Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0048

Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà

OJ L 294, 6.11.2013, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/48/oj

6.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 294/1


DIRETTIVA 2013/48/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-KEDB) u l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-ICCPR) jinkorporaw id-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48(2) tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża.

(2)

L-Unjoni stabbilixxiet għaliha stess l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonjiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b’mod partikolari l-punt (33) tagħhom, il- prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet oħra tal-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jsir il-bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali fl-Unjoni peress li r-rikonoxximent reċiproku mtejjeb u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġislazzjoni jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali.

(3)

Skont l-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-“kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji…”.

(4)

L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt sa fejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna minn għadd ta’ fatturi, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(5)

Minkejja li l-Istati Membri kollha huma parti għall-KEDB u għall-ICCPR, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell suffiċjenti ta’ fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra.

(6)

Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali jista’ jopera b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja li fih mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jikkunsidraw deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li timplika mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati b’mod korrett. It-tisħiħ ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-Karta, mill-KEDB u mill-ICCPR. Jeħtieġ ukoll, permezz ta’ din id-Direttiva u permezz ta’ miżuri oħra, żvilupp ulterjuri fl-Unjoni tal-istandards minimi stipulati fil-Karta u l-KEDB.

(7)

L-Artikolu 82(2) tat-TFUE jipprevedi l-istabbiliment tar-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali. Dak l-Artikolu jirreferi għad-“drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma fejn jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

(8)

Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li, bħala riżultat għandha twassal għal kooperazzzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka, u għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ drittijiet fundamentali fl-Unjoni. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali, id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà.

(9)

Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (“il-Pjan Direzzjonali”) (3). Permezz ta’ approċċ gradwali, il-Pjan Direzzjonali jsejjaħ għall-adozzjoni ta’ miżuri rigward id-dritt ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet u informazzjoni dwar l-akkużi (miżura B), id-dritt għal parir legali u għajnuna legali (miżura C), id-dritt li persuna tikkomunika mal-qraba, ma’ min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari (miżura D), u għal salvagwardji speċjali għal persuni suspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E). Il-Pjan Direzzjonali jenfasizza li l-ordni tad-drittijiet huwa indikattiv biss u għaldaqstant jimplika li jista’ jinbidel skont il-prijoritajiet. Il-Pjan Direzzjonali huwa mfassal sabiex jopera fl-intier tiegħu; huwa biss meta jiġu implimentati l-partijiet komponenti kollha tiegħu li għandhom jinħassu l-benefiċċji kollha tiegħu.

(10)

Fil-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-Pjan Direzzjonali u inkludih bħala parti mill-Programm ta’ Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (4) (punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew issottolinja n-natura mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali, billi stieden lill-Kummissjoni biex teżamina elementi ulterjuri ta’ drittijiet proċedurali minimi għall-persuni suspettati u akkużati, u biex tevalwa jekk hemmx bżonn li jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, pereżempju l-preżunzjoni tal-innoċenza, biex tkun promossa kooperazzjoni aħjar f’dak il-qasam.

(11)

S’issa ġew adottati żewġ miżuri skont il-Pjan Direzzjonali, jiġifieri d-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (5) u d-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (6).

(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja fejn l-Istati Membri (7) (proċeduri relatati tal-mandat ta’ arrest Ewropew) u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza maċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà. B’dan hija tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli 4, 6, 7, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 3, 5, 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fil-ġurisprudenza tagħha, regolarment tistabbilixxi standards dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat. Din il-ġurisprudenza tipprevedi, fost l-oħrajn, li proċedimenti ġusti jeħtieġu li persuna suspettata jew akkużata tkun tista’ tikseb il-firxa kollha ta’ servizzi assoċjati speċifikament mal-assistenza legali. F’dak ir-rigward, l-avukati tal-persuni suspettati jew akkużati għandhom ikunu jistgħu jiżguraw mingħajr restrizzjoni l-aspetti fundamentali tad-difiża.

(13)

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt il-KEDB li jiżguraw id-dritt għal proċess ġust, proċedimenti fir-rigward ta’ reati minuri li jseħħu f’ħabs u proċedimenti fir-rigward ta’ reati mwettqa f’kuntest militari li huma ttrattati minn uffiċjal kmandant ma għandhomx jitqiesu bħala proċedimenti kriminali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(14)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13/UE, li teħtieġ li persuni suspettati jew akkużati jingħataw informazzjoni minnufih dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, u li persuni suspettati jew akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jingħataw minnufih Ittra tad-Drittijiet miktuba, li tinkludi informazzjoni dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat.

(15)

It-terminu avukat f’din id-Direttiva jirreferi għal kwalunkwe persuna li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun kwalifikata u intitolata, inkluż permezz ta’ akkreditazzjoni minn korp awtorizzat, li tipprovdi pariri u assistenza legali lil persuni suspettati jew akkużati.

(16)

F’xi Stati Membri awtorità li mhijiex qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali tkun kompetenti biex timponi sanzjonijiet għajr iċ-ċaħda tal-libertà fir-rigward ta’ reati relattivament minuri. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u jista’ jkun li jiġu stabbiliti wara li jsir kontroll tat-traffiku. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ikun mhux raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa tiżguraw d-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni minn tali awtorità fir-rigward ta’ reati minuri u jkun hemm jew dritt ta’ appell jew il-possibbiltà li b’xi mod ieħor il-każ jinġieb quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, din id-Direttiva għandha għalhekktapplika biss għall-proċedimenti li jinġiebu quddiem dik il-qorti wara tali appell jew rinviju.

(17)

F’xi Stati Membri ċerti reati minuri, b’mod partikolari reati minuri tat-traffiku, reati minuri fir-rigward ta’ regolamenti muniċipali ġenerali u ksur minuri tal-ordni pubbliku, jitqiesu bħala reati kriminali. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ikun mhux raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jiżguraw id-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi fir-rigward ta’ reati minuri li ma tistax tkun imposta ċ-ċaħda tal-libertà bħala sanzjoni, din id-Direttiva għandha għalhekk tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali.

(18)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ ċerti reati minuri ma għandux jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri skont il-KEDB li jiżguraw id-dritti għal proċess ġust, inkluż il-kisba ta’ assistenza legali minn avukat.

(19)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed f’konformità ma’ din id-Direttiva. Fi kwalunkwe każ, persuni suspettati jew akkużati għandhom jingħataw aċċess għas-servizzi ta’ avukat matul proċedimenti kriminali quddiem qorti, jekk ma jkunux irrinunzjaw dak id-dritt.

(20)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, interrogazzjoni ma tinkludix interrogazzjoni preliminari mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi li l-għan tagħha jkun li tidentifika l-persuna konċernata, li tivverifika l-pussess ta’ armi jew kwistjonijiet simili oħra ta’ sikurezza jew li tiddetermina jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni, pereżempju waqt li jsir kontroll fit-triq, jew matul kontrolli regolari għall-għarrieda meta persuna suspettata jew akkużata ma tkunx għadha ġiet identifikata.

(21)

Fejn persuna li ma tkunx persuna suspettata jew akkużata, bħal xhud, issir persuna suspettata jew akkużata, dik il-persuna għandha tiġi protetta mill-awtoinkriminazzjoni u jkollha d-dritt li tibqa’ siekta, kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalhekk din id-Direttiva tagħmel referenza espliċita għas-sitwazzjoni prattika fejn tali persuna ssir persuna suspettata jew akkużata, matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Fejn, matul tali interrogazzjoni, persuna li ma tkunx persuna suspettata jew akkużata ssir persuna suspettata jew akkużata, l-interrogazzjoni għandha tiġi sospiża minnufih. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-interrogazzjoni titkompla jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet infurmata li hija persuna suspettata jew akkużata u tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva.

(22)

Persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat mal-avukat li jirrappreżentahom. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin u l-frekwenza ta’ tali laqgħat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-proċedimenti, b’mod partikolari l-kumplessità tal-każ u l-passi proċedurali applikabbli. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu wkoll arranġamenti prattiċi biex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà, b’mod partikolari tal-avukat u tal-persuna suspettata jew akkużata, fil-post fejn tali laqgħa sseħħ. Arranġamenti prattiċi bħal dawn ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv jew l-essenza tad-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jiltaqgħu mal-avukat tagħhom.

(23)

Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom. Tali komunikazzjoni tista’ sseħħ f’kull stadju, inkluż qabel kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt li jiltaqgħu ma’ dak l-avukat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin, il-frekwenza u l-mezzi ta’ tali komunikazzjoni, inkluż dwar l-użu ta’ vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-komunikazzjoni biex jippermettu li jsiru tali komunikazzjonijiet. Arranġamenti prattiċi bħal dawn ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv jew l-essenza tad-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jikkomunikaw mal-avukat tagħhom.

(24)

Fir-rigward ta’ ċerti reati minuri, din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jorganizzaw id-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jkollhom aċċess għal avukat permezz tat-telefon. Madankollu, il-limitazzjoni tad-dritt b’dan il-mod għandu jkun ristrett għal każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata mhux ser tiġi interrogata mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja.

(25)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta huma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, anke matul is-seduta tal-qorti. Tali parteċipazzjoni għandha tkun f’konformità ma kwalunkwe proċedura taħt liġi nazzjonali li tista’ tirregola l-parteċipazzjoni ta’ avukat matul l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, inkluż matul is-seduta tal-qorti, dment li tali proċedura ma tippreġudikax l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt ikkonċernat. Matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja tal-persuna suspettata jew akkużata jew fis-seduta tal-qorti, l-avukat jista’ fost l-oħrajn, f’konformità ma’ tali proċeduri, isaqsi mistoqsijiet, jitlob kjarifika u jagħmel stqarrijiet, li għandhom jiġu rreġistrati f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(26)

Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom id-dritt li l-avukat tagħhom jattendi atti investigattivi jew atti oħra ta’ ġbir ta’ provi, sa fejn dawn ikunu previsti fil-liġi nazzjonali konċernata u sa fejn il-persuni suspettati jew akkużati jkunu meħtieġa jew permessi li jattendu. Tali atti għandhom jinkludu mill-inqas ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni, fejn il-persuna suspettata jew akkużata tinsab fost persuni oħrajn sabiex tiġi identifikata minn vittma jew xhud; konfrontazzjonijiet, fejn persuna suspettata jew akkużata titpoġġa flimkien ma’ xhud jew xhieda, jew vittma(i) meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar fatti jew kwistjonijiet importanti; u rikostruzzjoni tax-xena tar-reat fil-preżenza tal-persuna suspettata jew akkużata,sabiex jiġu mifhuma aħjar il-mod u ċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat u jkunu jistgħu jsiru mistoqsijiet speċifiċi lill-persuna suspettata jew akkużata. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward il-preżenza ta’ avukat matul atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi. Tali arranġamenti prattiċi ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-drittijiet konċernat. Fejn ikun preżenti avukat matul att investigattiv jew att ta’ ġbir ta’ provi, dan għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat.

(27)

L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jagħmlu l-informazzjoni ġenerali disponibbli, pereżempju fuq sit elettroniku jew permezz ta’ fuljett li jkun disponibbli fl-għases tal-pulizija, biex jagħmluha faċli għall-persuni suspettati jew akkużati li jsibu avukat. Madankollu, ma jkunx meħtieġ li l-Istati Membri jieħdu passi attivi biex jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati li mhux miċħuda mil-libertà tagħhom jiġu assistiti minn avukat f’każ li l-persuni konċernati ma jkunux huma stess li jagħmlu arranġamenti biex jiġu megħjuna minn avukat. Il-persuna suspettata jew akkużata konċernata għandha tkun tista’ tikkuntattja, tikkonsulta u tkun megħjuna liberament minn avukat.

(28)

Fejn il-persuni suspettati jew akkużati jinċaħdu mil-libertà tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li tali persuni jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, inkluż billi jieħdu ħsieb li tingħata għajnuna minn avukat meta l-persuna konċernata ma jkollhiex wieħed, dment li ma jkunux irrinunzjaw għal dan id-dritt. Tali arranġamenti jistgħu jimplikaw, fost l-oħrajn, li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu arranġamenti għall-assistenza minn avukat fuq il-bażi ta’ lista ta’ avukati disponibbli li l-persuna suspettata jew akkużata tkun tista’ tagħżel minnhom. Tali arranġamenti jistgħu jinkludu dawk dwar l-għajnuna legali, jekk applikabbli.

(29)

Il-kondizzjonijiet li fihom il-persuna suspettati jew akkużati jiġu miċħuda l-libertà għandhomjirrispettaw bis-sħiħ l-istandards stabbiliti fil-KEDB, fil-Karta, u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Meta jipprovdi assistenza skont din id-Direttiva lil persuna suspettata jew akkużata li tkun miċħuda l-libertà, l-avukat konċernat għandu jkun jista’ jagħmel mistoqsijiet lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kondizzjonijiet li fihom dik il-persuna hija miċħuda l-libertà.

(30)

F’każijiet ta’ distanza ġeografika ‘l bogħod tal-persuna suspettata jew akkużata, bħal f’territorji extra-Ewropej jew fejn l-Istat Membru jwettaq jew jipparteċipa f’operazzjonijiet militari barra mit-territorju tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt tal-persuna suspettata jew akkużata li jkollha aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà. Matul deroga temporanja bħal din, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jinterrogaw lill-persuna konċernata jew iwettqu atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi previsti f’din id-Direttiva. Meta l-aċċess immedjat għas-servizzi ta’ avukat ma jkunx possibbli minħabba d-distanza ġeografika ‘l bogħod tal-persuna suspettata jew akkużata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal komunikazzjoni permezz tat-telefon jew il-vidjokonferenzar sakemm dan ma jkunx impossibbli.

(31)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-fażi ta’ qabel il-kawża fejn ikun hemm ħtieġa, f’każijiet ta’ urġenza, li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Matul deroga temporanja għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinterrogaw lil persuni suspettati jew akkużati mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu ġew infurmati li għandhom dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u dment li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. L-interrogazzjoni tista’ ssir biss għall-fini u sakemm din tkun meħtieġa biex tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga fil-prinċipju jippreġudika b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.

(32)

L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-fażi ta’ qabel il-kawża fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun imperattiva sabiex jiġi evitat lil-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali, b’mod partikolari biex jiġu evitati l-qerda jew it-tibdil tal-evidenza essenzjali, jew biex tiġi evitata interferenza max-xhieda. Matul deroga temporanja għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinterrogaw lil persuni suspettati jew akkużati mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu ġew infurmati li għandhom id-dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u dmenti li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. L-interrogazzjoni tista’ ssir biss għall-fini u sakemm din tkun meħtieġa biex tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga fil-prinċipju jippreġudika b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.

(33)

Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u hija parti essenzjali tad-dritt għal proċess ġust. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-laqgħat u ta’ forom oħra ta’ komunikazzjoni bejn l-avukat u l-persuna suspettata jew akkużata fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat previst f’din id-Direttiva, mingħajr deroga. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jindirizzaw is-sitwazzjoni fejn ikun hemm ċirkostanzi oġġettivi u fattwali li jqanqlu s-suspett li l-avukat huwa involut flimkien mal-persuna suspettata jew akkużata f’reat kriminali. Kwalunkwe attività kriminali tal-avukat ma għandhiex titqies bħala assistenza leġittima tal-persuni suspettati jew akkużati fil-qafas ta’ din id-Direttiva. L-obbligu li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità ma jimplikax biss li l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jinterferixxu f’tali komunikazzjoni jew jaċċedu għaliha imma jimplika wkoll li, meta l-persuni suspettati jew akkużati jkunu miċħuda mil-libertà jew altrimenti jsibu ruħhom f’post taħt il-kontroll tal-Istat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti għall-komunikazzjoni jiddefendu u jipproteġu l-kunfidenzjalità. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe mekkaniżmu fis-seħħ f’faċilitajiet ta’ detenzjoni bil-għan li jiġi evitat li d-detenuti jirċievu oġġetti illegali, bħall-iċċekkjar tal-korrispondenza, dment li tali mekkaniżmi ma jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti li jaqraw il-korrispondenza bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali li skonthom it-trasmissjoni tal-korrispondenza tista’ tiġi rifjutata jekk min jibgħatha ma jaqbilx li l-korrispondenza tintbagħat l-ewwel lil qorti kompetenti.

(34)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal ksur ta’ kunfidenzjalità li hija inċidentali għal operazzjoni ta’ sorveljanza legali minn awtoritajiet kompetenti. Din id-Direttiva għandha tkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-ħidma li ssir, pereżempju mis-servizzi tal-intelligence nazzjonali, biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jew li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 72 TFUE li skont it-Titolu V dwar l-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja ma għandux jaffettwa l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(35)

Il-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà għandu jkollhom id-dritt li tal-anqas ikun hemm persuna waħda, bħal qarib jew min iħaddimhom, magħżul minnhom, li mingħajr dewmien żejjed tkun infurmata biċ-ċaħda tal-libertà, dmenti li dan ma jippreġudikax l-andament tal-proċeduri kriminali kontra l-persuna konċernata, jew għall-ebda proċedimenti kriminali oħra. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward l-applikazzjoni ta’ dak id-dritt. Tali arranġamenti prattiċi ma għandhomx jippreġudikawl-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali limitati għandha tkun possibbli d-deroga temporanja minn dak id-dritt meta dan ikun ġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, minn raġuni konvinċenti kif speċifikata f’din id-Direttiva. Meta l-awtoritajiet kompetenti jipprevedu li jagħmlu tali deroga temporanja fir-rigward ta’ persuna terza speċifika, huma għandhom l-ewwel iqisu jekk tistax tiġi infurmata persuna terza oħra, magħżula mill-persuna suspettata jew akkużata, dwar iċ-ċaħda tal-libertà.

(36)

Il-persuni suspettati jew akkużati, filwaqt li jinċaħdu mil-libertà tagħhom, għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mingħajr dewmien żejjed tal-anqas ma’ persuna waħda bħal qarib, magħżula minnhom. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jipposponu l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt fid-dawl tar-rekwiżiti essenzjali jew rekwiżiti operazzjonali proporzjonati. Tali rekwiżiti jistgħu jinkludu, fost oħrajn, il-ħtieġa li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji fuq il-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna, il-ħtieġa li jiġu evitati preġudizzji fil-proċedimenti kriminali, il-ħtieġa li jiġi evitat reat kriminali, il-ħtieġa li wieħed jistenna għal seduta fil-qorti u l-ħtieġa li jiġu protetti l-vittmi ta’ reat. Meta l-awtoritajiet kompetenti jipprevedu li jillimitaw jew jipposponu l-eżerċizzju tad-dritt għall-komunikazzjoni fir-rigward ta’ persuna terza speċifika, huma għandhom l-ewwel jikkunsidraw jekk il-persuni suspettati jew akkużati jistgħux jikkomunikaw ma’ persuna terza oħra magħżula minnhom. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward meta ssir, il-mezz li bih issir, it-tul ta’ ħin u l-frekwenza tal-komunikazzjoni ma’ persuni terzi, b’kont meħud tal-ħtieġa li jinżammu l-ordni pubbliku, is-sikurezza u s-sigurtà fil-post fejn il-persuna tinċaħad mil-libertà.

(37)

Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jinċaħdu mil-libertà għal assistenza konsulari huma stabbiliti fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, fejn huwa dritt mogħti lill-Istati li jkollhom aċċess għaċ-ċittadini tagħhom. Din id-Direttiva tikkonferixxi dritt korrispondenti lil persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà, soġġett għax-xewqat tagħhom. Il-protezzjoni konsulari tista’ tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet diplomatiċi meta dawn l-awtoritajiet jaġixxu bħala awtoritajiet konsulari.

(38)

L-Istati Membri għandhom jistipulaw b’mod ċar fil-liġi nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet u l-kriterji għal kwalunkwe deroga temporanja mid-drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva, u għandhom jagħmlu użu ristrett minn dawk id-derogi temporanji. Kwalunkwe tali deroga temporanja għandha tkun proporzjonali, għandha tkun strettament limitata fiż-żmien, ma għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew il-gravità tiegħu, u ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn tkun ġiet awtorizzata deroga temporanja skont din id-Direttiva minn awtorità ġudizzjarja li ma tkunx imħallef jew qorti, id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tad-deroga temporanja tista’ tiġi vvalutata minn qorti tal-anqas matul l-istadju tal-kawża.

(39)

Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw dritt mogħti skont din id-Direttiva, dment li jkunu ngħataw informazzjoni dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja ta’ dak id-dritt. Meta tingħata tali informazzjoni, għandu jittieħed kont tal-kondizzjonijiet speċifiċi tal-persuni suspettati jew akkużati konċernati, inklużi l-età tagħhom, u l-kondizzjoni mentali u fiżika tagħhom.

(40)

Ir-rinunzja u ċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat għandhom jiġu rreġistrati bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat. Dan ma għandu jwassal għall-ebda obbligu addizzjonali għall-Istati Membri li jintroduċi mekkaniżmi ġodda u lanqas għal xi piż amministrattiv addizzjonali.

(41)

Fejn persuna suspettata jew akkużata tirrevoka rinunzja f’konformità ma’ din id-Direttiva, ma għandux ikun meħtieġ li terġa’ ssir l-interrogazzjoni jew kwalunkwe att proċedurali li jkun twettaq matul il-perijodu meta d-dritt konċernat ikun ġie rinunzjat.

(42)

Persuni soġġetti għal proċedimenti relatati ma’ mandat ta’ arrest Ewropew (“persuni rikjesti”) għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA. Fejn avukat jipparteċipa fis-seduta ta’ persuna rikjesta minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, dak l-avukat jista’, fost l-oħrajn, f’konformità mal-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali, isaqsi mistoqsijiet, jitlob kjarifiki u jagħmel stqarrijiet. Il-fatt li l-avukat ipparteċipa f’tali seduta għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformita’ mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

(43)

Il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat mal-avukat li jirrappreżentahom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin u l-frekwenza ta’ tali laqgħat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu wkoll arranġamenti prattiċi biex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà, b’mod partikolari tal-avukat u tal-persuna rikjesta, fil-post fejn issir il-laqgħa bejn l-avukat u l-persuna rikjesta. Tali arranġamenti prattiċi ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt ta’ persuni rikjesti li jiltaqgħu mal-avukat tagħhom.

(44)

Il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għandu jkun possibbli li tali komunikazzjoni ssir f’kull stadju, inkluż qabel kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt li jiltaqgħu mal-avukat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin, il-frekwenza u l-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-persuni rikjesti u l-avukat tagħhom, inkluż dwar l-użu ta’ vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-komunikazzjoni biex jippermettu li jsiru tali komunikazzjonijiet. Tali arranġamenti prattiċi ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt tal-persuni rikjesti li jikkomunikaw mal-avukat tagħhom.

(45)

L-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni rikjesti jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, inkluż billi jagħmlu arranġamenti għall-assistenza ta’ avukat meta l-persuni rikjesti ma jkollhomx wieħed, dment li ma jkunux irrinunzjaw dan id-dritt. Tali arranġamenti, inklużi dawk dwar l-għajnuna legali jekk ikun applikabbli, għandhom ikunu rregolati bil-liġi nazzjonali. Dawn jistgħu jimplikaw, fost l-oħrajn, li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu arranġamenti għall-assistenza ta’ avukat fuq il-bażi ta’ lista ta’ avukati disponibbli li l-persuni rikjesti jistgħu jagħżlu minnhom.

(46)

Mingħajr dewmien żejjed wara li tiġi infurmata li persuna rikjesta tixtieq tqabbad avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tagħti informazzjoni lill-persuna rikjesta biex tagħmilha faċli għaliha biex tqabbad avukat f’dak l-Istat Membru. Tali informazzjoni tista’, pereżempju, tinkludi lista attwali ta’ avukati, jew l-isem ta’ avukat fil-kariga fl-Istat li joħroġ il-mandat, li jista’ jagħti informazzjoni u pariri fil-każijiet ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-kamra tal-avukati adatta biex tfassal tali lista.

(47)

Il-proċedura ta’ konsenja hija kruċjali għall-kooperazzjoni f’materji kriminali bejn l-Istati Membri. L-osservanza tal-limiti ta’ żmien li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA hija essenzjali għal tali kooperazzjoni. Għalhekk, filwaqt li l-persuni rikjesti għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew, dawk il-limiti ta’ żmien għandhom jiġu rispettati.

(48)

Sakemm iseħħ att leġislattiv tal-Unjoni dwar l-għajnuna legali, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom dwar l-għajnuna legali, li għandha tkun konformi mal-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(49)

F’konformità mal-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ rimedji adegwati u effettivi biex iħarsu id-drittijiet li huma konferiti lill-individwi b’din id-Direttiva.

(50)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn kienet awtorizzata deroga minn dak id-dritt f’konformità ma’ din id-Direttiva, iridu jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li stabbilixxiet li d-drittijiet tad-difiża ikunu, fil-prinċipju preġudikati b’mod irreparabbli meta jintużaw għal kundanna stqarrijiet inkriminanti matul interrogazzjoni mill-pulizija mingħajr aċċess għas-servizzi ta’ avukat jintużaw biex xi ħadd jinsab ħati. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ stqarrijiet għal finijiet oħra permessi bil-liġi nazzjonali, bħal ma hi l-ħtieġa għal eżekuzzjoni ta’ atti investigattivi urġenti biex jiġi evitat it-twettiq ta’ reati oħra jew konsegwenzi negattivi serji għal kwalunkwe persuna jew b’rabta ma’ ħtieġa urġenti li jiġi evitat li l-proċedimenti kriminalijiġu pperikolati b’mod sostanzjali fejn l-aċċess għas-servizzi ta’ avukat jew id-dewmien fl-investigazzjoni jippreġudikaw b’mod irrimedjabbli l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin fir-rigward ta’ reat kriminali gravi. Barra minn hekk, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli jew is-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, u ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jżommu sistema li permezz tagħha l-provi eżistenti kollha jistgħu jinġiebu quddiem qorti jew imħallef, mingħajr ma jkun hemm valutazzjoni separata jew minn qabel dwar l-ammissibbiltà ta’ dawk il-provi.

(51)

Id-dmir ta’ kura għal persuni suspettati jew akkużati li jinsabu f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa jirfed l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom għalhekk jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv minn tali persuni tad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, pereżempju billi jieħdu kont ta’ kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, u billi jieħdu passi adatti biex jiżguraw li dawk id-drittijiet huma garantiti.

(52)

Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(53)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, fejn jikkorrispondu mad-drittijiet garantiti mill-KEDB, jiġu implimentati b’mod konsistenti ma’ dawk tal-KEDB u kif żviluppati bil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(54)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Tali livell ogħla ta’ protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ġudizzjarji li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta’ protezzjoni qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(55)

Din id-Direttiva tippromwovi d-drittijiet tat-tfal u tieħu kont tal-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja favorevoli għat-tfal, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni u l-pariri li għandhom jingħataw lit-tfal. Din id-Direttiva tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati, inklużi t-tfal, jingħataw informazzjoni adegwata biex jifhmu l-konsegwenzi ta’ rinunzja ta’ dritt skont din id-Direttiva u li kwalunkwe rinunzja bħal din għandha ssir b’mod volontarju u inekwivokabbli. Fejn il-persuna suspettata jew akkużata hija tifel jew tifla, id-detentur tar-responsabbiltà ta’ ġenitur għandha tiġi notifikata malajr kemm jista’ jkun wara ċ-ċaħda tal-libertà tat-tifel jew it-tifla u għandha tingħata r-raġunijiet għaliha. Jekk l-għoti ta’ tali informazzjoni lid-detentur tar-responsabbiltà ta’ ġenitur ikun kontra l-aħjar interessi tat-tifel jew it-tifla, għandha tiġi infurmata minflok persuna adulta oħra adatta, pereżempju xi ħadd qarib. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jirrikjedu li kwalunkwe awtorità, istituzzjoni jew individwu speċifiku, b’mod partikolari dawk li jkunu responsabbli għall-protezzjoni jew il-benessri tat-tfal, għandhom ikunu infurmati wkoll biċ-ċaħda tal-libertà ta’ tifel jew tifla. L-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jillimitaw jew jipposponu l-eżerċizzju tad-dritt għall-komunikazzjoni ma’ parti terza rigward persuni suspettati jew akkużati li huma tfal u li jkunu miċħuda mil-libertà, għajr fiċ-ċirkostanzi l-aktar eċċezzjonali. Madankollu, meta jiġi applikat posponiment, it-tifel jew it-tifla ma għandhiex tinżamm incommunicado u għandha tkun tista’ tikkomunika, pereżempju ma’ istituzzjoni jew individwu responsabbli għall-protezzjoni u l-benessri tat-tfal.

(56)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni (8), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tiġi akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trasmissjoni ta’ dawn id-dokumenti għandha tkun ġustifikata.

(57)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli minimi għad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew u d-dritt li tiġi infurmata persuna terza biċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jistgħu, minħabba l-qies tal-miżura, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(58)

F’konformità mal-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE u għat-TFUEu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(59)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u tal-persuni soġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA (“proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew”) li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat, id-dritt li tiġi infurmata parti terza biċ-ċaħda tal-libertà, u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari matul iċ-ċaħda tal-libertà.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal persuni soġġetti għal proċedimenti relatati ma’ mandat ta’ arrest Ewropew (persuni rikjesta) mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 11.

3.   Din id-Direttiva tapplika wkoll, bl-istess kondizzjonijiet kif previsti fil-paragrafu 1, għal persuni li mhumiex persuni suspettati jew akkużati li, matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi, isiru persuni suspettati jew akkużati.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal proċess ġust, fir-rigward ta’ reati minuri:

(a)

meta l-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni minn awtorità li mhix qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni f’materji kriminali, u l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni tista’ tiġi appellata jew tkun riferuta għal tali qorti; jew

(b)

meta ċ-ċaħda tal-libertà ma tistax tiġi imposta bħala sanzjoni,

din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali.

Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva għandha tapplika bis-sħiħ meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun inċaħdet mil-libertà, irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti kriminali.

Artikolu 3

Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

2.   Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:

(a)

qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

(b)

mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 3;

(c)

mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

(d)

fejn ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.

3.   Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:

(a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

(b)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li saret tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat;

(c)

għandhom, minn tal-inqas, ikollhom id-dritt li l-avukat tagħhom jattendi għall-avvenimenti investigattivi jew l-attita’ ġbir ta’ provi li ġejjin,fejn dawk l-atti huma previsti fil-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata hija meħtieġa jew permessa li tattendi l-att konċernat:

(i)

ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

(ii)

konfrontazzjonijiet;

(iii)

rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

4.   L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-informazzjoni ġenerali disponibbli biex jagħmluha faċli għall-persuni suspettati jew akkużati li jsibu avukat.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, sakemm ma jkunux irrinunzjaw dak id-dritt f’konformità mal-Artikolu 9.

5.   Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ‘il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha.

6.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

(a)

fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

(b)

fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.

Artikolu 4

Kunfidenzjalità

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, previst f’din id-Direttiva. Tali komunikazzjoni għandha tinklud il-laqgħat, il-korrispondenza, il-konversazzjonijiet telefoniċi u forom oħra ta’ komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Id-dritt li persuna terza tiġi infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà jkollhom id-dritt li tiġi infurmata tal-anqas persuna terza waħda, bħal qarib jew min iħaddimhom, magħżula minnhom, dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, mingħajr dewmien żejjed, jekk dan ikun mixtieq minnhom.

2.   Jekk il-persuna suspettata jew akkużata hija tifel jew tifla, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tar-responsabbiltà ta’ ġenitur tat-tifel jew it-tifla tkun infurmata mill-aktar fis possibbli biċ-ċaħda tal-libertà u bir-raġunijiet għal tali ċaħda, sakemm dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tifel jew it-tifla, f’liema każ għandha tiġi infurmata persuna adulta adatta oħra. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, persuna ta’ inqas minn 18-il sena għandha titqies bħala tifel jew tifla.

3.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 fejn ġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

(a)

meta hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

(b)

meta hemm ħtieġa urġenti li tkun evitata sitwazzjoni fejn il-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.

4.   Fejn l-Istati Membri jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-dritt stipulat fil-paragrafu 2, huma għandhom jiżguraw li awtorità responsabbli għall-protezzjoni jew il-benessri tat-tfal tiġi infurmata mingħajr dewmien biċ-ċaħda tal-libertà tat-tifel jew it-tifla.

Artikolu 6

Id-dritt għall-komunikazzjoni ma’ persuni terzi matul iċ-ċaħda tal-libertà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà tagħhom ikollhom id-dritt li jikkomunikaw mingħajr dewmien żejjed tal-anqas ma’ persuna terza waħda, bħal qarib, magħżula minnhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jipposponu l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 fid-dawl ta’ rekwiżiti obbligatorji jew rekwiżiti operazzjonali proporzjonati.

Artikolu 7

Id-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsulari

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li mhumiex ċittadini u li jinċaħdu mil-libertà jkollhom id-dritt li jiġu infurmati l-awtoritajiet konsulari tal-Istat ta’ ċittadinanza tagħhom dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom mingħajr dewmien żejjed u li jikkomunikaw ma’ dawk l-awtoritajiet, jekk huma jkunu jixtiequ hekk. Madankollu, fejn persuni suspettati jew akkużati jkollhom żewġ ċittadinanzi jew aktar, huma jistgħu jagħżlu liema awtoritajiet konsulari, jekk ikun hemm, għandhom ikunu infurmati biċ-ċaħda tal-libertà u ma’ min jixtiequ jikkomunikaw.

2.   Persuni suspettati jew akkużati għandhom ukoll id-dritt li jżuruhom l-awtoritajiet konsulari tagħhom, id-dritt li jitkellmu u jikkorrispondu magħhom u d-dritt li jsirulhom arranġamenti mill-awtoritajiet konsulari tagħhom għal rappreżentanza legali, soġġett għall-qbil ta’ dawk l-awtoritajiet u x-xewqat tal-persuni suspettati jew akkużati konċernati.

3.   L-eżerċizzju tad-drittijiet stipulati f’dan l-Artikolu jista’ jkun regolat bil-liġi jew il-proċeduri nazzjonali, dment li tali liġi u proċeduri jippermettu li jingħata effett sħiħ lill-finijiet li għalihom huma maħsuba dawn id-drittijiet.

Artikolu 8

Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji

1.   Kwalunkwe deroga temporanja skont l-Artikolu 3(5) jew (6) jew skont l-Artikolu 5(3):

(a)

għandha tkun proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju;

(b)

għandha tkun strettament limitata biż-żmien;

(c)

ma għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu; u

(d)

ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti.

2.   Derogi temporanji skont l-Artikolu 3(5) jew (6) jistgħu jiġu awtorizzati biss b’deċiżjoni debitament motivata meħuda skont il-każ, jew minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra bil-kondizzjoni li dik id-deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Id-deċiżjoni debitament motivata għandha tiġi rreġistrata skont il-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat.

3.   Id-derogi temporanji skont l-Artikolu 5(3) jistgħu jiġu awtorizzati biss każ b’każ, minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità kompetenti oħra bil-kondizzjoni li d-deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

Artikolu 9

Rinunzja

1.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li teħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kwalunkwe rinunzja ta’ dritt imsemmi fl-Artikoli 3 u 10:

(a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ingħatat, bil-miktub jew bil-fomm, informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja għalih; u

(b)

ir-rinunzja tingħata volontarjament u b’mod inekwivoku.

2.   Ir-rinunzja, li tista’ ssir bil-miktub jew bil-fomm, għandha tiġi rreġistrata, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat ir-rinunzja, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti kriminali u li huma jiġu infurmati b’dik il-possibbiltà. Tali revoka għandu jkollha effett mill-mument li ssir.

Artikolu 10

Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna rikjesta jkollha d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hekk kif tiġi arrestata skont il-mandat ta’ arrest Ewropew.

2.   Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-persuni rikjesti għandhom ikollhom id-drittijiet li ġejjin f’dak l-Istat Membru:

(a)

id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li jippermettu lill=-persuni rikjesti li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u fi kwalunkwe każ mingħajr dewmien żejjed miċ-ċaħda tal-libertà;

(b)

id-dritt li tiltaqa’ u li tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentahom;

(c)

id-dritt li l-avukat tagħhom jkun preżenti u, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, jipparteċipa matul is-seduta ta’ persuna rikjesta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Fejn avukat jipparteċipa matul is-seduta dan għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Id-drittijiet previsti fl-Artikoli 4, 5, 6, 7, 9, u fejn tiġi applikata deroga temporanja skont l-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 8 għandu japplika, mutatis mutandis, għall-proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

4.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà, tinforma lill-persuni rikjesti li għandhom id-dritt jqabbdu avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Ir-rwol ta’ dak l-avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat huwa li jassisti lill-avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni billi jipprovdi lil dak l-avukat informazzjoni u pariri bil-ħsieb tal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-persuni rikjesti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA.

5.   Meta l-persuni rikjesti jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt li jqabbdu avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat u ma jkollhomx diġà avukat, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat. L-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha, mingħajr dewmien żejjed, tipprovdi informazzjoni lill-persuni rikjesti biex ikun faċli għalihom li jqabbdu avukat hemmhekk.

6.   Id-dritt ta’ persuna rikjesta li tqabbad avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat huwa mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA jew l-obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddeċiedi, f’dawk il-limiti ta’ żmien u l-kondizzjonijiet definiti skont dik id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi konsenjata.

Artikolu 11

Għajnuna legali

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-għajnuna legali, li għandha tapplika skont il-Karta u l-KEDB.

Artikolu 12

Rimedji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll persuni rikjesti fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ provi miksuba permezz ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt f’konformità mal-Artikolu 3(6), id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.

Artikolu 13

Persuni vulnerabbli

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.

Artikolu 14

Klawsola ta’ nonrigressjoni

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jinftiehem li jillimita lil jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardji proċedurali li huma żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew il-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni.

Artikolu 15

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Novembru 2016. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

Rapport

Il-Kummissjoni għandha, sat-28 ta’ Novembru 2019, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta kemm l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva, inkluża evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(6) flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2), akkumpanjata, jekk ikun meħtieġ, bi proposti leġislattivi.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 51.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Settembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2013.

(3)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1.

(7)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Top