Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0835

    Kawża T-835/16: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2016 – Louvers Belgium vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 30, 30.1.2017, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 30/53


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2016 – Louvers Belgium vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-835/16)

    (2017/C 030/61)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Louvers Belgium Company (Zaventem, il-Belġju) (rappreżentant: V. Lejeune, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Settembru 2016 li ma tintagħżilx l-offerta tar-rikorrenti u li tagħti l-kuntratt Nru OIB.02/PO/2016/012/703 lill-grupp RIDEAUPRESS ITLINE;

    tilqa’ t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti; konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħallas lir-rikorrenti s-somma prinċipali ta’ EUR 387 500 bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba t-telf tal-kuntratt, miżjuda bl-interessi moratorji u ġudizzjarji kkalkulati skont ir-rata stabbilita bil-liġi u sal-ħlas sħiħ;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ trasparenza, sa fejn, minkejja talbiet ripetuti u insistenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkomunikatx lilha l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti tal-offerent magħżul kif ukoll ir-riżultati tar-rapport ta’ analiżi tal-offerti u tal-kampjuni li hija kienet bagħtet lill-Kummissjoni.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti kemm fil-mument tal-elaborazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll fil-mument tal-evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tilmenta, b’mod partikolari, li l-konvenut:

    L-ewwel nett, irriproduċa fil-mument tal-elaborazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tiegħu l-karatteristiċi tekniċi kif ukoll ir-ritratti tal-prodotti proposti minn offerent f’sejħa għal offerti preċedenti li kellha suġġett simili u li kienet ġiet annullata għal raġunijiet mhux iġġustifikati, li kellu l-effett li jinħolqu ostakoli mhux iġġustifikati sabiex ikun hemm offerti kompetittivi;

    It-tieni nett, kiser ir-regola fundamentali tal-ugwaljanza tal-offerenti billi impona rekwiżiti tekniċi stretti ħafna u mhux iġġustifikati mil-lat tekniku, li kienu manifestament intiżi li jikkoinċidu mal-prodotti ta’ operatur ekonomiku speċifiku;

    It-tielet nett, ma evalwax b’mod oġġettiv u indipendenti l-offerta li hija fformulat fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni u caħadha b’mod mhux iġġustifikat meta l-prodotti tagħha kienu jissodisfaw perfettament ir-rekwiżiti minimi tal-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, għalhekk, kienu jissodisfaw b’mod ekwivalenti r-rekwiżiti imposti.

    Għaldaqstant, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li l-offerta li hija għamlet kienet teknikament konformi u, konsegwentement, regolari. Din kellha tiġi evalwata finanzjarjament mill-Kummissjoni Ewropea, li kellha tagħtiha l-kuntratt peress li l-offerta tagħha kellha l-prezz l-iktar baxx.


    Top