EUR-Lex Der Zugang zum EU-Recht

Zurück zur EUR-Lex-Startseite

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32015L0719

Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 115, 6.5.2015, S. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/719/oj

6.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/1


DIRETTIVA (UE) 2015/719 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Jeħtieġ li jinsaħaq fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, b'mod partikolari l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2), biex titjieb is-sikurezza tat-toroq u biex il-leġislazzjoni rilevanti tiġi adattata għall-iżviluppi teknoloġiċi u l-ħtiġijiet tas-suq li qed jinbidlu u biex jiġu ffaċilitati operazzjonijiet tat-trasport intermodali, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-infrastruttura tat-toroq u mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(2)

L-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li jiġi mmuntat apparat ajrudinamiku li jkun jista' jidħol 'il ġewwa jew jintewa fuq wara tal-vetturi. Madankollu, dan iwassal biex jinqabeż it-tul massimu tal-vetturi permess skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (3). Għalhekk hija meħtieġa deroga minn dak it-tul massimu tal-vetturi. Din id-Direttiva għandha l-għan li tippermetti l-istallazzjoni ta' tali tagħmir hekk kif l-emendi meħtieġa għar-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip tal-apparat ajrudinamiku jiġu trasposti jew applikati u l-Kummissjoni tkun adottat atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli operazzjonali għall-użu ta' tali apparat.

(3)

Ajrudinamika mtejba tal-kabini tal-vetturi bil-mutur tippermetti titjib fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika tal-vetturi, possibbilment flimkien ma' tali apparat ajrudinamiku li jkun jista' jidħol 'il ġewwa jew jintewa u li jkun immuntat ma' wara tal-vetturi. Madankollu, skont it-tul massimu attwali stabbilit mid-Direttiva 96/53/KE, tali titjib ma jistax ikun possibbli mingħajr ma titnaqqas il-kapaċità tat-tagħbija tal-vetturi, li jipperikola l-ekwilibriju ekonomiku tas-settur tat-trasport bit-triq. Għal dik ir-raġuni, deroga mit-tulijiet massimi hija meħtieġa wkoll. Dik id-deroga m'għandhiex tintuża biex iżżid il-kapaċità tat-tagħbija tal-vettura.

(4)

Skont il-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), apparat ajrudinamiku li jaqbeż 500 mm fit-tul u vetturi bil-mutur mgħammra b'kabini li jtejbu l-prestazzjoni ajrudinamika tagħhom, meta jaqbżu ċerti limiti stipulati fid-Direttiva 96/53/KE, għandhom ikollhom approvazzjoni tat-tip qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

(5)

Il-possibbiltà li vetturi jkollhom forma ġdida tal-kabini għandha tikkontribwixxi wkoll għat-titjib fis-sikurezza tat-triq billi jonqsu l-partijiet mhux viżibbli fil-viżjoni tas-sewwieqa, inklużi dawk taħt il-windscreen, u dan għandu jgħin biex isalva għadd ta' ħajjiet ta' utenti tat-triq vulnerabbli bħall-persuni mexjin jew iċ-ċiklisti. Forma ġdida tista' tinkorpora wkoll strutturi tal-assorbiment tal-enerġija f'każ ta' ħabta. Barra minn hekk, iż-żieda potenzjali fil-volum tal-kabina għandha ttejjeb il-livelli ta' sikurezza u ta' kumdità tas-sewwieq. Ladarba jkunu żviluppati rekwiżiti tas-sikurezza mtejba għal kabini itwal, jista' jitqies jekk ikunx xieraq li dawn jiġu applikati għal vetturi li ma jibbenefikawx mill-estensjoni tat-tul.

(6)

Sistemi ta' motopropulsjoni alternattivi, li jinkludu sistemi tal-motopropulsjoni ibridi, huma dawk li, għall-fini ta' propulsjoni mekkanika, jieħdu l-enerġija minn fjuwil li jiġi kkunsmat u/jew batterija jew tagħmir ieħor elettriku jew mekkaniku għall-ħażna tal-enerġija. L-użu tagħhom għal vetturi heavy duty jew xarabanks jista' jiġġenera piż żejjed iżda jnaqqas it-tniġġis. Dak il-piż żejjed m'għandux jingħadd bħala parti mit-tagħbija effettiva tal-vettura, billi dan jippenalizza s-settur tat-trasport bit-triq f'termini ekonomiċi. Madankollu, il-piż żejjed lanqas ma għandux jirriżulta fiż-żieda fil-kapaċità ta' tagħbija tal-vettura.

(7)

Vetturi futuri bi fjuwils alternattivi (b'sistemi tal-motopropulsjoni itqal minn dawk użati f'vetturi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali) jistgħu jibbenefikaw ukoll minn permess għal piż żejjed. Għalhekk, tali teknoloġiji alternattivi ta' fjuwil jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta' fjuwils alternattivi provduta fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/53/KE, jekk l-użu tagħhom jeħtieġ permess għal piż żejjed.

(8)

Din id-Direttiva tipprovdi derogi minn piżijiet u dimensjonijiet massimi awtorizzati ta' vetturi u kombinazzjonijiet tal-vetturi stipulati fid-Direttiva 96/53/KE. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrestrinġu, għal raġunijiet relatati mas-sikurezza tat-triq jew il-karatteristiċi infrastrutturali, iċ-ċirkolazzjoni ta' ċerti vetturi f'partijiet speċifiċi tan-netwerk tat-toroq tagħhom.

(9)

Fil-qasam tat-trasport bil-kontejners, il-kontejners tal-45 pied qed jintużaw dejjem aktar. Tali kontejners huma ttrasportati b'kull mezz ta' trasport. Madankollu, il-parti tat-triq tal-operazzjonijiet fit-trasport intermodali tista' tintuża biss, bħalissa, jekk l-Istati Membri u t-trasportaturi jsegwu proċeduri amministrattivi limitati, jew jekk dawk il-kontejners ikollhom irkejjen maqtugħin iċċertifikati, li l-ispiża tagħhom hija waħda projbittiva. Żieda ta' 15-il ċentimetru fit-tul awtorizzat tal-vetturi li jkunu qed iġorru tali kontejners tista' telimina dawk il-proċeduri amministrattivi lit-trasportaturi u tiffaċilita l-operazzjonijiet tat-trasport intermodali, mingħajr riskju jew preġudizzju għall-infrastruttura tat-triq jew l-utenti l-oħra tat-triq. Id-definizzjoni tal-operazzjoni tat-trasport intermodali f'din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-ħidma fuq ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE (5).

(10)

Sabiex jiġu promossi aktar l-operazzjonijiet ta' trasport intermodali u biex jittieħed kont tal-piż vojt ta' kontejners jew kaxex skambjabbli mhux itwal minn 45 pied għandha tiġi permessa ċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi bil-mutur bi tliet fusijiet b'semitrejlers b'żewġ jew tliet fusijiet sa piż totali awtorizzat ta' 44 tunnellata. Vetturi bil-mutur b'żewġ fusijiet b'semitrejlers bi tliet fusijiet li jittrasportaw kontejners jew kaxex skambjabbli mhux itwal minn 45 pied għandhom jiġu permessi fl-operazzjonijiet ta' trasport intermodali sa piż totali awtorizzat ta' 42 tunnellata.

(11)

Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/53/KE, il-piż medju tal-passiġġieri tax-xarabank kif ukoll tal-bagalji tagħhom żdied b'mod sostanzjali. Meta wieħed iqis il-limiti fuq il-piż imposti minn dik id-Direttiva, dan wassal għal tnaqqis progressiv fl-għadd ta' passiġġieri trasportati. Barra minn hekk, it-tagħmir meħtieġ biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tekniċi attwali, bħall-Euro VI, iżid mal-piż ta' dawk il-vetturi li jġorruhom. Il-ħtieġa li jkun iffavorit it-trasport pubbliku fil-konfront ta' dak privat fl-interess ta' effiċjenza enerġetika aħjar tfisser li għandu jerġa' jiġi stabbilit mill-ġdid l-għadd ta' qabel ta' passiġġieri tax-xarabank, filwaqt li titqies iż-żieda fil-piżijiet tagħhom u tal-bagalji tagħhom. Dak jista' jsir permezz ta' żieda fil-piż awtorizzat għax-xarabanks b'żewġ fusijiet, f'limiti li, madankollu, jiżguraw li ma ssirx ħsara lill-infrastruttura tat-triq minħabba erożjoni aktar rapida.

(12)

Każijiet ta' ksur rigward vetturi b'tagħbija eċċessiva jeħtieġ li jkunu indirizzati kif xieraq mill-Istati Membri sabiex tkun evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u tiġi żgurata s-sikurezza tat-triq.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi u biex jitjieb is-sejbien ta' ksur, l-Istati Membri għandhom, sas-27 ta' Mejju 2021, jieħdu miżuri speċifiċi biex jidentifikaw vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni li x'aktarx jaqbżu l-limiti rilevanti fil-piż u li għaldaqstant għandhom jiġu vverifikati. Tali identifikazzjoni tista' titwettaq permezz ta' mekkaniżmi tal-piż mibnijia fl-infrastruttura tat-toroq jew permezz ta' sensers abbord il-vetturi li jikkomunikaw data mill-bogħod lill-awtoritajiet rilevanti. Tali data abbord għandha ssir disponibbli wkoll għas-sewwieq. Kull sena kull Stat Membru għandu jwettaq għadd xieraq ta' kontrolli fuq il-piż tal-vetturi. L-għadd ta' tali kontrolli għandu jkun proporzjonat għall-għadd totali ta' vetturi spezzjonati annwalment fl-Istat Membru konċernat.

(14)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni għall-ksur ta' din id-Direttiva u għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, nondiskriminatorji, u għandhom ikunu proporzjonati u dissważivi.

(15)

Sabiex il-kontrolli tal-piżijiet tal-vetturi jew tal-kombinazzjonijiet tal-vetturi jsiru aktar effettivi fil-livell internazzjonali, u sabiex tiġi ffaċilitata l-operazzjoni aktar bla xkiel ta' dawk il-kontrolli, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni. Il-punt ta' kuntatt magħżul f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandu jintuża għal tali skambji ta' informazzjoni.

(16)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati regolarment bil-kontrolli tat-traffiku fit-toroq li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-informazzjoni, mogħtija mill-Istati Membri, ser tippermetti lill-Kummissjoni li tiżgura l-knformità min-naħa tat-trasportaturi mar-regoli provduti f'din id-Direttiva, kif ukoll li tiddetermina jekk għandhomx jiġu elaborati miżuri koerċittivi addizzonali.

(17)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(18)

Il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta atti ta' implimentazzjoni marbuta mar-rekwiżiti operazzjonali rigward l-użu ta' apparat ajrudinamiku u lanqas speċifikazzjonijiet dettaljati dwar tagħmir abbord ta' użin, meta l-kumitat stabbilit skont din id-Direttiva ma jagħti l-ebda opinjoni dwar l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni.

(19)

Sabiex taġġorna l-lista ta' fjuwils alternattivi inkluża f'din id-Direttiva fid-dawl tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tingħata lill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż konsultazzjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri, qabel jiġu adottati l-atti ddelegati. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(20)

Minħabba li l-objettivi ta' din-id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' għalhekk tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(21)

Għalhekk id-Direttiva 96/53/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 96/53/KE hi emendata kif ġej:

(1)

punt (a) tal-Artikolu 1(1) hija sostitwita b'dan li ġej:

“(a)

id-dimensjonijiet tal-vetturi bil-mutur fil-kategoriji M2 u M3 u lkarrijiet tagħhom fil-kategorija 0 u l-vetturi bil-mutur fil-kategoriji N2 u N3 u l-karrijiet tagħhom fil-kategoriji 03 u 04, kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (id-Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).”"

;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel paragrafu, jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“—

‘fjuwils alternattivi’ għandha tfisser fjuwils jew sorsi tal-enerġija li jservu, tal-inqas parzjalment, ta' sostitut għas-sorsi ta' żejt fossili fil-provvista tal-enerġija għat-trasport, u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport li jikkonsistu minn:

(a)

l-elettriku kkunsmat f'kull tip ta' vettura elettrika,

(b)

l-idroġenu,

(c)

il-gass naturali, inkluż il-bijometan, f'forma gassuża (Gass Naturali Kkompressat — CNG) u f'forma likwifikata (gass naturali likwifikat — LNG),

(d)

il-Gass Likwifikat miż-Żejt (LPG),

(e)

enerġija mekkanika minn sors abbord/ħażna abbord, inkluża sħana mitlufa,

‘vettura li taħdem bi fjuwil alternattiv’ għandha tfisser vettura bil-mutur li taħdem kompletament jew parzjalment bi fjuwil alternattiv u li ġiet approvata skont il-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE,

‘operazzjoni tat-trasport intermodali’ għandha tfisser:

(a)

l-operazzjonijiet tat-trasport kombinati definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE (**) li jittrasportaw kontenitur jew kontenituri jew kaxxi skambjabbli, sa tul massimu totali ta' 45 pied, jew

(b)

operazzjonijiet ta' trasport li jittrasportaw kontenitur jew kontenituri jew kaxxi skambjabbli, sa tul massimu totali ta' 45 pied, li jużaw it-trasport fuq l-ilma, sakemm it-tul inizjali jew finali tat-triq ma jaqbiżx 150 km fit-territorju tal-Unjoni. Id-distanza ta' 150 km imsemmija hawn fuq tista' tinqabeż sabiex jintlaħaq l-eqreb terminal ta' trasport adatt għas-servizz previst fil-każ li:

(i)

vetturi li jikkonformaw mal-punti 2.2.2 (a) jew (b) tal-Anness I, jew

(ii)

vetturi li jikkonformaw mal-punti 2.2.2 (c) jew (d) tal-Anness I, fil-każ li tali distanzi jkunu permessi fl-Istat Membru rilevanti.

Għall-operazzjonijiet tat-trasport intermodali, l-eqreb terminal ta' trasport adatt li jipprovdi servizz jista' jkun jinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru li fih il-konsenja ġiet mgħobbija jew maħtuta,

‘burdnar’ għandha tfisser entità ġuridika jew persuna fiżika jew ġuridika li hija msemmija fuq polza ta' kargu jew fuq dokument ta' trasport ekwivalenti, pereżempju polza ta' kargu tat-tip ‘through’, bħala l-burdnar u/jew li f'isimha jew għan-nom tagħha jkun ġie konkluż kuntratt ta' ġarr mal-kumpannija tat-trasport.

(**)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar li jiġu stabiliti regoli komuni għal ċerti tipi ta' ġarr ikkombinat tal-oġġetti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).”"

;

(b)

fit-tieni paragrafu, ir-referenza għad-“Direttiva 70/156/KEE” hi sostitwita b'dan li ġej:

“Direttiva 2007/46/KE”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tielet u r-raba' subparagrafi tal-paragrafu 4 huma mħassra.

(b)

il-paragrafu 6 huwa mħassar.

(4)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b' dan li ġej:

“Artikolu 5

Vetturi artikolati fiċ-ċirkolazzjoni qabel l-1 ta' Jannar 1991 li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 1.6 u 4.4 tal-Anness I għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma' tali speċifikazzjonijiet għall-fini tal-Artikolu 3 sakemm ma jkunux jaqbżu tul totali ta' 15,50 m.”

.

(5)

L-Artikoli 8, 8a u 9 huma mħassra.

(6)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8b

1.   Bl-għan li titjieb l-effiċjenza enerġetika, vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi li huma mgħammra b'tagħmir ajrudinamiku li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li jikkonformaw mad-Direttiva 2007/46/KE jistgħu jaqbżu t-tulijiet massimi previsti fil-punt 1.1 tal-Anness I għal' din id-Direttiva, biex tkun possibbli ż-żieda ta' tali tagħmir ma' wara tal-vetturi jew tal-kombinazzjonijiet ta' vetturi. Il-vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi mgħammra b'tali tagħmir għandhom ikunu konformi mal-punt 1.5 tal-Anness I għal din id-Direttiva, u kwalunkwe żidiet tat-tulijiet massimi, dan ma għandux jirriżulta f'żieda tat-tul tat-tagħbija ta' dawk il-vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi.

2.   Qabel ma jitqiegħed fis-suq, it-tagħmir ajrudinamiku imsemmi fil-paragrafu 1 li jaqbeż 500 mm fit-tul għandu jkun kopert minn approvazzjoni tat-tip skont ir-regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE.

Sas-27 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa li tadotta jew temenda kwalunkwe rekwiżit tekniku għall-approvazzjoni tat-tip ta' tagħmir ajrudinamiku stipulat fi ħdan dak il-qafas, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi żgurata s-sikurezza fit-toroq u s-sikurezza ta' operazzjonijiet ta' trasport intermodali, u b'mod partikolari:

(a)

it-twaħħil sigur tat-tagħmir b'mod li jitnaqqas ir-riskju li jinqala' maż-żmien, inkluż matul operazzjoni ta' trasport intermodali;

(b)

is-sikurezza ta' utenti oħra tat-triq, speċjalment l-utenti vulnerabbli tat-triq, billi tiġi żgurata, fost oħrajn, il-viżibbiltà tal-immarkar tal-kontorn meta l-apparat ajrudinamiku jitwaħħal, billi jiġu adattati r-rekwiżiti ta' viżjoni indiretta u, fil-każ ta' ħabta ma' wara ta' vettura jew kombinazzjoni ta' vetturi, billi ma tiġix kompromessal-protezzjoni tal-qiegħ fuq wara.

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif xieraq, proposta leġislattiva biex temenda r-regoli relevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE.

3.   It-tagħmir ajrudinamiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet operazzjonali li ġejjin:

(a)

f'ċirkustanzi fejn is-sikurezza ta' utenti oħra tat-triq jew tas-sewwieq tinsab f'riskju, għandu jintewa, jinġibed lura jew jinqala' mis-sewwieq;

(b)

l-użu tiegħu fl-infrastrutturi tat-toroq urbani u interurbani għandu jqis il-karatteristiċi speċjali ta' żoni fejn il-limitu ta' veloċità jkun inqas jew ta' 50 km/siegħa u fejn hemm possibbiltà akbar li jkunu preżenti utenti tat-triq aktar vulnerabbli; u

(c)

l-użu tiegħu għandu jkun kumpatibbli mal-operazzjonijiet tat-trasport intermodali u b'mod partikolari, fejn miġbud lura/mitwi, ma għandux jiżdied it-tul massimu awtorizzat b'aktar minn 20 ċm.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10i(2).

5.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mid-data ta' traspożizzjoni jew ta' applikazzjoni tal-emendi neċessarji għall-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2 u wara l-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, kif xieraq.

Artikolu 9a

1.   Bl-għan li titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta' titjib fil-prestazzjoni ajrudinamika tal-kabini, kif ukoll is-sikurezza tat-toroq, il-vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi li jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 u li jikkonformaw mad-Direttiva 2007/46/KE, jistgħu jaqbżu t-tulijiet massimi stipulati fil-punt 1.1 tal-Anness I għal din id-Direttiva sakemm il-kabina tagħhom jkollha ajrudinamika mtejba, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-prestazzjoni tas-sikurezza. Il-vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi mgħammra b'tali kabini għandhom ikunu konformi mal-punt 1.5 tal-Anness I għal din id-Direttiva u, kwalunkwe żieda fit-tulijiet massimima għandux jirriżulta f'żieda tal-kapaċità tat-tagħbija ta' dawk il-vetturi.

2.   Qabel ma jitqiegħdu fis-suq, il-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu approvati f'konformità mar-regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE. Sas-27 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li jiġu żviluppati rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi mgħammra b'kabini kif stipulat fi ħdan dak il-qafas, filwaqt li tqis dan li ġej:

(a)

it-titjib fil-prestazzjoni ajrudinamika tal-vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi;

(b)

l-utenti vulnerabbli tat-triq, u t-titjib tal-viżibbiltà tagħhom għas-sewwieqa, b'mod partikolari billi jitnaqqsu l-punti mhux viżibbli għas-sewwieqa;

(c)

it-tnaqqis fil-ħsara jew korriment minħabba utenti oħra tat-triq f'każ ta' ħabta;

(d)

is-sikurezza u l-kumdità tas-sewwieqa.

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġislattiva biex temenda r-regoli rilevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika minn tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni jew ta' applikazzjoni tal-emendi neċessarji għall-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2, kif xieraq.”

.

(7)

L-Artikolu 10a huwa mħassar:

(8)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 10b

Il-piżijiet massimi awtorizzati ta' vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi għandhom ikunu dawk imniżżla fil-punti 2.3.1, 2.3.2 u 2.4 tal-Anness I.

Il-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi madankollu għandhom jikkonformaw ukoll mal-limiti ta' tagħbija massima awtorizzata fuq il-fus mniżżla fil-punt 3 tal-Anness I.

Il-piż addizzjonali li jeħtieġu l-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi għandu jiġi definit fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-produttur meta tiġi approvata l-vettura inkwistjoni. Dak il-piż addizzjonali għandu jiġi indikat fil-prova uffiċjali meħtieġa skont l-Artikolu 6.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10h li jaġġornaw, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-lista ta' fjuwils alternattivi msemmija fl-Artikolu 2 li jeħtieġu piż addizzjonali. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

Artikolu 10c

It-tulijiet massimi stabbiliti fil-punt 1.1 tal-Anness I, soġġett fejn applikabbli għall-Artikolu 9a(1) u t-tul massimu stabbilit fil-punt 1.6 tal-Anness I jistgħu jinqabżu bi 15-il ċentimetru għall-vetturi jew għal kombinazzjonijiet ta' vetturi li jittrasportaw kontejners tal-45 pied jew kaxex skambjabbli tal-45 pied, vojta jew mgħobbija, sakemm it-trasport bit-triq tal-kontejner jew tal-kaxxa skambjabbli in kwistjoni jkun parti minn operazzjoni ta' trasport intermodali.

Artikolu 10d

1.   Sas-27 ta' Mejju 2021, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jidentifikaw vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni li x'aktarx ikunu qabżu l-piż massimu awtorizzat u li għaldaqstant għandhom jiġu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Dawk il-miżuri jistgħu jsiru bl-għajnuna ta' sistemi awtomatiċi mqiegħda fuq l-infrastrutturi, jew permezz ta' tagħmir għall-kejl tal-piż abbord il-vetturi skont il-paragrafu 4.

Stat Membru ma għandux jirrikjedi l-installazzjoni ta' tagħmir għall-kejl tal-piż abbord fuq vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi li huma reġistrati fi Stat Membru ieħor.

Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, fejn jintużaw sistemi awtomatiċi biex jiġi stabbilit ksur ta' din id-Direttiva u biex jiġu imposti pieni, tali sistemi awtomatiċi għandhom jiġu ċċertifikati. Fejn sistemi awtomatiċi jintużaw biss għal skopijiet ta' identifikazzjoni ma għandhomx għalfejn ikunu ċertifikati.

2.   Kull Stat Membru għandu, f'kull sena kalendarja, jagħmel għadd xieraq ta' verifiki fuq il-piż ta' vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni, proporzjonat mal-għadd totali ta' vetturi spezzjonati kull sena fit-territorju tiegħu.

3.   L-Istati Membri, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-ksur u l-pieni marbutin ma' dan l-Artikolu.

4.   It-tagħmir għall-kejl tal-piż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun preċiż u affidabbli, kompletament interoperabbli u kumpatibbli mat-tipi kollha ta' vetturi.

5.   Sas-27 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni għandha, tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-interoperabbiltà u l-kumpatibbiltà stabbiliti fil-paragrafu 4.

Sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità, dawk id-dispożizzjonijiet dettaljati għandhom iwasslu biex id-data dwar il-piż tkun tista' tiġi komunikata fi kwalunkwe ħin minn vettura li qed tiċċaqlaq lill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll lis-sewwieq tagħha. Dik il-komunikazzjoni għandha ssir permezz tal-interfaċċja definita mill-istandards ta' CEN DSRC — EN 12253, EN 12795, EN 12834, EN 13372 u ISO 14906. Barra minn hekk, tali komunikazzjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jikkomunikaw u jiskambjaw informazzjoni bl-istess mod mal-vetturi u l-kombinazzjonijiet ta' vetturi reġistrati fi kwalunkwe Stat Membru u bl-użu ta' tagħmir għall-kejl tal-piż abbord il-vettura.

Sabiex tiġi żgurata kumpatibbiltà mat-tipi kollha ta' vetturi, sistemi abbord vetturi bil-mutur għandu jkollhom il-kapaċità li jirċievu u jipproċessaw kwalunkwe data li ġejja minn kull tip ta' trejler jew semitrejler marbuta ma' vetturi bil-mutur.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10i(2).

Artikolu 10e

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta' din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, m'għandhomx ikunu diskriminatorji, u għandhom ikunu proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwar dawk ir-regoli lill-Kummissjoni.

Artikolu 10f

1.   Għat-trasport ta' kontejners u kaxxi skambjabbli, l-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli li jesiġu:

(a)

li l-burdnar jagħti lit-trasportatur bit-triq fdat bit-trasport ta' kontejner jew kaxxa skambjabbli dikjarazzjoni li tindika l-piż tal-kontejner jew kaxxa skambjabbli li tkun ġiet trasportata, u

(b)

li t-trasportatur bit-triq jipprovdi aċċess għad-dokumentazzjoni rilevanti kollha provduta mill-burdnar.

2.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar ir-responsabbiltà kemm għall-burdnar kif ukoll għat-trasportatur bit-triq kif xieraq f'każijiet fejn l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun nieqsa jew żbaljata u l-vettura jew kombinazzjoni ta' vetturi tkun mgħobbija żżejjed.

Artikolu 10g

Kull sentejn, u mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena wara tmiem il-perijodu ta' sentejn ikkonċernat, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa dwar:

(a)

l-għadd ta' verifiki li jkunu saru fis-sentejn kalendarji preċedenti, u

(b)

l-għadd ta' vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi b'tagħbija eċċessiva li jkunu nstabu.

Din l-informazzjoni tista' tkun parti mill-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-informazzjoni riċevuta skont dan l-Artikolu, u għandha tinkludiha fir-rapport li għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Artikolu 10h

1.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 10b hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-26 ta' Mejju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħat imsemmija fl-Artikolu 10b tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dwar dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10b għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 10i

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għat-Trasport bit-Triq imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 10j

Sat-8 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni għandha tressaq, kif xieraq, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-emendi għal din id-Direttiva introdotta bid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), inkluż it-teħid tal-kont ta' karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti setturi tas-suq. Fuq il-bażi ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta leġislattiva akkumpanjata debitament minn valutazzjoni tal-impatt. Ir-rapport għandu jsir disponibbli tal-anqas sitt xhur qabel ma tiġi sottomessa kwalunkwe proposta leġislattiva.

(1)

(1)*

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

(2)

(2)*

Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(3)

(3)*

Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(4)

(4)*

Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)

(5)*

Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1).”

.

(9)

L-Anness I hu emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1.2(a) għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(a)

il-vetturi kollha ħlief il-vetturi msemmija fil-punt (b); 2,55 m”

;

(b)

il-punt 1.2(b) għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(b)

superstrutturi ta' vetturi kondizzjonati jew kontejners jew kaxxi skambjabbli kondizzjonati trasportati permezz ta' vetturi: 2,60 m”

;

(c)

il-punt 2.2.2(c) għandu jiġi sostitwit b'dan it-test:

“(c)

vettura bil-mutur b'żewġ fusijiet b'semitrejler li jkollu tliet fusijiet u li jkun qed jittrasporta, b'operazzjonijiet ta' trasport intermodali, unità waħda jew aktar ta' kontejners jew kaxxi skambjabbli, sa tul massimu totali ta' mhux iktar minn 45 pied: 42 tunnellata”

;

(d)

fil-punt 2.2.2, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

vettura bil-mutur bi tliet fusijiet b'semitrejler li jkollu żewġ jew tliet fusijiet u li jkun qed jittrasporta, b'operazzjonijiet ta' trasport intermodali, kontejner jew kaxxa skambjabbli waħda jew aktar, sa tul massimu totali ta' 45 pied: 44 tunnellata”

;

(e)

il-punt 2.3.1 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“2.3.1.

vetturi bil-mutur b'żewġ fusijiet li mhumiex karozzi tal-linja: 18-il tunnellata

vetturi bil-mutur b'żewġ fusijiet li jaħdmu bi fjuwils alternattivi u li mhumiex karozzi tal-linja: il-piż massimu ta' 18-il tunnellata għandu jiżdied minħabba l-piż addizzjonali meħtieġ għat-teknoloġija ta' fjuwils alternattivi b'massimu ta' tunnellata

karozzi tal-linja b'żewġ fusijiet: 19,5 tunnellati”

;

(f)

il-punt 2.3.2, huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.3.2.

vetturi bil-mutur bi tliet fusijiet: 25 tunnellata jew 26 tunnellata fejn il-fus motorizzat ikun mgħammar b'tajers doppji u sospensjoni bl-arja jew sospensjoni rikonoxxuta bħala ekwivalenti fl-Unjoni kif definit fl-Anness II, jew fejn kull fus motorizzat ikun mgħammar b'tajers doppji u l-piż massimu ta' kull fus ma jaqbiżx 9,5 tunnellati.

vettura bil-mutur bi tliet fusijiet li jaħdmu bi fjuwils alternattivi: 25 tunnellata jew 26 tunnellata fejn il-fus motorizzat ikun mgħammar b'tajers doppji u sospensjoni bl-arja jew sospensjoni rikonoxxuta bħala ekwivalenti fl-Unjoni kif definit fl-Anness II, jew fejn kull fus motorizzat ikun mgħammar b'tajers doppji u l-piż massimu ta' kull fus ma jaqbiżx 9,5 tunnellati jiżdied minħabba l-piż addizzjonali meħtieġ għat-teknoloġija ta' fjuwils alternattivi b'massimu ta' tunnellata”

;

(g)

il-punt 2.4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.4.

Karozzi tal-linja artikolati bi tliet fusijiet: 28 tunnellata

Karozzi tal-linja artikolati bi tliet fusijiet li jaħdmu fi fjuwils alternattivi: il-piż massimu awtorizzat ta' 28 tunnellata għandu jiżdied minħabba l-piż addizzjonali meħtieġ għat-teknoloġija ta' fjuwils alternattivi b'massimu ta' tunnellata”

.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-7 ta' Mejju 2017. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 133.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta' Ottubru 2014 (ĠU C 40, 5.2.2015, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(4)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


nach oben