EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0607

Kawża C-607/16 P: Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2016 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Settembru 2016 fil-Kawżi T-112/14 sa T-116/14 u T-119/14, Molinos Río de la Plata et vs Il-Kunsill

ĠU C 30, 30.1.2017, p. 36–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/36


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2016 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Settembru 2016 fil-Kawżi T-112/14 sa T-116/14 u T-119/14, Molinos Río de la Plata et vs Il-Kunsill

(Kawża C-607/16 P)

(2017/C 030/40)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Marcos Fraile, aġent, N. Tuominen, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Molinos Río de la Plata SA, Oleaginosa Moreno Hermanos SACIFI y A, Vicentin SAIC, Aceitera General Deheza SA, Bunge Argentina SA, Cámara Argentina de Biocombustibles (Carbio), Il-Kummissjoni Ewropea, European Biodiesel Board (EBB)

Talbiet

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2016, u nnotifikata lill-Kunsill fis-16 ta’ Settembru 2016, fil-Kawżi T-112/14 sa T-116/14 u T-119/14, Molinos Río de la Plata et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tiċħad ir-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza u intiżi għall-annullament tar-regolament ikkontestat; u

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex ibatu l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura ta’ appell sostnuti mill-Kunsill.

Sussidjarjament:

tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali żbaljat sabiex tiddetermina jekk il-Kunsill kellhiex provi li jippermettulha tiddeċiedi li l-prezzijiet interni tal-materji primi li jinsabu fir-reġistri tal-esportaturi Arġentini kkonċernati kienu s-suġġett ta’ distorsjonijiet suffiċjenti sabiex jkun iġġustifikat li dawn ma jittieħdux inkunsiderazzjoni u li l-Kunsill jirrikorri għall-metodu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (1). B’hekk, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq l-istituzzjoni oneru tal-prova tqil wisq.

2.

Fit-tieni lok, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-provi prodotti mill-istituzzjonijiet ma kinux biżżejjed sabiex juru li kienet teżisti distorsjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet tal-materji primi ewlenin fl-Arġentina imputabbli lis-sistema ta’ TDE ma hijiex motivata b’mod korrett.

3.

Fit-tielet lok, id-dispożittiv tas-sentenza appellata li jannulla d-dazji antidumping sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti fl-ewwel istanza huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-uniku motiv ta’ annullament eżaminat mill-Qorti Ġenerali u jagħti effetti mhux xierqa lill-illegalità kkonstatata.

4.

Il-Kunsill ser juri li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’varji żbalji ta’ liġi li jaffettwaw il-validità tagħha. Il-Kunsill isostni barra minn hekk li l-fatti invokati fl-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza huma stabbiliti suffiċjentement sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi fuq dan il-motiv u tiċħad ir-rikorsi.

5.

Għaldaqstant, il-Kunsill jitlob bir-rispett li s-sentenza appellata tiġi annullata u li r-rikorsi għall-annullament tar-regolament ikkontestat ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza jiġu miċħuda.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).


Top