EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0033

Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)

OJ L 180, 29.6.2013, p. 96–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 015 P. 137 - 157

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/33/oj

29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/96


DIRETTIVA 2013/33/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Ġunju 2013

li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2)(f) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Huma u jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ bidliet sostantivi lid-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (4). Fl-interess taċ-ċarezza dik id-Direttiva għandha titfassal mill-ġdid.

(2)

Politika komuni dwar l-asil, inkluża Sistema Komuni Ewropea tal-Asil, hija parti kostitwenti tal-għan tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minn ċirkostanzi, ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni fl-Unjoni. Tali politika għandha tkun regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri.

(3)

F’laqgħa speċjali f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew qabel li jaħdem biex jistabbilixi Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967“il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), u b’hekk tafferma l-prinċipju ta’ non-refoulement. L-ewwel fażi ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil twettqet permezz tal-adozzjoni tal-istrumenti legali relevanti, inkluża d-Direttiva 2003/9/KE, previsti fit-Trattati.

(4)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta’ Novembru 2004, adotta l-Programm tal-Aja, li stabbilixxa l-għanijiet li għandhom jiġu implimentati fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fil-perjodu 2005-2010. F’dan ir-rigward, il-Programm tal-Aja stieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi l-evalwazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi u tissottometti l-istrumenti u l-miżuri tat-tieni fażi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tal-10-11 ta’ Diċembru 2009, adotta l-Programm ta’ Stokkolma, li tenna l-impenn għall-għan li jistabbilixxi sal-2012 żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà bbażata fuq proċedura komuni tal-asil u status uniformi għal dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali bbażata fuq standards għolja ta’ protezzjoni u proċeduri ġusti u effettivi. Il-Programm ta’ Stokkolma ulterjorment jipprovdi li huwa kruċjali li l-individwi, irrispettivament mill-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jingħataw livell indaqs ta’ trattament f’dawk li huma kondizzjonijiet tal-akkoljenza.

(6)

Ir-riżorsi tal-Fond Ewropew tar-Refuġjati u tal-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ dwar l-Asil għandhom ikunu mobilizzati sabiex jipprovdu appoġġ adegwat għall-isforzi tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istandards stipulati fit-tieni fażi tas-Sistema Komuni Ewropea għall-Asil, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li jaffaċċjaw pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati fuq is-sistemi tal-asil tagħhom, b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom.

(7)

Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet imwettqa, dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jkunu kkonfermati l-prinċipji sottostanti tad-Direttiva 2003/9/KE bil-ħsieb li jiġi żgurat titjib fl-akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (“applikanti”).

(8)

Sabiex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, din id-Direttiva għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemmjitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti.

(9)

Fl-applikazzjoani ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw konformità sħiħa mal-prinċipji tal-aħjar interessi tat-tfal u tal-għaqda tal-familja, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali rispettivament.

(10)

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, Stati Membri huma marbuta b’obbligi skont l-istrumenti tal-liġi internazzjonali li għalihom huma parti.

(11)

Għandhom ikunu stipulati standards għall-akkoljenza tal-applikanti li għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha.

(12)

L-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-akkoljenza tal-applikanti għandha tgħin biex tillimita ċ-ċaqliq sekondarju ta’ applikanti influwenzati mill-varjetà ta’ kondizzjonijiet għall-akkoljenza tagħhom.

(13)

Bil-għan li jiġi żgurat trattament ugwali fost l-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali kif ukoll sabiex tkun garantita konsistenza mal-acquis attwali tal-UE dwar l-asil, b’mod partikolari mad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (5), huwa xieraq li l-ambitu ta’ din id-Direttiva jiġi estiż biex jinkludi applikanti għal protezzjoni sussidjarja.

(14)

L-akkoljenza ta’ persuni bi bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali għandha tkun ta’ interess primarju għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżguraw li tali akkoljenza tkun imfassla b’mod speċifiku biex tissodisfa l-ħtiġijiet speċjali tagħhom ta’ akkoljenza.

(15)

Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna m’għandiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar stipulati fid-Direttiva u soġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandhom ikollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

(16)

Fir-rigward ta’ proċeduri amministrattivi relatati mar-raġunijiet għad-detenzjoni, il-kunċett ta’ “diliġenza meħtieġa” tal-anqas jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu passi konkreti u siewja biex jiżguraw li ż-żmien sabiex jiġu vverifikati r-raġunijiet għad-detenzjoni jkun l-iqsar possibbli, u li jkun hemm prospettiva reali li tali verifika tkun tista’ ssir b’suċċess fl-iqsar żmien possibbli. Id-detenzjoni m’għandhiex taqbeż iż-żmien raġonevolment meħtieġ biex jitlestew il-proċeduri rilevanti.

(17)

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar- raġunijiet l-oħra ta’ detenzjoni, inklużi r-raġunijiet ta’ detenzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li jkunu applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, mhux relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terzi jew persuna apolida.

(18)

Applikanti li huma f’detenzjoni għandhom ikunu ttrattati b’rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u l-akkoljenza tagħhom għandha tkun imfassla b’mod speċifiku biex tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom f’dik is-sitwazzjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal ikun applikat.

(19)

Jista’ jkun hemm każijiet fejn ma jkunx possibbli li fil-prattika jkunu żgurati ċerti garanziji ta’ akkoljenza fid-detenzjoni, pereżempju minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew l-istruttura speċifika tal-faċilità tad-detenzjoni. Madanakollu, kwalunkwe deroga minn dawk il-garanziji għandha tkun temporanja u għandha tkun applikata biss fiċ-ċirkostanzi stipulati f’din id-Direttiva. Id-derogi għandhom ikunu applikati biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u għandhom jiġu debitament iġġustifikati, u jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, inkluż il-livell ta’ severità tad-deroga applikata, il-perjodu u l-impatt tagħha fuq l-applikant kkonċernat.

(20)

Sabiex tiġi żgurata aħjar l-integrità fiżika u psikoloġika tal-applikanti, id-detenzjoni għandha tkun miżura tal-aħħar rikors u għandha tiġi applikata biss wara li jkunu ġew eżaminati kif adatt il-miżuri alternattivi kollha mhux ta’ kustodja għad-detenzjoni. Kwalunkwe miżura alternattiva għad-detenzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-applikanti.

(21)

Biex tkun żgurata osservanza tal-garanziji proċedurali li jikkonsistu fl-opportunità li jkunu kkuntattjati organizzazjonijiet jew gruppi ta’ persuni li jipprovdu assistenza legali, għandha tingħata informazzjoni dwar tali organizzazzjonijiet u gruppi ta’ persuni.

(22)

Meta jiddeċidu dwar l-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tal-applikant fil-każ ta’ kwalunkwe applikant li jkun dipendenti fuq membri tal-familja jew qraba stretti oħra bħal aħwa minorenni mhux miżżewġa li jkunu diġà fl-Istat Membru.

(23)

Sabiex tkun promossal-awtosuffiċjenza tal-applikanti u biex ikunu limitati d-diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri, huwa essenzjali li jingħataw regoli ċari dwar l-aċċess tal-applikanti għas-suq tax-xogħol.

(24)

Sabiex ikun żgurat li s-sostenn materjali li jingħata lill-applikanti huwa f’ konformita’ mal-prinċipji stipulati f’din id-Direttiva, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw il-livell ta’ tali appoġġ fuq il-bażi ta’ referenzi relevanti. Dak ma jfissirx li l-ammont mogħti għandu jkun l-istess bħal dak taċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jagħtu trattament anqas favorevoli lill-applikanti minn dak li jagħtu liċ-ċittadini kif speċifikat f’din id-Direttiva.

(25)

Il-possibilità ta’ abbuż tas-sistemi ta’ akkoljenza għandha tkun ristretta billi jkunu speċifikati ċ-ċirkustanzi fejn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali għall-applikanti jistgħu jkunu ridotti jew tali akkoljenza rtirata filwaqt li fl-istess ħin għandu jkun żgurat standard ta’ ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.

(26)

Għandhom ikunu żgurati l-effiċjenzi ta’ sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza u l-kooperazzjoni fost Stati Membri fil-qasam tal-akkoljenza tal-applikanti.

(27)

Għandha tkun imħajra koordinazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-akkoljenza tal-applikanti, u għalhekk għandhom ikunu promossi relazzjonijiet armonjużi bejn komunitajiet lokali u ċentri ta’ akkomodazzjoni.

(28)

L-Istati Membri għandhom ikollhom il-poter li jintroduċu jew iżommu provvedimenti iktar favorevoli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jitolbu għal protezzjoni internazzjonali mingħand Stat Membru.

(29)

F’dan l-ispirtu, l-Istati Membri huma wkoll mistiedna japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva b’konnessjoni ma’ proċeduri biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal forom ta’ protezzjoni barra dik prevista fid- Direttiva 2011/95/UE.

(30)

L-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi vvalutata f’intervalli regolari.

(31)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi standards dwar l-akkoljenza tal-applikanti fl-Istati Membri, ma jistgħax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l- Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjaretà kif iddikjarati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif iddikjarat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(32)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 (6), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikabbli, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti għandha tkun ġustifikata.

(33)

Skont l-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda rigward iż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE, u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(34)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk la hija marbuta biha lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(35)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-Karta u trid tiġi implimentata b’dan il-mod

(36)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 2003/9/KE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġej minn dik id-Direttiva.

(37)

Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 2003/9/KE stabbiliti fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

GĦAN, DEFINIZZJONIJIET U AMBITU

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (“applikanti”) fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE;

(b)

“applikant” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali;

(c)

“membri tal-familja”, tfisser, sakemm il-familja kienet diġà teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, il-membri tal-familja tal-applikant li ġejjin li huma preżenti fl-istess Stat Membru inrelazzjoni mal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali:

ir-raġel/il-mara tal-applikant jew is-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa iżda f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat titratta koppji mhux miżżewġin b’manjiera komparabbli għal koppji miżżewġa taħt il-liġi tiegħu fir-rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

it-tfal minorenni ta’ koppji li jirreferi għalihom l-ewwel inċiż jew tal-applikant, fuq kondizzjoni li mhumiex miżżewġa u indipendentament minn jekk twildux ġewwa jew barra ż-żwieġ jew humiex adottati kif iddefinit fil-liġi nazzjonali;

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-applikant kemm jekk bil-liġi jew bi prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak l-applikant ikun minorenni jew mhux miżżewweġ;

(d)

“minorenni” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18-il sena;

(e)

“minorenni mhux akkompanjati” tfisser minorenni li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkompanjat minn adult responsabbli għalih/għaliha kemm jekk bil-liġi jew bi prattika tal-Istat Membru kkonċernat u għaż-żmien sakemm ma jittiħdux effettivament fir-responsabbiltà ta’ persuna tali; din tinkludi persuna minorenni li titħalla mhux akkompanjata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri;

(f)

“kondizzjonijiet ta’ akkoljenza” tfisser is-sett sħiħ ta’ miżuri li Stati Membri jagħtu lill-tal-applikanti skont din id-Direttiva;

(g)

“kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

(h)

“detenzjoni” tfisser restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha;

(i)

“ċentru ta’ akkomodazzjoni” tfisser kull post użat għall-akkomodazzjoni kollettiva tal-applikanti;

(j)

“rappreżentant” tfisser persuna jew organizzazzjoni maħtura mill-korpi kompetenti sabiex tgħin u tirrappreżenta persuna minorenni mhux akkumpanjata fi proċeduri stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li tiżgura l-aħjar interessi tat-tfal u teżerċita kapaċità legali għall-minorenni fejn ikun meħtieġ. Fejn organizzazzjoni tintgħażel bħala rappreżentant, hija għandha tinnomina persuna responsabbli biex twettaq id-doveri ta’ rappreżentant fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjat, skont din id-Direttiva;

(k)

“applikant bi ħtiġijiet ta’ akkoljenza speċjali” tfisser persuna vulnerabbli, skont l-Artikolu 21, li jeħtieġ garanziji speċjali sabiex jibbenefika mid-drittijiet u biex josserva l-obbligi stipulati f’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Ambitu

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera fl-ibħra territorjali jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali skont il-liġi nazzjonali.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika f’każijiet ta’ rikjesti għall-asil diplomatiku jew territorjali ppreżentati quddiem ir-rappreżentanti ta’ Stati Membri.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika meta jkunu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (7).

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva f’konnessjoni ma’ proċeduri biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal għamliet ta’ protezzjoni barra dawk li jemanu mid-Direttiva 2011/95/UE.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli fil-qasam ta’ kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti u qraba stretti oħra tal-applikant li huma preżenti fl-istess Stat Membru meta huma dipendenti fuqu jew fuqha, jew għal raġunijiet umanitarji sakemm dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR KONDIZZJONIJIET TA’ AKKOLJENZA

Artikolu 5

Informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-applikanti, fi żmien raġonevoli li ma jeċċedix ħmistax-il jum wara li jkunu ddepożitaw l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, għall-inqas b’xi benefiċċji stabbiliti u bl-obbligi li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom konnessi mal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti tingħatalhom informazzjoni dwar organizzazzjonijiet jew gruppi ta’ persuni li jipprovdu assistenza legali speċifika u organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinuhom jew jinformawhom dwar il-kondizzjonijiet ta’ lqigħ disponibbli, inkluża l-kura tas-saħħa.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 tkun bil-miktub u, f’lingwa li l-applikant jifhem jew huwa raġonevolment maħsub li jifhem. Fejn xieraq, din l-informazzjoni tista’ wkoll tkun mogħtija bil-fomm.

Artikolu 6

Id-dokumentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien tlett ijiem minn meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata, l-applikant jingħata dokument maħruġ f’ismu jew isimha stess li jiċċertifika l-istatus tiegħu jew tagħha bħala applikant jew li jiddikjara li huwa jew hiia jista’/tista’ toqgħod fit-territorju tal-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

Jekk id-detentur mhux liberu li jiċċaqlaq ġewwa t-territorju kollu tal-Istat Membru jew parti minnu, id-dokument għandu wkoll jiċċertifika dak il-fatt.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu meta l-applikant ikun f’detenzjoni u matul l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula fil-konfini jew fil-kuntest ta’ proċedura biex ikun deċiż id-dritt tal-applikant biex jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru. F’każijiet speċifiċi, matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali l-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-applikanti evidenza oħra ekwivalenti għad-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1.

3.   Id-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1 mhux meħtieġ li jiċċertifika l-identità tal-applikant.

4.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jipprovdu lill-applikanti d-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1, li għandu jkun validu sakemm ikunu awtorizzati jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-applikanti dokument tal-ivvjaġġar meta raġunijiet umanitarji serji jirrekjedu l-preżenza tagħhom fi Stat ieħor.

6.   L-Istati Membri m’għandhomx jimponu dokumentazzjoni mhux meħtieġa jew sproporzjonata jew obbligi amministrattivi oħra fuq l-applikantiqabel ma jikkonċedulhom id-drittijiet li dawn huma intitolati għalihom skont din id-Direttiva għar-raġuni unika li huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 7

Residenza u libertà ta’ moviment

1.   L-applikanti jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza lill-applikantminħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza suġġetti għal residenza reali mill-applikanti f’post speċifiku, li għandu jkun determinat mill-Istati Membri. Tali deċiżjoni, li tista’ tkun ta’ natura ġenerali, għandha tittieħed fuq livell individwali u stabbilita mil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li jagħtu lill-applikanti permess temporanju li jħallu l-post ta’ residenza msemmi fil-paragrafi 2 u 3 u/jew iż-żona assenjata msemmija fil-paragrafu 1. Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq livell individwali, oġġettivament u imparzjalment u jingħataw raġunijiet jekk dawn ikunu negattivi.

L-applikant m’għandux ikun jeħtieġ permess biex iżomm appuntamenti ma’ awtoritajiet u qrati jekk il-preżenza tiegħu jew tagħha tkun meħtieġa.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizz attwali tagħhom u jinnotifikaw kull tibdil fl-indirizz lil tali awtoritajiet mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 8

Detenzjoni

1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali (8).

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

(a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

(b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

(c)

sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

(d)

meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (9) sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

(e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

(f)

skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (10).

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 9

Garanziji għal applikanti detenuti

1.   Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.   Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.   L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas,

5.   Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

6.   Fil-każijiet ta’ rieżami ġudizzjarju tal-ordni tad-detenzjoni previst fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-applikanti għandhom aċċess għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas. Din għandha tinkludi, mill-inqas, it-tħejjija tad-dokumenti proċedurali meħtieġa u parteċipazzjoni fis-smigħ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’isem l-applikant.

L-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandha tingħata minn persuni kwalifikati kif kif ammess jew permess skont il-liġi nazzjonali li l-interessi tagħhom ma jkunux f’kunflitt jew li ma jistgħux ikunu f’kunflitt potenzjali mal-interessi ta’ dawk tal-applikanti.

7.   L-Istati Membri jistgħu jipprevdu wkoll li l-assistenza u r-rappreżentanza legali jingħataw biss:

(a)

lil dawk li ma jkollhomx riżorsi biżżejjed; u/jew

(b)

permezz tas-servizzi mogħtija mill-konsulenti legali jew counsellors speċifikament maħsuba mil-liġi nazzjonali biex jassistu u jirrappreżentaw lill-applikanti.

8.   L-Istati Membri jistgħu wkoll:

(a)

jimponu limiti taż-żmien u/jew monetarji fuq l-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas, sakemm limiti bħal dawn ma jillimitawx b’mod arbitrarju l-aċċess għall-assistenza u r-rappreżentanza legali;

(b)

jipprovdu li, fir-rigward ta’ tariffi u spejjeż oħra, it-trattament tal-applikanti m’għandux ikun aktar favorevoli mit-trattament ġenerali mogħti liċ-ċittadini tagħhom f’materji li jikkonċernaw l-assistenza legali.

9.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu rimborż sħiħ jew parzjali għal kwalunkwe spiża mħallsa jekk u meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant tkun tjiebet konsiderevolment jew jekk tkun ittieħdet deċiżjoni li jingħataw spejjeż bħal dawn abbażi tal-informazzjoni falza mogħtija mill-applikant.

10.   Il-proċeduri għal aċċess għal assistenza legali u rappreżentanza f’każijiet bħal dawn imsemija għandhom ikunu stipulati fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet ta’ detenzjoni

1.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Fejn Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità ta’ detenzjoni speċjalizzata u jkun obbligat li jirrikorri għall-akkomodazzjoni f’ħabs, l-applikantgħandu jinżamm separatament mill-ħabsin ordinarji u għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti f’din id-Direttiva.

Sakemm ikun possibbli, l-applikanti f’detenzjoni għandhom jinżammu separatament minn ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li ma ddepożitawx applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Meta l-applikantima jkunux jistgħu jinżammu separatament minn ċittadini ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li japplikaw il-kondizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti f’din id-Direttiva.

2.   Applikanti f’detenzjoni għandu jkollhom aċċess għal spazju fil-beraħ.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni li jirrappreżentaw lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) jkollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw u jżuru applikanti f’kondizzjonijiet li jirrispettaw il-privatezza.Dik il-possibilita’ għandha tapplika wkoll għal organizzazzjoni li taħdem fit-territorju tal-Istat Membru konċernat f’isem il-UNHCR skont ftehim ma’ dak l-Istat Membru.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri tal-familja, konsulenti legali jew counsellors u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi relevanti rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat ikollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw ma’ u jżuru l-applikanti f’kondizzjonijiet li jirrispettaw il-privatezza. Limiti għall-aċċess għall-faċilità ta’ detenzjoni jistgħu jiġu imposti biss fejn, minħabba l-liġi nazzjonali, dawn ikunu oġġettivament meħtieġa għas-sigurtà, l-ordni pubblika jew il-ġestjoni amministrattiva tal-faċilità tad-detenzjoni, bil-kundizzjoni li l-aċċess ma jkunx ristrett severament jew magħmul impossibbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li b’mod sistematiku jipprovdu lill-applikanti f’detenzjoni informazzjoni li tispjega r-regoli li japplikaw fil-faċilità u jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’lingwa li jifhmu jew li b’mod raġonevoli huma mistennija li jifhmu. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan l-obbligu f’każijiet ġġustifikati kif xieraq u għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, fil-każ li l-applikant jinżamm f’post tal-fruntiera jew f’żona ta’ transitu. Din id-deroga m’għandhiex tapplika f’każijiet msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32/UE.

Artikolu 11

Detenzjoni ta’ persuni vulnerabbli u applikanti bi bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali

1.   Is-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, tal-applikanti f’detenzjoni li jkunu persuni vulnerabbli għandha tkun it-tħassib ewlieni tal-awtoritajiet nazzjonali.

Fejn persuni vulnerabbli jinżammu f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir monitoraġġ regolari u jingħata appoġġ adegwat li jikkunsidra l-qagħda partikolari tagħhom, inkluża saħħithom.

2.   Il-minorenni għandhom jinżammu biss f’detenzjoni bħala miżura aħħarija u wara li jkun ġie stabbilit li ma jistgħux jiġu applikati miżuri alternattivi inqas koerżivi b’mod effettiv. Tali detenzjoni għandha tkun għall-iqsar perjodu ta’ żmien u għandu jsir kull sforz biex id-detenuti minorenni jinħelsu u jitqiegħdu f’akkomodazzjoni adatta għal tali minorenni.

L-aħjar interessi tal-minorenni, kif jippreskrivi l-Artikolu 23(2), għandhom ikunu l-kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri.

Fejn il-minorenni jkunu detenuti, huma għandhom ikollhom il-possibbiltà li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni, inkluż logħob u attivitajiet ta’ rikreazzjoni li huma xierqa għall-età tagħhom.

3.   Il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom jinżammu f’detenzjoni biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Għandu jsir kull sforz biex il-minorenni mhux akkumpanjati u li jkunu detenuti jinħelsu malajr kemm jista’ jkun.

Il-minorenni mhux akkumpanjati m’għandhom qatt jinżammu f’akkomodazzjoni f’ħabs.

Sakemm ikun possibbli, minuri mhux akkumpanjati għandhom jingħataw akkomodazzjoni f’istituzzjonijiet li jkollhom persunal u faċilitajiet li jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni tal-età tagħhom.

4.   Familji detenuti għandhom ikunu provduti b’akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza xierqa.

5.   Fejn applikanti nisa jiġu detenuti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jiġu akkomodati separatament mill-applikanti irġiel, ħlief jekk dawn tal-aħħar ikunu membri ta’ familja u li l-individwi kollha kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom.

Jistgħu japplikaw ukoll eċċezzjonijiet għall-ewwel subparagrafu għall-użu tal-ispazji komuni mfassla għal attivitajiet rekreattivi jew soċjali, inkluż il-forniment tal-ikliet.

6.   F’każijiet ġustifikati kif xieraq u għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, paragrafu 4 u l-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 5, meta l-applikant ikun f’detenzjoni fil-fruntiera jew fiż-żona ta’ transitu, bl-eċċezzjoni tal-każijiet msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32/UE.

Artikolu 12

Familji

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iżommu kemm jista’ jkun possibbli l-unità tal-familja kif hija preżenti fit-territorju tagħhom, jekk applikanti jkunu pprovduti b’akkomodazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Tali miżuri għandhom ikunu implimentati bi qbil mal-applikant.

Artikolu 13

Kontroll mediku

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu kontroll mediku għal applikanti għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

Artikolu 14

Tagħlim u edukazzjoni tal-minorenni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-ulied minorenni tal-applikanti u lil applikanti minorenni aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu sakemm ma tkunx tabilħaqq infurzata miżura ta’ tkeċċija kontra tagħhom jew il-ġenituri tagħhom. Edukazzjoni bħal din tista’ tkun ipprovduta f’ċentri ta’ akkomodazzjoni.

L-Istati Membri kkonċernati jistgħu jistipulaw li tali aċċess għandu jkun ristrett għas-sistema edukattiva Statali.

L-Istati Membri m’għandhomx jirtiraw edukazzjoni sekondarja għall-unika raġuni li l-minorenni laħaq l-età maġġoritarja.

2.   L-aċċess għas-sistema edukattiva m’għandux ikun pospost għal iktar minn tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata mill-minorenni jew f’ismu/isimha.

Klassijiet preparatorji, inklużi lezzjonijiet tal-lingwa, għandhom jiġu pprovduti lill-minorenni fejn dan hu meħtieġ sabiex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom għas-sistema ta’ edukazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 1.

3.   Fejn aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni kif iddikjarat fil-paragrafu 1 mhux possibbli minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-minorenni, l-Istat Membru kkonfeċernat għandu joffri arranġamenti edukattivi oħra skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tiegħu.

Artikolu 15

L-impjiegi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol mhux iktar tard minn 9 xhur mid-data meta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjoni kienet iddepożitata jekk deċiżjoni fl-ewwel istanza ma titteħidx mill-awtorità kompetenti u d-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu l-kondizzjonijiet għall-għotja ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol għall-applikant, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċes effettiv għas-suq tax-xogħol.

Għal raġunijiet ta’ politika tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tal-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti.

3.   Aċċess għas-suq tax-xogħol m’għandux ikun irtirat matul proċeduri ta’ appell, meta appell kontra deċiżjoni negattiva fi proċedura regolari għandu effett ta’ sospensjoni, sa meta deċiżjoni negattiva wara l-appell tkun innotifikata.

Artikolu 16

Taħriġ vokazzjonali

Stati Membri jistgħu jippermettu lill-applikanti aċċess għal taħriġ vokazzjonali irrispettivament minn jekk huma jkollhomx aċċess għas-suq tax-xogħol.

Aċċess għal taħriġ vokazzjonali konness ma’ kuntratt ta’ xogħol għandu jiddependi minn kemm l-applikant għandu aċċess għas-suq tax-xogħol skont l-Artikolu 15.

Artikolu 17

Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta’ ħajja jkun issodisfat fis-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, skont l-Artikolu 21, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni li huma f’detenzjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-applikanti biex ikopru jew jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u għall-kura tas-saħħa li tipprovdi għalihom din id-Direttiva, skont id-dispożizzjoni tal-paragrafu 3, jekk l-applikanti għandhom riżorsi suffiċjenti, pereżempju jekk kienu qegħdin jaħdmu għal perjodu ta’ żmien raġonevoli.

Jekk jinstab li applikant kellu mezzi suffiċjenti biex ikopri kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u kura tas-saħħa fiż-żmien li dawk il-ħtiġiet bażiċi kienu qegħdin ikunu koperti, l-Istati Membri jistgħu jitolbu rimborż mingħand l-applikant.

5.   Fejn l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ konċessjonijiet finanzjarji jew vawċers, l-ammont tagħhom għandu jkun determinat fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat sew bil-liġi jew bil-prattika sabiex ikunu żgurati standards ta’ ħajja adegwati għaċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jagħtu trattament inqas favorevoli lill-applikanti meta mqabbla maċ-ċittadini f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fejn il-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment f’oġġetti jew fejn il-livell(i) msemmija hawn fuq, applikati għaċ-ċittadini, ikollhom l-għan li jiżguraw standard ta’ ħajja ogħla minn dak preskritt għall-applikanti skont din id-Direttiva.

Artikolu 18

Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza

1.   Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, din għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

(a)

binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ssir fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu;

(b)

ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

(c)

djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jiġu addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.

2.   Bla ħsara għal kwlaunkwe kundizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikoli 10 u 11, rigward l-akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu, L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-applikanti jkunu ggarnatiti protezzjoni għall-ħajja familjari tagħhom;

(b)

l-applikanti jkollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw mal-qraba, konsultenti legali, jew counsellors, persuni li jirrappreżentaw lill-UNHCR u organizzazzjonijiet u korpi oħra nazzjonali, internazzjonali u mhux governattivi relevanti;

(c)

Membri tal-familja, konsulenti legali jew counsellors, persuni li jirrappreżentaw lill-UNHCR u organizzazzjonijiet mhux governattivi relevanti rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat jingħataw aċċess biex jgħinu lill-applikanti. Limiti dwar tali aċċess jistgħu jkunu imposti biss għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà tal-binjiet u tal-applikanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw interessi speċifiċi tas-sess u l-età u s-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli fir-rigward ta’ applikanti fil-binijiet u ċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b).

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu attakki u vjolenza bbażata fuq is-sess inkluż l-attakk u l-fastidju sesswali, fil-binjiet u ċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b).

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw bħala regola ġenerali li applikanti adulti dipendenti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza jkunu akkomodati flimkien ma’ qraba stretti adulti li jkunu diġà preżenti fl-Istat Membru u li jkunu responsabbli minnhom sew jekk bil-liġi jew bi prassi tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li trasferimenti ta’ applikanti minn faċilità ta’ akkomodazzjoni għal oħra jsiru biss meta meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li l-applikanti biex jinformaw lilll-konsulenti legali jew counsellors tagħhom bit-trasferiment u bl-indirizz il-ġdid tagħhom.

7.   Persuni li jaħdmu f’ċentri ta’ akkomodazzjoni għandhom ikunu mħarrġa b’mod adegwat u għandhom ikunu marbuta bir-regoli tal-kunfidenzjalità pprovduti fil-liġi nazzjonali inkonnessjoni ma’ kull informazzjoni li jiksbu matul xogħolhom.

8.   L-Istati Membri jistgħu jinvolvu applikanti fl-amministrazzjoni tar-riżorsi materjali u aspetti mhux materjali tal-ħajja fiċ-ċentru permezz ta’ bord konsultattiv jew kunsill li jirrappreżenta lir-residenti.

9.   F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta:

(a)

stima tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikant hija rekwiżita, skont l-Artikolu 22;

(b)

kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti.

Tali kondizzjonijiet differenti għandhom fi kwalunkwe każ ikopru il-ħtiġiet bażiċi.

Artikolu 19

Il-kura tas-saħħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa li għandha tinkludi, għall-inqas, kura ta’ emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard u ta’ disturbi mentali serji.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza medika jew assistenza oħra meħtieġa lil applikanti li għandhom bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza, inkluż kura tas-saħħa mentali xierqa fejn ikun meħtieġ.

KAPITOLU III

TNAQQIS JEW IRTIRAR TA’ KONDIZZJONIJIET MATERJALI TA’ AKKOLJENZA

Artikolu 20

Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza

1.   L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant:

(a)

jabbanduna l-post ta’ residenza ddeterminat mill-awtorità kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk dan ikun mitlub, mingħajr permess; jew

(b)

ma jikkonformax ruħu ma’ doveri ta’ rrapportar jew ma’ talbiet biex jipprovdi informazzjoni jew jidher għal intervisti personali dwar il-proċedura tal-asil matul perjodu raġonevoli stipulat fil-liġi nazzjonali, jew

(c)

ikun iddepożita applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2012/32/UE.

Rigward il-każijiet (a) u (b), meta l-applikant jinstab jew jirrapporta volontarjament lill-awtorità kompetenti, għandha tittieħed deċiżjoni mmotivata kif xieraq, ibbażata fuq ir-raġunijiet tal-għajbien, dwar installazzjoni mill-ġdid tal-għotja ta’ xi wħud minn jew tal-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza irtirati jew imnaqqsa kollha.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll inaqqsu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta jkunu jistgħu jistabbilixxu li l-applikant, għall-ebda raġuni ġustifikabbli, ma jkunx iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun raġonevolment prattiku wara l-wasla f’dak l-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jirtiraw il-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika minn kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza indebitament.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw sanzjonijiet applikabbli għal ksur serju tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll għal imġiba serjament vjolenti.

5.   Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew sanzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b’mod speċjali fir-rigward ta’ persuni koperti bl-Artikolu 21, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET GĦAL PERSUNI VULNERABBLI

Artikolu 21

Il-prinċipju ġenerali

L-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħalma huma minorenni, minorenni mhux akkompanjati, nies b’diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri single bi tfal minorenni, vittmi tat-traffikar tal-bnedmien, persuni b’mard serju, persuni b’disturbi mentali u persuni li kienu ssoġġettati għal tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, bħall-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, fil-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva.

Artikolu 22

Evalwazzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza ta’ persuni vulnerabbli

1.   Sabiex jimplimentaw l-Artikolu 21 b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jevalwaw jekk l-applikant hux applikant bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza. L-Istati Membri għandhom jindikaw ukoll in-natura ta’ tali bżonnijiet.

Dik l-evalwazzjoni għandha tibda f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li tkun saret applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u tista’ tiġi integrata fil-proċeduri nazzjonali eżistenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza jkunu wkoll indirizzati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, jekk dawn jirriżultaw fi stadju iktar tard tal-proċedura tal-asil.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ mogħti lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza skont din id-Direttiva jieħu kont tal- bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza tagħhom matul il-proċedura tal-asil u għandhom jipprovdu għall-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni tagħhom.

2.   L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 m’għandiex tinħtieġ tieħu l-forma ta’ proċedura amministrattiva.

3.   Huma biss il-persuni vulnerabbli skont l-Artikolu 21 li jistgħu jitqiesu li għandhom bżonnijiet speċjali u b’hekk jibbenefikaw mill-appoġġ speċifiku mogħti skont din id-Direttiva.

4.   L-evalwazzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE.

Artikolu 23

Minorenni

1.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jinvolvu minorenni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw standard ta’ ħajja xieraq għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali u soċjali tat-tfal.

2.   Meta jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari dawn il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-possibbiltajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja;

(b)

il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minorenni, billi titqies b’mod partikolari l-oriġini tal-minorenni;

(c)

konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza, b’mod partikolari fejn hemm riskju li t-tfal ikunu vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin;

(d)

l-opinjonijiet tal-minorenni skont l-età u l-maturità tiegħu jew tagħha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-minorenni jkollhom aċċess għal attivitajiet ta’ rekreazzjoni, inkluż logħob u attivitajiet ta’ rekreazzjoni li jkunu xierqa għall-età tagħhom, fil-postijiet u ċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni msemmija fl- Artikolu 18(1) (a) u (b) u għal attivitajiet fil-beraħ.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal servizzi ta’ riabilitazzjoni għal minorenni li kienu vittmi ta’ xi forma ta’ abbuż, negliġenza, esplojtazzjoni, tortura jew trattament kiefer, inuman u degradanti, jew li jkunu sofrew minn taqbid armat, u jiżguraw li kura ta’ saħħa mentali xierqa tkun żviluppata u konsulenza kkwalifikata tkun ipprovduta meta meħtieġa.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li tfal minorenni ta’ applikanti jew applikanti li huma minorenni jkunu joqogħdu mal-ġenituri tagħhom, mal-aħwa minorenni mhux miżżewġa tagħhom jew mal-adult responsabbli għalihom kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, bil-kundizzjoni li jkun fl-aħjar interessi tal-minorenni kkonċernati.

Artikolu 24

Minorenni mhux akkompanjati

1.   L-Istati Membri għandhom mill-aktar fis possibbli jieħdu miżuri biex jiżguraw li rappreżentant jirrappreżenta u jassisti lill-minorenni mhux akkumpanjat sabiex jgħinu jew jgħinha tibbenefika mid-drittijiet u tkun konformi mal-obbligi stipulati f’din id-Direttiva. Il-minorenni mhux akkumpanjat għandu jiġi infurmat immedjatament bil-ħatra tar-rappreżentant. Ir-rappreżentant għandu jwettaq id-doveri tiegħu jew tagħha skont il-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal, kif preskritt fl-Artikolu 23(2) u għal dan il-għan għandu jkollu l-kompetenzi meħtieġa. Sabiex ikun assigurat il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri msemmija flArtikolu 23(2)(b), il-persuna li taġixxi bħala rappreżentant għandha tinbidel biss meta meħtieġ. Organizzazzjonijiet jew individwi li l-interessi tagħhom joħolqu kunflitt jew jistgħu possibbilment joħolqu kunflitt ma’ dawk tal-minorenni mhux akkumpanjat m’għandhomx ikunu eliġibbli biex isiru rappreżentanti.

Evalwazzjonijiet regolari għandhom isiru mill-awtoritajiet addattati, inkluż fir-rigward tad-disponibbiltà tal-mezzi meħtieġa għar-rappreżentazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjat.

2.   Minorenni mhux akkumpanjati li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom, mill-mument li jkunu ammessi fit-territorju sal-mument li huma obbligati jħallu l-Istat Membru li fih tkun saret jew fejn tkun qiegħda tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jitqiegħdu:

(a)

ma’ qraba adulti;

(b)

ma’ famija foster;

(c)

f’ċentri ta’ akkomodazzjoni bi provvedimenti speċjali għall-minorenni;

(d)

f’akkomodazzjoni oħra addattata għall-minorenni.

L-Istati Membri jistgħu jqiegħdu minorenni mhux akkompanjati ta’ 16-il sena jew iktar f’ċentri ta’ akkomodazzjoni għal applikanti adulti, jekk dan ikun fl-aħjar interess tagħhom, kif stipulat mill-Artikolu 23(2).

Sakemm hu possibbli, aħwa għandhom jinżammu flimkien, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-minorenni kkonċernat u, b’mod partikolari, l-età tiegħu jew tagħha u l-grad ta’ maturità. Bdil ta’ residenza ta’ minorenni mhux akkompanjati għandu jinżamm limitat għall-minimu.

3.   L-Istati Membri għandhom jibdew jittraċċaw il-membri tal-familja tal-minorenni mhux akkompanjat, fejn meħtieġ bl-assistenza internazzjonali jew ta’ organizzazzjonijiet relevanti oħra, mill-aktar fis wara li tkun iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali filwaqt li jipproteġu l-aħjar interessi tiegħu jew tagħha. F’każijiet fejn jista’ jkun hemm theddida għall-ħajja jew l-integrità tal-minorenni jew il-qraba stretti tiegħu jew tagħha, b’mod partikolari jekk huma baqgħu fil-pajjiż ta’ orġini tagħhom, trid issir attenzjoni biex ikun żgurat li l-ġbir, l-ipproċessar u ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni dwar dawk il-persuni ssir fuq bażi konfidenzjali, biex ikun evitat li s-sigurta tagħhom titqiegħed fil-periklu.

4.   Dawk li jaħdmu ma’ minorenni mhux akkompanjati għandhom ikunu ħadu u għandhom jibqgħu jirċievu taħriġ xieraq dwar il-ħtiġiet tagħhom, u għandhom jintrabtu bir-regoli ta’ konfidenzjalità pprovduti fil-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ kull informazzjoni li jiksbu matul xogħolhom.

Artikolu 25

Il-vittmi tat-tortura u l-vjolenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni li kienu ssuġġettati għal tortura, stupru jew atti serji oħra ta’ vjolenza oħra jirċievu t-trattament meħtieġ għad-danni kkawżati b’ tali atti b’mod partikolari aċċess għal servizzi ta’ trattament jew kura mediċi u psikoloġiċi adatti.

2.   Dawk li jaħdmu mal-vittmi ta’ tortura, stupru jew atti serji oħra ta’ vjolenza għandhom ikunu ħadu u jibqgħu jirċievu taħriġ xieraq dwar il-ħtiġijiet tagħhom, u għandhom jintrabtu bir-regoli ta’ konfidenzjalità pprovduti fil-liġi nazzjonali, rigward kwalunkwe informazzjoni li jiksbu matul xogħolhom.

KAPITOLU V

APPELLI

Artikolu 26

Appelli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet konnessi mal-għotja, l-irtirar jew it-tnaqqis ta’ benefiċċji taħt din id-Direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 li jolqtu lill-applikanti individwalment jistgħu jkunu suġġetti għal appell fi ħdan il-proċedura stipulata fil-liġi nazzjonali. Għall-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibilità ta’ appell jew ri-eżami, fil-fatt u bi dritt, quddiem awtorità ġudizzjarja.

2.   F’każijiet ta’ appell jew eżami quddiem awtorità ġudizzjarja imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas ikunu disponibbli fuq talba sa fejn tali għajnuna tkun meħtieġa biex jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja. Dan għandu jinkludi, tal-anqas, it-tħejjija tad-dokumenti proċedurali meħtieġa u l-parteċipazzjoni fis-smiegħ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’isem l-applikant.

L-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandha tingħata minn persuni kwalifikati kif adatt, kif ammessi jew permessi skont il-liġi nazzjonali, li l-interessi tagħhom ma jkunux f’kunflitt jew li ma jistgħux ikunu f’kunflitt potenzjali mal-interessi tal-applikant.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas jingħataw biss:

(a)

lil dawk li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi; u/jew

(b)

permezz tas-servizzi mogħtija minn konsulenti legali jew counsellors oħrajn nominati speċifikament mil-liġi nazzjonali biex jassistu u jirrappreżentaw lil applikanti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas ma jkunux disponibbli jekk l-appell jew ir-rieżami jkunu meqjusa minn awtorità kompetenti li ma jkollhom ebda prospettiva tanġibbli ta’ suċċess. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas ma jkunux limitati b’mod arbitrarju u li l-aċċess effettiv tal-applikant għall-ġustizzja ma jkunx ostakolat.

4.   L-Istati Membri jistgħu wkoll:

(a)

jimponu limiti taż-żmien u/jew monetarji dwar l-għoti ta’ assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas, sakemm limiti bħal dawn ma jillimitawx b’mod arbitrarju l-aċċess għall-assistenza u r-rappreżentanza legali;

(b)

jipprovdu li, fir-rigward ta’ tariffi u spejjeż oħra, it-trattament tal-applikanti m’għandux ikun aktar favorevoli mit-trattament ġenerali mogħti liċ-ċittadini tagħhom f’materji li jikkonċernaw l-assistenza legali.

5.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu rimborż sħiħ jew parzjali għal kwalunkwe spejjeż imħallsa jekk u meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant tkun tjiebet konsiderevolment jew jekk id-deċiżjoni li ttieħdet biex jingħataw tali spejjeż tkun ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija mill-applikant.

6.   Il-proċeduri għal aċċess għall-assistenza legali u r-rappreżentanza għandhom ikunu stipulati fil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU VI

AZZJONIJIET BIEX TITJIEB L-EFFIĊJENZA TAS-SISTEMA TA’ AKKOLJENZA

Artikolu 27

Awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu javża lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-obligi li jirriżultaw taħt din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet fl-identità ta’ dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 28

Sistema ta’ gwida, monitoraġġ u kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom, b’rispett dovut għall-istruttura kostituzzjonali tagħhom, jistabbilixxu mekkaniżmi relevanti sabiex jiżguraw l-istabbiliment ta’ gwida, monitoraġġ u kontroll xierqa tal-livell ta’ kondizzjonijiet ta’ akkoljenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni relevanti kif inhu stabbilit fil-formola stabbilita fl-Anness I sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2016.

Artikolu 29

Persunal u riżorsi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra li jimplimentaw din id-Direttiva jkunu rċevew it-taħriġ bażiku meħtieġ fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-applikanti kemm irġiel u kemm nisa.

2.   L-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi meħtieġa b’konnessjoni mal-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Rapporti

Sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandha tipproponi kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjooni l-informazzjoni kollha li hija xierqa għall-kitba tar-rapport sal-20 ta’ Lulju 2016.

Wara li tippreżenta l-ewwel r-rapport, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-inqas kull ħames snin.

Artikolu 31

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 12, 14 sa 28 u 30 u l-Anness I sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjonit-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b’din id-Direttiva għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi formulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 32

Tħassir

Id-Direttiva 2003/9/KE hi mħassra għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva bis-seħħ mill-21 ta’ Lulju 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 13 u 29 għandhom japplikaw mill-21 ta’ Lulju 2015.

Artikolu 34

L-indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. SHATTER


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 110 u ĠU C 24, 28.1.2012, p. 80.

(2)  ĠU C 79, 27.3.2012, p. 58.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 (ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 348) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-6 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18.

(5)  ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(7)  ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

(8)  Ara paġna 60 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(10)  Ara paġna 31 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

Formola ta’ rapportaġġ dwar l-informazzjoni li trid tiġi ppreżentata mill-Istati Membri fuq bażi annwali, kif inhu meħtieġ taħt l-Artikolu 28(2)

Wara d-data msemmija fl-Artikolu 28(2) l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-Istati Membri għandha tiġi ppreżentata mill-ġdid lill-Kummissjoni meta jkun hemm tibdil sostanzjali fil-liġi jew fil-prattika nazzjonali li tieħu post l-informazzjoni pprovduta.

1.

Fid-dawl tal-Artikoli 2(k) u 22, jekk jogħġbok spjega l-passi differenti għall-identifikazzjoni ta’ pesuni bi bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali, inkluż il-mument meta dan jibda u l-konsegwenzi tiegħu biex jiġu indirizzati tali bżonnijiet, b’mod partikolari għal minorenni mhux akkumpanjati, vittmi ta’ tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza fiżika, psikoloġika jew sesswali u vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

2.

Agħti l-informazzjoni kollha dwar it-tip, l-isem u l-format tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 6.

3.

B’referenza għall-Artikolu 15, jekk jogħġbok indika sa liema punt kwalunkwe kondizzjonijiet partikolari huma marbuta mal-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-applikanti, u ddeskrivi fid-dettall tali restrizzjonijiet.

4.

B’refenza għall-Artikolu 2(g), jekk jogħġbok iddeskrivi kif il-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huma pprovduti (jiġifieri liema kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huma pprovduti in natura, fi flus jew f’kumbinazzjoni ta’ dawk l-elementi) u indika l-livell tal-konċessjoni tal-ispejjeż ta’ kuljum ipprovduta lill-applikanti.

5.

Fejn applikabbli, b’referenza għall-Artikolu 17(5), jekk jogħġbok spjega l-punt(i) ta’ referenza applikati mil-liġi jew prattika nazzjonali bil-għan li tiġi determinata l-assistenza finanzjarja pprovduta lill-applikanti. Sal-punt li hemm trattament inqas favorevoli tal-applikanti meta mqabbla maċ-ċittadini, spjega r-raġunijiet għal dan.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva Mħassra

(imsemmija fl-Artikolu 32)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE

(ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18)

PARTI B

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 32)

Id-Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

2003/9/KE

fis-6 ta’ Frar2005.


ANNESS III

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Id-Direttiva 2003/9/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, kliem tal-bidu

Artikolu 2, kliem tal-bidu

Artikolu 2(a)

Artikolu 2 (b)

Artikolu 2(a)

Artikolu 2 (c)

Artikolu 2 (b)

Artikolu 2(d), kliem tal-bidu

Artikolu 2(c), kliem tal-bidu

Artikolu 2(d)(i)

Artikolu 2(c), l-ewwel inċiż

Artikolu 2(d), punt (ii)

Artikolu 2(c), it-tieni inċiż

Artikolu 2(c), it-tielet inċiż

Artikolu 2(e), (f) u (g)

Artikolu 2(d)

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(e)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2(f)

Artikolu 2(j)

Artikolu 2(g)

Artikolu 2 (k)

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(l)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2 (j)

Artikolu 2(k)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(1) sa (5)

Artikolu 6(1) sa (5)

Artikolu 6(6)

Artikolu 7(1) u (2)

Artikolu 7(1) u (2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4) sa (6)

Artikolu 7(3) sa (5)

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 8

Artikolu 12

Artikolu 9

Artikolu 13

Artikolu 10(1)

Artikolu 14(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10 (3)

Artikolu 14 (3)

Artikolu 11(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 15(2)

Artikolu 11(3)

Artikolu 15(3)

Artikolu 11(4)

Artikolu 12

Artikolu 16

Artikolu 13(1) sa (4)

Artikolu 17(1) sa (4)

Artikolu 13(5)

Artikolu 17(5)

Artikolu 14(1)

Artikolu 18(1)

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu, il-punti (a) u (b)

Artikolu 18(2), kliem tal-bidu, il-punti (a) u (b)

Artikolu 14(7)

Artikolu 18(2) (c)

Artikolu 18(3)

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(4)

Artikolu 14(3)

Artikolu 18(5)

Artikolu 14(4)

Artikolu 18(6)

Artikolu 14(5)

Artikolu 18(7)

Artikolu 14(6)

Artikolu 18(8)

Artikolu 14 (8), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu, l-ewwel inċiż

Artikolu 18(9), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu, il-punt (a)

Artikolu 14(8), l-ewwel subparagrafu,it-tieni inċiż

Artikolu 14(8), l-ewwel subparagrafu,it-tielet inċiż

Artikolu 18(9)(b)

Artikolu 14(8), l-ewwel subparagrafu, ir-raba’ inċiż

Artikolu 14(8), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18 (9), it-tieni subparagrafu

Artikolu 15

Artikolu 19

Artikolu 16(1), kliem tal-bidu

Artikolu 20(1), kliem tal-bidu

Artikolu 16 (1) (a), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi

Artikolu 20(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c)

Artikolu 16(1) (a), it-tieni subparagrafu

Artikolu 20(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 16(1)(b)

Artikolu 16(2)

Artikolu 20(2) u (3)

Artikolu 16(3) sa (5)

Artikolu 20(4) sa (6)

Artikolu 17(1)

Artikolu 21

Artikolu 17(2)

Artikolu 22

Artikolu 18(1)

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2) u (3)

Artikolu 18(2)

Artikolu 23(4)

Artikolu 23(5)

Artikolu 19

Artikolu 24

Artikolu 20

Artikolu 25(1)

Artikolu 25(2)

Artikolu 21(1)

Artikolu 26(1)

Artikolu 26(2) sa (5)

Artikolu 21(2)

Artikolu 26(6)

Artikolu 22

Artikolu 27

Artikolu 23

Artikolu 28(1)

Artikolu 28(2)

Artikolu 24

Artikolu 29

Artikolu 25

Artikolu 30

Artikolu 26

Artikolu 31

Artikolu 32

Artikolu 27

Artikolu 33, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 33, it-tieni subparagrafu

Artikolu 28

Artikolu 34

Anness I

Anness II

Anness III


Top