Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0358

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Il-Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea Rapport Annwali tal-2023

    COM/2024/358 final

    Brussell, 25.7.2024

    COM(2024) 358 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Il-Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea


    Rapport Annwali tal-2023


    Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea

    rapport annwali tal-2023

    Kelmtejn ta’ qabel

    L-infurzar effettiv tad-dritt tal-UE

    L-appoġġ lill-Istati Membri biex jagħtu riżultati sa mill-bidu nett

    Djalogu bikri mal-Istati Membri għal soluzzjonijiet aktar rapidi

    Proċeduri ta’ ksur fejn miżuri oħrajn ma humiex biżżejjed

    Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala miżura tal-aħħar istanza

    L-infurzar tad-dritt tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi

    L-infurzar li jibqa’ validu fil-futur tad-dritt tal-UE

    Tisħiħ tal-ekonomija u l-kompetittività tal-UE

    Il-prevenzjoni tal-ostakoli fis-suq uniku biex jiżdied it-tkabbir

    It-tneħħija tal-ostakoli għall-fornituri tas-servizzi fis-suq uniku

    Informazzjoni u assistenza aħjar għan-nies u għan-negozji

    Servizzi finanzjarji

    Pagamenti bl-imnut effiċjenti

    Finanzi sostenibbli

    Settur tat-trasport li jiffunzjona

    L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni

    Tassazzjoni indiretta għal ambjent tan-negozju ġust

    Tassazzjoni diretta li tippromwovi s-suq uniku

    Dwana sigura u sempliċi

    Il-ħolqien ta’ Ewropa ekoloġika, sostenibbli u prospera

    L-azzjoni klimatika

    Trasport nadif

    Arja u ilma nodfa

    Il-protezzjoni tal-bijodiversità

    Il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari

    Agrikoltura sostenibbli li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-ikel

    Is-sajd sostenibbli u l-ippjanar tal-ispazju marittimu

    Governanza ambjentali

    Enerġija nadifa u affordabbli

    Iż-żamma sikura tal-enerġija nukleari

    Ewropa lesta għall-era diġitali

    Teknoloġija li taħdem għan-nies

    Ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva

    Soċjetà diġitali miftuħa, demokratika u sostenibbli

    Il-promozzjoni tal-ekonomija tad-

    L-iffaċilitar ta’ operazzjonijiet transfruntieri mill-kumpaniji

    Sistemi tat-trasport diġitali

    Nibnu Ewropa ġusta u soċjali

    Il-liġi tax-xogħol

    Saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol

    Mobbiltà tal-forza tax-xogħol

    Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

    L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

    In-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi u fl-inklużjoni

    Nipproteġu lin-nies u l-libertajiet tagħna

    Insostnu l-istat tad-dritt

    Ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni

    Il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-UE

    Il-protezzjoni tat-tfal

    Il-kooperazzjoni fil-ġustizzja u garanziji individwali fid-dritt penali

    Protezzjoni tal-konsumaturi

    Protezzjoni tad-data personali

    Trasport aktar sikur

    Il-promozzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza alimentari

    Regolamentazzjoni aħjar tal-professjonijiet u l-moviment liberu tal-professjonisti

    Il-protezzjoni tax-xufiera stazzjonati

    It-tisħiħ tal-Unjoni tas-Sigurtà Ewropea

    Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni

    Rispons maqgħqud tal-UE għall-migrazzjoni u l-ażil

    L-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja

    Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dan ir-rapport jistabbilixxi l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tissorvelja u tinforza l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE matul l-2023. Is-sitwazzjoni attwali tal-każijiet ta’ ksur imsemmija setgħet inbidlet minn dak iż-żmien ’l hawn.


    Kelmtejn ta’ qabel

    Fil-bidu tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni, wegħidna li nibnu Ewropa aktar soda, aktar ekoloġika u aktar f’saħħitha għall-ġenerazzjoni li jmiss, b’ekonomija li taħdem għan-nies kollha, żgħażagħ u anzjani. 5 snin wara, u minkejja diversi kriżijiet, l-UE wriet l-impenn tagħha li tindirizza l-isfidi direttament, iggwidata mill-valuri u mill-prinċipji kondiviżi tagħna.

    B’għadd kbir ta’ leġiżlazzjonijiet ġodda proposti mill-Kummissjoni u adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill matul dan il-mandat, aħna ħdimna bla heda flimkien biex niżguraw Ewropa aktar magħquda, prospera u sostenibbli. Madankollu, il-ħidma tagħna ma ssirx bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni – irridu niżguraw li r-regoli miftiehma bejn il-koleġiżlaturi, jaħdmu fil-prattika fl-Istati Membri u jġibu l-benefiċċji meħtieġa għaċ-ċittadini u għan-negozji madwar l-Ewropa kollha.

    Ir-rapport li se taqra jagħti xi eżempji ewlenin tal-ħidma li saret fl-2023 biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE f’setturi differenti fl-Istati Membri kollha. L-azzjonijiet meħuda juru li, fejn inħolqot il-ħtieġa, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod deċiżiv – biex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tan-nies u biex tiżgura li l-UE tibqa’ fortizza tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni tibqa’ soda fis-salvagwardja tal-funzjonament xieraq tas-suq uniku, il-pedament għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tagħna, filwaqt li tipproteġi wkoll l-interessi tal-ħaddiema u tal-konsumaturi.

    L-Istati Membri huma l-aħjar alleati tal-Kummissjoni biex jiżguraw li d-dritt tal-UE jiġi implimentat u applikat b’mod korrett mill-bidu. Din hija r-raġuni għaliex l-appoġġ bikri u kontinwu għall-implimentazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri huwa vitali, u kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri bbażata fuq fiduċja reċiproka hija l-iqsar perkors biex jintlaħaq dan l-għan komuni. Din l-istrateġija preventiva trawwem kultura ta’ konformità mill-bidu nett, hija kosteffiċjenti u ta’ benefiċċju għal kulħadd.

    Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ infurzar robusti jibqgħu garanzija ta’ kontinġenza kruċjali. U kif juri dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma taħsibhiex darbtejn biex tagħmel użu minn dawn il-mekkaniżmi kull fejn ikun meħtieġ, biex tiżgura li r-regoli miftiehma jissarrfu f’realtà prattika li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej.

    Dr Ursula von der Leyen

    Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

    L-infurzar effettiv tad-dritt tal-UE

    Flimkien tajna prova li Ewropa qalbiena tikseb riżultati. Fadlilna ħafna x’nagħmlu - ejja nimxu id f’id. Ejjew inwettqu llum u nħejju għal għada.

    Il-President von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023



    L-UE hija komunità tad-dritt. Il-konformità mad-dritt tal-UE hija l-pedament tal-effettività tal-UE għall-benefiċċju tan-nies u tan-negozji. L-infurzar tad-dritt tal-UE huwa għalhekk kruċjali għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda pajjiż ma jikseb vantaġġ inġust u li s-suq uniku jiffunzjona mingħajr xkiel. Dan huwa sinjal tal-impenn tagħna li nkunu kompetittivi u li nipproteġu d-drittijiet tan-nies u l-valuri fundamentali tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt.

    L-iżgurar tal-applikazzjoni u l-infurzar xierqa tad-dritt tal-UE huwa wieħed mill-kompiti ewlenin tal-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-Trattati”. Il-miżuri ta’ infurzar tal-Kummissjoni huma ggwidati minn objettiv ġenerali wieħed: li jiġi żgurat li n-nies u n-negozji jgawdu l-benefiċċji tar-regoli maqbula b’mod komuni tagħna, jgħixu fejn jgħixu fl-UE. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni tuża varjetà ta’ għodod : gwida għall-implimentazzjoni bikrija u appoġġ finanzjarju, rapportar pubbliku, djalogi orjentati lejn is-soluzzjoni mal-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, proċeduri ta’ ksur.

    L-appoġġ lill-Istati Membri biex jagħtu riżultati sa mill-bidu nett

    L-infurzar intelliġenti jfisser li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE mill-bidu nett, u b’hekk jiġi pprevenut li l-ksur iseħħ. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qiegħda kontinwament iżżid l-azzjoni tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE. Il-miżuri ta’ appoġġ huma diversi u spiss huwa l-użu kkombinat tagħhom li jagħmel differenza.

    Pereżempju, matul il-proċess tal-implimentazzjoni ta’ dritt tal-UE speċifiku, il-Kummissjoni tipprovdi gwida prattika lill-Istati Membri, lin-negozji, lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku dwar kif għandhom jinftiehmu u jiġu applikati aspetti speċifiċi tat-test legali. Din il-gwida tista’ tieħu l-forma ta’ linji gwida bil-miktub jew FAQs online, jew tista’ tiġi pprovduta f’laqgħat iddedikati, pereżempju f’workshops tat-traspożizzjoni. Il-gruppi ta’ esperti jintużaw ukoll biex jippromwovu l-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE.

    Iżda l-appoġġ lill-Istati Membri jmur lil hinn mill-gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ liġijiet tal-UE speċifiċi. L-appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE wera wkoll li huwa għodda effettiva sabiex jgħin u jħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu riformi u, fejn xieraq, jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE. Eżempju ieħor ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-forma ta’ għarfien espert tekniku huwa l- Istrument ta’ Appoġġ Tekniku . Bil-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri, dan jgħin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-liġijiet u l-politiki tal-UE.

    Djalogu bikri mal-Istati Membri għal soluzzjonijiet aktar rapidi

    Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-linji tal-ajru naqsu milli jirrimborżaw lill-passiġġieri fil-ħin għal titjiriet ikkanċellati u l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux qed jinfurzaw ir-regoli tal-UE b’mod effettiv. Il-Kummissjoni użat djalogi tal-EU Pilot mal-Istati Membri kollha biex tiżgura li l-linji tal-ajru jirrispettaw id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, il-linji tal-ajru approvaw il-biċċa l-kbira tal-backlogs tar-rimborżi li kellhom jagħtu u tejbu l-komunikazzjoni tagħhom mal-passiġġieri meta tiġi kkanċellata titjira. Il-Kummissjoni setgħet tagħlaq dawn id-djalogi tal-EU Pilot fl-2023.

    Meta l-Kummissjoni, minkejja l-azzjoni tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri u biex tippromwovi l-konformità, tidentifika ksur possibbli tad-dritt tal-UE, hija tista’ tiddeċiedi li tibda djalogu ta’ qabel il-ksur, skont il-proċess stabbilit sew magħruf bħala EU Pilot . Dan id-djalogu jintuża meta joffri valur miżjud, pereżempju fejn x’aktarx iwassal għal konformità aktar rapida minn proċedura formali ta’ ksur.

    Maż-żmien, id-djalogu tal-EU Pilot wera l-valur tiegħu. Fl-2023, il-Kummissjoni ttrattat 259 djalogu tal-EU Pilot, b’aktar minn 80 % minn dawn li ġew solvuti b’mod sodisfaċenti. 11 % biss tad-djalogi tal-EU Pilot kellhom jiġu segwiti minn proċedura ta’ ksur. L-EU Pilot huwa ta’ suċċess f’ħafna oqsma ta’ politika, u b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija (40 għeluq b’suċċess), tat-tassazzjoni u tad-dwana (37), tal-mobilità u tat-trasport (36), u tas-servizzi finanzjarji (25).

    Proċeduri ta’ ksur fejn miżuri oħrajn ma humiex biżżejjed

    L-użu mill-Kummissjoni ta’ proċeduri ta’ ksur żviluppa matul is-snin, biex jixpruna titjib usa’ u li jħalli impatt akbar. L-approċċ strateġiku għall-infurzar tad-dritt tal-UE jagħti prijorità lill-ksur bl-aktar impatt sinifikanti fuq l-interessi tan-nies u tan-negozji.

    Fl-2023, il-Kummissjoni fetħet 529 proċedura ta’ ksur, fl-oqsma ta’ politika ewlenin kollha. Kull Stat Membru kien ikkonċernat, b’medja ta’ 20 każ ġdid għal kull Stat Membru. L-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni ssalvagwardjaw l-integrità tas-suq uniku u saħħew l-ekonomija tal-UE. Dawn ippromwovew l-arja, l-ilma u t-trasport nodfa, u ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni kkonfermat il-valuri komuni tal-UE, id-drittijiet fundamentali tan-nies u l-istat tad-dritt.

    Hemm ħafna fatturi li għandhom impatt fuq l-għadd ta’ proċeduri ġodda ta’ ksur. Għadd dejjem jonqos ta’ direttivi ġodda li għandhom jiġu trasposti (minn 67 fl-2014 għal 34 fl-2023) ifisser li hemm anqas proċeduri ta’ ksur għat-traspożizzjoni tard jew żbaljata tad-direttivi. Fil-fatt, l-2023 rat l-aktar għadd baxx ta’ każijiet ġodda ta’ ksur għal traspożizzjoni mhux kompluta tad-direttivi (284) f’aktar minn 20 sena. L-appoġġ imsaħħaħ tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jittrasponu u japplikaw id-Direttivi b’mod korrett għen ukoll biex jipprevjeni l-ksur.

    Fl-2023, il-proċeduri ta’ ksur għal darb’oħra wrew l-effettività tagħhom: il-Kummissjoni għalqet b’suċċess aktar minn 1 000 proċedura ta’ ksur, hekk kif l-Istati Membri kienu kisbu konformità mad-dritt tal-UE. Dan l-għadd jirrifletti wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel progress f’kawżi aktar antiki u li ilhom jeżistu, li l-Kummissjoni setgħet tagħlaq ħafna minnhom fl-2023.

    Mill-kawżi magħluqa kollha, 95 % ġew solvuti qabel ma kellhom jiġu riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“Il-Qorti tal-Ġustizzja”). L-evitar ta’ litigazzjoni twila jfisser li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jgawdu l-benefiċċji tad-dritt tal-UE qabel.



    Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala miżura tal-aħħar istanza

    Jekk l-istadji bikrija tal-proċedura ta’ ksur ma jsolvux il-ksur tad-dritt tal-UE, il-Kummissjoni tista’ eventwalment tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’ każijiet speċifiċi , il-Kummissjoni tista’ titlob li jiġu imposti penali finanzjarji fuq l-Istat Membru kkonċernat.

    Fl-2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi total ta’ 82 kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’45 kawża, hija talbet lill-Qorti timponi penali finanzjarji kontra l-Istat Membru inkwistjoni. Minn dawn il-każijiet, 40 kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, u ħamsa kienu t-tieni referenzi lill-Qorti għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenza preċedenti. Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mas-snin preċedenti, li turi r-rieda tal-Kummissjoni li tinforza d-dritt tal-UE.

    L-infurzar tad-dritt tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi

    Kriżijiet jew sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, bħall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jistgħu joħolqu sfidi għall-konformità sħiħa tal-Istati Membri mal-erba’ libertajiet fundamentali tal-UE u l-funzjonament tas-suq uniku. F’ċirkostanzi diffiċli, jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li jiġu ffavoriti kunsiderazzjonijiet domestiċi aktar milli l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE. Madankollu, l-infurzar effettiv tad-dritt tal-UE jibqa’ kruċjali biex jiżgura li n-nies u n-negozji jkunu jistgħu jkomplu jgawdu l-protezzjoni u ċ-ċertezza legali offruti mid-dritt tal-UE, u li l-oġġetti u s-servizzi essenzjali jiġu pprovduti fejn ikunu l-aktar meħtieġa.

    L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja affettwat is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, u b’hekk għamlitha partikolarment urġenti li jkun hemm pjanijiet sodi ta’ tħejjija għar-riskju fis-seħħ għall-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni fetħet investigazzjonijiet tal-EU Pilot kontra 26 Stat Membru minħabba li naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskju, l-azzjoni preventiva u l-pjanijiet ta’ emerġenza meħtieġa mir- Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass . Minn dawn l-investigazzjonijiet, 16 setgħu jingħalqu wara li l-Istati Membri ppreżentaw l-informazzjoni meħtieġa, u dan jikkonferma li l-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu daħħlu fis-seħħ dawn il-miżuri.

    Il-funzjonament tas-suq tal-ħżin tal-gass tal-UE u r-regoli mhux diskriminatorji għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali huma kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-enerġija. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal miżuri li jimponu kostijiet addizzjonali fuq kumpaniji li jikkonformaw ma’ rekwiżit obbligatorju għall-ħżin tal-gass billi jużaw il-ħżin fi Stat Membru ieħor. Dawn il-miżuri jfixklu l-kummerċ transfruntier tal-gass.

    Il-Kummissjoni aġixxiet ukoll biex tipproteġi s-suq uniku sabiex tiżgura d-disponibbiltà ta’ ikel sikur, affordabbli u ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri kollha. Wara l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni, l-Ungerija ħassret l-iskema ta’ notifika minn qabel tagħha għall-esportazzjonijiet taċ-ċereali. L-operaturi fl-Ungerija jistgħu jerġgħu jesportaw iċ-ċereali lejn Stati Membri oħrajn mingħajr ebda ostaklu għall-kummerċ. Madankollu, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur dwar skema ta’ notifika minn qabel għal ċerti ħbub u żrieragħ kontra s- Slovakkja f’Ottubru 2023.

    L-infurzar li jibqa’ validu fil-futur tad-dritt tal-UE

    F’Lulju 2023, il-Kummissjoni kkonkludiet rendikont fil-Kummissjoni u mal-Istati Membri biex tiżgura li l-mod kif tinforza d-dritt tal-UE jaħdem fil-prattika u jibqa’ validu fil-futur. Ir-rendikont ġie organizzat madwar sitt oqsma: it-twettiq tal-approċċ strateġiku tal-Kummissjoni għall-infurzar tad-dritt tal-UE; il-ġestjoni effiċjenti tal-ksur; l-iffaċilitar tat-trattament tal-ilmenti; li l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regolamenti jsir aktar sistematiku; iż-żieda fl-appoġġ lill-Istati Membri; u ż-żieda fit-trasparenza.

    Ġie identifikat titjib immirat f’dawn l-oqsma kollha, u l-Kummissjoni qed taħdem fuq l-implimentazzjoni tiegħu, flimkien mal-Istati Membri . Dan se jwassal għal aktar trasparenza, informazzjoni aħjar għal ilmentaturi prospettivi, għodod aktar effiċjenti biex jikkooperaw mal-Istati Membri dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi, eċċ.

    Ir-rendikont wera l-kapaċità tal-Kummissjoni li tivvaluta l-għodod u l-proċeduri ta’ infurzar tagħha b’mod trasparenti u onest, u li tadatta għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu. Wera wkoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jaħdmu flimkien biex jidentifikaw u jdaħħlu fil-prattika titjib fil-kooperazzjoni tagħhom f’qasam legalment u politikament ikkumplikat bħall-infurzar tad-dritt tal-UE.

    Tisħiħ tal-ekonomija u l-kompetittività tal-UE

    Dawn it-tliet sfidi – ix-xogħol, l-inflazzjoni u l-ambjent tan-negozju – qed jaslu fi żmien meta qed nitolbu wkoll lill-industrija biex tmexxi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Għalhekk hemm bżonn li nħarsu aktar ’il quddiem u li nistabbilixxu kif se nibqgħu kompetittivi aħna u nagħmlu dan. […] Għaliex l-Ewropa se tagħmel kulma hu meħtieġ biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha.

    Il-President von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023


    Il-Komunikazzjoni tal-2023 “ It-30 Sena mis-Suq Uniku ” uriet kemm l-applikazzjoni mhux kompluta jew mhux korretta tar-regoli tal-UE qed tkompli toħloq ostakoli fi ħdan is-suq uniku. Din isseħħ bi prezz għan-negozji u għall-konsumaturi. Regoli nazzjonali diverġenti li jintroduċu restrizzjonijiet mingħajr ġustifikazzjoni soda joħolqu kumplessità u jfixklu l-kompetizzjoni. Meta titfaċċa xejra ta’ diversi ksur minn Stat Membru wieħed, dan jikkostitwixxi sfida kbira għal wieħed mill-pilastri tal-UE. Il-Kummissjoni infurzat ir-regoli tal-UE biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u ħadmet biex tagħti s-setgħa lin-nies jisfruttaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-benefiċċji tagħhom fis-suq uniku.

    Il-prevenzjoni tal-ostakoli fis-suq uniku biex jiżdied it-tkabbir

    Id- Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku u s- Sistema ta’ Informazzjoni tar-Regolamenti Tekniċi tagħha għandhom l-għan li jipprevjenu ostakoli ġodda fis-suq uniku permezz ta’ trasparenza, djalogu u regolamentazzjoni aħjar. Proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva tippermetti lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħrajn jeżaminaw kwalunkwe regolament tekniku li Stat Membru jippjana li jintroduċi għall-prodotti u għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

    Sabiex tiżgura l-funzjonament kontinwu tas-suq uniku, il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri f’diversi każijiet, inkluż billi rreferiet lill- Ungerija   lill-Qorti tal-Ġustizzja meta rrestrinġiet il-moviment liberu tal-merkanzija (eż. materjali tal-bini) billi imponiet restrizzjonijiet (livell ta’ prezz fiss, notifika minn qabel tal-esportazzjonijiet, eċċ.).

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-importanza tad-Direttiva u l-possibbiltà li n-nies u n-negozji jopponu b’mod attiv ir-regoli nazzjonali adottati bi ksur tagħha. Il-Kummissjoni ppromwoviet l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva f’ħafna skambji mal-Istati Membri.

    It-tneħħija tal-ostakoli għall-fornituri tas-servizzi fis-suq uniku

    Is-servizzi huma kruċjali għall-ekonomija tal-UE. Dawn jirrappreżentaw madwar 70 % tal-PDG tal-UE u sehem ugwali tal-impjiegi tagħha. Is-settur għandu rwol kruċjali fl-irkupru ekonomiku u fir-reżiljenza ekonomika tal-UE.

    Id- Direttiva dwar is-Servizzi hija essenzjali biex jiġu evitati ostakoli mhux iġġustifikati għan-negozji li jixtiequ jistabbilixxu fergħa fi Stat Membru ieħor jew biex jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri. Il-Kummissjoni aġixxiet b’mod sod kontra l-Istati Membri li kisru d-Direttiva.

    Il-Kummissjoni fetħet każijiet ta’ ksur kontra Malta , il- Polonja (każ magħluq aktar tard fl-2023) u s- Slovenja talli kellhom fis-seħħ projbizzjoni totali fuq ir-reklamar tal-attivitajiet tal-avukati. Hija nediet u segwiet każ kontra s- Slovenja talli naqset milli tindirizza kwistjonijiet rigward il-prezzijiet stabbiliti bil-liġi għall-aġenziji tal-proprjetà immobbli, u kontra Ċipru għal restrizzjonijiet li jiddeterminaw min jista’ jkollu ishma f’kumpaniji tal-intermedjazzjoni tal-proprjetà immobbli. Il-Kummissjoni indirizzat ukoll ir-restrizzjonijiet tal-forniment transfruntier ta’ servizzi, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ garanzija finanzjarja, billi fetħet u ħadet passi ulterjuri f’każ kontra l- Belġju .

    Il-pagamenti tard għandhom effett negattiv fuq in-negozji, peress li jnaqqsu l-likwidità, jipprevjenu t-tkabbir, ixekklu r-reżiljenza u potenzjalment jimpedixxu l-ħidma biex isiru aktar ekoloġiċi u aktar diġitali.

    Ir- regoli tal-UE jobbligaw lill-awtoritajiet pubbliċi jħallsu l-fatturi tagħhom fi żmien 30 jum. Il-miżuri ta’ infurzar tal-Kummissjoni jfittxu li jiksbu li l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu fil-ħin lill-fornituri ta’ prodotti u servizzi akkwistati. Il-Kummissjoni ressqet lill- Belġju , lill- Greċja , lill- Italja , lill- Portugall u lis- Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ħallsu lill-fornituri tagħhom tard, u ħadet azzjoni kontra każijiet ta’ ksur addizzjonali kontra l- Greċja u kontra l- Italja .

    Fir-rigward tal-konformità tal-Istati Membri mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE relatati mal-libertà tal-istabbiliment u mal-moviment liberu tas-servizzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-projbizzjoni tar-reklamar mill-ispiżeriji.

    Ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jiżguraw it-trasparenza u l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għan-negozji u t-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi interessati li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist. Dawn jappoġġaw ukoll il-ġestjoni tajba tal-fondi pubbliċi. Sabiex tinforza dawn ir-regoli, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l- Ungerija , il- Portugall , ir- Rumanija u s- Slovenja , u ħadet passi ulterjuri f’każ kontra l- Bulgarija . Kienet kapaċi tagħlaq il-proċeduri kontra ċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall u l-Iżvezja peress li kienu kisbu konformità mar-regoli tal-UE.

    Informazzjoni u assistenza aħjar għan-nies u għan-negozji

    F’dawn l-aħħar snin, ġie żviluppat sett ta’ għodod ta’ governanza tas-suq uniku (it- Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET), SOLVIT , is- Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern , Your Europe u Pariri tal-Ewropa Tiegħek ) biex in-nies u n-negozji jingħataw is-setgħa li jużaw id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku. Dawn joffru informazzjoni ċara, assistenza u soluzzjoni tal-problemi. Pereżempju, fl-2023, iċ-ċentri SOLVIT għenu lil aktar minn 2 200 persuna u negozju bil-problemi tagħhom. Aktar minn 88 % ta’ dawn il-każijiet ġew solvuti. Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-SMET għall-2022-2023 li jistabbilixxi l-ħidma u l-kisbiet tal-SMET. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien fl-SMET biex janalizzaw u jneħħu l-ostakoli li fadal fis-suq uniku. Dan jista’ jkollu impatt ewlieni permezz tat-tnaqqis tal-ostakoli: pereżempju, l-SMET ħadem fuq l-eliminazzjoni ta’ 90 ostakolu speċifiku relatati mal-proċess li jxekklu l-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

    Barra minn hekk, l-evidenza minn dawn l-għodod tgħin biex jiġu identifikati u kkoreġuti l-problemi bl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku. SOLVIT b’mod partikolari jista’ jesponi kwistjonijiet strutturali li ripetutament jiffaċċjaw in-nies u n-negozji. Fl-2023, ġie ppubblikat l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-gateway diġitali unika – il- gateway diġitali unika , sit web li jiffaċilita l-aċċess online għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza li l-Ewropej u n-negozji jista’ jkollhom bżonn f’pajjiż ieħor tal-UE, qabżet l-400 miljun viżitatur. Your Europe  kien l-aktar sit web popolari tal-Kummissjoni, bi 32 miljun viżitatur f’sena. Pariri tal-Ewropa Tiegħek , li jinforma lin-nies u lin-negozji bid-drittijiet tagħhom tas-suq uniku, ġie kkonsultat aktar minn 26 000 darba.

    Servizzi finanzjarji

    L-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni għenu biex jiġu żgurati l-operazzjonijiet tas-servizzi finanzjarji f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma. Il-Kummissjoni nediet 39 proċedura ta’ ksur kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id- Direttiva dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu , id- Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi u r- Regolament li jemenda d-Direttiva II dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji .

    L-istabbiltà finanzjarja, il-protezzjoni tal-konsumaturi u ambjent tan-negozju sod huma l-bażi għal funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji. Ir-rapportar minn kumpaniji multinazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li jħallsu f’kull Stat Membru huwa kruċjali għat-trasparenza. Ir-regoli li jemendaw id-Direttiva II dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji jistabbilixxu reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażat fuq teknoloġija blockchain. Dawn bidlu wkoll id-definizzjoni ta’ “strument finanzjarju”, biex jiċċaraw li dawn l-istrumenti jistgħu jinħarġu bl-użu ta’ kriptovaluta. Fl-aħħar nett, ir-regoli tal-UE dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi saħħew il-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku fl-UE kollha.

    Pagamenti bl-imnut effiċjenti

    Il-pagamenti bl-imnut effiċjenti huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, u jiffaċilitaw tranżazzjonijiet konsistenti fis-setturi kollha u jiżguraw attività ekonomika bla xkiel. Dawn għandhom rwol vitali fit-tmexxija tat-tkabbir ekonomiku u fit-trawwim tal-istabbiltà finanzjarja. Pereżempju, ir- Regolament dwar is-SEPA jippermetti lin-nies u lin-negozji jagħmlu l-pagamenti transfruntieri kollha bl-euro mingħajr flus kontanti faċilment daqs il-pagamenti domestiċi.

    Il-Kummissjoni bdiet djalogi tal-EU Pilot ma’ żewġ Stati Membri dwar l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament. It- Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET ) talbet ukoll lill-Istati Membri jidentifikaw u jindirizzaw in-nuqqasijiet li jwasslu għad- diskriminazzjoni tal-IBAN (li jfisser li l-kontijiet fi Stati Membri oħrajn tal-UE ma jistgħux jintużaw biex jiġu stabbiliti debiti diretti jew biex jiġu ttrasferiti fondi għall-pagamenti domestiċi).

    Finanzi sostenibbli

    Il-finanzjament sostenibbli huwa parti importanti mill-appoġġ tal- Patt Ekoloġiku Ewropew . Ir-regoli tal-UE jinkludu r- Regolament dwar it-Tassonomija , ir- Regolament dwar Divulgazzjonijiet Relatati mas-Sostenibbiltà tas-Servizzi Finanzjarji , ir- Regolament dwar il-Parametru Referenzjarju Klimatiku tal-UE , ir- Regolament Ewropew dwar il-Bonds Ekoloġiċi u d- Direttiva dwar ir-Rapportar tas-Sostenibbiltà Korporattiva .

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni legali ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni ppubblikat diversi lottijiet ta’ FAQs . Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni dwar il-finanzjament ta’ tranżizzjoni bi gwida għas-swieq dwar l-użu tal-qafas finanzjarju sostenibbli.

    Il-ħasil tal-flus

    Il-Kummissjoni vvalutat jekk l-Istati Membri ttrasponewx il- Ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus b’mod korrett. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra Ċipru , l- Ungerija , ir- Rumanija , l- Italja , il- Latvja , il- Portugall u l- Bulgarija għat-traspożizzjoni mhux korretta ta’ dawn ir-regoli, u kontra Spanja u l- Italja għall-applikazzjoni mhux korretta tagħhom. Il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-każijiet ta’ ksur kontra ċ-Ċekja, l-Italja u l-Portugall peress li kienu kisbu konformità mad-dritt tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’suċċess djalogi tal-EU Pilot ma’ 10 Stati Membri.

    Biex tiġi miġġielda l-pjaga tal-kriminalità organizzata, huwa vitali li r-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus jiġu applikati b’mod effettiv mill-operaturi ekonomiċi kollha fl-Istati Membri kollha. Il-kisba ta’ konformità aħjar hija prijorità tal-infurzar għall-Kummissjoni, biex tipproteġi lin-nies u biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji finanzjarji.

    Settur tat-trasport li jiffunzjona

    Iż-żona ferrovjarja unika Ewropea hija sistema mifruxa mal-UE kollha ta’ networks ferrovjarji li għandha l-għan li tippermetti l-espansjoni tas-settur ferrovjarju abbażi tal-kompetizzjoni, tal-armonizzazzjoni teknika u tal-iżvilupp konġunt tal-konnessjonijiet transfruntieri. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Greċja u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id- Direttiva dwar iż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea . Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l- Ungerija u l-Awstrija  għal traspożizzjoni mhux korretta tar- regoli tal-UE dwar il-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja. Hija kompliet il-proċeduri ta’ ksur kontra l- Ġermanja u l- Bulgarija għat-traspożizzjoni mhux korretta ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-istess Direttiva.

    Ir-regoli aġġornati tal-UE dwar il-piż u d-dimensjonijiet massimi ta’ ċerti vetturi tat-triq għandhom rwol importanti fil-funzjonament tas-suq uniku u fil-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE. Il-Kummissjoni kompliet proċedura ta’ ksur kontra l- Litwanja għan-nuqqas tagħha li timplimenta bis-sħiħ dawn ir-regoli aġġornati.

    Fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, il-Kummissjoni fetħet każ ta’ ksur kontra n- Netherlands għall-applikazzjoni żbaljata tar- regoli tal-UE dwar l-għoti kompetittiv ta’ kuntratti tat-trasport pubbliku bil-ferrovija.

    Fis-settur tat-trasport bit-triq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lid- Danimarka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba nuqqas ta’ konformità mar- regoli tal-UE dwar is-servizzi tal-kowċ u x-xarabank. Dawn ir-regoli jipprovdu definizzjoni ta’ kabotaġġ li skontha, it-trasportaturi tal-UE huma liberi li jipprovdu servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fuq bażi temporanja fi Stati Membri għajr dak tal-istabbiliment. L-uniku rekwiżit huwa li jkollhom liċenzja għall-UE kollha. L-interpretazzjoni Daniża ta’ dawn ir-regoli tillimita bla bżonn dawn l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għal 7 ijiem konsekuttivi fix-xahar).

    Fil-qasam tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra n- Netherlands talli naqsu milli jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar it-tagħmir tal-baħar li jinsabu fid- Direttiva dwar Tagħmir tal-Baħar . Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb is-sikurezza fuq il-baħar, tipprevjeni t-tniġġis tal-baħar u tiżgura l-moviment liberu tat-tagħmir tal-baħar fl-UE billi tapplika standards internazzjonali għall-bastimenti tal-UE. Il-Kummissjoni ħadet ukoll pass ulterjuri fi proċedura ta’ ksur simili kontra l- Bulgarija .

    L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni

    Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet kompetittivi u ekwi. Din hija inforzata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, flimkien mal-Kummissjoni. Id- Direttiva NEK+ iżżid is-setgħat u l-effettività tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, filwaqt li ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Sabiex tinforza d-Direttiva, il-Kummissjoni ressqet lill- Estonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra r- Rumanija .

    Tassazzjoni indiretta     għal ambjent tan-negozju ġust

    Ir-regoli tal-UE dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazji tas-sisa jiżguraw li n-negozji jkunu jistgħu jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku kollu, u li t-taxxi jitħallsu meta jkunu dovuti. F’oqsma mingħajr regoli komuni, bħat-tassazzjoni tal-vetturi, il-Kummissjoni timmonitorja li l-Istati Membri ma joħolqux ostakoli diskriminatorji għan-nies u għall-karozzi meta jiċċaqilqu fl-UE.

    Il-Kummissjoni segwiet proċedimenti ta’ ksur kontra Spanja talli naqset milli tittrasponi l- qafas komuni rivedut għall-prodotti tas-sisa u r- regoli riveduti għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol . B’mod ġenerali, l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni kisbet riżultati: 21 proċedura ta’ ksur setgħu jingħalqu peress li disa’ Stati Membri kienu lestew it-traspożizzjoni taż-żewġ settijiet ta’ regoli. Fir-rigward tat-traspożizzjoni tar- regoli dwar it-trattament tal-VAT u tad-dazju tas-sisa tal-isforzi tad-difiża mwettqa fl-UE , il-Kummissjoni għalqet ukoll il-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Belġju, il-Greċja, Spanja, l-Awstrija u l-Portugall.

    Il- qafas komuni rivedut għall-prodotti tas-sisa jissimplifika r-regoli għall-moviment tal-alkoħol, tat-tabakk u tal-prodotti tal-enerġija. Ir- regoli riveduti għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol jistabbilixxu sistema komuni ta’ ċertifikazzjoni għall-produtturi ż-żgħar.

    Wara lment, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l- Portugall għan-nuqqas ta’ konformità tiegħu mad- definizzjoni tal-UE ta’ nbid għal skopijiet ta’ dazju tas-sisa, li għandha impatt fuq it-trattament tat-taxxa ta’ ċertu xorb alkoħoliku. Skont id-dritt tal-UE, prodotti b’qawwa ta’ bejn 15 % u 18 % alkoħol skont il-volum jistgħu jiġu inklużi biss fil-kategorija tal-inbid jekk ma jseħħ l-ebda arrikkiment għall-produzzjoni tagħhom. Madankollu, il-Portugall jittratta l-prodotti arrikkiti bħala nbid u japplika b’mod żbaljat rata żero.

    F’każijiet ta’ nuqqas ta’ pagament tal-prezz inizjali tal-oġġetti u s-servizzi (pereżempju meta kumpanija tkun fi proċedura ta’ insolvenza), id- Direttiva dwar il-VAT tirrikjedi li l-Istati Membri jnaqqsu l-ammont li fuqu tiġi applikata l-VAT abbażi tal-kundizzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni daħlet fi djalogu tal-EU Pilot ma’ Spanja dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli, biex tiżgura li l-VAT tinġabar fuq l-ammont korrett mingħajr ma timponi kundizzjonijiet sproporzjonati fuq in-negozji. Il-proċess tal-EU Pilot ingħalaq b’suċċess wara li Spanja ħadet miżuri biex tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mar-regoli tal-UE.

    Fl-2023, il-miżuri ta’ infurzar tal-Kummissjoni fil-liġi tat-taxxa tal-UE ġabu benefiċċji tanġibbli għan-nies u għan-negozji. Pereżempju, ir-Rumanija ħallset lura lin-nies it-taxxi ta’ reġistrazzjoni li kienu ġew imposti b’mod żbaljat fuq karozzi użati miksuba minn Stati Membri oħrajn. Il- Greċja neħħiet l-eżenzjoni mill-VAT fuq is-servizzi postali kummerċjali pprovduti mill-fornitur tas-servizz universali nazzjonali. In-negozji issa jistgħu jikkompetu b’mod ġust ma’ xulxin u joffru għażla usa’ ta’ servizzi postali kummerċjali lill-konsumaturi, bi prezzijiet kompetittivi. Barra minn hekk, wara djalogi ta’ suċċess tal-EU Pilot, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, is-Slovenja u l-Finlandja issa jiffaċilitaw l- irkupru tat-talbiet tat-taxxa billi jwieġbu minnufih u b’mod akkurat għat-talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħrajn.

    F’Settembru 2023, wara azzjoni ta’ infurzar mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju Unit ma kienx ħa passi biex jikkonforma mas-sentenza preċedenti tagħha dwar immarkar mhux korrett tal-fjuwil. Il-Qorti obbligat lir-Renju Unit iħallas penali finanzjarja. 

    Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-VAT ma titħallasx fuq merkanzija esportata barra mill-UE. L-operaturi mhux tal-UE li jesportaw mill-Bulgarija ma setgħux jippreżentaw id-dokument doganali mitlub mill-amministrazzjoni nazzjonali u konsegwentement kellhom iħallsu l-VAT. Wara djalogu ta’ suċċess tal-EU Pilot, il-Bulgarija ħadet passi biex tiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli. 

    Tassazzjoni diretta li tippromwovi s-suq uniku

    Is-suq uniku jiggarantixxi li n-nies u n-negozji jkollhom il-libertà li jiċċaqalqu, joperaw u jinvestu bejn il-fruntieri nazzjonali. Madankollu, ir-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni diretta ma humiex armonizzati bis-sħiħ fl-UE kollha. Id-differenzi bejn is-sistemi tat-taxxa nazzjonali jwasslu għal ostakoli fis-suq uniku u għal mogħdijiet għal ippjanar aggressiv tat-taxxa u evitar tat-taxxa.

    Id- Direttiva dwar ir-regoli kontra l-prattiki tal-evitar tat-taxxa għandha l-għan li toħloq livell minimu ta’ protezzjoni kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva fl-UE kollha, filwaqt li tiżgura ambjent aktar ġust u aktar stabbli għan-negozji. Fl-2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Belġju u lil- Lussemburgu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ttrasponew b’mod mhux korrett id-Direttiva. Il-Kummissjoni għalqet b’suċċess każ ta’ ksur kontra Spanja peress li kienet lestiet it-traspożizzjoni tar- regoli dwar it-taxxa ta’ ħruġ .

    Fl-2023, il-Kummissjoni ħadet azzjoni ulterjuri ta’ infurzar wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sabet li l-Belġju kiser id-dritt tal-UE billi ċaħad lil kontribwenti mhux residenti li jaqilgħu anqas minn 75 % tal-introjtu tagħhom minn madwar id-dinja fil-Belġju d-dritt li jnaqqsu l-pagamenti ta’ manteniment tagħhom mill-introjtu taxxabbli tagħhom. Il-Belġju naqas milli jġib il-leġiżlazzjoni tiegħu f’konformità mal-ewwel sentenza tal-Qorti, u għalhekk f’Novembru 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti għat-tieni darba .

    Id- Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni introduċiet regoli ġodda dwar it-trasparenza tat-taxxa għat-tranżazzjonijiet fuq il-pjattaformi diġitali . Dawn se jgħinu lill-Istati Membri jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn għandha titħallas it-taxxa, filwaqt li jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa jew ir-rapportar ħażin. Biex tissokta t-traspożizzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra 14-il Stat Membru u ħadet passi ulterjuri f’każijiet kontra l- Belġju, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il- Polonja u l-Portugall . Il-miżuri ta’ infurzar kienu ta’ suċċess, minħabba li sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur. 

    Bħala riżultat tal-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni u t-tneħħija ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-UE, Spanja neħħiet l-obbligu għall-kontribwenti mhux residenti mill-UE li jaħtru rappreżentant tat-taxxa. Dan l-obbligu impona kostijiet addizzjonali fuq il-kontribwenti mhux residenti, u skoraġġihom milli jibdew attivitajiet jew milli jinvestu fi Spanja.

    Wara skambji informali mal-Kummissjoni, diversi Stati Membri allinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mar-regoli tal-UE dwar it-tassazzjoni diretta. Il-Litwanja rrimedjat it-traspożizzjoni mhux korretta tagħha tar- regoli kontra l-evitar tat-taxxa fuq id-diskrepanzi ibridi . Ir-Rumanija kkoreġiet it-traspożizzjoni mhux xierqa tagħha tar-regoli dwar l- iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni , u rrimedjat is-sitwazzjoni tas-settur tal-ospitalità, li ma setax jibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxi f’ras il-għajn fuq il-pagamenti bejn kumpaniji assoċjati skont id- Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji .

    Wara lment, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti ta’ ksur kontra l- Iżvezja dwar it-tassazzjoni preliminari fuq l-introjtu. L-Iżvezja tirrestrinġi b’mod mhux iġġustifikat il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE ).

    Dwana sigura u sempliċi

    Il- Kodiċi Doganali tal-Unjoni jiddefinixxi l-qafas legali għar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-UE, adattat għal mudelli kummerċjali moderni u għodod ta’ komunikazzjoni.

    L-istrateġija ta’ infurzar tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dwana ffokat fuq l-applikazzjoni korretta u uniformi tal-Kodiċi. Għamlet hekk billi eżaminat il-problema ta’ sottovalutazzjoni tal-merkanzija, ivvalutat is-sistemi tal-IT fiż-żona doganali fl-Istati Membri, identifikat l-imposti b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali fl-UE u sabet irregolaritajiet fl-applikazzjoni tar- Regolament dwar il-Kontrolli fuq Flus Kontanti .

    Fl-2023, fil-qasam tat-tariffi postali għar-rappreżentanza doganali, il-Kummissjoni ffokat investigazzjoni trażversali li tkopri l-Istati Membri kollha dwar l- applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar kunsinni postali ta’ valur baxx.

    Il-ħolqien ta’ Ewropa ekoloġika, sostenibbli u prospera

    Din hija s-saħħa tar-risposta tal-Ewropa għat-tibdil fil-klima. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jipprovdi l-qafas, inċentivi u investiment meħtieġ – iżda huma n-nies, l-inventuri u l-inġiniera li se jiżviluppaw is-soluzzjonijiet.

    Il-President von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023


    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan direzzjonali tal-UE biex tiġi indirizzata t-theddida tripla tal-kriżijiet tal-klima, ambjentali u tal-bijodiversità. L-UE għandha l-għan li tipprovdi enerġija nadifa, affordabbli u sigura, biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha u tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku. Fl-2023, il-miżuri ta’ infurzar tal-Kummissjoni ppromwovew l-arja, l-ilma u t-trasport nodfa, u ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri u lill-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni. Din kisbet progress fl-unjoni tal-enerġija tal-UE u kompliet bil-ħidma biex l-enerġija nukleari tinżamm sikura.

    L-azzjoni klimatika 

    Ir- Regolament dwar il-Governanza  jistabbilixxi regoli komuni għall-ippjanar, ir-rapportar u l-monitoraġġ biex jgħin lill-UE tilħaq il-miri tagħha għall-klima u l-enerġija għall-2030. Dan jiżgura wkoll rapportar xieraq, f’waqtu u koerenti mill-UE skont il- Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l- Ftehim ta’ Pariġi .

    Ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw strateġiji fit-tul  b’perspettiva ta’ mill-anqas 30 sena, biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal- miri klimatiċi tal-UE . Fl-2023, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedimenti ta’ ksur kontra l- Polonja u r- Rumanija  talli naqsu milli jinnotifikaw dwar strateġiji bħal dawn lill-Kummissjoni.

    L-Istati Membri jridu wkoll iħejju u jaġġornaw il- pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima ta’ 10 snin, li jiddeskrivu l-pjan direzzjonali tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-unjoni tal-enerġija, inkluża d-dekarbonizzazzjoni. Il-Kummissjoni bdiet djalogi ta’ qabel il-ksur ma’ 11-il Stat Membru li ma ppreżentawx l-abbozzi aġġornati tal-pjanijiet għall-2021-2030 fil-ħin. B’mod ġenerali, id-djalogi kienu ta’ suċċess u l-maġġoranza tal-Istati Membri kkonċernati ppreżentaw il-pjanijiet aġġornati tagħhom. Tlieta mid-djalogi rriżultaw fi proċedimenti ta’ ksur, jiġifieri kontra l- Bulgarija , l- Awstrija u l- Polonja . 

    Trasport nadif

    It-trasport urban sostenibbli u l-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u jsaħħu l-ekonomija tal-UE. L-objettiv huwa li jittejjeb it-trasport filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu l-konġestjoni, l-aċċidenti u t-tniġġis fil-bliet Ewropej.

    Fl-2023, il-Kummissjoni ressqet lill- Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset milli tittrasponi r- regoli tal-UE li jistabbilixxu miri nazzjonali minimi għall-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa. Dawn il-miri huma partikolarment rilevanti għax-xarabanks urbani, fejn l-akkwist pubbliku jirrappreżenta madwar 70 % tas-suq. Il-Kummissjoni għalqet każijiet ta’ ksur kontra ċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja, li kienu lestew it-traspożizzjoni ta’ dawn ir-regoli.

    Arja u ilma nodfa

    Il-Kummissjoni talbet lil 12-il Stat Membru biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-impenji ta’ tnaqqis tagħhom għal diversi sustanzi niġġiesa atmosferiċi f’konformità mar- regoli tal-UE . Il-Kummissjoni infurzat ukoll il- leġiżlazzjoni tal- UE dwar il-monitoraġġ tat-tniġġis tal-arja.

    Sabiex tipproteġi lin-nies mill-ħsejjes ambjentali, il-Kummissjoni talbet lil Franza u lill- Greċja jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni u/jew direzzjonali dwar il-ħsejjes. Hija ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri kontra l- Latvja u l- Awstrija talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ ir- regoli tal-UE f’dan il-qasam.

    Skont il-politika tal-UE dwar l-ilma, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li naqas milli jieħu azzjoni suffiċjenti dwar it-tniġġis min-nitrati fil-Wallonia. Il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-każ qabel tmiem l-2023 peress li l-Belġju kien kiseb konformità mar-regoli tal-UE. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tressaq lill- Greċja quddiem il-Qorti minħabba li naqset milli tipprovdi mapep aġġornati tar-riskju ta’ għargħar u tal-periklu ta’ għargħar. Il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri kontra tmien Stati Membri li ma kinux lestew ir-rieżami tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-ilma tagħhom u/jew tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju tal-għargħar. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ressqet lil Spanja quddiem il-Qorti minħabba n-nuqqasijiet fit-trattament tal-ilma mormi.

    Il-politika tal-UE dwar l-arja nadifa għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-arja u tindirizza t-tniġġis tal-arja, biex tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. It-tniġġis tal-arja huwa l-problema ewlenija tas-saħħa ambjentali fl-UE. Dan jikkawża mard serju bħall-ażma, problemi kardjovaskulari u kanċer tal-pulmun, u l-gruppi vulnerabbli huma dawk l-aktar affettwati.

    Il-politika tal-UE dwar l-ilma tipproteġi r-riżorsi tal-ilma, l-ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-baħar, u tiżgura li l-ilma tax-xorb u tal-għawm tagħna jkun nadif. Id- Direttiva Qafas dwar l-Ilma tipprovdi l-qafas ewlieni u l-objettivi għall-politika dwar l-ilma fl-UE

    Il-protezzjoni tal-bijodiversità 

    Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Bulgarija , lill- Irlanda , lill- Greċja , lill- Italja , lill- Latvja u lill- Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jipprevjenu speċijiet aljeni invażivi milli jagħmlu ħsara lin-natura Ewropea. Hija ressqet ukoll lill- Irlanda quddiem il-Qorti talli naqset milli tadotta u tinnotifika l-penali meħtieġa skont ir- regoli tal-UE dwar speċijiet aljeni invażivi. Il-każijiet kontra l-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja u l-Portugall ingħalqu fl-2023 peress li dawn il-pajjiżi kienu kisbu konformità mad-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fi proċedura kontra l- Estonja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni korretta tad- Direttiva dwar il-Ħabitats , b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta’ qtugħ tas-siġar għall-injam f’siti ta’ Natura 2000.

    Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqas milli jittrasponi b’mod korrett id- Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali . Il-każ ingħalaq aktar tard fl-2023 peress li l-Portugall kien għamel il-bidliet legali meħtieġa.

    Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, l- istrateġija dwar il-bijodiversità għall-2030 hija l-pjan tal-UE li jpoġġi l-bijodiversità fit-triq lejn l-irkupru sal-2030. Din fiha impenji u miżuri speċifiċi biex tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi, filwaqt li tibni fuq il-liġijiet eżistenti dwar in-natura.

    Il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari

    Il-Kummissjoni ressqet lill- Greċja , lill- Kroazja , lis- Slovakkja u lis- Slovenja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jirriabilitaw u jagħlqu l-landfills. Hija talbet ukoll lis- Slovakkja biex tikkonforma mad- Direttiva Qafas dwar l-Iskart fir-rigward ta’ 67 sit tal-iskart abbandunat. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra sitt Stati Membri talli ttrasponew b’mod mhux korrett dawn ir-regoli fil-liġi nazzjonali.

    Il-Kummissjoni għalqet każ kontra s-Slovenja li jikkonċerna 20 landfill illegali peress li dawn kienu ngħalqu u ġew riabilitati gradwalment. Il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni motivata skont l-Artikolu 259 tat-TFUE wara lment imressaq mill- Polonja kontra l-Ġermanja dwar vjeġġi illegali ta’ skart mill-Ġermanja lejn il-Polonja.

    L-UE għandha l-għan li tagħmel tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari biex issir aktar nadifa u aktar kompetittiva. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari se tnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u toħloq tkabbir u impjiegi sostenibbli. Huwa meħtieġ li tintlaħaq il-mira tal-UE għan-newtralità klimatika għall-2050 u li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. Il- Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari huwa element kostitwenti ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    Agrikoltura sostenibbli li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-ikel

    Il- politika agrikola komuni tal-UE għandha l-għan li tiżgura l-provvista tal-ikel fl-UE, tistabbilizza s-swieq agrikoli u tiggarantixxi introjtu ġust għall-bdiewa. Din tgħin ukoll biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità.

    Mill-2023, l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ pjanijiet strateġiċi nazzjonali dwar kif jużaw l-appoġġ finanzjarju tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-applikazzjoni korretta tal-pjanijiet tagħhom. Oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni mill-qrib biex jiġu implimentati r-regoli tal-UE huma l- biedja organika u l- protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

    Il-miżuri ta’ infurzar tal-Kummissjoni kienu jfissru li l-Istati Membri kollha ttrasponew id- Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari . Il-Kummissjoni organizzat djalogi ma’ 22 Stat Membru biex tiżgura li t-traspożizzjoni ma tkunx kompluta biss, iżda korretta wkoll.

    Is-sajd sostenibbli u l-ippjanar tal-ispazju marittimu

    Il- politika komuni tas-sajd tal-UE għandha l-għan li tiżgura sostenibbiltà fit-tul għas-sajd u l-akkwakultura, li tikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Għandha wkoll l-objettiv li żżomm standard ta’ għajxien ġust għal dawk li jiddependu mis-sajd. Il-politika tiffoka fuq iż-żamma tal-istokkijiet tal-ħut permezz ta’ miżuri bħar-restrizzjoni tal-kapaċità tal-flotta u l-iffissar ta’ limiti tal-qbid. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistemi ta’ kontroll u ta’ infurzar biex jiżguraw li dawn il-miżuri jiġu implimentati bis-sħiħ.

    Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fi proċedura kontra l- Kroazja dwar nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll nazzjonali għall-farms tat-tonn. Hija għalqet każ kontra d-Danimarka, li kienet kisbet konformità mal-obbligi ta’ rapportar tal-użin u tal-qbid tal-UE.

    Il- pjanijiet tal-ispazju marittimu jippromwovu t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi u l-użu f’saħħtu tar-riżorsi tal-baħar. Il-Kummissjoni talbet lill- Greċja , lill- Kroazja , lill- Italja , lil Ċipru , lill- Portugall u lir- Rumanija biex ifasslu u jibagħtu l-pjanijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-proċeduri kontra l-Bulgarija u Spanja peress li kienu kkonformaw ma’ dan l-obbligu.

    Governanza ambjentali

    L-involviment tan-nies fi kwistjonijiet ambjentali huwa kruċjali għat-titjib tal-konformità ambjentali u għall-kisba ta’ ambjent aktar f’saħħtu. Il-Kummissjoni talbet lill- Awstrija biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, f’konformità mal- Konvenzjoni ta’ Aarhus . Kienet kapaċi tagħlaq każ kontra Franza peress li kienet kisbet konformità mar- regoli tal-UE , u b’hekk tejbet l-aċċess tan-nies għall-informazzjoni ambjentali. Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fi proċedura kontra l- Bulgarija talli naqset milli tneħħi l-ostakoli għall-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal- pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja .

    Enerġija nadifa u affordabbli

    Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l- Kroazja għar-restrizzjoni tal-esportazzjoni tal-gass, u kontra r- Rumanija għar-restrizzjoni tal-esportazzjoni tal-elettriku.

    Is-suq tal-enerġija tal-UE integrat huwa l-aktar mod kosteffettiv biex jiġu żgurati provvisti tal-enerġija siguri u affordabbli għan-nies u għan-negozji. Regoli komuni u infrastruttura transfruntiera jagħmluha possibbli li l-enerġija prodotta f’pajjiż wieħed tal-UE titwassal lill-konsumaturi f’pajjiż ieħor. Il-kompetizzjoni u għażla akbar ta’ fornituri tal-enerġija għall-konsumaturi jżommu l-prezzijiet taħt kontroll. Suq integrat jgħin ukoll biex tittejjeb is-sostenibbiltà.

    Sabiex tikseb traspożizzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE fil-liġijiet nazzjonali, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedimenti ta’ ksur tagħha kontra:

    - Franza , Malta , in- Netherlands , il- Polonja u l- Portugall dwar id- Direttiva emendatorja dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija ;

    -L- Ungerija dwar id- Direttiva emendatorja dwar l-Effiċjenza Enerġetika ;

    - kontra   10   Stati   Membri   dwar   id- Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli  ( REDII ); u

    -kontra 13-il   Stat   Membru dwar id- Direttiva dwar l-Elettriku .

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq 23 każ ta’ ksur peress li l-Istati Membri kienu lestew it-traspożizzjoni ta’ dawn id-Direttivi.

    Il-Kummissjoni mmonitorjat l-implimentazzjoni tal- pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha . L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-pakkett hija pass importanti lejn l-applikazzjoni tal- pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l- pjan REPowerEU.  

    Iż-żamma sikura tal-enerġija nukleari 

    Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra   tmien   Stati   Membri talli naqsu milli jittrasponu b’mod korrett il- leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni . Il-każijiet kontra l-Bulgarija, l-Irlanda, Franza, il-Litwanja u l-Lussemburgu setgħu jingħalqu fl-2023, peress li dawn il-pajjiżi kienu aġġustaw ir-regoli nazzjonali u pprovdew kjarifiki addizzjonali.

    Il-Kummissjoni għalqet ukoll każijiet kontra d-Danimarka, il-Kroazja, in-Netherlands u l-Polonja dwar it-traspożizzjoni tad- Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv wara li kienu tejbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali. It-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva tgħin biex tiġi żgurata l-ġestjoni sikura u responsabbli tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, filwaqt li tipproteġi lin-nies u lill-ambjent kontra r-riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari.

    L-enerġija nukleari jista’ jkollha rwol pożittiv fl-ilħuq tal-miri klimatiċi u fl-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, iżda jridu jintlaħqu l-ogħla livelli ta’ sikurezza nukleari u ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni. Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali tal-Euratom dwar is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-pazjenti u tal-pubbliku mir-radjazzjoni jonizzanti u fuq l-iżgurar li l-iskart radjuattiv jiġi ttrattat b’mod sikur.

    Ewropa lesta għall-era diġitali

    Meta niġu biex nagħmlu negozju u l-ħajja aktar faċli, rajna kemm hija importanti t-teknoloġija diġitali. Huwa sinifikanti li qbiżna bil-kbir il-mira ta’ investiment ta’ 20 % fi proġetti diġitali ta’ NextGenerationEU. L-Istati Membri użaw dak l-investiment biex jiddiġitalizzaw il-kura tas-saħħa, is-sistema tal-ġustizzja jew in-network tat-trasport tagħhom.

    Il-President von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023

    L-UE tappoġġa viżjoni sostenibbli u ċċentrata fuq il-bniedem għas-soċjetà diġitali li tagħti s-setgħa lin-nies u lin-negozji. Is-soċjetà diġitali u t-teknoloġiji diġitali jġibu magħhom libertajiet u drittijiet ġodda, flimkien ma’ opportunitajiet ġodda ta’ apprendiment, divertiment u xogħol. Fl-2023, il-Kummissjoni infurzat ir-regoli tal-UE biex tippromwovi t-teknoloġija filwaqt li tiżgura ambjent diġitali miftuħ, ġust u sostenibbli.

    Teknoloġija li taħdem għan-nies

    Il- Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jimmodernizza r-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-industrija. Fl-2023, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq każijiet kontra l-Estonja, Spanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Il-Kodiċi huwa traspost bis-sħiħ fil-liġi nazzjonali f’24 Stat Membru. Kuntratti tal-konsumatur aktar ċari, kwalità aħjar tas-servizzi u dinamika kompetittiva b’saħħitha fis-swieq se jagħtu spinta lill-investimenti fil-konnettività filwaqt li jipproteġu lill-utenti Ewropej.

    Ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva

    Ir- Regolament tal-Pjattaformi fil-Konfront tan-Negozji huwa l-ewwel sett ta’ regoli li qatt sar għall-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju ġust, trasparenti u prevedibbli għal negozji u għal negozjanti iżgħar fuq pjattaformi online. Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra tmien Stati Membri talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. Minn dawn it-tmien każijiet, il-Kummissjoni għalqet b’suċċess każijiet kontra ċ-Ċekja u l-Portugall, u ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri kontra l- Ungerija u l-Litwanja .

    Id- Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali u d- Direttiva dwar il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju online jimmodernizzaw ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u jippermettu lill-konsumaturi u lill-kreaturi jisfruttaw bl-aħjar mod id-dinja diġitali. Il-Kummissjoni ressqet lill- Bulgarija , lid- Danimarka , lill- Finlandja , lil- Latvja , lill- Polonja u lill- Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kienu għadhom lura fit-traspożizzjoni ta’ mill-anqas waħda miż-żewġ Direttivi. Din l-azzjoni ta’ infurzar kienet tfisser li sal-aħħar tal-2023, il-Polonja biss kienet għadha ma għamlitx it-traspożizzjoni taż-żewġ Direttivi.

    Soċjetà diġitali miftuħa, demokratika u sostenibbli

    Id-Direttiva riveduta dwar is- Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tippromwovi kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha fis-settur awdjoviżiv. Dawn jinkludu x-xandara tradizzjonali tat-televiżjoni u l-fornituri tas-servizzi fuq talba. Xi regoli jestendu wkoll għal pjattaformi ta’ video-sharing. Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb xenarju awdjoviżiv aktar sikur, aktar ġust u aktar varjat. 

    Il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-proċeduri ta’ ksur kontra ċ-Ċekja, l-Estonja, Franza, il-Kroazja, is-Slovenja u s-Slovakkja peress li dawn il-pajjiżi kienu lestew it-traspożizzjoni tad-Direttiva.

    L- Att dwar is-Servizzi Diġitali  jistabbilixxi regoli komuni li japplikaw fis-suq uniku kollu, inklużi obbligi ta’ diliġenza dovuta fuq attivitajiet online illegali u dannużi u diżinformazzjoni. Dan jistabbilixxi standard mingħajr preċedent għar-responsabbiltà ta’ intermedjarji online ewlenin, inklużi pjattaformi online. Il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fit-tħejjija għall-applikazzjoni tal-liġi l-ġdida. Adottat ukoll lista ta’ 17-il pjattaforma online kbira ħafna u żewġ magni tat-tiftix kbar ħafna . Dawn il-fornituri kellhom jikkonformaw mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali aktar kmieni minn oħrajn, diġà f’Awwissu 2023, għall-benefiċċju tal-utenti kollha fl-UE. 

    Il-promozzjoni tal-ekonomija tad-

    Id- Direttiva dwar id-Data Miftuħa għandha l-għan li tagħmel aktar mid-data prodotta u ffinanzjata mis-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid minn kulħadd għal kwalunkwe skop ġdid. Din tistimula l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet intensivi fid-data bħall-apps tat-temp jew tat-trasport, li spiss jużaw data dinamika. Din iżżid it-trasparenza billi tiftaħ l-aċċess għad- minn riċerka ffinanzjata pubblikament, u tappoġġa teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali.

    Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri ta’ ksur kontra erba’ Stati   Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Latvja u n-Netherlands) u ressqithom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-proċedimenti ta’ ksur kontra Stati Membri oħrajn peress li dawn kienu nnotifikaw traspożizzjoni sħiħa lill-Kummissjoni.

    L-iffaċilitar ta’ operazzjonijiet transfruntieri mill-kumpaniji

    Il- liġi tal-kumpaniji tal-UE tipprovdi qafas legali prevedibbli biex jgħin lill-kumpaniji tal-UE joperaw bejn il-fruntieri u jiffaċċjaw sfidi ġodda f’dinja dejjem aktar diġitali. L-adozzjoni tad- Direttiva dwar id-Diġitalizzazzjoni kienet pass importanti lejn id-diġitalizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji. Din tnaqqas ukoll il-kostijiet għall-kumpaniji billi tippermetti lill-intraprendituri jistabbilixxu negozji ġodda u jaġġornaw l-informazzjoni tagħhom fir-reġistri kummerċjali kompletament online. Id- Direttiva dwar il-Mobbiltà Transfruntiera tistabbilixxi proċeduri ċari għall-fużjoni, id-diviżjoni jew il-moviment transfruntier biex tappoġġa lill-kumpaniji meta jespandu jew jirristrutturaw fis-suq uniku.

    B’mod ġenerali, 23 Stat Membru kienu ttrasponew id-Direttiva dwar id-Diġitalizzazzjoni sal-aħħar tal-2023. Il-Kummissjoni ħadet il-passi li jmiss fil-proċeduri kontra l- Bulgarija u Ċipru talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva. Il-Kummissjoni fetħet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra 11-il Stat Membru talli ma ttrasponewx uħud mir-regoli tad-Direttiva, li kellhom skadenza ta’ implimentazzjoni itwal. Peress li 20 Stat Membru ma ttrasponewx id-Direttiva dwar il-Mobbiltà Transfruntiera fil-ħin, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur. Sa tmiem l-2023, total ta’ 19-il Stat Membru kienu ttrasponew dawn ir-regoli.

    Sistemi tat-trasport diġitali

    Fis-settur tat-trasport bit-triq, id- Direttiva dwar is-Sistema Ewropea ta’ Pedaġġ Elettroniku tiżgura li s-servizzi ta’ pedaġġ ikunu interoperabbli fit-toroq kollha fl-UE. Din tagħmilha possibbli li l-utenti tat-triq iħallsu l-pedaġġ faċilment fl-UE kollha b’kuntratt ta’ abbonament wieħed biss ma’ fornitur ta’ servizz wieħed u b’unità abbord waħda. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Bulgarija u lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom. Hija kompliet proċeduri ta’ ksur kontra d- Danimarka , il- Greċja , il- Finlandja u l- Iżvezja  għall-istess kwistjoni.

    Fis-settur tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra Is-Slovakkja talli naqset milli tikkonforma mar- regoli tal-UE dwar l-operat ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. Fetħet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra 17-il Stat Membru talli naqsu milli jiżguraw konformità mar- Regolament tal-Proġett Komuni Wieħed . Dan ir-regolament jiżgura l-implimentazzjoni sinkronizzata ta’ proċeduri u ta’ soluzzjonijiet tekniċi, li hija essenzjali għall-prestazzjoni tajba tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fin-network kollu tal-Ajru Uniku Ewropew.

    Nibnu Ewropa ġusta u soċjali

    Il-futur tal-kontinent tagħna jiddependi fuq l-għażliet li nagħmlu llum. Jiddependi fuq il-passi li nieħdu llum biex nikkompletaw l-Unjoni tagħna. In-nies tal-Ewropa jridu Unjoni li taqbeż għalihom fi żmien ta’ kompetizzjoni kbira għall-poter. Iżda wkoll Unjoni li tipproteġihom u li tkun maġenbhom bħala sieħeb u alleat fil-battalji ta’ kuljum tagħhom.

    Il-President von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023

    L-UE tisħaq għal irkupru ekonomiku u għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali li huma soċjalment ġusti u korretti. Ir-regoli tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs fil-ħajja u jkun jista’ jibbenefika mill-istess drittijiet soċjali. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni, fl-2023, ħadet miżuri ta’ infurzar biex tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u biex tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Hija indirizzat id-diskriminazzjoni li timmina l-moviment liberu tal-ħaddiema u kisbet implimentazzjoni usa’ tar-regoli tal-UE għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja.

    Il-liġi tax-xogħol

    Il-liġi tax-xogħol tal-UE tipproteġi lill-impjegati fir-relazzjoni tagħhom mal-impjegaturi tagħhom. Dawn ir-regoli jiżguraw ħinijiet tax-xogħol u perjodi ta’ mistrieħ sostenibbli, trattament ekwu ta’ ħaddiema prekarji u kunsiderazzjoni xierqa għall-impjegati f’każ ta’ insolvenza.

    Il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad- Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol . Is-sejbiet juru stampa ġeneralment pożittiva tal-implimentazzjoni nazzjonali. Il- Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva, biex iġġib ċarezza u ċertezza legali lill-partijiet ikkonċernati.

    Sabiex tinforza r- regoli tal-UE dwar ix-xogħol għal żmien fiss , il-Kummissjoni ħadet azzjoni ulterjuri kontra l-Italja , inkluż dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal- maġistrati onorarji . L-għan kien li tipprevjeni l-abbuż ta’ kuntratti għal terminu fiss u tevita kundizzjonijiet diskriminatorji tal-impjieg fis-settur pubbliku. Il-Kummissjoni indirizzat ukoll id-diskriminazzjoni potenzjali ta’ ħaddiema għal terminu fiss fil-Polonja fi djalogu tal-EU Pilot. Il-Polonja sussegwentement emendat ir-regoli tagħha dwar it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ impjieg biex tiżgura li l-ħaddiema għal terminu fiss ma jiġux iddiskriminati.

    Id- Direttiva dwar il-Paga Minima l-ġdida tistabbilixxi qafas komuni għal pagi minimi xierqa fl-UE. Sabiex tippromwovi t-traspożizzjoni korretta tagħha mill-bidu nett, ferm qabel l-iskadenza tat-traspożizzjoni tal-15 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri billi pprovdiet gwida fir- rapport maħruġ mill-grupp ta’ esperti speċjalisti .

    L-infurzar ta’ regoli dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u impjieg ekwu huwa kruċjali għat-titjib tal-benessri tan-nies u għall-funzjonament tas-suq uniku. Prinċipju ewlieni huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.

    Saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol 

    L-UE żviluppat ammont estensiv ta’ regoli dwar is- saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri jwasslu għal forza tax-xogħol f’saħħitha u produttiva, li tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-UE.

    Il-Kummissjoni kompliet id-djalogu tal-EU Pilot tagħha ma’ ħames Stati Membri biex iġġib miżuri nazzjonali f’konformità mar- Raba’ Lista ta’ Valuri tal-Limitu Indikattivi tal-Espożizzjoni Minħabba x-Xogħol skont id-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi. B’riżultat ta’ dan, l-Ungerija u n-Netherlands kisbu konformità mad-Direttiva, filwaqt li ċ-Ċekja u l-Polonja impenjaw ruħhom li dalwaqt iressqu l-liġijiet nazzjonali tagħhom f’konformità mar-regoli tal-UE. Madankollu, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l- Ġermanja .

    Il-Kummissjoni kompliet ukoll id-djalogu tal-EU Pilot tagħha ma’ 13-il Stat Membru dwar it-traspożizzjoni tal-ewwel emenda li taġġorna d- Direttiva dwar il-Karċinoġeni, il-Mutaġeni jew is-Sustanzi Reprotossiċi . Wara dan id-djalogu, sitt Stati Membri kisbu konformità mad-Direttiva u tlieta impenjaw ruħhom li jġibu l-liġijiet nazzjonali tagħhom f’konformità mar-regoli tal-UE. Id-djalogu mal-erba’ Stati Membri li jifdal ikompli. Il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogu tal-EU Pilot ma’ 14-il Stat Membru biex tiżgura konformità mad- Direttiva dwar l-Aġenti Bijoloġiċi aġġornata.

    Il-Kummissjoni għalqet tliet proċeduri ta’ ksur peress li l-Ġermanja, Ċipru u l-Awstrija kienu ttrasponew ir-regoli tal-UE fil-liġi nazzjonali. L-atti kkonċernati kienu rispettivament id- Direttiva dwar il-Postijiet ta’ Kostruzzjoni , id- Direttiva dwar it-Trattament Mediku Abbord Bastimenti u d- Direttiva dwar it-Tagħmir ta’ Protezzjoni Personali . B’konsegwenza ta’ dan, il-ħaddiema jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri.

    Mobbiltà tal-forza tax-xogħol

    Il- moviment liberu tal-ħaddiema huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali tal-UE. Dan jinkludi d-dritt għax-xogħol u għar-residenza għal dan il-għan fi Stat Membru ieħor, li wieħed ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor, u li jibqa’ hemmhekk anke wara li jkun intemm l-impjieg. Il-ħaddiema tal-UE jgawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini fl-aċċess għall-impjiegi, għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u għall-vantaġġi soċjali u tat-taxxa l-oħrajn kollha.

    Il-Kummissjoni ressqet lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja  minħabba r-rifjut tagħha li ttemm id-diskriminazzjoni tal-letturi tal-lingwi barranin fl-universitajiet pubbliċi, fi proċedimenti bbażati fuq petizzjoni lill- Parlament Ewropew.

    Id- Direttivi dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema jirregolaw sitwazzjonijiet li fihom impjegat jintbagħat mill-impjegatur tiegħu sabiex iwettaq servizz fi Stat Membru ieħor tal-UE fuq bażi temporanja. Dan jista’ jseħħ taħt kuntratt ta’ servizzi jew bħala parti minn stazzjonar intragrupp jew kiri permezz ta’ aġenzija temporanja.

    Fl-2023, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri ta’ ksur kontra 17-il Stat Membru talli naqsu milli jġibu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom f’konformità mar- regoli tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. B’riżultat ta’ dan, disa’ Stati Membri indikaw ir-rieda tagħhom li jindirizzaw l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

    Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

    Id- dritt tal-UE jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Dan jipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali ta’ persuni li jiċċaqilqu fl-UE. Għalhekk jikkostitwixxi element importanti biex jiġi ggarantit li l-moviment liberu tal-persuni jiġi eżerċitat b’mod effettiv.

    Wara lmenti miċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l- Greċja u l- Italja dwar il-limitazzjonijiet tal-aċċess tal-ħaddiema tal-UE għall-allowances għal tfal dipendenti. L-aċċess għalih jiddependi fuq perjodu ta’ residenza ta’ sentejn (l-Italja) jew ta’ 5 snin (il-Greċja). Barra minn hekk, fl-Italja, it-tfal iridu jkunu qed jgħixu mal-benefiċjarju. Dawn il-kundizzjonijiet jiksru r-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

    Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra l- Ġermanja (il-Bavarja) biex tagħmel indiċjar tal-benefiċċji tal-familja dipendenti fuq il-pajjiż ta’ residenza tat-tfal tal-benefiċjarju. Din l-azzjoni għandha l-għan li tipproteġi l-moviment liberu tal-ħaddiema u tindirizza diskriminazzjoni indiretta mhux iġġustifikata bbażata fuq in-nazzjonalità tal-ħaddiema migranti.

    Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri ta’ infurzar fil-qasam tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, il-ħaddiema fl-UE kollha għandhom aċċess għal 27 suq tax-xogħol u jibbenefikaw mill-istess sigurtà soċjali bħal kontribwenti oħrajn fl-Istat Membru ospitanti tagħhom.

    L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

    Id- Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata għandha l-għan li tiżgura l-ugwaljanza fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Din tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja għall-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura bejn il-ġenituri.

    F’April 2023, il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri f’każijiet ta’ ksur kontra 11-il Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-Istati Membri adottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa aktar tard fl-2023. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Belġju, lill-Irlanda u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli komplew jonqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva.

    In-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi u fl-inklużjoni

    Filwaqt li tħaddan l-ugwaljanza bħala prinċipju fundamentali tal-UE, il-Kummissjoni tippromwovi n-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi u lil hinn minnhom.

    L- Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jistabbilixxi rekwiżiti biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità u għall-persuni akbar fl-età. Ambjent fejn il-prodotti u s-servizzi jkunu aktar aċċessibbli jippermetti li jkun hemm soċjetà aktar inklużiva u jiffaċilita l-għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità.

    Sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni sħiħa tal- Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà , il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra d- Danimarka, l-Estonja u l-Italja , u ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri kontra l- Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, in-Netherlands u l-Polonja . Il-Kummissjoni nediet ukoll AccessibleEU , ċentru ta’ appoġġ biex jgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċessibbiltà.

    Nipproteġu lin-nies u l-libertajiet tagħna

    Id-demokrazija hija dwar d-dritt individwali tagħna li ninstemgħu. Iżda d-demokrazija hija wkoll ir-responsabbiltà kollettiva tagħna. Kull ġenerazzjoni ġdida hija responsabbli biex iżżomm id-demokrazija tagħna f’saħħitha. Biex issir aktar rappreżentattiva u inklużiva. Biex tiġi protetta kontra theddid intern u estern. U biex jiġu ggarantiti kontrolli u bilanċi fuq il-poter.

    Il-President von der Leyen, fl-avveniment ta’ livell għoli dwar l-elezzjonijiet fit-23 ta’ Ottubru 2023

    Il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-UE huma prijorità ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea. L-infurzar tad-dritt tal-UE huwa strumentali biex jiġu ggarantiti d-drittijiet tan-nies, u jgħin biex jiġi żgurat li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jiġu rrispettati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Fl-2023, il-Kummissjoni kompliet bl-azzjonijiet tagħha biex tiddefendi u biex tirrispetta l-istat tad-dritt kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li ħadet ukoll azzjoni speċifika f’oqsma bħall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-UE għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal minn sekwestru. Din issalvagwardjat id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-pazjenti transfruntieri, żgurat trasport aktar sikur u saħħet l-Unjoni Ewropea tas-Sigurtà.

    Insostnu l-istat tad-dritt

    Il-Kummissjoni tuża diversi għodod sabiex tipproteġi u tippromwovi l-istat tad-dritt fl-UE. L-Istati Membri ġeneralment jiżguraw standards għoljin tal-istat tad-dritt. Madankollu, hemm ukoll sfidi importanti f’xi Stati Membri, li l-Kummissjoni tindirizza billi tibbaża fuq sett ta’ għodod varjat tal-istat tad-dritt.

    Ir- Rapport dwar l-Istat tad-Dritt annwali jippreżenta kemm żviluppi pożittivi kif ukoll negattivi fl-Istati Membri kollha f’oqsma li huma kruċjali biex jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, u jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż . Ir-rapport huwa l-pedament tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt, ċiklu annwali għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt u għall-prevenzjoni milli problemi jitfaċċaw jew jaggravaw.

    Ir- Regolament dwar il-Kondizzjonalità jipproteġi l-baġit tal-UE milli jiġi affettwat minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni tapplika dan ir-Regolament strettament: fit-13 ta’ Diċembru 2023, sena wara li l-Kunsill adotta miżuri biex jipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, il-Kummissjoni evalwat mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-Ungerija. Hija kkonkludiet li l-Ungerija ma kinitx indirizzat il-kwistjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tal- miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE, u li għalhekk dawk ma setgħux jitneħħew.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-istat tad-dritt huma integrati wkoll fil-ħidma tal- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza , fejn l-Istati Membri jimplimentaw riformi rilevanti taħt il-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    Fi Frar 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur tad-dritt tal-UE mit-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk. Il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal jaffettwaw b’mod negattiv il-prinċipji fundamentali tal-ordni legali tal-UE, inkluża l-primazija tad-dritt tal-UE. F’każ ta’ ksur ieħor kontra l-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja fis- sentenza  tagħha kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timmina l-indipendenza tal-imħallfin Pollakki. Il-Polonja ħabbret l-intenzjoni tagħha li tieħu l-passi meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza.

    F’Ġunju 2023, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l- Polonja  dwar liġi li tistabbilixxi kumitat speċjali biex jinvestiga l-influwenza Russa fuq is-sigurtà interna tal-Polonja bejn l-2007 u l-2022. Il-Kummissjoni qieset li l-liġi kisret għadd ta’ dispożizzjonijiet u prinċipji tat-Trattat tal-UE, u drittijiet skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Wara l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni, il-kumitat speċjali ma bediex jaħdem u wara l-elezzjonijiet ġenerali Pollakki tal-2023, il-membri tiegħu ġew miċħuda mis-Sejm (għalkemm il-liġi li tistabbilixxi l-kumitat għad trid tiġi revokata).

    Fl-aħħar nett, it-tħassib dwar l-istat tad-dritt jista’ jiġi rifless speċifikament fi ksur tad-dritt tal-UE, li l-Kummissjoni indirizzat permezz ta’ proċeduri ta’ ksur.

    Ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni

    Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jippreżentaw theddida serja mhux biss għall-vittmi diretti, iżda anke għas-soċjetà kollha kemm hi. Dawn jimminaw il-koeżjoni soċjali billi jxerrdu l-biża’, jifirdu l-komunitajiet u jrawmu atmosfera li twassal għad-diskriminazzjoni u l-vjolenza.

    Il-Kummissjoni kompliet tiġġieled dawn ir-reati billi inforzat id- Deċiżjoni Qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali . Din il-liġi tirrikjedi l-kriminalizzazzjoni ta’ inċitament pubbliku għall-vjolenza jew għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza, l-oriġini nazzjonali jew etnika. Wara l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu u r-Rumanija rrettifikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom.

    Id- Direttivi dwar l-Ugwaljanza jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f’diversi oqsma.

    Il-Kummissjoni ressqet lis- Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset milli tindirizza b’mod effettiv il-kwistjoni tas-segregazzjoni tal-istudenti Rom fl-edukazzjoni. Id-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika fl-edukazzjoni hija kwistjoni serja b’konsegwenzi tul il-ħajja u hija pprojbita skont id- Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali .

    Il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-UE

    Il-protezzjoni tal-informaturi tippromwovi l-valuri fundamentali tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Dan minħabba li l-informaturi jesponu mġiba ħażina, jipprevjenu ħsara lill-interess pubbliku u jippromwovu t-trasparenza u r-responsabbiltà. Id- Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi tipproteġi lill-informaturi minn ritaljazzjoni għar-rapportar ta’ ksur tad-dritt tal-UE. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu mezzi effettivi għar-rapportar ta’ ksur bħal dan b’mod kunfidenzjali.

    Il-Kummissjoni ressqet liċ- Ċekja, lill-Ġermanja, lill-Estonja, lil-Lussemburgu, lill-Ungerija u lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma kinux ittrasponew dawn ir-regoli fil-liġi nazzjonali. Il-proċeduri ta’ ksur fl-istadju ta’ qabel il-litigazzjoni kienu għadhom għaddejjin ukoll kontra sitt Stati Membri oħrajn fl-aħħar tal-2023. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għalqet proċeduri ta’ ksur kontra disa’ Stati Membri peress li kienu qelbu b’mod sħiħ id-Direttiva f’liġi nazzjonali.

    Il-protezzjoni tat-tfal

    Biex tkompli tipproteġi lill-minorenni , il-Kummissjoni segwiet proċeduri ta’ ksur kontra 16-il Stat Membru għal traspożizzjoni mhux korretta tad- Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal . Il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-każijiet kontra l-Ġermanja u l-Iżvezja.

    Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra l- Polonja talli naqset milli tissodisfa l-obbligi skont ir- Regolament Brussell IIa . Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki jonqsu milli jirrikonoxxu u jinfurzaw malajr u b’mod effettiv sentenzi li jordnaw ir-ritorn ta’ tfal issekwestrati lejn Stati Membri oħrajn.

    It-tfal iridu jiġu protetti wkoll kontra l-ħtif ta’ minuri mill-ġenituri u jridu jiġu rritornati fil-post tar-residenza abitwali tagħhom mill-aktar fis possibbli. Ir- Regolament Brussell IIa jipproteġi lit-tfal f’tilwim transfruntier relatat mar-responsabbiltà tal-ġenituri u s-sekwestru tat-tfal.

    Il-kooperazzjoni fil-ġustizzja u garanziji individwali fid-dritt penali

    Il- mandat ta’ arrest Ewropew huwa l-pedament tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-ġustizzja kriminali. Sabiex dan jiġi infurzat, il-Kummissjoni ħadet passi fi proċeduri ta’ ksur kontra 10   Stati   Membri . Peress li l-Italja, Ċipru, Malta u r-Rumanija kienu emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, il-proċeduri kontrihom setgħu jingħalqu. Każ ta’ ksur ieħor, kontra l-Irlanda, intemm peress li l-pajjiż kien temm it-traspożizzjoni tar- regoli tal- UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali.

    Il-Kummissjoni kompliet ukoll timmonitorja t-traspożizzjoni tad- Direttivi dwar id-Drittijiet Proċedurali tal-UE . Hija nediet proċedimenti ta’ ksur kontra 13-il Stat Membru għal traspożizzjoni mhux kompluta tad- Direttiva dwar dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal . Kompliet bil-każijiet ta’ ksur kontra 14-il Stat Membru għal traspożizzjoni parzjali jew mhux korretta tad- Direttiva dwar id-dritt għal avukat . Il-passi li jmiss ittieħdu wkoll kontra l- Bulgarija u l-Latvja għal traspożizzjoni mhux korretta tad- dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali . 

    Il-Kummissjoni infurzat it-traspożizzjoni korretta tad- dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni għal persuni suspettati u akkużati . Hija nediet proċeduri ta’ ksur kontra l- Bulgarija u ħadet passi ulterjuri f’każijiet eżistenti kontra l- Belġju , il- Portugall , l- Iżvezja u l- Latvja . Il-Kummissjoni fetħet ukoll każijiet kontra l- Belġju , il- Bulgarija , il- Kroazja , il- Latvja u l- Ungerija għal traspożizzjoni mhux korretta tar- regoli tal-UE dwar it-tisħiħ tal-preżunzjoni tal-innoċenza .

    Il-Kummissjoni għalqet total ta’ 13-il każ peress li l-Istati Membri kienu kisbu konformità mas-salvagwardji proċedurali għall-persuni suspettati u akkużati skont id-Direttivi ta’ hawn fuq.

    Protezzjoni tal-konsumaturi

    Ir-regoli tal-UE jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi meta jixtru oġġetti, kontenut diġitali u servizzi diġitali fis-suq uniku.

    Id- Direttiva dwar l-Infurzar Aħjar u l- Modernizzazzjoni saħħet ir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Aktar trasparenza fl-avviżi tat-tnaqqis fil-prezzijiet, penali u rimedji aktar b’saħħithom għall-vittmi ta’ prattiki kummerċjali inġusti huma wħud mill-kisbiet tad-Direttiva. Bis-saħħa tal-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha lestew il-proċess li jibdlu dawn ir-regoli fil-liġi nazzjonali. Dan huwa wkoll il-każ għad- Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali u d-Direttiva dwar il-Bejgħ tal-Oġġetti . Il-Kummissjoni għalqet ukoll il-proċeduri ta’ ksur kollha li jifdal għal traspożizzjoni mhux kompluta tad- Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali u d-Direttiva dwar il-Bejgħ tal-Oġġetti , bl-eċċezzjoni ta’ Stat Membru wieħed.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja f’ sentenza kkonfermat in-nuqqas tas-Slovakkja milli tikkonforma mad- Direttiva dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19. Is-sentenza kkonfermat li s-sospensjoni tad-dritt tal-vjaġġaturi għal rifużjoni fi żmien 14-il jum wara l-kanċellazzjoni ta’ pakkett ta’ vaganza minħabba l-COVID-19 kienet qed tikser id-Direttiva.

    Id- Direttiva dwar Azzjoni Rappreżentattiva toħloq qafas ġdid għall-protezzjoni tal-konsumaturi f’sitwazzjonijiet ta’ ħsara tal-massa. Entitajiet ikkwalifikati, bħal organizzazzjonijiet tal-konsumatur jew korpi pubbliċi, jistgħu jibdew azzjoni legali biex iwaqqfu l-ksur u jfittxu rimedji xierqa għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 24 Stat Membru talli ma ttrasponewx id-Direttiva fil-ħin u diġà ħadet il-pass li jmiss fi tmienja minn dawn il-każijiet.

    Protezzjoni tad-data personali

    Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra l-Belġju minħabba nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni parlamentari biex jiġu miċħuda membri tal-awtorità Belġjana għall-protezzjoni tad-data. Din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi ksur tar- Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. F’każ ieħor, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ ksur wara li l-Belġju kien indirizza n-nuqqas ta’ indipendenza tal-membri tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data tiegħu.

    Il-protezzjoni tad- hija salvagwardja essenzjali stabbilita fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fl-2023, il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad- tal-UE fl-Istati Membri. Hija vvalutat il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar- Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u d- Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data , filwaqt li segwiet proċeduri ta’ ksur fejn kien meħtieġ.

    Trasport aktar sikur

    It-trasport bit-triq huwa l-aktar mezz ta’ vjaġġar użat. Sabiex jiġu limitati r-riskji ta’ aċċidenti fit-toroq, il-Kummissjoni ppromwoviet u infurzat ir-regoli u l-istandards tekniċi tal-UE biex jitnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet ikkawżati minn aċċidenti bħal dawn. Fl-2023, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra ċ- Ċekja u l-Awstrija talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ ir- regoli riveduti tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq. Nediet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra d- Danimarka, il-Greċja, il-Litwanja u l-Awstrija u kompliet proċeduri ta’ ksur kontra l- Bulgarija u l-Finlandja għal traspożizzjoni mhux korretta tar- regoli tal-UE dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali . Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fi proċedura ta’ ksur kontra ċ- Ċekja għat-traspożizzjoni mhux korretta tar- regoli tal-UE dwar l-istandards minimi ta’ idoneità għas-sewqan fir-rigward ta’ kundizzjonijiet kardjovaskolari.

    Fis-settur ferrovjarju, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l- Ungerija u kompliet il-każijiet ta’ ksur kontra l- Polonja u l-Portugall talli naqsu milli jimplimentaw b’mod korrett ċerti regoli dwar is- sikurezza ferrovjarja. Il-Kummissjoni kompliet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra l- Ġermanja u l- Polonja  għall-implimentazzjoni mhux korretta ta’ ċerti regoli dwar l- interoperabbiltà ferrovjarja. Dawn huma parti mir- Raba’ Pakkett Ferrovjarju , li jfittex li jlesti s-suq uniku għas-servizzi ferrovjarji, jerġa’ jagħti ħajja lis-settur ferrovjarju u jagħmlu aktar kompetittiv ma’ modi ta’ trasport oħrajn. 

    Fis-settur marittimu, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l- Iżvezja talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont il- leġiżlazzjoni tal-UE dwar is- sigurtà   marittima . Dawn ir-regoli jistabbilixxu rekwiżiti ta’ sigurtà għall-bastimenti u għall-portijiet u jipprevedu spezzjonijiet ta’ sigurtà marittima. Dawn il-miżuri jagħtu kontribut importanti għas-sigurtà tal-port, kemm għall-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll biex jgħinu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-UE.

    Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l- Estonja talli naqset milli tikkonforma mar- regoli tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Nediet ukoll każ ta’ ksur kontra l- Greċja talli naqset milli tikkonforma mar- regoli tal- UE dwar il-verifika tal-konformità tal-operaturi tat-trasport bl-ajru u twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza fis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. Il-Kummissjoni fetħet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra d- Danimarka u Ċipru għall-implimentazzjoni mhux korretta tar-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni.

    Il-promozzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza alimentari

    Ir-regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, filwaqt li jissalvagwardjaw l-interessi tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni tieħu approċċ “Saħħa Waħda” għat-tħejjija u għall-prevenzjoni, filwaqt li tkopri s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u dik ambjentali, kif ukoll is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf. Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw dawn ir-regoli tal-UE u twettaq kontrolli, inklużi awditi, biex tivverifika l-konformità.

    Fl-2023, il-Kummissjoni aġixxiet f’diversi oqsma biex tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE. Dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħrajn, il-Finlandja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha biex tiżgura livell xieraq ta’ rimborż tal-pazjenti, f’konformità mad- Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transfruntiera . Fil-qasam tat-tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar in-nuqqasijiet fil-Greċja fl-implimentazzjoni tar- regoli tal-UE , b’mod partikolari fir-rigward tal-liċenzjar tal-banek tat-tessuti tal-għajnejn. Wara djalogu mal-Kummissjoni, il-Greċja indirizzat il-kwistjoni u l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent tal-banek tat-tessuti tal-għajnejn issa jistgħu jiġu ttrattati b’mod effettiv.

    Fil-qasam tas- saħħa tal-pjanti , il-Kummissjoni għalqet każ kontra l-Italja dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-pest tal-pjanti Xylella fastidiosa. Awditu tal-Kummissjoni kkonferma li l-Italja kienet solviet kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-prattika, wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Ir- regoli tal-UE dwar l-informazzjoni dwar l-ikel jipproteġu lill-konsumaturi milli jiġu mqarrqa u jiżguraw kummerċ ġust. F’każ wieħed dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-ilmijiet minerali naturali, il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tressaq lill- Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kwistjoni importanti kienet li l-leġiżlazzjoni Bulgara tippermetti li l-ilma minerali naturali u l-ilma tan-nixxiegħa jiġu kkummerċjalizzati mill-istess nixxiegħa taħt aktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda. Lanqas ma tirrikjedi li l-isem tan-nixxiegħa jiġi indikat fuq it-tikketti tal-ilmijiet minerali u tan-nixxiegħa.

    Is- saħħa u l- benessri tal-annimali qed jirċievu attenzjoni pubblika dejjem akbar fl-UE. Sabiex jiġu infurzati r-regoli tal-UE f’dan il-qasam, il-Kummissjoni u l-Istati Membri wettqu azzjoni konġunta ta’ infurzar biex jiġġieldu l-kummerċ illegali tal-qtates u tal-klieb. L-azzjoni għenet biex jiġu identifikati xejriet u operaturi rikorrenti involuti fi prattiki frawdolenti u qarrieqa. Din irriżultat f’47 proċediment ġudizzjarju fl-UE.



    Regolamentazzjoni aħjar tal-professjonijiet u l-moviment liberu tal-professjonisti

    Id- Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit ġdid għall-professjonijiet ikun meħtieġ. Regoli nazzjonali kkumplikati jagħmluha aktar diffiċli għall-kandidati kkwalifikati biex jaċċessaw jew jipprattikaw firxa wiesgħa ta’ professjonijiet fl-UE kollha, u dan ifixkel l-isforzi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa fl-UE kollha.

    Il-Kummissjoni nediet każ ta’ ksur kontra l- Belġju u l- Estonja u ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri kontra 16-il Stat Membru talli ttrasponew dawn ir-regoli b’mod mhux korrett. Fl-istess ħin, hija għalqet il-proċeduri kontra 12-il Stat Membru. F’dawn l-Istati Membri, id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità tista’ tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha, tiffaċilita l-aċċess għal professjonijiet regolati u l-prattika tagħhom.

    Biex tinforza r-regoli dwar ir- rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali , il-Kummissjoni segwiet każijiet kontra l- Belġju, Ċipru u r-Rumanija u żewġ każijiet kontra l- Greċja . L-azzjoni ta’ infurzar fil-Greċja, pereżempju, għandha l-għan li tiżgura li l-professjonisti kkwalifikati bħala konsulenti tal-karriera, diretturi tal-iskejjel u maniġers tal-edukazzjoni oħrajn fi Stati Membri oħrajn ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjonijiet tagħhom fil-Greċja. Il-Kummissjoni fetħet każijiet kontra l- Ġermanja , l- Irlanda u Spanja talli naqsu milli jiżguraw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-UE kollha, filwaqt li għalqet il-proċeduri kontra 13-il Stat Membru. Il-każ kontra l- Irlanda kien ibbażat fuq petizzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Il-protezzjoni tax-xufiera stazzjonati

    Fis-settur tat-trasport bit-triq, ir- regoli tal-UE jiżguraw protezzjoni soċjali għax-xufiera impjegati fi Stat Membru wieħed li jintbagħtu jaħdmu temporanjament fi Stat Membru ieħor. Dawn ir-regoli jiżguraw li dawn ix-xufiera stazzjonati jirċievu r-remunerazzjoni tal-Istat Membru ospitanti għall-perjodu li matulu jkunu stazzjonati. Ir-regoli jipprovdu wkoll lista eżawrjenti ta’ rekwiżiti amministrattivi għall-kumpaniji li jistazzjonaw lix-xufiera fi Stat Membru ieħor, u jarmonizzaw il-miżuri ta’ spezzjoni fl-UE kollha.

    Fl-2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lin- Netherlands u lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jittrasponu dawn ir-regoli fil-liġi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra d- Danimarka u Franza u ħadet passi ulterjuri fil-proċeduri kontra tmien Stati Membri għall-istess raġuni.

    It-tisħiħ tal-Unjoni tas-Sigurtà Ewropea

    L- Unjoni tas-Sigurtà Ewropea għandha l-għan li tiżgura li l-politika tas- sigurtà tal-UE tadatta għat-theddid li qed jinbidel u tibni reżiljenza fit-tul u sostenibbli. Il-Kummissjoni żammet il-ħidma tagħha biex tinforza d- Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu , li tikkriminalizza mġiba bħat-taħriġ u l-ivvjaġġar għall-iskop tat-terroriżmu, kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu. Hija ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri kontra   10   Stati   Membri biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta b’mod korrett. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għalqet każijiet kontra 11-il Stat Membru ladarba kisbu traspożizzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli.

    Ir- Regolament dwar il-kontenut terroristiku online jindirizza t-theddida tal-kontenut terroristiku fuq l-Internet u l-użu ħażin tal-Internet għal skopijiet terroristiċi. Il-Kummissjoni aġixxiet biex tissalvagwardja l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament, billi nediet proċeduri ta’ ksur kontra 22 Stat Membru . L-azzjoni ta’ infurzar kienet effettiva, b’10 Stati Membri diġà jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jiżguraw it-tneħħija ta’ kontenut terroristiku online. Il-każijiet ta’ ksur korrispondenti setgħu jingħalqu.

    Ir- regoli tal-UE dwar l-armi tan-nar  jistabbilixxu standards minimi għall-akkwist, il-pussess u l-iskambju ta’ armi tan-nar ċivili u għall-protezzjoni kontra atti kriminali u traffikar illeċitu . Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil- Lussemburgu u lill- Iżvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jimplimentaw din il-leġiżlazzjoni ewlenija. Il-każ kontra l-Iżvezja aktar tard seta’ jingħalaq, kif ukoll każijiet oħrajn kontra dawn tal-aħħar, il-Bulgarija, l-Irlanda, il-Greċja u l-Lussemburgu. Dan ifisser aktar sigurtà għal kulħadd fl-UE peress li dawn l-Istati Membri issa japplikaw kif xieraq ir-regoli biex jiġi evitat it-traffikar illeċitu tal-armi.

    Il-Kummissjoni hija impenjata li tiġġieled kontra r- riskji inerenti għat-trasformazzjoni diġitali u t-theddida għall-prosperità u s-sigurtà maħluqa mill- kriminalità organizzata . Hija nediet każijiet ta’ ksur kontra ċ- Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u l-Finlandja biex tinforza t-traspożizzjoni tad- Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali . Fl-istess ħin, il-progress kien ifisser li kienet kapaċi tagħlaq każijiet kontra 13-il Stat Membru ieħor.

    Biex tinforza d- Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE , il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra l- Bulgarija u l- Polonja u ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra l- Finlandja għat-traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva.

    Il-Kummissjoni ħadet aktar deċiżjonijiet biex tinforza r-regoli komuni dwar id- drogi . Hija ressqet lill- Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset li tirrispetta l-pożizzjoni maqbula tal-UE dwar l-iskedar internazzjonali tal-kannabis u sustanzi relatati fil-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi.

    Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni

    Iż- żona Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-UE, li tippermetti liċ-ċittadini tal-UE, lir-residenti mhux tal-UE u lill-viżitaturi jivvjaġġaw liberament u b’mod sikur fl-UE kollha. Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura l-konformità mal-format uniformi għall-viżi u l-permessi ta’ residenza, bl-għan li żżomm l-ivvjaġġar u r-residenza fl-UE siguri, legalment konsistenti u f’konformità mal-prinċipji tal-moviment liberu u l-kooperazzjoni internazzjonali.

    Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l- Bulgarija , il- Greċja , Ċipru u l- Litwanja talli ma implimentawx barcode 2D meħtieġ bħala parti mill- format uniformi għall-viżi. Wara lment, il-Kummissjoni fetħet każ ta’ ksur kontra l- Portugall għal implimentazzjoni mhux korretta tal- format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini mhux tal-UE. Hija ħadet ukoll il-pass li jmiss fi proċedura kontra l- Bulgarija talli naqset milli timplimenta dan il-format il-ġdid għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini mhux tal-UE.

    Rispons maqgħqud tal-UE għall-migrazzjoni u l-ażil

    Il-Kummissjoni kompliet taħdem fuq regoli li jiżguraw proċeduri rapidi u ġusti ta’ ażil u ritorn , li jipprovdu mogħdijiet legali għall-UE, jipprevjenu l- migrazzjoni irregolari , u jippreżervaw l- integrità tal-fruntieri esterni tal-UE , f’konformità sħiħa mal-valuri Ewropej u d-drittijiet fundamentali. Dawn huma l-għanijiet tal- Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil miftiehma mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni se tgħin biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa, sabiex ir-regoli jiġu applikati mill-bidu nett.

    Il-Kummissjoni fetħet każijiet ta’ ksur kontra l- Belġju, il-Greċja, Spanja u l-Portugall għat-traspożizzjoni mhux korretta tad- Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet tal-Akkoljenza . Hija infurzat ukoll id- Direttiva dwar il-Kwalifika billi indirizzat it-traspożizzjoni mhux kompluta tagħha (iċ- Ċekja ) jew dik mhux korretta (il- Greċja, il-Portugall u l-Finlandja ) . Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw li dawk li jfittxu l-ażil jiġu ttrattati bl-istess mod f’sistema trasparenti u ġusta. Il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għandhom jiżguraw standard ta’ għajxien deċenti, raġunijiet komuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u aċċess għad-drittijiet u miżuri ta’ integrazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

    Dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l- Ungerija għall-ksur tal- Pakkett ta’ Faċilitaturi li jiġġieled kontra t-traffikar tal-migranti. Biex tippromwovi l-konformità mar-regoli dwar il-migrazzjoni legali , il-Kummissjoni fetħet każijiet ta’ ksur kontra 18-il Stat   Membru għal traspożizzjoni jew implimentazzjoni mhux korretta tad- Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali . Il-Kummissjoni kompliet ukoll tinforza l-implimentazzjoni korretta tad- Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul , b’segwitu għal każ kontra Malta li huwa bbażat fuq żewġ   petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew. Hija għalqet b’mod sodisfaċenti każ kontra l-Litwanja dwar l-istess regoli.

    L-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja

    Sabiex tiġġieled kontra l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, l-UE adottat tliet pakketti addizzjonali ta’ sanzjonijiet fl-2023, u b’hekk it-total tela’ għal 12. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ setturi, bħall-finanzi, l-enerġija, il-media, it-trasport u l-kummerċ.

    Il-Kummissjoni mmonitorjat u ppromwoviet l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet mill-Istati Membri. Hija talbet informazzjoni mill-Istati Membri u wettqet żjarat bilaterali lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sanzjonijiet. Il-Kummissjoni segwiet ukoll l-informazzjoni li rċeviet permezz tal- għodda tal-UE għall-informaturi dwar ksur tas-sanzjonijiet , pjattaforma online sigura li tippermetti lill-informaturi jirrapportaw il-ksur b’mod anonimu. It- Task Force Iffriżar u Sekwestru imlaqqa’ mill-Kummissjoni żiedet l-infurzar tas-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet Russi u Belarussi, fil-ġlieda tagħha kontra l-ksur tas-sanzjonijiet. Din il-ħidma kkoordinat l-iffriżar ta’ aktar minn EUR 27 biljun ta’ assi privati u l-immobilizzazzjoni ta’ aktar minn EUR 200 biljun ta’ assi sovrani Russi.

    Top