EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CA0277

Kawża C-277/11: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat- 22 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Ireland — L-Irlanda) — M. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform, L-Irlanda, Attorney General (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) — Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu — Portata — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Dritt li wieħed jinstema’)

ĠU C 26, 26.1.2013, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Ireland — L-Irlanda) — M. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform, L-Irlanda, Attorney General

(Kawża C-277/11) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni Ewropea tal-ażil - Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) - Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu - Portata - Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat - Rispett tad-drittijiet fundamentali - Dritt li wieħed jinstema’)

2013/C 26/16

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.

Konvenuti: Minister for Justice, Equality and Law Reform, L-Irlanda, Attorney General

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Ireland — Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) — Talba għal protezzjoni sussidjarja wara li jkun ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat — Proposta li tiġi miċħuda t-talba għal protezzjoni sussidjarja — Obbligu li l-applikant jingħata r-riżultati tal-evalwazzjoni tat-talba tiegħu qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali

Dispożittiv

Ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward.

Madankollu, fir-rigward ta’ sistema bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tħares li jiġu rrispettati, fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, id-drittijiet fundamentali tal-applikant u, b’mod iktar partikolari, tad-dritt li jinstema’ fis-sens li għandu jkun jista’ jesponi utilment l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tagħtix il-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. F’tali sistema, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jifissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.


(1)  ĠU C 226, 30.7.2011


Top