaq mis-sussidjarja tagħha TOTAL FRANCE hija bbażata fuq kriterju ġdid u ii) il-Kummissjoni ma evalwatx is-sitwazzjoni każ b'każ kif indikat li ser tagħmel;

    abbuż tal-poter, peress li r-Regolament Nru 1/2003 għandu bħala għan li jippenalizza impriża minħabba li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u mhux li jkabbar is-sanzjoni ta' din l-impriża billi jinkludi lill-kumpannija parent;

    ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità safejn l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u fuq is-sussidjarja tagħha mhuwa bl-ebda mod relatat mal-valur tal-bejgħ tal-prodotti meta mqabbel mal-allegat ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni; u

    tnaqqis tal-multa, peress li l-prattiċi allegati la għandhom il-gravità u lanqas id-dewmien li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tattribwixxi lilhom, u peress li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kienu miksura b'mod serju.


    Top