EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0869

Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013

PE/2/2022/REV/1

ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/04/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/869/oj

3.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/45


REGOLAMENT (UE) 2022/869 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2022

dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (“il-Patt Ekoloġiku Ewropew”), stabbiliet strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, fejn l-objettiv ta’ newtralità klimatika jintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Fil-komunikazzjoni tagħha tas-17 ta’ Settembru 2020 intitolata “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”, il-Kummissjoni pproponiet li l-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiżdied għal mill-inqas 55 % sal-2030. Dik l-ambizzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta’ Diċembru 2020 u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dik il-komunikazzjoni tikkonferma li t-taħlita tal-enerġija tal-futur se tkun differenti ħafna minn dik tal-lum u ssostni l-ħtieġa li tiġi rieżaminata u, jekk ikun meħtieġ, li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija. Jidher ċar li l-investimenti kurrenti fl-infrastruttura tal-enerġija mhumiex biżżejjed sabiex jittrasformaw u jibnu l-infrastruttura tal-enerġija tal-futur. Dak ifisser ukoll li l-infrastruttura jeħtieġ li tkun fis-seħħ sabiex tappoġġa t-tranżizzjoni enerġetika Ewropea, inklużi l-elettrifikazzjoni rapida, l-espansjoni fil-ġenerazzjoni ta’ elettriku rinnovabbli u ħieles mill-fjuwils fossili, l-użu akbar ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u użu akbar ta’ soluzzjonijiet innovattivi.

(2)

Il-mira vinkolanti attwali fil-livell tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli għall-2030 ta’ mill-inqas 32 % tal-konsum finali tal-enerġija u mira ewlenija fil-livell tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-inqas 32,5 % se tiġi riveduta bħala parti mill-ambizzjoni miżjuda tal-Unjoni minquxa fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(3)

Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (5) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) jistabbilixxi mira fit-tul li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm anqas minn 2 °C ogħla mil-livelli preindustrijali u li jiġu segwiti l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C ogħla mil-livelli preindustrijali, u jenfasizza l-importanza tal-adattament għall-impatti avversi tat-tibdil fil-klima u li l-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma’ perkors lejn żvilupp b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Fit-12 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill tal-Ewropa approva l-objettiv li tintlaħaq Unjoni Ewropea newtrali għall-klima sal-2050, b’mod konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp f’waqtu u għall-interoperabbiltà tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-enerġija tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista u s-swieq kompetittivi tal-enerġija fl-Unjoni, li jiġu promossi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli ta’ enerġija, u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija. Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jistabbilixxi qafas għall-Istati Membri u għall-partijiet konċernati rilevanti sabiex jaħdmu flimkien f’ambjent reġjonali biex jiżviluppaw networks tal-enerġija konnessi aħjar bil-għan li jgħaqqdu reġjuni li bħalissa huma iżolati mis-swieq tal-enerġija Ewropej, isaħħu l-interkonnessjonijiet transfruntiera eżistenti u jippromwovu oħrajn ġodda, u jgħinu fl-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Billi jsegwi dawk l-objettivi, ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u jġib benefiċċji għall-Unjoni kollha f’termini ta’ kompetittività u ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(5)

L-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 uriet b’mod ċar li l-qafas tejjeb b’mod effettiv l-integrazzjoni tan-networks tal-Istati Membri, stimula l-kummerċ tal-enerġija u, b’hekk, ikkontribwixxa għall-kompetittività tal-Unjoni. Il-proġetti ta’ interess komuni fl-elettriku u fil-gass ikkontribwew ħafna għas-sigurtà tal-provvista. Għall-gass, l-infrastruttura issa hija konnessa aħjar u r-reżiljenza tal-provvista tjiebet sostanzjalment mill-2013. Il-kooperazzjoni reġjonali fil-gruppi reġjonali u permezz tal-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet hija faċilitatur importanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti. Madankollu, f’ħafna każijiet l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet ma rriżultatx fi tnaqqis tad-diskrepanza fil-finanzjament ta’ proġetti, kif kien maħsub. Filwaqt li l-maġġoranza tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi tqassar, f’xi każijiet il-proċess għadu twil. L-assistenza finanzjarja mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),kienet fattur importanti peress li l-għotjiet għall-istudji għenu lill-proġetti sabiex jitnaqqsu r-riskji fl-istadji bikrija tal-iżvilupp filwaqt li l-għotjiet għax-xogħlijiet appoġġaw proġetti li jindirizzaw il-konġestjonijiet ewlenin li l-finanzjament tas-suq ma setax jindirizza b’mod suffiċjenti.

(6)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (8), il-Parlament Ewropew appella għal reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, b’kont meħud, b’mod partikolari, tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050, u tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”.

(7)

Il-politika tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija hija strument ċentrali fl-iżvilupp ta’ suq intern tal-enerġija u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Sabiex jinkisbu livelli ogħla ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 u n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, l-Ewropa teħtieġ sistema tal-enerġija aktar integrata, li tiddependi fuq livelli ogħla ta’ elettrifikazzjoni bbażata fuq sorsi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju addizzjonali u d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass. Il-politika tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija tista’ tiżgura li l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni jappoġġa t-tranżizzjoni enerġetika meħtieġa għan-newtralità klimatika f’konformità mal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u n-newtralità teknoloġika filwaqt li tikkunsidra l-potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fl-użu aħħari. Tista’ tiżgura wkoll interkonnessjonijiet, sigurtà tal-enerġija, integrazzjoni tas-suq u tas-sistema, u kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha, kif ukoll enerġija bi prezz affordabbli għall-unitajiet domestiċi u l-impriżi.

(8)

Filwaqt li l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għadhom fil-biċċa l-kbira validi, il-qafas kurrenti tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija għadu ma jirriflettix bis-sħiħ it-tibdiliet mistennija fis-sistema tal-enerġija li se jirriżultaw mill-kuntest politiku l-ġdid u b’mod partikolari mill-miri tal-enerġija u tal-klima aġġornati tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għalhekk, fost aspetti oħrajn, kemm l-objettivi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll ta’ adattament għall-klima jeħtieġ li jiġu riflessi b’mod adegwat fil-qafas rivedut tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija. Minbarra l-kuntest politiku ġdid u l-objettivi ġodda, l-iżvilupp teknoloġiku kien rapidu f’dawn l-aħħar għaxar snin. Dak l-iżvilupp jenħtieġ li jiġi kkunsidrat fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija koperti minn dan ir-Regolament, fil-kriterji tal-għażla għall-proġetti ta’ interess komuni kif ukoll fil-kurituri u l-oqsma prijoritarji. Fl-istess ħin, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jaffettwawx id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 194 tat-TFUE.

(9)

Id-Direttivi 2009/73/KE (9) u (UE) 2019/944 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedu suq intern tal-enerġija. Filwaqt li sar progress sinifikanti ħafna fl-ikkompletar ta’ dak is-suq, għad hemm lok għal titjib permezz tal-użu aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti, l-integrazzjoni tal-ammonti dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni tas-sistema.

(10)

Jenħtieġ li l-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni tiġi aġġornata sabiex tiġi evitata ħsara teknika u tiżdied ir-reżiljenza tagħha kontra tali ħsara, diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u theddid għas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastrutturi kritiċi Ewropej skont id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (11).

(11)

Jenħtieġ li l-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni tkun reżiljenti għall-impatti inevitabbli li t-tibdil fil-klima mistenni joħloq fl-Ewropa minkejja l-isforzi ta’ mitigazzjoni. Għalhekk, it-tisħiħ tal-isforzi dwar l-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima, il-bini tar-reżiljenza, u l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom huwa kruċjali.

(12)

L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea jenħtieġ li jqis, fejn ikun teknikament possibbli u l-aktar effiċjenti, il-possibbiltà tal-adattament għal skop ġdid tal-infrastruttura u t-tagħmir eżistenti.

(13)

Is-sigurtà tal-provvista, bħala mutur ewlieni wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, tjiebet b’mod sinifikanti permezz ta’ proġetti ta’ interess komuni. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 intitolata “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna” tistenna li l-konsum tal-gass naturali jonqos b’mod sinifikanti minħabba li l-użu mhux imrażżan tiegħu mhuwiex kompatibbli man-newtralità karbonika. Min-naħa l-oħra, il-konsum tal-bijogass, tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u tal-fjuwils gassużi sintetiċi mistenni jiżdied b’mod sinifikanti lejn l-2050. Għall-gass, l-infrastruttura issa hija konnessa aħjar u r-reżiljenza tal-provvista tjiebet sostanzjalment mill-2013. Jenħtieġ li l-ippjanar tal-infrastruttura tal-enerġija jirrifletti dan ix-xenarju tal-gass li qed jinbidel. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha huma konnessi biżżejjed man-network tal-gass Ewropew u b’mod partikolari l-Istati Membri gżejjer għadhom jiffaċċjaw sfidi sinifikanti f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u iżolament fil-qasam tal-enerġija. Minkejja li 78 % tal-proġetti tal-gass li huma proġetti ta’ interess komuni mistennija jiġu kkummissjonati sal-aħħar tal-2025, għadd minnhom qed jesperjenzaw dewmien sinifikanti, inkluż minħabba problemi ta’ permessi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax b’mod negattiv il-proġetti ta’ interess komuni li jkunu għadhom ma tlestewx fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Għalhekk, il-proġetti ta’ interess komuni inklużi fil-ħames lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013, li għalihom ikun ġie aċċettat fajl ta’ applikazzjoni biex jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti, jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-permessi għal perjodu ta’ erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(14)

L-importanza tal-grilji intelliġenti tal-elettriku, li mhux dejjem jinkludu l-qsim ta’ fruntiera fiżika, fil-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima ġiet rikonoxxuta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 intitolata “Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija” (“l-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija”). Il-kriterji għal dik il-kategorija jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, jenħtieġ li jinkludu l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-innovazzjoni u l-aspetti diġitali u jenħtieġ li jippermettu l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat ir-rwol tal-promoturi tal-proġetti. Minħabba ż-żieda sinifikanti mistennija fid-domanda għall-enerġija mis-settur tat-trasport, b’mod partikolari għall-vetturi elettriċi fit-toroq pubbliċi u fiż-żoni urbani, jenħtieġ li t-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti jgħinu wkoll sabiex itejbu l-appoġġ relatat man-network tal-enerġija għall-iċċarġjar transfruntier b’kapaċità għolja sabiex tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport.

(15)

L-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija ssottolinjat ukoll il-ħtieġa ta’ ppjanar integrat tal-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi kollha relatati mal-vetturi, l-infrastrutturi u l-konsum fil-qasam tal-enerġija. Din l-integrazzjoni tas-sistema tibda mill-punt tat-tluq tal-applikazzjoni tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u tat-teħid ta’ approċċ olistiku f’termini ta’ politika u lil hinn mis-setturi individwali. Tindirizza wkoll il-ħtiġijiet ta’ dekarbonizzazzjoni tas-setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, bħal partijiet tal-industrija jew ċerti modi tat-trasport, fejn, bħalissa, l-elettrifikazzjoni diretta hija teknikament jew ekonomikament diffiċli. Investimenti bħal dawn jinkludu l-idroġenu u l-elettrolizzaturi, li qed jagħmlu progress lejn varar kummerċjali fuq skala kbira. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 intitolata “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima” (“l-Istrateġija għall-Idroġenu”) tagħti prijorità lill-produzzjoni tal-idroġenu mill-elettriku rinnovabbli, li hija l-aktar soluzzjoni nadifa u li hija l-aktar kompatibbli mal-objettiv ta’ newtralità klimatika tal-Unjoni. Madankollu, f’fażi tranżitorja, hemm bżonn ta’ forom oħra ta’ idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għad-dekarbonizzazzjoni b’mod aktar rapidu tal-produzzjoni tal-idroġenu eżistenti, filwaqt li ssir enfasi fuq firxa varjata ta’ teknoloġiji nodfa, u biex tingħata spinta lill-ekonomija ta’ skala.

(16)

Barra minn hekk, fl-Istrateġija għall-Idroġenu tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għall-varar meħtieġ tal-idroġenu, network tal-infrastruttura fuq skala kbira huwa element importanti li l-Unjoni u s-suq intern biss jistgħu joffru. Bħalissa hemm infrastruttura ddedikata limitata ħafna għat-trasport u għall-kummerċ tal-idroġenu bejn il-fruntieri jew għall-ħolqien ta’ widien tal-idroġenu. Jenħtieġ li tali infrastruttura tkun tikkonsisti f’ammont sinifikanti ta’ assi konvertiti minn assi ddedikati għall-gass naturali, ikkomplementati minn assi ġodda ddedikati għall-idroġenu. Barra minn hekk, l-Istrateġija għall-Idroġenu tistabbilixxi għan strateġiku li sal-2030 il-kapaċità installata tal-elettrolizzaturi tiżdied għal 40 Gigawatts (GW) sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u tiġi ffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni tas-setturi dipendenti fuq il-fjuwils fossili, bħall-industrija jew it-trasport. Għalhekk, jenħtieġ li l-politika tan-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija tinkludi infrastrutturi ġodda u adattati għal skop ġdid għat-trażmissjoni u għall-ħżin tal-idroġenu kif ukoll faċilitajiet tal-elettrolizzaturi. Jenħtieġ li l-infrastruttura għat-trażmissjoni u għall-ħżin tal-idroġenu tiġi inkluża wkoll fil-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva u konsistenti tal-kostijiet u tal-benefiċċji tagħha għas-sistema tal-enerġija, inkluż il-kontribut tagħha għall-integrazzjoni u għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi, bil-għan li jinħoloq sinsla tal-idroġenu għall-Unjoni.

(17)

Barra minn hekk, jenħtieġ li tinħoloq kategorija ġdida ta’ infrastruttura għall-grilji intelliġenti tal-gass biex issostni l-investimenti li jintegraw pluralità ta’ gassijiet partikolarment rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bħall-bijogass, il-bijometan u l-idroġenu, fin-network tal-gass u tgħin fil-ġestjoni ta’ sistema aktar kumplessa li tirriżulta, filwaqt li tibni fuq teknoloġiji diġitali innovattivi.

(18)

Il-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 tassumi li xorta se jkun hemm proċessi industrijali li jemettu d-diossidu tal-karbonju. Tali diossidu tal-karbonju huwa kkunsidrat bħala inevitabbli, meta l-produzzjoni tiegħu ma tistax tiġi evitata minkejja l-ottimizzazzjoni, pereżempju permezz ta’ effiċjenza fl-enerġija jew elettrifikazzjoni li tintegra sorsi rinnovabbli. L-iżvilupp tal-infrastruttura ddedikata għad-diossidu tal-karbonju jenħtieġ li jwassal għal tnaqqis nett sinifikanti ta’ emissjonijiet inevitabbli fin-nuqqas ta’ alternattivi raġonevoli. Il-qbid tad-diossidu tal-karbonju huwa kopert mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) għall-fini tal-flussi tad-diossidu tal-karbonju li joriġinaw mill-installazzjonijiet koperti minn dik id-Direttiva, u għall-fini tal-ħżin ġeoloġiku skont id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(19)

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 kien jirrikjedi li proġett kandidat ta’ interess komuni jagħti prova ta’ kontribut sinifikanti għal tal-anqas kriterju wieħed minn sett ta’ kriterji fil-proċess għall-elaborazzjoni tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, li seta’ jinkludi, iżda mhux bilfors, is-sostenibbiltà. F’konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq intern tal-enerġija ta’ dak iż-żmien, dak ir-rekwiżit ippermetta l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ interess komuni li indirizzaw biss ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista anke jekk ma wrewx benefiċċji f’termini ta’ sostenibbiltà. Madankollu, minħabba l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet infrastrutturali tal-Unjoni, l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni u il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta’ Lulju 2020, li skonthom l-infiq tal-Unjoni jenħtieġ li jkun konsistenti mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-prinċipju ta’ ‘la tagħmilx ħsara‘ tal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew, is-sostenibbiltà f’termini tal-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif rilevanti, jenħtieġ li jiġu vvalutati sabiex jiġi żgurat li l-politika tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija tkun koerenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni u l-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru fil-kisba tal-objettiv ta’ newtralità klimatika. Is-sostenibbiltà tan-networks tat-trasport tad-diossidu tal-karbonju hija indirizzata bit-tnaqqis totali mistenni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett u n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi alternattivi biex jinkiseb l-istess livell ta’ tnaqqis ta’ diossidu tal-karbonju.

(20)

Jenħtieġ li l-Unjoni tiffaċilita l-proġetti infrastrutturali li jgħaqqdu n-networks tal-Unjoni ma’ networks ta’ pajjiżi terzi li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku u meħtieġa għat-tranżizzjoni enerġetika u għall-kisba tal-miri klimatiċi, u li jissodisfaw ukoll il-kriterji speċifiċi tal-kategoriji ta’ infrastruttura rilevanti skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari mal-pajjiżi ġirien u ma’ pajjiżi li magħhom l-Unjoni tkun stabbiliet kooperazzjoni speċifika dwar l-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu proġetti ta’ interess reċiproku meta jkunu sostenibbli u kapaċi juru benefiċċji soċjoekonomiċi netti sinifikanti fil-livell tal-Unjoni u tal-anqas pajjiż terz wieħed. Tali proġetti jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku (“il-lista tal-Unjoni”) dment li l-qafas ta’ politika jkollu livell għoli ta’ konverġenza u jkun appoġġat b’mekkaniżmi ta’ infurzar u jenħtieġ li juru kontribut għall-objettivi tal-politika ġenerali tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni u tal-pajjiżi terzi f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u dekarbonizzazzjoni.

Livell għoli ta’ konverġenza tal-qafas tal-politika jenħtieġ li jiġi preżunt għall-Partijiet Kontraenti taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Komunità tal-Enerġija jew ikun jista’ jintwera fil-każ ta’ pajjiżi terzi oħra permezz ta’ ftehimiet bilaterali li jinkludu dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-objettivi tal-politika dwar il-klima u l-enerġija fejn tidħol id-dekarbonizzazzjoni u jiġi vvalutat aktar minn grupp reġjonali xieraq bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-pajjiż terz li miegħu l-Unjoni tikkoopera fl-iżvilupp ta’ proġetti ta’ interess reċiproku jiffaċilita skeda ta’ żmien simili għall-implimentazzjoni aċċellerata u għal miżuri oħra ta’ appoġġ għall-politika, kif previst f’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess reċiproku jiġu trattati bl-istess mod bħall-proġetti ta’ interess komuni bid-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-proġetti ta’ interess komuni japplikaw ukoll għall-proġetti ta’ interess reċiproku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Benefiċċji soċjoekonomiċi netti sinifikanti fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li tinftiehem bħala titjib tal-interoperabbiltà u l-funzjonament tas-suq intern, li jmur lil hinn minn Stat Membru wieħed. Fir-rigward ta’ proġetti għall-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, jenħtieġ li jkunu eliġibbli biss il-proġetti meħtieġa biex jingħata lok għall-ħżin u t-trasport transfruntier tad-diossidu tal-karbonju, dment li l-istandards u s-salvagwardji li jipprevjenu kwalunkwe tnixxija u li jikkonċernaw il-klima, is-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi fir-rigward tas-sikurezza u l-effettività tal-ħżin permanenti tad-diossidu tal-karbonju jkunu mill-inqas fl-istess livell bħal fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi preżunt li ż-Żona Ekonomika Ewropea tissodisfa dawk l-istandards u s-salvagwardji.

(21)

Il-proġetti ta’ interess reċiproku jenħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala għodda addizzjonali biex il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi estiż għal pajjiżi terzi lil hinn minn dawk il-proġetti ta’ interess komuni li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ kuritur jew qasam prijoritarju tal-infrastruttura tal-enerġija kif stabbilit fl-Anness I. Għalhekk, meta proġett ma’ pajjiż terz jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ kuritur jew qasam prijoritarju tal-infrastruttura tal-enerġija, dan jenħtieġ li jkun eliġibbli biex japplika għall-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni skont dan ir-Regolament. Bl-istess prinċipju, il-proġetti ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ma’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jistgħu jintagħżlu bħala proġetti ta’ interess komuni, dment li jsirilhom il-proċess tal-għażla u li jissodisfaw il-kriterji għall-proġetti ta’ interess komuni.

(22)

Barra minn hekk, sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050, hemm bżonn li l-Ewropa żżid b’mod sinifikanti l-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Il-kategoriji eżistenti tal-infrastruttura tal-enerġija għat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku huma kruċjali għall-integrazzjoni taż-żieda sinifikanti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fil-grilja enerġetika. Barra minn hekk, dan jirrikjedi żieda fl-investiment fl-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta bil-għan li tintlaħaq mill-inqas 300 GW ta’ ġenerazzjoni mir-riħ lil hinn mill-kosta installata f’konformità mal-istrateġija għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta tal-Kummissjoni stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 intitolata “Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima”. Dik l-istrateġija tinkludi rabtiet radjali li jgħaqqdu l-kapaċitajiet eoliċi ġodda lil hinn mill-kosta, kif ukoll proġetti integrati ibridi. Jenħtieġ li tiġi indirizzata wkoll il-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-iżvilupp fit-tul tal-grilji tal-elettriku lil hinn mill-kosta u fuq l-art. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ippjanar tal-infrastruttura lil hinn mill-kosta jitbiegħed mill-approċċ ta’ proġett bi proġett u jqarreb lejn approċċ komprensiv ikkoordinat li jiżgura l-iżvilupp sostenibbli ta’ grilji lil hinn mill kosta integrati f’konformità mal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta ta’ kull baċir tal-baħar, mal-ħarsien tal-ambjent u ma’ użi oħra tal-baħar. Jenħtieġ li jkun hemm approċċ ibbażat fuq il-kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-approvazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni li jkunu relatati mat-territorju tagħhom u l-kostijiet relatati.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri rilevanti jkunu jistgħu jivvalutaw il-benefiċċji u l-kostijiet tal-kurituri prijoritarji tal-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli u jwettqu analiżi preliminari tal-kondiviżjoni tal-kostijiet fil-livell tal-kurituri prijoritarji tal-grilji lil hinn mill-kosta biex isostnu l-impenji politiċi konġunti għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs) u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, jenħtieġ li tiżviluppa gwida għall-kostijiet-benefiċċji u l-kondiviżjoni tal-kostijiet speċifiċi għall-varar tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network integrat lil hinn mill-kosta li jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu valutazzjoni adegwata.

(24)

Il-proċess tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha bħala bażi għall-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni fil-kategoriji tal-elettriku u tal-gass wera li kien effettiv. Iżda, filwaqt li n-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (“l-ENTSO tal-Elettriku”) u n-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (“l-ENTSO tal-Gass”) u t-TSOs għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-proċess, hemm bżonn ta’ aktar skrutinju, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tax-xenarji għall-futur, l-identifikazzjoni tal-lakuni u tal-konġestjonijiet infrastrutturali fit-tul u l-valutazzjoni tal-proġetti individwali, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja fil-proċess. Għalhekk, minħabba l-ħtieġa ta’ validazzjoni indipendenti, jenħtieġ li l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) u l-Kummissjoni jkollhom rwol akbar fil-proċess, inkluż fil-proċess għat-tfassil tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha skont ir-Regolamenti (KE) Nru 715/2009 (14) u (UE) 2019/943 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-proċess tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha jenħtieġ li jibbenefika mill-input oġġettiv u bbażat fuq ix-xjenza minn korp xjentifiku indipendenti bħall-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima u jenħtieġ li jiġi organizzat bl-aktar mod effettiv.

(25)

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom qabel l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass jenħtieġ li jwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Il-konsultazzjoni jenħtieġ li tkun miftuħa u trasparenti u jenħtieġ li tiġi organizzata b’tempestività biex jingħata lok għall-feedback tal-partijiet ikkonċernati fit-tħejjija tal-fażijiet ewlenin tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha, bħall-iżvilupp tax-xenarju, l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura u l-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji għall-valutazzjoni tal-proġetti. L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass jenħtieġ li jagħtu l-kunsiderazzjoni dovuta lill-input mill-partijiet ikkonċernati matul il-konsultazzjonijiet u jenħtieġ li jispjegaw kif qiesu dak l-input.

(26)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Forum għall-Infrastrutturi tal-Enerġija tal-2020, hemm bżonn li jiġi żgurat li s-setturi rilevanti kollha, bħall-gass, l-elettriku u t-trasport, jiġu kkunsidrati f’perspettiva integrata fil-proċessi tal-ippjanar tal-infrastruttura kollha għat-trażmissjoni u għad-distribuzzjoni, fuq l-art u lil hinn mill-kosta. Sabiex ikun hemm konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni tal-2030 u l-objettivi tal-iżvilupp tal-enerġija lil hinn mill-kosta tal-2040, u bi qbil mal-objettiv tal-Unjoni li tinkiseb newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, jenħtieġ li l-qafas tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija jiddependi fuq viżjoni ta’ “sistema ta’ enerġija waħda” aktar intelliġenti, aktar integrata, fit-tul u ottimizzata permezz tal-implimentazzjoni ta’ qafas li jippermetti koordinazzjoni akbar tal-ippjanar tal-infrastruttura f’diversi setturi u joħloq opportunità biex jiġu integrati bl-aħjar mod diversi soluzzjonijiet ta’ akkoppjament li jinvolvu diversi elementi tan-network bejn diversi infrastrutturi. Dan jenħtieġ li jiġi żgurat billi jiġi żviluppat mudell integrat progressivament li jagħti lok għall-konsistenza bejn il-metodoloġiji tas-settur uniku bbażati fuq suppożizzjonijiet komuni u jirrifletti l-interdipendenzi.

(27)

Huwa importanti li jiġi żgurat li dawk il-proġetti infrastrutturali li għalihom ma teżisti l-ebda soluzzjoni alternattiva raġonevoli biss ikunu jistgħu jirċievu l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni. Għal dak il-għan, il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” jenħtieġ li jitqies fir-rapport dwar l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura żviluppat f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-ħidma tal-gruppi reġjonali fl-istabbiliment tal-listi reġjonali ta’ proġetti proposti fil-lista tal-Unjoni. F’konformità mal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-alternattivi rilevanti kollha għall-infrastruttura l-ġdida biex jiġu żgurati l-ħtiġijiet futuri tal-infrastruttura, li jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura.

Il-gruppi reġjonali, assistiti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jenħtieġ li jikkunsidraw is-suppożizzjonijiet u l-eżiti tal-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura żviluppati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u jiżguraw li l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” ikun rifless bis-sħiħ fil-proċess tal-għażla tal-proġetti ta’ interess komuni. Barra minn hekk, matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, jenħtieġ li l-promoturi tal-proġetti jirrapportaw dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u juru li l-proġetti ma jagħmlux ħsara sinifikanti lill-ambjent fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Għal proġetti eżistenti ta’ interess komuni li jkunu laħqu maturità suffiċjenti, dan se jitqies matul l-għażla tal-proġetti għal-lista sussegwenti tal-Unjoni mill-gruppi reġjonali.

(28)

Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-vultaġġ u tal-frekwenza, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-istabbiltà tan-network Ewropew tal-elettriku taħt kundizzjonijiet li qed jinbidlu, speċjalment fid-dawl tas-sehem dejjem akbar tal-għażliet ta’ flessibbiltà, bħall-ħżin tal-enerġija sostenibbli, u tal-elettriku rinnovabbli. Jenħtieġ li tingħata prijorità partikolari lill-isforzi biex jinżamm u jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta’ produzzjoni ppjanata ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista għaċ-ċittadini u n-negozji.

(29)

Wara konsultazzjonijiet mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati kollha, il-Kummissjoni identifikat 14-il prijorità strateġika tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li l-implimentazzjoni tagħhom hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050. Dawk il-prijoritajiet ikopru diversi reġjuni ġeografiċi jew oqsma tematiċi fil-qasam tat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, il-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli, it-trażmissjoni u l-ħżin tal-idroġenu, l-elettrolizzaturi, il-grilji intelliġenti tal-gass, il-grilji intelliġenti tal-elettriku, u t-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

(30)

Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni jikkonformaw ma’ kriterji komuni, trasparenti u oġġettivi fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-politika dwar l-enerġija. Sabiex ikunu eliġibbli għall-inklużjoni fil-listi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-proġetti tal-elettriku u tal-idroġenu jkunu parti mill-aħħar pjan disponibbli ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha. Peress li l-infrastruttura tal-idroġenu bħalissa mhijiex inkluża fil-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit għall-proġetti tal-idroġenu japplika biss mill-1 ta’ Jannar 2024 għall-finijiet tat-tieni lista tal-Unjoni li se tiġi stabbilita skont dan ir-Regolament.

(31)

Jenħtieġ li jitwaqqfu gruppi reġjonali bil-għan li jipproponu u jirrieżaminaw proġetti ta’ interess komuni, li jwasslu għall-istabbiliment ta’ listi reġjonali ta’ proġetti ta’ interess komuni. Sabiex jiġi żgurat kunsens mifrux, jenħtieġ li dawk il-gruppi reġjonali jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-promoturi tal-proġetti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. Fil-kuntest ta’ dik il-kooperazzjoni, jenħtieġ li, meta jkun meħtieġ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jagħtu pariri lill-gruppi reġjonali, fost l-oħrajn dwar il-fattibbiltà tal-aspetti regolatorji tal-proġetti proposti u dwar il-fattibbiltà tal-iskeda ta’ żmien proposta għall-approvazzjoni regolatorja.

(32)

Sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċess, jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn il-gruppi reġjonali tissaħħaħ u tiġi mħeġġa aktar. Hemm bżonn li l-Kummissjoni jkollha rwol importanti fil-faċilitazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati l-impatti possibbli tal-proġetti fuq gruppi reġjonali oħra.

(33)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ġdida tal-Unjoni kull sentejn. Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni li jkunu ġew ikkompletati jew li ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji u r-rekwiżiti rilevanti kif stabbiliti f’dan ir-Regolament, ma jidhrux fil-lista tal-Unjoni sussegwenti. Għal dik ir-raġuni, il-proġetti eżistenti ta’ interess komuni li għandhom jiġu inklużi fil-lista sussegwenti tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess proċess tal-għażla għall-istabbiliment tal-listi reġjonali u għall-istabbiliment tal-lista tal-Unjoni applikat għall-proġetti proposti. Madankollu, jenħtieġ li l-piż amministrattiv jitnaqqas sa fejn ikun possibbli, pereżempju billi tintuża l-informazzjoni sottomessa qabel, u billi jitqiesu r-rapporti annwali tal-promoturi tal-proġetti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-proġetti eżistenti ta’ interess komuni li għamlu progress sinifikanti jibbenefikaw minn proċess ta’ inklużjoni simplifikat fil-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha.

(34)

Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun u jenħtieġ li dawn jiġu evalwati u mmonitorjati mill-qrib, filwaqt li jiġu rrispettati debitament ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-leġiżlazzjoni ambjentali u filwaqt li l-piż amministrattiv għall-promoturi tal-proġetti jinżamm għall-minimu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinnomina l-koordinaturi Ewropej għal proġetti li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet jew dewmien partikolari. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti speċifiċi kif ukoll it-twettiq tal-obbligi li jappartjenu għal dan ir-Regolament jenħtieġ li jitqiesu fil-proċess tal-għażla għal listi sussegwenti tal-Unjoni għal dawk il-proġetti.

(35)

Jenħtieġ li l-proċess għall-għoti ta’ permessi la jwassal għal piżijiet amministrattivi li jkunu sproporzjonati għad-daqs jew għall-kumplessità ta’ proġett, u lanqas ma joħloq ostakli għall-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej u għall-aċċess għas-suq.

(36)

L-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-Unjoni ta’ interess komuni fl-oqsma tal-infrastruttura tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni jenħtieġ li jiġu kkoordinati sabiex jiġu ġġenerati s-sinerġiji meta dan ikun fattibbli minn perspettiva ta’ ppjanar ekonomiku, tekniku, ambjentali, klimatiku jew spazjali ġenerali, u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-aspetti rilevanti tas-sikurezza. Għalhekk, matul l-ippjanar tad-diversi networks Ewropej, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata preferenza lill-integrazzjoni tan-networks tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-enerġija sabiex jiġi żgurat li jintuża l-anqas ammont possibbli ta’ art. Hemm bżonn ta’ viżjoni komuni tan-networks għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija fis-setturi diversi, filwaqt li jiġi żgurat, fejn ikun possibbli, li jintużaw mill-ġdid ir-rotot eżistenti jew li ma għadhomx jintużaw, bil-għan li jitnaqqas għall-minimu kwalunkwe impatt soċjali, ekonomiku, ambjentali, klimatiku u finanzjarju negattiv.

(37)

Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni jingħataw “status ta’ prijorità” fil-livell nazzjonali biex jiġu żgurati trattament amministrattiv rapidu u trattament urġenti fil-proċeduri ġudizzjarji u ta’ soluzzjoni tat-tilwim kollha li jkunu relatati magħhom. Jenħtieġ li dawn jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma fl-interess pubbliku. Għal raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti, jenħtieġ li l-proġetti li jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent jiġu awtorizzati meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (18).

(38)

Huwa essenzjali li l-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili, jingħataw informazzjoni u jiġu kkonsultati, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-proġetti u biex jiġu limitati l-oġġezzjonijiet kontrihom.

(39)

Sabiex titnaqqas il-kumplessità, jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza u tingħata għajnuna sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, jenħtieġ li jkun hemm awtorità jew awtoritajiet kompetenti li jintegraw jew jikkoordinaw il-proċessi kollha għall-għoti ta’ permessi.

(40)

Sabiex jiġi ssimplifikat u jitħaffef il-proċess għall-għoti ta’ permessi għall-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li jiġu deżinjati punti uniċi ta’ kuntatt għal proġetti transfruntiera fuq il-lista tal-Unjoni u lil hinn mill-kosta li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-iżviluppaturi tal-proġetti. Jenħtieġ li l-punti uniċi ta’ kuntatt inaqqsu l-kumplessità, iżidu l-effiċjenza u jħaffu l-proċess għall-għoti ta’ permessi għall-assi ta’ trażmissjoni lil hinn mill-kosta li spiss ikunu jaqsmu ħafna ġurisdizzjonijiet.

(41)

Minkejja l-eżistenza ta’ standards stabbiliti li jiżguraw il-parteċipazzjoni pubblika fi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali, li japplikaw bis-sħiħ għal proġetti ta’ interess komuni, għadhom meħtieġa miżuri addizzjonali skont dan ir-Regolament sabiex jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli ta’ trasparenza u ta’ parteċipazzjoni pubblika fil-kwistjonijiet rilevanti kollha fil-proċess għall-għoti ta’ permessi għal proġetti ta’ interess komuni. Meta dawn diġà jkunu koperti min regoli nazzjonali skont l-istess standards jew standards ogħla bħal f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-prekonsultazzjoni qabel il-proċedura għall-għoti ta’ permessi ma tibqax obbligatorja u tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti legali.

(42)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni korretta u kkoordinata tad-Direttivi 2001/42/KE (19) u 2011/92/UE (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, fejn applikabbli, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (21), iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), u tal-Konvenzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali (22), iffirmata f’Espoo fil-25 ta’ Frar 1991 (“il-Konvenzjoni ta’ Espoo”) tiżgura l-armonizzazzjoni tal-prinċipji ewlenin għall-valutazzjoni tal-effetti ambjentali u klimatiċi, inkluż f’kuntest transfruntier. Il-Kummissjoni ħarġet gwida aġġornata sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fid-definizzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adegwati bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali għall-infrastruttura tal-enerġija u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni għal proġetti ta’ interess komuni. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkoordinaw il-valutazzjonijiet tagħhom tal-proġetti ta’ interess komuni, u jipprovdu għal valutazzjonijiet konġunti, fejn possibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħeġġu jiskambjaw l-aħjar prattiki u l-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-proċessi għall-għoti ta’ permessi.

(43)

Huwa importanti li jiġi ssimplifikat u li jittejjeb il-proċess għall-għoti ta’ permessi, filwaqt li jiġu rrispettati sa fejn ikun possibbli u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-kompetenzi u l-proċeduri nazzjonali għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tal-enerġija ġdida. Minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati l-infrastrutturi tal-enerġija, jenħtieġ li s-simplifikazzjoni tal-proċess għall-għoti ta’ permessi tistabbilixxi limitu taż-żmien ċar għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet rilevanti fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-proġett. Jenħtieġ li dak il-limitu taż-żmien jistimula definizzjoni u trattament aktar effiċjenti tal-proċeduri, u jenħtieġ li taħt l-ebda ċirkostanza ma jikkomprometti l-istandards għoljin għall-ħarsien tal-ambjent f’konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi il-limiti taż-żmien massimi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistinkaw biex jiksbu limiti taż-żmien iqsar meta dan ikun fattibbli u, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ proġetti bħall-grilji intelliġenti, li jistgħu ma jeħtiġux proċess tant kumpless għall-għoti ta’ permessi bħal dawk għall-infrastruttura ta’ trażmissjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu responsabbli sabiex jiżguraw il-konformità mal-limiti taż-żmien.

(44)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jinkludu, f’deċiżjonijiet komprensivi, u fejn xieraq, deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ negozjati ma’ sidien individwali tal-art sabiex jagħtu aċċess għal proprjetà, sjieda jew dritt ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà fil-kuntest ta’ ppjanar tal-ispazju, li tiddetermina l-użu ġenerali tal-art ta’ reġjun definit, inklużi żviluppi oħra bħal toroq pubbliċi, ferroviji, binjiet u żoni għall-ħarsien tan-natura, li ma jitwettqux għall-iskop speċifiku tal-proġett ippjanat u l-għoti ta’ permessi operazzjonali. Fil-kuntest tal-proċess għall-għoti ta’ permessi, jenħtieġ li proġett ta’ interess komuni jkun jista’ jinkludi infrastruttura relatata sal-punt li din tkun essenzjali għall-kostruzzjoni jew il-funzjonament tal-proġett. Dan ir-Regolament, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ permessi, il-parteċipazzjoni pubblika u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, inklużi dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, u dispożizzjonijiet adottati fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-Politika Marittima Integrata, b’mod partikolari d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(45)

Jenħtieġ li, b’mod ġenerali, il-kostijiet tal-iżvilupp, il-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni jinġarru bis-sħiħ minn dawk li jużaw l-infrastruttura. L-allokazzjoni tal-kostijiet jenħtieġ li tiżgura li l-utenti aħħarin ma jitgħabbewx b’mod sproporzjonat, speċjalment jekk dan jista’ jwassal għall-faqar enerġetiku. Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni jkunu eliġibbli għall-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet meta valutazzjoni tad-domanda tas-suq jew tal-effetti mistennija fuq it-tariffi, tindika li l-kostijiet ma jistgħux ikunu mistennija li jiġu rkuprati mit-tariffi mħallsa mill-utenti tal-infrastruttura.

(46)

Id-diskussjoni dwar l-allokazzjoni xierqa tal-kostijiet jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji ta’ proġett infrastrutturali mwettqa fuq il-bażi ta’ metodoloġija armonizzata għal analiżi tas-sistema tal-enerġija kollha kemm hi, bl-użu tax-xenarji rilevanti kollha stabbiliti fil-qafas tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha mħejjija skont ir-Regolamenti (KE) Nru 715/2009 u (UE) 2019/943, u rieżaminata mill-Aġenzija u xenarji addizzjonali għall-ippjanar tal-iżvilupp tan-network, biex jingħata lok għal analiżi robusta tal-kontribut tal-proġett ta’ interess komuni għall-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni ta’ dekarbonizzazzjoni, ta’ integrazzjoni tas-suq, ta’ kompetizzjoni, ta’ sostenibbiltà u ta’ sigurtà tal-provvista. Dik l-analiżi tista’ tqis l-indikaturi u l-valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità tal-investiment. Meta jintużaw xenarji addizzjonali, dawk jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050 u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal proċess komprensiv ta’ konsultazzjoni u skrutinju.

(47)

F’suq intern tal-enerġija dejjem aktar integrat, hemm bżonn ta’ regoli ċari u trasparenti għall-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet sabiex jitħaffef l-investiment fl-infrastruttura transfruntiera u fil-proġetti b’impatt transfruntiera. Huwa essenzjali li jiġi żgurat qafas ta’ finanzjament stabbli għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ interess komuni filwaqt li tiġi mminimizzata l-ħtieġa ta’ appoġġ finanzjarju, filwaqt li fl-istess ħin jiġu mħeġġa l-investituri interessati, b’inċentivi xierqa u mekkaniżmi finanzjarji. Meta jiddeċiedu dwar l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jallokaw il-kostijiet imġarrba b’mod effiċjenti, skont ir-rilevanza fid-dawl tal-approċċi u l-metodoloġiji nazzjonali għal infrastruttura simili, b’mod transfruntier fit-totalità tagħhom u jinkluduhom fit-tariffi nazzjonali, u, wara dan, jekk ikun rilevanti, jiddeterminaw jekk l-impatt tagħhom fuq it-tariffi nazzjonali jistax jirrappreżenta piż sproporzjonat għall-konsumaturi fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jevitaw ir-riskji ta’ appoġġ doppju għall-proġetti billi jqisu l-imposti jew id-dħul attwali jew stmati. Jenħtieġ li dawk l-imposti u d-dħul jitqiesu biss sa fejn ikunu relatati mal-proġetti u sa fejn ikunu mfassla biex ikopru l-kostijiet ikkonċernati.

(48)

Hemm bżonn ta’ proġetti transfruntiera li jkollhom effett pożittiv fuq il-grilja enerġetika tal-Unjoni, bħalma huma l-grilji intelliġenti tal-elettriku jew l-elettrolizzaturi, li ma jimplikawx fruntiera komuni fiżika.

(49)

Il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija teħtieġ li t-tariffi għall-aċċess għan-networks jipprovdu inċentivi xierqa għall-investiment. Madankollu, bosta tipi ta’ proġetti ta’ interess komuni x’aktarx li jkollhom esternalitajiet li jafu ma jkunux jistgħu jiġu koperti kompletament fis-sistema tariffarja regolari u rkuprati permezz tagħha. Meta japplikaw il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiżguraw qafas regolatorju u finanzjarju stabbli u prevedibbli b’inċentivi għall-proġetti ta’ interess komuni, inklużi inċentivi fit-tul, li jkunu proporzjonati mal-livell ta’ riskju speċifiku tal-proġett. Jenħtieġ li dak il-qafas japplika b’mod partikolari għal proġetti transfruntiera, għal teknoloġiji innovattivi ta’ trażmissjoni tal-elettriku li jippermettu l-integrazzjoni fuq skala kbira tal-enerġija rinnovabbli, ta’ riżorsi tal-enerġija distribwiti jew ta’ rispons għad-domanda f’networks interkonnessi, u għal proġetti tat-teknoloġija tal-enerġija u ta’ diġitalizzazzjoni, li jew x’aktarx iġarrbu riskji ogħla minn proġetti simili li jitwettqu fi ħdan Stat Membru wieħed jew li jwiegħdu benefiċċji akbar għall-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-proġetti b’nefqa operazzjonali għolja jkollhom ukoll aċċess għal inċentivi xierqa għall-investiment. B’mod partikolari, il-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli, li jaqdu l-funzjonalità doppja ta’ interkonnetturi tal-elettriku u jikkollegaw proġetti ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli lil hinn mill-kosta, x’aktarx li jġarrbu riskji ogħla minn proġetti infrastrutturali fuq l-art komparabbli, minħabba l-konnessjoni intrinsika tagħhom mal-assi ta’ ġenerazzjoni li tinvolvi riskji regolatorji, riskji ta’ finanzjament, bħall-ħtieġa għal investimenti antiċipatorji, riskji tas-suq u riskji marbuta mal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi ġodda.

(50)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għall-għoti ta’ permessi għal proġetti ta’ interess komuni, għall-parteċipazzjoni pubblika fihom u għat-trattament regolatorju tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri xorta waħda jkunu kapaċi jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex japplikaw l-istess regoli jew regoli simili għal proġetti oħra li ma jkollhomx l-istatus ta’ proġetti ta’ interess komuni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-inċentivi regolatorji, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex japplikaw l-istess regoli jew regoli simili għal proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ħżin tal-elettriku.

(51)

L-Istati Membri li bħalissa ma jattribwixxux l-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli għal proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija fir-rigward tal-proċess għall-għoti ta’ permessi, jenħtieġ li jitħeġġu jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ tali sinifikat nazzjonali għoli, b’mod partikolari billi jevalwaw jekk dan iwassalx għal proċess aktar mgħaġġel għall-għoti ta’ permessi.

(52)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li bħalissa ma għandhomx fis-seħħ proċeduri ġudizzjarji aċċellerati jew urġenti applikabbli għal proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija jitħeġġu jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ tali proċeduri, b’mod partikolari billi jevalwaw jekk dik tkunx twassal għall-implimentazzjoni aktar mgħaġġla ta’ tali proġetti.

(53)

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 wera l-valur miżjud tal-ingranaġġ tal-finanzjament privat permezz ta’ assistenza finanzjarja sinifikanti tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati proġetti ta’ sinifikat Ewropew. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja, u tar-restrizzjonijiet baġitarji, jenħtieġ li l-appoġġ immirat, permezz ta’ għotjiet u permezz ta’ strumenti finanzjarji, ikompli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali, sabiex jimmassimizza l-benefiċċji għaċ-ċittadini tal-Unjoni u biex jattira investituri ġodda lejn il-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija, filwaqt li jżomm il-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni għal livell minimu.

(54)

Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni jkunu eliġibbli għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni għal studji u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal xogħlijiet skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) fil-forma ta’ għotjiet jew fil-forma ta’ strumenti finanzjarji innovattivi sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jingħata appoġġ imfassal apposta għal dawk il-proġetti ta’ interess komuni li ma jkunux vijabbli fl-ambitu tal-qafas regolatorju u l-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti. Huwa importanti li tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari bejn proġetti li jikkontribwixxu għall-kisba tal-istess kuritur prijoritarju tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali assistenza finanzjarja tiżgura s-sinerġiji meħtieġa mal-Fondi Strutturali, sabiex jiġu ffinanzjati networks intelliġenti ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u mal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1294 (25), skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

Għal investimenti fi proġetti ta’ interess komuni, jenħtieġ li tapplika loġika maqsuma fi tliet stadji. L-ewwel nett, jenħtieġ li s-suq ikollu l-prijorità li jinvesti. It-tieni, jekk l-investimenti ma jsirux mis-suq, jenħtieġ li jiġu esplorati soluzzjonijiet regolatorji, jenħtieġ li jiġi aġġustat il-qafas regolatorju rilevanti jekk ikun meħtieġ, u jenħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-qafas regolatorju rilevanti. It-tielet, meta l-ewwel żewġ stadji ma jkunux biżżejjed sabiex jinkisbu l-investimenti meħtieġa fi proġetti ta’ interess komuni, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata assistenza finanzjarja mill-Unjoni meta l-proġett ta’ interess komuni jkun jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli. Il-proġetti ta’ interess komuni jistgħu jkunu eliġibbli wkoll fl-ambitu tal-programm InvestEU, li huwa komplementari għall-finanzjament bl-għotjiet.

(55)

Jenħtieġ li l-Unjoni tiffaċilita proġetti tal-enerġija f’reġjuni żvantaġġati, inqas konnessi, periferiċi, ultraperiferiċi jew iżolati sabiex tippermetti l-aċċess għan-networks trans-Ewropej tal-enerġija sabiex tħaffef il-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni u tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

(56)

Meta ma jkun hemm l-ebda TSO fi Stat Membru, ir-referenzi għat-TSOs f’dan ir-regolament jenħtieġ li japplikaw mutatis mutandis għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni (DSO).

(57)

Jenħtieġ li l-għotjiet għal xogħlijiet relatati ma’ proġetti ta’ interess reċiproku jkunu disponibbli bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk għal kategoriji oħra meta jikkontribwixxu għall-miri klimatikċi u enerġetiċi ġenerali tal-Unjoni u meta l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-pajjiż terz ikunu konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi.

(58)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 (27), u (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944 jiġu emendati skont dan.

(59)

Filwaqt li l-adattament għal skop ġdid tal-infrastruttura tal-gass naturali għandu l-għan li jiddekarbonizza n-networks tal-gass, filwaqt li jippermetti l-użu ddedikat tal-idroġenu pur, perjodu tranżitorju jista’ jippermetti t-trasport jew il-ħżin ta’ taħlita predefinita ta’ idroġenu mal-gass naturali jew mal-bijometan. It-taħlit tal-idroġenu mal-gass naturali jew mal-bijometan jista’ jintuża biex tiżdied il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-idroġenu u jiġi ffaċilitat it-trasport tal-idroġenu. Biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni għall-idroġenu, il-promotur tal-proġett jenħtieġ li juri, inkluż permezz ta’ kuntratti kummerċjali, kif, sa tmiem il-perjodu tranżitorju, l-assi ddedikati għall-gass naturali se jsiru assi ddedikati għall-idroġenu u kif l-użu tal-idroġenu se jiżdied matul il-perjodu tranżitorju. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, jenħtieġ li l-Aġenzija tivverifika t-tranżizzjoni tempestiva tal-proġett lejn assi ddedikat għall-idroġenu. Kwalunkwe finanzjament ta’ dawk il-proġetti skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 matul il-perjodu tranżitorju jenħtieġ li jkun soġġett għal kundizzjoni fil-ftehim ta’ għotja li l-finanzjament jitħallas lura f’każ ta’ dewmien fit-tranżizzjoni tempestiva tal-proġett lejn assi ddedikat għall-idroġenu, u għal dispożizzjonijiet adegwati li jippermettu l-infurzar ta’ dik il-kundizzjoni.

(60)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 li l-ebda Stat Membru ma għandu jibqa’ iżolat min-networks Ewropej tal-gass u tal-elettriku wara l-2015 jew jara s-sigurtà tal-enerġija tiegħu tiġi pperikolata minħabba n-nuqqas ta’ konnessjonijiet xierqa, dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura aċċess għan-networks trans-Ewropej tal-enerġija billi jtemm l-iżolament fil-qasam tal-enerġija ta’ Ċipru u Malta, li għadhom mhumiex interkonnessi man-network trans-Ewropew tal-gass. Dak l-objettiv jenħtieġ li jintlaħaq billi l-proġetti fil-fażi ta’ żvilupp jew ippjanar li jkunu ngħataw l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jitħallew iżommu l-istatus tagħhom sakemm Ċipru u Malta jkunu interkonnessi man-network trans-Ewropew tal-gass. Minbarra li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-enerġija rinnovabbli, il-flessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija, u s-sigurtà tal-provvista, dawk il-proġetti se jiżguraw aċċess għas-swieq futuri tal-enerġija, inkluż l-idroġenu, u se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u enerġentiċi ġenerali tal-Unjoni.

(61)

Jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni ma jkunux eliġibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni meta l-investituri, l-operaturi jew il-promoturi tal-proġett ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), bħal f’każijiet ta’ kundanna minħabba frodi, korruzzjoni jew imġiba relatata ma’ organizzazzjoni kriminali. Jenħtieġ li jkun possibbli li proġett ta’ interess komuni jitneħħa mil-lista tal-Unjoni jekk l-inklużjoni tiegħu f’dik il-lista kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux korretta li kienet fattur determinanti għal dik l-inklużjoni, jew jekk il-proġett ma jkunx jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni. Għal proġett ta’ interess komuni li jinsab fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn deroga skont dan ir-Regolament, dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw, meta jappoġġaw kwalunkwe applikazzjoni għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 għal tali proġetti, li l-proġetti ma jibbenefikawx direttament jew indirettament lil persuni jew entitajiet li jkunu jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(62)

Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp tempestiv ta’ proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija essenzjali għall-Unjoni, il-ħames lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni jenħtieġ li tibqa’ fis-seħħ sakemm tidħol fis-seħħ l-ewwel lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku stabbilita skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex jingħata lok għall-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-finanzjament tal-proġetti ta’ interess komuni fil-ħames lista tal-Unjoni, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 ukoll jibqgħu fis-seħħ u jipproduċu effetti sad-dħul fis-seħħ tal-ewwel lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku stabbilita skont dan ir-Regolament.

(63)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jenħtieġ li jitħassar.

(64)

Sabiex jiġi żgurat li l-lista tal-Unjoni tkun limitata għal proġetti li jikkontribwixxu l-aktar għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti f’anness ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li, f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE, il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li temenda l-annessi ta’ dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi u tirrieżamina l-lista tal-Unjoni, filwaqt li tirrispetta d-dritt tal-Istati Membri li japprovaw proġetti fil-lista tal-Unjoni relatati mat-territorji tagħhom. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (29). Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u t-tfassil tal-atti delegati, jenħtieġ li tiżgura trażmissjoni simultanja, tempestiva u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta jqisu li dan ikun meħtieġ, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jibagħtu esperti għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati li għalihom ikunu mistiedna l-esperti tal-Istati Membri.

Id-diskussjonijiet fil-gruppi reġjonali huma strumentali biex il-Kummissjoni tadotta l-atti delegati li jistabbilixxu l-listi tal-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li, sa fejn ikun possibbli u kompatibbli mal-qafas ta’ dan ir-Regolament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmati dwar il-laqgħat tal-gruppi reġjonali u jkunu jistgħu jibagħtu esperti għal dawn il-laqgħat, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tan-numru ta’ proġetti fil-listi tal-Unjoni s’issa, jenħtieġ li n-numru totali ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni jibqa’ maniġġabbli, u, għalhekk, jenħtieġ li ma jaqbiżx b’mod sinifikanti l-220.

(65)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp u l-interoperabbiltà tan-networks trans-Ewropej tal-enerġija u l-konnessjoni mat-tali networks li jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-kisba tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, u l-iżgurar tal-interkonnessjonijiet, is-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq u tas-sistema, il-kompetizzjoni li minnha jibbenefikaw l-Istati Membri kollha u prezzijiet affordabbli tal-enerġija u għall-kisba tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett, objettivi u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp f’waqtu u għall-interoperabbiltà tal-kurituri u tal-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (kurituri u oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija) stabbiliti fl-Anness I li jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-ilħiq tal-miri tal-enerġija u tal-klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sa mhux aktar tard mill-2050, u għall-iżgurar tal-interkonnessjonijiet, is-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq u tas-sistema u l-kompetizzjoni li minnha jibbenefikaw l-Istati Membri kollha, kif ukoll l-affordabilità tal-prezzijiet tal-enerġija.

2.   B’mod partikolari, dan ir-Regolament:

(a)

jipprevedi l-identifikazzjoni ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u ta’ proġetti ta’ interess reċiproku stabbiliti skont l-Artikolu 3 (lista tal-Unjoni);

(b)

jiffaċilita l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni billi jissimplifika, jikkoordina aktar mill-qrib u jaċċellera l-proċessi għall-għoti ta’ permessi, u billi jtejjeb it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika;

(c)

jipprovdi regoli għal allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet u inċentivi marbuta mar-riskju għal proġetti fuq il-lista tal-Unjoni;

(d)

jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-proġetti fil-lista tal-Unjoni għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet fir-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2018/1999, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u fid-Direttivi 2009/73/KE, (UE) 2018/2001 (30) u (UE) 2019/944, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura tal-enerġija” tfisser kwalunkwe tagħmir fiżiku jew faċilità li taqa’ taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija li tinsab fl-Unjoni, jew li tgħaqqad l-Unjoni ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar;

(2)

“konġestjoni tal-infrastruttura tal-enerġija” tfisser limitazzjoni ta’ flussi fiżiċi f’sistema tal-enerġija minħabba kapaċità ta’ trażmissjoni insuffiċjenti, li tinkludi fost l-oħrajn l-assenza ta’ infrastruttura;

(3)

“deċiżjoni komprensiva” tfisser id-deċiżjoni jew is-sett ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtorità jew minn awtoritajiet ta’ Stat Membru, li ma jinkludux qrati jew tribunali, li jiddetermina jekk promotur ta’ proġett ikunx awtorizzat jew le jibni l-infrastruttura tal-enerġija sabiex iwettaq proġett ta’ interess komuni jew proġett ta’ interess reċiproku billi jkollu l-possibbiltà li jibda, jew jakkwista u jibda, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni meħtieġa (fażi “lest għall-bini”) mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell amministrattiv;

(4)

“proġett” tfisser linja waħda jew diversi linji, pipelines, faċilitajiet, tagħmir jew installazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija mniżżla fl-Anness II;

(5)

“proġett ta’ interess komuni” tfisser proġett meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kurituri u tal-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija mniżżla fl-Anness I u li jkun fil-lista tal-Unjoni;

(6)

“proġett ta’ interess reċiproku” tfisser proġett promoss mill-Unjoni f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi skont ittri ta’ appoġġ mill-gvernijiet tal-pajjiżi affettwati direttament jew ftehimiet mhux vinkolanti oħra, li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji tal-infrasturttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt 1(a) jew (f), fil-punt 3(a), fil-punt 5(a) jew (c) tal-Anness II, li jikkontribwixxi għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u għall-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika għall-2050 u li jkun fil-lista tal-Unjoni;

(7)

“proġetti li jikkompetu” tfisser proġetti li jindirizzaw għalkollox jew parzjalment l-istess diskrepanza fl-infrastruttura jew ħtieġa ta’ infrastruttura reġjonali li jkunu ġew identifikati;

(8)

“promotur ta’ proġett” tfisser wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni (TSO), operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni (DSO) jew operatur jew investitur ieħor li jiżviluppa proġett fil-lista tal-Unjoni;

(b)

f’każ li jkun hemm aktar minn wieħed min tali TSO, DSO, operatur jew investitur ieħor, jew kwalunkwe grupp magħmul minn dawn, l-entità b’personalità ġuridika taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, li tkun intgħażlet b’arranġament kuntrattwali bejniethom u li jkollha l-kapaċità li twettaq l-obbligi legali u li terfa’ r-responsabbiltà finanzjarja għan-nom tal-partijiet fl-arranġament kuntrattwali.

(9)

“grilja intelliġenti tal-elettriku” tfisser network tal-elettriku, inkluż fuq il-gżejjer li mhumiex interkonnessi jew li mhumiex konnessi biżżejjed man-networks tal-enerġija trans-Ewropej, li jippermetti l-integrazzjoni kosteffiċjenti u l-kontroll attiv tal-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha konnessi miegħu, inklużi l-ġeneraturi, il-konsumaturi u l-prosumaturi, sabiex tiġi żgurata sistema tal-enerġija ekonomikament effiċjenti u sostenibbli b’telf baxx u livell għoli ta’ integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli, ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ sikurezza, u li fih l-operatur tal-grilja jkun jista’ jimmonitorja b’mod diġitali l-azzjonijiet tal-utenti konnessi miegħu, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għall-komunikazzjoni ma’ operaturi tal-grilja relatati, ma’ ġeneraturi, ma’ faċilitajiet għall-ħżin tal-enerġija, u ma’ konsumaturi jew ma’ prosumaturi, bl-għan li l-elettriku jiġi trażmess u distribwit b’mod sostenibbli, kosteffiċjenti u sigur;

(10)

“grilja intelliġenti tal-gass” tfisser network tal-gass li jagħmel użu minn soluzzjonijiet diġitali u innovattivi sabiex jintegra b’mod kosteffiċjenti pluralità ta’ sorsi tal-gass b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli f’konformità mal-ħtiġijiet tal-konsumaturi u mar-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-gass sabiex titnaqqas il-marka tal-karbonju tal-konsum tal-gass relatat, ikun jista’ jiżdied is-sehem tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u jinħolqu rabtiet ma’ vetturi u ma’ setturi oħra tal-enerġija, inkluż it-titjib fiżiku relatat jekk huma indispensabbli għall-funzjonament tat-tagħmir u tal-installazzjonijiet biex jiġu integrati l-gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli;

(11)

“awtorità kkonċernata” tfisser awtorità li, skont id-dritt nazzjonali, tkun kompetenti sabiex toħroġ permessi u awtorizzazzjonijiet diversi relatati mal-ippjanar, mad-disinn u mal-kostruzzjoni ta’ assi immobbli, li jinkludu l-infrastruttura tal-enerġija;

(12)

“awtorità regolatorja nazzjonali” tfisser awtorità regolatorja nazzjonali ddeżinjata f’konformità mal-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2009/73/KE jew awtorità regolatorja fil-livell nazzjonali ddeżinjata f’konformità mal-Artikolu 57 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(13)

“awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti” tfisser l-awtorità regolatorji nazzjonali fl-Istati Membri li jospitaw il-proġetti u fl-Istati Membri li għalihom il-proġett jipprovdi impatt pożittiv sinifikanti;

(14)

“xogħlijiet” tfisser ix-xiri, il-forniment u l-użu ta’ komponenti, sistemi u servizzi inkluż is-software, it-twettiq tal-iżvilupp, l-adattament għal skop ġdid u l-bini u l-attivitajiet ta’ installazzjoni relatati ma’ proġett, l-aċċettazzjoni tal-installazzjonijiet u l-varar ta’ proġett;

(15)

“studji” tfisser attivitajiet meħtieġa sabiex titħejja l-implimentazzjoni tal-proġett, bħal studji preparatorji, tal-fattibbiltà, ta’ evalwazzjoni, ta’ ttestjar u ta’ validazzjoni, inkluż software, u kwalunkwe miżura oħra ta’ appoġġ tekniku, li tinkludi azzjoni bil-quddiem sabiex jiġi ddefinit u żviluppat proġett u sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-finanzjament tiegħu, bħal stħarriġ tas-siti kkonċernati u t-tħejjija tal-pakkett finanzjarju;

(16)

“ikkummissjonar” tfisser il-proċess li bih proġett jibda jitħaddem ladarba jkun inbena;

(17)

“assi ddedikati għall-idroġenu” tfisser infrastruttura lesta biex takkomoda l-idroġenu pur mingħajr aktar xogħlijiet ta’ adattament, inklużi networks ta’ pipelines jew faċilitajiet ta’ ħżin li jkunu għadhom kif inbnew ġodda, ġew adattati għal skop ġdid minn assi tal-gass naturali, jew it-tnejn li huma;

(18)

“adattament għal skop ġdid” tfisser it-titjib jew il-modifika ta’ natura teknika tal-infrastruttura eżistenti tal-gass naturali sabiex jiġi żgurat li hija ddedikata għall-użu tal-idroġenu pur;

(19)

“adattament għat-tibdil fil-klima” tfisser proċess li jiżgura li r-reżiljenza għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima tal-infrastruttura tal-enerġija tinkiseb permezz ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u tar-riskju tat-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ adattament rilevanti.

KAPITOLU II

Proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku

Artikolu 3

Lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u ta’ proġetti ta’ interess reċiproku

1.   Gruppi reġjonali (Gruppi) għandhom ikunu stabbiliti f’konformità mal-proċess stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness III. Is-sħubija f’kull Grupp għandha tkun ibbażata fuq kull kuritur u qasam prijoritarju u fuq il-kopertura ġeografika rispettiva tagħhom kif stabbilit fl-Anness I. Is-setgħa deċiżjonali fil-Gruppi għandha tkun ristretta għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni (korp deċiżjonali), u tkun ibbażata fuq kunsens.

2.   Kull Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, filwaqt li jqis id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III.

3.   Il-korp deċiżjonali ta’ kull Grupp għandu jadotta lista reġjonali ta’ proġetti mfassla f’konformità mal-proċess stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness III, mal-kontribut ta’ kull proġett għall-implimentazzjoni tal-kurituri u tal-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fl-Anness I u ma’ kemm kull proġett ikun jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4.

Meta Grupp ifassal il-lista reġjonali tiegħu:

(a)

kull proposta individwali għal proġett għandha tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Istat/i Membru/i, li l-proġett ikun marbut mat-territorju tiegħu/tagħhom; meta Stat Membru ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, huwa għandu jippreżenta r-raġunijiet sostanzjati tiegħu għal dan lill-Grupp ikkonċernat;

(b)

għandu jqis il-pariri tal-Kummissjoni bl-għan li fil-lista tal-Unjoni jkun hemm numru totali ta’ proġetti li jkun maniġġabbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament sabiex tiġi stabbilita l-lista tal-Unjoni, soġġetta għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 tat-TFUE.

Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-Unjoni tiġi stabbilita kull sentejn, fuq il-bażi tal-listi reġjonali adottati mill-korpi deċiżjonali tal-gruppi stabbiliti skont il-punt (1) tat-Taqsima 1 tal-Anness III, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat li jistabbilixxi l-ewwel lista tal-Unjoni skont dan ir-Regolament sat-30 ta’ Novembru 2023.

Jekk att delegat adottat mill-Kummissjoni skont dan il-paragrafu ma jkunx jista’ jidħol fis-seħħ minħabba oġġezzjoni espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill skont l-Artikolu 20(6), il-Kummissjoni għandha minnufih tlaqqa’ l-Gruppi sabiex titfassal listi reġjonali ġodda filwaqt li jitqiesu r-raġunijiet għall-oġġezzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat ġdid li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli.

5.   Meta tkun qed tistabbilixxi l-lista tal-Unjoni billi tgħaqqad il-listi reġjonali msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis kif xieraq id-deliberazzjonijiet tal-Gruppi:

(a)

tiżgura li jiġu inklużi biss il-proġetti li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 4;

(b)

tiżgura konsistenza transreġjonali, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija kif imsemmi fil-punt (14) tat-Taqsima 2 tal-Anness III;

(c)

tqis l-opinjonijiet tal-Istati Membri msemmija fil-punt (10) tat-Taqsima 2 tal-Anness III;

(d)

timmira li tiżgura numru totali maniġġabbli ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni.

6.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament għandhom isiru parti integrali mill-pjanijiet ta’ investiment reġjonali rilevanti skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/943 u tal-pjanijiet nazzjonali rilevanti ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u ta’ pjanijiet infrastrutturali nazzjonali oħra kkonċernati, kif ikun xieraq. Dawk il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jingħataw l-ogħla prijorità possibbli fi ħdan kull wieħed minn dawk il-pjanijiet. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-proġetti li jikkompetu, għall-proġetti li ma laħqux grad suffiċjenti ta’ maturità biex jipprovdu analiżi kost-benefiċċji speċifika għall-proġett kif imsemmi fit-Taqsima 2, fil-punt (1)(d), tal-Anness III jew għall-proġetti ta’ interess reċiproku.

7.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II u li huma proġetti li jikkompetu jew proġetti li ma laħqux grad suffiċjenti ta’ maturità biex jipprovdu analiżi kost-benefiċċji speċifika għall-proġett kif imsemmi fil-punt (1)(d) tat-Taqsima 2 tal-Anness III jistgħu jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ investiment reġjonali rilevanti, il-pjanijiet nazzjonali ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network u pjanijiet infrastrutturali nazzjonali oħra, kif xieraq, bħala proġetti li qed jiġu kkunsidrati.

Artikolu 4

Kriterji għall-valutazzjoni tal-proġetti mill-Gruppi

1.   Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali li ġejjin:

(a)

il-proġett ikun meħtieġ għal mill-inqas wieħed mill-kurituri u mill-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I;

(b)

il-benefiċċji globali potenzjali tal-proġett, ivvalutati f’konformità mal-kriterji speċifiċi rilevanti fil-paragrafu 3, jisbqu l-kostijiet tiegħu, inkluż fit-tul;

(c)

il-proġett jissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

jinvolvi tal-inqas żewġ Stati Membri billi jaqsam direttament jew indirettament, permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz, il-fruntiera ta’ żewġ Stati Membri jew aktar;

(ii)

ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, jew internament jew lil hinn mill-kosta, inkluż fuq gżejjer, u jkollu impatt transfruntier sinifikanti kif stipulat fil-punt (1) tal-Anness IV.

2.   Proġett ta’ interess reċiproku għandu jissodisfa l-kriterji ġenerali li ġejjin:

(a)

il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 1(1), u dawk tal-pajjiż terz, b’mod partikolari billi ma jxekkilx il-kapaċità tal-pajjiż terz milli jelimina gradwalment l-assi li jiġġeneraw il-karburant fossili għall-konsum domestiku tiegħu, u għas-sostenibbiltà, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja u permezz tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u siti ta’ ħżin ewlenin;

(b)

il-benefiċċji globali potenzjali tal-proġett fil-livell tal-Unjoni, ivvalutati f’konformità mal-kriterji speċifiċi rispettivi fil-paragrafu 3, jisbqu l-kostijiet tiegħu fi ħdan l-Unjoni, inkluż fit-tul;

(c)

il-proġett ikun jinsab fit-territorju ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed u fit-territorju ta’ mill-inqas pajjiż terz wieħed u jkollu impatt transfruntier sinifikanti kif stabbilit fil-punt (2) tal-Anness IV;

(d)

għall-parti li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-proġett ikun konformi mad-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944 meta jkun jaqa’ taħt il-kategoriji tal-infrastruttura stabbiliti fil-punti (1) u (3) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(e)

hemm livell għoli ta’ konverġenza tal-qafas ta’ politika tal-pajjiż jew pajjiżi terzi involuti u huma murija mekkaniżmi ta’ infurzar legali li jappoġġaw l-objettivi tal-politika tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiżguraw:

(i)

suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb;

(ii)

is-sigurtà tal-provvisti, fuq il-bażi, inter alia, ta’ sorsi diversi, tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà;

(iii)

sistema tal-enerġija, inkluż il-produzzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, li timxi lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika sal-2050, b’mod partikolari, l-evitar tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

(f)

il-pajjiż jew il-pajjiżi terzi involuti isostnu l-istatus ta’ prijorità tal-proġett, kif stipulat fl-Artikolu 7, u jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw ma’ skeda ta’ żmien simili għall-implimentazzjoni aċċellerata u għal miżuri oħra ta’ appoġġ ta’ politika u regolatorju kif japplika għal proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni.

Fir-rigward ta’ proġetti għall-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (5)(c) tal-Anness II, il-proġett għandu jkun meħtieġ biex jippermetti t-trasport u l-ħżin transfruntiera tad-diossidu tal-karbonju u l-pajjiż terz fejn ikun jinsab il-proġett għandu jkollu qafas legali adegwat ibbażat fuq mekkaniżmi ta’ infurzar effettivi murija biex jiġi żgurat li standards u salvagwardji japplikaw għall-proġett, u hekk tiġi prevenuta kwalunkwe tnixxija tad-dijossidu tal-karbonju, u li jikkonċernaw il-klima, is-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi fir-rigward tas-sikurezza u l-effettività tal-ħżin permanenti tad-diossidu tal-karbonju, li huma mill-inqas fl-istess livell bħal dawk previsti mil-liġi tal-Unjoni.

3.   Il-kriterji speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għal proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija:

(a)

għall-proġetti tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni u tal-ħżin tal-elettriku li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja, it-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u siti ta’ ħżin ewlenin, u biex jitnaqqas it-tnaqqis tal-enerġija, fejn applikabbli, u jikkontribwixxi għal tal-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i)

l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz tat-tneħħija tal-iżolament tal-enerġija ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed u t-tnaqqis tal-konġestjonijiet tal-infrastruttura tal-enerġija; il-kompetizzjoni, l-interoperabbiltà u l-flessibbiltà tas-sistema;

(ii)

is-sigurtà tal-provvista, inkluż permezz tal-interoperabbiltà, tal-flessibbiltà tas-sistema, taċ-ċibersigurtà, tal-konnessjonijiet xierqa u tal-operat sikur u affidabbli tas-sistema;

(b)

għal proġetti tal-grilji intelliġenti tal-elettriku li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (1)(e) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja, u jikkontribwixxi għal tal-inqas tnejn mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i)

is-sigurtà tal-provvista, inkluż permezz tal-effiċjenza u tal-interoperabbiltà tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-operat ta’ kuljum tan-network, l-evitar tal-konġestjoni, u l-integrazzjoni u l-involviment tal-utenti tan-network;

(ii)

l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz tal-operat effiċjenti tas-sistema u l-użu tal-interkonnetturi;

(iii)

is-sigurtà tan-network, il-flessibbiltà u l-kwalità tal-provvista, inkluż permezz ta’ użu ogħla tal-innovazzjoni fl-ibbilanċjar, fis-swieq tal-flessibbiltà, fiċ-ċibersigurtà, fil-monitoraġġ, fil-kontroll tas-sistema u fil-korrezzjoni tal-iżbalji.

(iv)

l-integrazzjoni intelliġenti tas-settur, jew fis-sistema tal-enerġija permezz tal-kollegament ta’ vetturi tal-enerġija u setturi tal-enerġija differenti, jew b’mod usa’, billi jiffavorixxi sinerġiji u koordinazzjoni bejn is-setturi tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni;

(c)

għall-proġetti tat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (5) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà billi jnaqqas l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fl-installazzjonijiet industrijali konnessi u jikkontribwixxi għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i)

l-evitar tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista;

(ii)

iż-żieda fir-reżiljenza u s-sigurtà tat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju;

(iii)

l-użu effiċjenti tar-riżorsi, billi jiġu konnessi diversi sorsi u siti tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju permezz ta’ infrastruttura komuni u billi jiġu mminimizzati l-piż u r-riskji ambjentali;

(d)

għall-proġetti tal-idroġenu li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (3) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà, inkluż billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra, tissaħħaħ l-adozzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’enfasi fuq l-idroġenu minn sorsi rinnovabbli b’mod partikolari f’applikazzjonijiet tal-użu aħħari, bħas-setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, li fihom mhumiex fattibbli soluzzjonijiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u tiġi sostnuta l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli varjabbli billi jiġu offruti soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà, ta’ ħżin, jew it-tnejn li huma, u l-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i)

l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz tal-konnessjoni ta’ networks eżistenti jew emerġenti tal-idroġenu tal-Istati Membri, jew b’xi mod ieħor jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ network għall-Unjoni kollha għat-trasport u għall-ħżin tal-idroġenu, u jiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi konnessi;

(ii)

is-sigurtà tal-provvista u l-flessibbiltà, inkluż permezz ta’ konnessjonijiet xierqa u l-iffaċilitar tal-operat sikur u affidabbli tas-sistema;

(iii)

il-kompetizzjoni, inkluż billi jkun permess l-aċċess għal diversi sorsi ta’ provvista u utenti tan-network fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja;

(e)

għall-elettrolizzaturi li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (4) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i)

is-sostenibbiltà, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-titjib tal-użu tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’mod partikolari minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll fjuwils sintetiċi minn dawk l-oriġini;

(ii)

is-sigurtà tal-provvista, inkluż permezz ta’ kontribuzzjoni għall-operat sigur, effiċjenti u affidabbli tas-sistema, jew billi jiġu offruti soluzzjonijiet ta’ ħżin, ta’ flessibbiltà, jew it-tnejn li huma, bħal servizzi ta’ rispons fin-naħa tad-domanda u servizzi ta’ bbilanċjar;

(iii)

il-faċilitazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin permezz tal-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet ma’ vetturi u setturi oħra tal-enerġija;

(f)

għal proġetti ta’ grilji intelliġenti tal-gass li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (2) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà billi jiżgura l-integrazzjoni ta’ pluralità ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli, inkluż fejn dawn jiġu minn sorsi lokali, bħal bijometan jew idroġenu rinnovabbli, fis-sistemi tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-ħżin tal-gass sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u dak il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas waħda mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i)

is-sigurtà tan-network u l-kwalità tal-provvista billi jittejbu l-effiċjenza u l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-ħżin tal-gass fl-operat tan-network ta’ kuljum billi, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-injezzjoni ta’ gassijiet ta’ diversi kwalitajiet;

(ii)

il-funzjonament tas-suq u s-servizzi għall-klijenti;

(iii)

l-iffaċilitar tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet ma’ operaturi u ma’ setturi oħra tal-enerġija u l-abilitazzjoni tar-rispons tad-domanda.

4.   Għall-proġetti li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II, il-kriterji elenkati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu vvalutati f’konformità mal-indikaturi stabbiliti fil-punti (3) sa (8) tal-Anness IV.

5.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-proġetti kollha li jistgħu jkunu eliġibbli bħala proġetti ta’ interess komuni u li jistgħu jiġu inklużi f’lista reġjonali, kull Grupp għandu jivvaluta l-kontribuzzjoni ta’ kull proġett għall-implimentazzjoni tal-istess kuritur jew qasam prijoritarju tal-infrastruttura tal-enerġija b’mod trasparenti u oġġettiv. Kull Grupp għandu jiddetermina l-metodu ta’ valutazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni aggregata għall-kriterji msemmija fil-paragrafu 3. Dik il-valutazzjoni għandha twassal għal klassifikazzjoni tal-proġetti għall-użu intern tal-Grupp. La l-lista reġjonali u lanqas il-lista tal-Unjoni ma għandu jkollhom xi klassifikazzjoni, u l-klassifikazzjoni lanqas ma għandha tintuża għal xi skop sussegwenti ħlief kif deskritt fit-Taqsima 2, il-punt (16), tal-Anness III.

Meta jivvaluta l-proġetti, sabiex jiġi żgurat approċċ ta’ valutazzjoni konsistenti fost il-Gruppi, kull Grupp għandu jqis kif xieraq:

(a)

l-urġenza u l-kontribuzzjoni ta’ kull proġett propost sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika sal-2050, ta’ integrazzjoni tas-suq, ta’ kompetizzjoni, ta’ sostenibbiltà u ta’ sigurtà tal-provvista;

(b)

il-komplementarjetà ta’ kull proġett propost ma’ proġetti proposti oħra, inklużi proġetti li jikkompetu jew li potenzjalment jikkompetu;

(c)

sinerġiji possibbli mal-kurituri u mal-oqsma prijoritarji identifikati taħt networks trans-Ewropej għat-trasport u t-telekomunikazzjonijiet;

(d)

għall-proġetti proposti li, f’dak iż-żmien tal-valutazzjoni, ikunu proġetti fil-lista tal-Unjoni, il-progress tal-implimentazzjoni tagħhom u l-konformità tagħhom mal-obbligi ta’ rapportar u ta’ trasparenza.

Fir-rigward ta’ proġetti ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku u ta’ grilji intelliġenti tal-gass li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(e) u fil-punt (2) tal-Anness II, għandha ssir klassifikazzjoni għal dawk il-proġetti li jaffettwaw l-istess żewġ Stati Membri, u għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lin-numru ta’ utenti affettwati mill-proġett, lill-konsum annwali tal-enerġija u lis-sehem tal-ġenerazzjoni minn riżorsi mhux spedibbli fiż-żona koperta minn dawk l-utenti.

Artikolu 5

Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-proġetti fil-lista tal-Unjoni

1.   Il-promoturi tal-proġetti għandhom ifasslu pjan ta’ implimentazzjoni għall-proġetti fil-lista tal-Unjoni, inkluż skeda ta’ żmien għal kull wieħed u waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istudji dwar il-fattibbiltà u t-tfassil inkluż dak li għandu x’jaqsam mal-adattament għat-tibdil fil-klima u mal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

(b)

l-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn kwalunkwe awtorità oħra kkonċernata;

(c)

il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar;

(d)

il-proċess għall-għoti tal-permessi msemmi fl-Artikolu 10(6), il-punt (b).

2.   It-TSOs, id-DSOs u operaturi oħra għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni fiż-żona tagħhom.

3.   L-Aġenzija u l-Gruppi kkonċernati għandhom jimmonitorjaw il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-proġetti fil-lista tal-Unjoni u, meta jkun meħtieġ, jagħmlu rakkomandazzjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Gruppi jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali f’konformità mal-paragrafi 4, 5 u 6, isejħu laqgħat mal-partijiet rilevanti u jistiednu lill-Kummissjoni tivverifika l-informazzjoni pprovduta fuq il-post.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena wara s-sena tal-inklużjoni ta’ proġett fil-lista tal-Unjoni, il-promoturi ta’ proġett għandhom jissottomettu rapport annwali, għal kull proġett li jaqa’ taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II, lill-awtorità nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 8(1).

Dak ir-rapport għandu jinkludi dettalji dwar:

(a)

il-progress miksub fl-iżvilupp, fil-kostruzzjoni u fl-ikkummissjonar tal-proġett, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess għall-għoti ta’ permessi u l-proċedura ta’ konsultazzjoni kif ukoll il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali, bil-prinċipju li l-proġett “ma jagħmel l-ebda ħsara sinifikanti” lill-ambjent, u l-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima meħuda;

(b)

fejn ikun rilevanti, dewmien meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni, ir-raġunijiet għal dan id-dewmien u diffikultajiet oħra misjuba;

(c)

fejn ikun rilevanti, pjan rivedut bl-għan li jingħeleb id-dewmien.

5.   Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena wara s-sena li fiha l-promotur tal-proġett ikollu jissottometti r-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 8(1) għandhom jissottomettu lill-Aġenzija u lill-Grupp rilevanti r-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, issupplimentat b’informazzjoni dwar il-progress u, fejn rilevanti, dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom fir-rigward tal-proċessi għall-għoti ta’ permessi, u dwar ir-raġunijiet għal dan id-dewmien. Il-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet kompetenti għar-rapport għandha tkun immarkata b’mod ċar bħala tali u abbozzata mingħajr ma jiġi mmodifikat it-test introdott mill-promoturi tal-proġett.

6.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena li fiha għandha tiġi adottata lista ġdida tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Gruppi rapport konsolidat għall-proġetti fil-lista tal-Unjoni li huma soġġetti għall-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jevalwa l-progress miksub u t-tibdiliet mistennija fil-kostijiet tal-proġetti, u l-evalwazzjoni tal-kostijiet tal-proġett mistennija, u, fejn xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jingħelbu d-dewmien u d-diffikultajiet misjuba. Dak ir-rapport konsolidat għandu jevalwa wkoll, f’konformità mal-Artikolu 11, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2019/942, l-implimentazzjoni konsistenti tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha fir-rigward tal-kurituri u tal-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I.

F’każijiet debitament ġustifikati, l-Aġenzija tista’ titlob informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha stabbiliti f’dan il-paragrafu.

7.   Meta l-ikkummissjonar ta’ proġett fil-lista tal-Unjoni jiddewwem meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni, u mhux għal raġunijiet prevalenti li jaqgħu barra mill-kontroll tal-promotur tal-proġett, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)

sa fejn il-miżuri msemmija fl-Artikolu 22(7), il-punt (a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2009/73/KE u fl-Artikolu 51(7), il-punt (a), (b) jew (c) tad-Direttiva (UE) 2019/944 jkunu applikabbli f’konformità mad-dritt nazzjonali rispettiv, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-investiment isir;

(b)

jekk il-miżuri tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont il-punt (a) ma jkunux applikabbli, il-promotur tal-proġett, fi żmien 24 xahar mid-data tal-ikkummissjonar stabbilita fil-pjan ta’ implimentazzjoni, għandu jagħżel parti terza sabiex tiffinanzja jew tibni l-proġett kollu jew parti minnu.

(c)

jekk parti terza ma tintgħażilx f’konformità mal-punt (b), l-Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jkun ipprovda hekk, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-punt (b), taħtar parti terza sabiex tiffinanzja jew tibni l-proġett li l-promotur tal-proġett għandu jaċċetta;

(d)

meta d-dewmien meta mqabbel mad-data tal-ikkummissjonar fil-pjan ta’ implimentazzjoni jaqbeż is-26 xahar, il-Kummissjoni, soġġetta għall-qbil u bil-kooperazzjoni sħiħa tal-Istati Membri kkonċernati, tista’ tvara sejħa għal proposti miftuħa għal kwalunkwe parti terza li kapaċi ssir promotur ta’ proġett sabiex tibni l-proġett f’konformità ma’ skeda ta’ żmien miftiehma;

(e)

meta jiġu applikati miżuri msemmija fil-punt (c) jew (d), l-operatur tas-sistema li fiż-żona tiegħu jinsab l-investiment għandu jipprovdi lill-operaturi jew lill-investituri implimentaturi jew lill-parti terza l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jitwettaq l-investiment, għandu jgħaqqad l-assi l-ġodda man-network tat-trażmissjoni jew, fejn applikabbli, in-network tad-distribuzzjoni u b’mod ġenerali għandu jagħmel l-aħjar sforzi tiegħu sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-investiment u l-operat u l-manutenzjoni siguri, affidabbli u effiċjenti tal-proġett fil-lista tal-Unjoni.

8.   Proġett fil-lista tal-Unjoni jista’ jitneħħa mil-lista tal-Unjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(4) jekk l-inklużjoni tiegħu f’dik il-lista kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li kienet fattur determinanti għal dik l-inklużjoni, jew il-proġett ma jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni.

9.   Il-proġetti li ma jibqgħux fil-lista tal-Unjoni għandhom jitilfu d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta mal-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni jew ta’ proġett ta’ interess reċiproku previsti f’dan ir-Regolament.

Madankollu, proġett li ma jkunx għadu fil-lista tal-Unjoni iżda li għalih ikun ġie aċċettat fajl ta’ applikazzjoni sabiex jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III, ħlief meta l-proġett ikun tneħħa mil-lista tal-Unjoni għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

10.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe assistenza finanzjarja tal-Unjoni mogħtija lil kwalunkwe proġett fil-lista tal-Unjoni qabel ma jitneħħa mil-lista tal-Unjoni.

Artikolu 6

Koordinaturi Ewropej

1.   Meta proġett ta’ interess komuni jsib diffikultajiet ta’ implimentazzjoni sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ taħtar, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, koordinatur Ewropew għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena, li jista’ jiġġedded darbtejn.

2.   Il-koordinatur Ewropew għandu:

(a)

jippromwovi l-proġetti, li għalihom ikun inħatar koordinatur Ewropew u d-djalogu transfruntier bejn il-promoturi tal-proġetti u l-partijiet ikkonċernati interessati kollha;

(b)

jassisti l-partijiet kollha kif inhu meħtieġ fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati interessati, fid-diskussjoni dwar rotot alternattivi, fejn xieraq, u fil-ksib tal-permessi meħtieġa għall-proġetti;

(c)

meta jkun xieraq, jagħti pariri lill-promoturi tal-proġett dwar il-finanzjament tal-proġett;

(d)

jiżgura li jingħata l-appoġġ u d-direzzjoni strateġika xierqa mill-Istati Membri kkonċernati għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-proġetti;

(e)

kull sena, u, meta jkun xieraq, mat-twettiq tal-mandat tiegħu, jippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-proġetti u dwar kwalunkwe diffikultà u ostaklu li x’aktarx idewmu b’mod sinifikanti d-data tal-ikkummissjonar tal-proġetti.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport tal-koordinatur Ewropew imsemmi fil-punt (e) lill-Parlament Ewropew u lill-Gruppi kkonċernati.

3.   Il-koordinatur Ewropew għandu jintgħażel wara proċess miftuħ, mhux diskriminatorju u trasparenti u fuq il-bażi tal-esperjenza tal-kandidat fir-rigward tal-kompiti speċifiċi assenjati lilu/lilha għall-proġetti kkonċernati.

4.   Id-deċiżjoni ta’ ħatra tal-koordinatur Ewropew għandha tispeċifika l-limiti taż-żmien ta’ referenza, filwaqt li tispjega d-durata tal-mandat, il-kompiti speċifiċi u l-iskadenzi korrispondenti, u l-metodoloġija li għandha tiġi segwita. L-isforz ta’ koordinazzjoni għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità u għall-kostijiet stmati tal-proġetti.

5.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-koordinatur Ewropew fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafi 2 u 4.

KAPITOLU III

Għoti ta’ permessi u parteċipazzjoni pubblika

Artikolu 7

Status ta’ prijorità tal-proġetti fil-lista tal-Unjoni

1.   L-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni għandha tistabbilixxi, għall-finijiet ta’ kwalunkwe deċiżjoni maħruġa fil-proċess għall-għoti ta’ permessi, il-ħtieġa tal-proġetti fil-lista tal-Unjoni minn perspettiva tal-politika dwar l-enerġija u tal-klima, mingħajr preġudizzju għall-post, għar-rotta jew għat-teknoloġija preċiżi tal-proġett.

Dan il-paragrafu ma japplikax għal proġetti li jikkompetu jew għal proġetti li ma laħqux grad suffiċjenti ta’ maturità biex jipprovdu analiżi kost-benefiċċji speċifika għall-proġett kif imsemmi fit-Taqsima 2, il-punt (1)(d), tal-Anness III.

2.   Bl-għan li jiġi żgurat l-ipproċessar amministrattiv effiċjenti tal-fajls tal-applikazzjonijiet relatati mal-proġetti fil-lista tal-Unjoni, il-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet ikkonċernati kollha għandhom jiżguraw li dawk il-fajls jiġu ttrattati bl-aktar mod rapidu possibbli f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi previsti fid-dritt tal-Unjoni, il-proġetti fil-lista tal-Unjoni għandhom jingħataw l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli, fejn status bħal dan jeżisti fid-dritt nazzjonali, u jiġu ttrattati kif xieraq fil-proċessi għall-għoti ta’ permessi u, jekk ikun previst fid-dritt nazzjonali, fl-ippjanar spazjali, inklużi dawk il-proċessi relatati ma’ valutazzjonijiet ambjentali, bil-mod li dan it-trattament ikun previst fid-dritt nazzjonali applikabbli għat-tip ta’ infrastruttura tal-enerġija korrispondenti.

4.   Il-proċeduri kollha għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-litigazzjoni, l-appelli u r-rimedji ġudizzjarji kollha relatati ma’ proġetti fil-lista tal-Unjoni quddiem kwalunkwe qorti, tribunal jew bord nazzjonali, inklużi l-medjazzjoni jew l-arbitraġġ, meta dawn ikunu jeżistu fid-dritt nazzjonali, għandhom jiġu ttrattati bħala urġenti, jekk u sakemm id-dritt nazzjonali jipprevedi tali proċeduri ta’ urġenza.

5.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw, filwaqt li jqisu kif xieraq il-gwida eżistenti maħruġa mill-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali għall-proġetti fil-lista tal-Unjoni, liema miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi huma meħtieġa sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-valutazzjoni ambjentali u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tagħhom u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dik il-valutazzjoni.

6.   Sal-24 ta’ Marzu 2023, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri mhux leġislattivi li jkunu identifikaw skont il-paragrafu 5.

7.   Sal-24 ta’ Ġunju 2023, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi li jkunu identifikaw skont il-paragrafu 5. Dawk il-miżuri leġiżlattivi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi previsti fid-dritt tal-Unjoni.

8.   Fir-rigward tal-impatti ambjentali indirizzati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KEE u fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dawk id-Direttivi jiġu ssodisfati, il-proġetti fil-lista tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala ta’ interess pubbliku minn perspettiva tal-politika tal-enerġija, u jistgħu jitqiesu li jkollhom interess pubbliku prevalenti.

Meta l-opinjoni tal-Kummissjoni tkun meħtieġa f’konformità mad-Direttiva 92/43/KEE, il-Kummissjoni u l-awtorità nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni fir-rigward tal-interess pubbliku prevalenti ta’ proġett tittieħed fi ħdan il-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament.

Dan il-paragrafu ma japplikax għall-proġetti li jikkompetu jew għall-proġetti li ma laħqux grad suffiċjenti ta’ maturità biex jipprovdu analiżi kost-benefiċċji speċifika għall-proġett kif imsemmi fit-Taqsima 2, il-punt (1)(d), tal-Anness III.

Artikoli 8

Organizzazzjoni tal-proċess għall-għoti ta’ permessi

1.   Sat-23 ta’ Ġunju 2022, kull Stat Membru għandu jaġġorna, meta jkun meħtieġ, il-ħatra ta’ awtorità nazzjonali kompetenti waħda li għandha tkun responsabbli għall-iffaċilitar u għall-koordinazzjoni tal-proċess għall-għoti ta’ permessi għall-proġetti fil-lista tal-Unjoni.

2.   Ir-responsabbiltajiet tal-awtorità nazzjonali kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 jew il-kompiti relatati magħha jistgħu jiġu ddelegati lil awtorità oħra, jew imwettqa minn din, għal kull proġett fil-lista tal-Unjoni jew għal kull kategorija partikolari ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni, dment li:

(a)

l-awtorità nazzjonali kompetenti tinnotifika lill-Kummissjoni b’dik id-delega u l-informazzjoni fiha tiġi ppubblikata jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew mill-promotur tal-proġett fuq is-sit web imsemmi fl-Artikolu 9(7);

(b)

awtorità waħda biss tkun responsabbli għal kull proġett fil-lista tal-Unjoni, u tkun l-uniku punt ta’ kuntatt għall-promotur tal-proġett fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni komprensiva għal proġett partikolari fil-lista tal-Unjoni, u tikkoordina s-sottomissjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni rilevanti kollha.

L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ żżomm ir-responsabbiltà li tistabbilixxi l-limiti taż-żmien, mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2).

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali u, sal-punt li ma jikkontradixxihomx, dak nazzjonali, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiffaċilita l-ħruġ tad-deċiżjoni komprensiva. Id-deċiżjoni komprensiva għandha tinħareġ fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2) u f’konformità ma’ waħda mill-iskemi li ġejjin:

(a)

skema integrata:

id-deċiżjoni komprensiva għandha tinħareġ mill-awtorità nazzjonali kompetenti u għandha tkun l-unika deċiżjoni legalment vinkolanti li tirriżulta mill-proċedura statutorja għall-għoti ta’ permessi. Meta awtoritajiet oħra jkunu kkonċernati mill-proġett, huma jistgħu, f’konformitá mad-dritt nazzjonali, jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala input għall-proċedura, li għandha titqies mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(b)

skema koordinata:

id-deċiżjoni komprensiva tinkludi diversi deċiżjonijiet individwali legalment vinkolanti maħruġa minn diversi awtoritajiet ikkonċernati, li għandhom jiġu kkoordinati mill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tistabbilixxi grupp ta’ ħidma li fih l-awtoritajiet ikkonċernati kollha jkunu rrappreżentati sabiex titfassal skeda għall-proċess għall-għoti ta’ permessi f’konformità mal-Artikolu 10(6), il-punt (b), u sabiex tiġi mmonitorjata u kkoordinata l-implimentazzjoni tagħha. L-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, għandha, fejn applikabbli f’konformità mad-dritt nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2), tistabbilixxi fuq bażi ta’ kull każ għalih limitu taż-żmien raġonevoli li fih għandhom jinħarġu d-deċiżjonijiet individwali. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni individwali f’isem awtorità nazzjonali oħra kkonċernata, fejn id-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tingħatax fi żmien il-limitu taż-żmien u fejn id-dewmien ma jistax jiġi ġġustifikat b’mod adegwat; jew, fejn previst taħt id-dritt nazzjonali, u sal-punt li dan ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tikkunsidra li awtorità nazzjonali kkonċernata oħra tkun tat l-approvazzjoni jew ir-rifjut tagħha għall-proġett meta d-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tingħatax fi ħdan il-limitu taż-żmien. Fejn ipprovdut skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tinjora deċiżjoni individwali ta’ awtorità nazzjonali oħra kkonċernata jekk tqis li d-deċiżjoni mhijiex sostanzjata biżżejjed fir-rigward tal-evidenza bażi ppreżentata mill-awtorità nazzjonali kkonċernata; hija u tagħmel dan, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li r-rekwiżiti rilevanti taħt id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali jiġu rispettati u għandha tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha;

(c)

skema kollaborattiva:

id-deċiżjoni komprensiva għandha tiġi kkoordinata mill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, għandha, fejn applikabbli f’konformità mad-dritt nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2), tistabbilixxi fuq bażi ta’ kull każ għalih limitu taż-żmien raġonevoli li fih għandhom jinħarġu d-deċiżjonijiet individwali. Għandha timmonitorja l-konformità mal-limiti taż-żmien mill-awtoritajiet ikkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskemi b’mod li, skont il-liġi nazzjonali, jikkontribwixxi għall-ħruġ l-aktar effiċjenti u f’waqtu tad-deċiżjoni komprensiva.

Il-kompetenza tal-awtoritajiet ikkonċernati tista’ jew tiġi inkorporata fil-kompetenza tal-awtorità nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-paragrafu 1 jew inkella l-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jżommu, sa ċertu punt, il-kompetenza indipendenti tagħhom f’konformità mal-iskema rispettiva għall-għoti ta’ permessi magħżula mill-Istat Membru f’konformità ma’ dan il-paragrafu sabiex jiffaċilitaw il-ħruġ tad-deċiżjoni komprensiva u jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali kompetenti kif xieraq.

Meta awtorità kkonċernata ma tkunx qed tistenna li tagħti deċiżjoni individwali fil-limitu taż-żmien stabbilit, dik l-awtorità għandha minnufih tinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti, u tipprovdi raġunijiet għad-dewmien. Sussegwentement, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tistabbilixxi limitu taż- żmien ieħor li fih għandha tinħareġ dik id-deċiżjoni individwali, f’konformità mal-limiti taż-żmien ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2).

L-Istati Membri għandhom jagħżlu minn fost it-tliet skemi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu sabiex jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-proċeduri tagħhom u għandhom jimplimentaw l-iskema li hi l-aktar effettiva għalihom fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali fil-proċessi tagħhom għall-ippjanar u għall-għoti ta’ permessi. Meta Stat Membru jagħżel l-iskema kollaborattiva, għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-raġunijiet tiegħu.

4.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-iskemi stabbiliti fil-paragrafu 3 għall-proġetti fil-lista tal-Unjoni fuq l-art u lil hinn mill-kosta.

5.   Meta proġett fil-lista tal-Unjoni jkun jeħtieġ li d-deċiżjonijiet jittieħdu f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa għal kooperazzjoni u komunikazzjoni effiċjenti u effettivi bejniethom, inklużi l-istadji msemmija fl-Artikolu 10(6). L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jipprovdu proċeduri konġunti, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti tal-Istati Membri involuti fi proġett fil-lista tal-Unjoni li jappartjenu għal wieħed mill-kurituri prijoritarji tal-grilji lil hinn mill-kosta stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I għandhom jaħtru flimkien bejniethom punt uniku ta’ kuntatt għall-promoturi ta’ proġetti għal kull proġett, li għandu jkun responsabbli biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-proċess tal-għoti ta’ permessi tal-proġett bil-għan li jiġi ffaċilitat dak il-proċess kif ukoll l-ħruġ tad-deċiżjonijiet bi proġett mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti. Il-punti uniċi ta’ kuntatt jistgħu jaġixxu bħala repożitorju li jaggrega d-dokumenti eżistenti li jappartjenu lill-proġetti.

Artikolu 9

Trasparenza u parteċipazzjoni pubblika

1.   Sal-24 ta’ Ottubru 2023, l-Istat Membru jew l-awtorità nazzjonali kompetenti għandhom, fejn applikabbli, f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet ikkonċernati oħra, jippubblikaw manwal aġġornat tal-proċeduri għall-proċess għall-għoti ta’ permessi applikabbli għall-proġetti fil-lista tal-Unjoni li għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni speċifikata fil-punt (1) tal-Anness VI. Il-manwal ma għandux ikun legalment vinkolanti, iżda għandu jirreferi għal dispożizzjonijiet legali rilevanti jew jikkwotahom. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fejn rilevanti, jikkooperaw u jsibu sinerġiji mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien bil-ħsieb li jiskambjaw il-prattiki tajba u jiffaċilitaw il-proċess għall-għoti ta’ permessi, b’mod partikolari għall-iżvilupp tal-manwal tal-proċeduri.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi ambjentali u għal kwalunkwe rekwiżit taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-Konvenzjoni ta’ Espoo u d-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-partijiet kollha involuti fil-proċess għall-għoti ta’ permessi għandhom isegwu l-prinċipji għall-parteċipazzjoni pubblika stabbiliti fil-punt (3) tal-Anness VI.

3.   Il-promotur ta’ proġett, fi żmien perjodu indikattiv ta’ tliet xhur wara l-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permess skont l-Artikolu 10(3), għandu jfassal u jissottometti kunċett għall-parteċipazzjoni pubblika lill-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li jsegwi l-proċess deskritt fil-manwal imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u f’konformità mal-linji gwida stabbiliti fl-Anness VI. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha titlob modifiki jew tapprova l-kunċett tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-kunċett, filwaqt li tqis kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku li seħħew qabel il-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi, sakemm tali parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

Meta l-promotur ta’ proġett ikollu l-intenzjoni li jagħmel tibdiliet sinifikanti f’kunċett approvat għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku, huwa għandu jinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti b’dan. F’dak il-każ l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ titlob modifiki.

4.   Meta dan ma jkunx diġà meħtieġ skont id-dritt nazzjonali bl-istess standards jew bi standards ogħla, il-promotur tal-proġett jew, fejn meħtieġ mid-dritt nazzjonali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, għandhom iwettqu tal-inqas konsultazzjoni pubblika waħda, qabel is-sottomissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni finali u komplut mill-promotur tal-proġett lill-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 10(7). Dik il-konsultazzjoni pubblika għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe konsultazzjoni pubblika li għandha ssir wara s-sottomissjoni tat-talba għall-kunsens għall-iżvilupp skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2011/92/UE. Il-konsultazzjoni pubblika għandha tinforma lill-partijiet ikkonċernati msemmija fil-punt 3(a) tal-Anness VI dwar il-proġett fi stadju bikri u għandha tgħin sabiex jiġu identifikati l-aktar post, trajettorja jew teknoloġija xierqa, inkluż, fejn rilevanti, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet adegwati għall-proġett relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima, l-impatti kollha rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, u l-kwistjonijiet rilevanti li għandhom jiġu indirizzati fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-konsultazzjoni pubblika għandha tkun konformi mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-punt (5) tal-Anness VI. Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali u ta’ trasparenza fl-Istati Membri, il-promotur ta’ proġett għandu jippubblika fuq is-sit web imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu rapport li jispjega kif l-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjonijiet pubbliċi ġew ikkunsidrati billi juri l-emendi li jkunu saru fil-post, fit-trajettorja u fid-disinn tal-proġett jew billi tipprovdi raġunijiet għaliex dawn l-opinjonijiet ma ġewx ikkunsidrati.

Il-promotur ta’ proġett għandu jħejji rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-attivitajiet relatati mal-parteċipazzjoni pubblika qabel is-sottomissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni, inklużi dawk l-attivitajiet li jkunu seħħew qabel il-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi.

Il-promotur ta’ proġett għandu jissottometti r-rapporti msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi flimkien mal-fajl tal-applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti. Id-deċiżjoni komprensiva għandha tqis kif xieraq ir-riżultati ta’ dawn ir-rapporti.

5.   Għal proġetti transfruntiera li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, il-konsultazzjonijiet pubbliċi mwettqa skont il-paragrafu 4 f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandhom isiru fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn xahrejn mid-data li fiha tkun bdiet l-ewwel konsultazzjoni pubblika.

6.   Għal proġetti li x’aktarx ikollhom impatt transfruntiera sinifikanti fi Stat Membru wieħed jew aktar tal-viċinat, li għalihom huma applikabbli l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/92/UE u l-Konvenzjoni ta’ Espoo, l-informazzjoni rilevanti għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri ġirien ikkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri ġirien ikkonċernati għandha tindika, fil-proċess ta’ notifika fejn xieraq, jekk huma, jew kwalunkwe awtorità kkonċernata oħra, jixtiqux jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika rilevanti.

7.   Il-promotur ta’ proġett għandu jistabbilixxi u jaġġorna b’mod regolari sit web iddedikat għall-proġett b’informazzjoni rilevanti dwar il-proġett ta’ interess komuni, li għandu jkun illinkjat mas-sit web tal-Kummissjoni u mal-pjattaforma ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 23 u li għandu jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fil-punt (6) tal-Anness VI. Informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandha tinżamm kunfidenzjali.

Il-promoturi tal-proġetti għandhom jippubblikaw ukoll informazzjoni rilevanti b’mezzi oħra ta’ informazzjoni xierqa aċċessibbli għall-pubbliku.

Artikolu 10

Durata u implimentazzjoni tal-proċess għall-għoti ta’ permessi

1.   Il-proċess għall-għoti ta’ permessi għandu jikkonsisti f’żewġ proċeduri:

(a)

il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni, li tkopri l-perjodu bejn il-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi u l-aċċettazzjoni min-naħa tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-fajl tal-applikazzjoni sottomess, li għandha sseħħ fi żmien perjodu indikattiv ta’ 24 xahar; and

(b)

il-proċedura statutorja għall-għoti ta’ permessi, li tkopri l-perjodu mid-data tal-aċċettazzjoni tal-fajl tal-applikazzjoni sottomess sat-teħid tad-deċiżjoni komprensiva, ma għandhiex taqbeż it-18-il xahar.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċedura statutorja għall-għoti ta’ permessi li tkun iqsar minn 18-il xahar.

2.   L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li d-durata kombinata taż-żewġ proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ma taqbiżx perjodu ta’ 42 xahar.

Madankollu, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tqis li waħda mill-proċeduri jew it-tnejn li huma ma jkunux se jitlestew fi żmien il-limiti taż-żmien stabbiliti fil-paragrafu 1, hija tista’ testendi wieħed minn dawk il-limiti taż-żmien jew it-tnejn li huma, qabel l-iskadenza tagħhom u fuq bażi ta’ kull każ għalih. L-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex testendi d-durata kkombinata taż-żewġ proċeduri għal aktar minn disa’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti testendi l-limiti taż-żmien, hija għandha tinforma lill-Grupp ikkonċernat u tippreżentalu l-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu għall-konklużjoni tal-proċess għall-għoti ta’ permessi bl-anqas dewmien possibbli. Il-Grupp jista’ jitlob li l-awtorità nazzjonali kompetenti tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub f’dak ir-rigward u r-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien.

3.   Bl-għan li jiġi stabbilit il-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi, il-promoturi tal-proġett għandhom jinnotifikaw il-proġett lill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat bil-miktub u għandhom jinkludu deskrizzjoni raġonevolment dettaljata tal-proġett.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tirrikonoxxi jew, jekk tqis li l-proġett ma jkunx matur biżżejjed sabiex jidħol fil-proċess għall-għoti ta’ permessi, tirrifjuta n-notifika, bil-miktub, inkluż f’isem awtoritajiet ikkonċernati oħra. Fil-każ ta’ rifjut, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tipprovdi raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, inkluż f’isem awtoritajiet ikkonċernati oħra. Id-data tal-firma tal-konferma tan-notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti għandha timmarka l-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi. Fejn ikunu kkonċernati żewġ Stati Membri jew aktar, id-data tal-aċċettazzjoni tal-aħħar notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata għandha timmarka l-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-proċess għall-għoti ta’ permessi jiġi aċċellerat f’konformità ma’ dan il-Kapitolu għal kull kategorija ta’ proġetti ta’ interess komuni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jadattaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-bidu tal-proċess għall-għoti ta’ permessi u għall-aċċettazzjoni tal-fajl tal-applikazzjoni sottomess, sabiex jagħmluhom idonei għal proġetti li minħabba n-natura tagħhom, id-dimensjoni tagħhom jew in-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ valutazzjoni ambjentali taħt id-dritt nazzjonali, jistgħu jkunu jeħtieġu anqas awtorizzazzjonijiet u approvazzjonijiet sabiex jilħqu l-fażi lesti għall-bini. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 6 ta’ dan l-Artikolu mhijiex meħtieġa għall-proġetti msemmija f’dan is-subparagrafu.

4.   Kwalunkwe studju validu mwettaq u permessi jew awtorizzazzjonijiet maħruġa għal proġett partikolari fil-lista tal-Unjoni qabel id-dħul fil-proċess għall-għoti ta’ permessi skont dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċess għall-għoti ta’ permessi, u ma għandhomx ikunu meħtieġa studji u permessi jew awtorizzazzjonijiet duplikati.

5.   Fi Stati Membri fejn id-determinazzjoni ta’ rotta jew ta’ post imwettqa biss għall-fini speċifiku ta’ proġett pjanat, inkluż l-ippjanar ta’ kurituri speċifiċi għall-infrastrutturi tal-grilja, ma tkunx tista’ tiġi inkluża fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni komprensiva, id-deċiżjoni korrispondenti għandha tittieħed f’perjodu separat ta’ sitt xhur, li jibda fid-data tas-sottomissjoni mill-promotur tad-dokumenti tal-applikazzjoni finali u kompluti.

Fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-estensjoni msemmija fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, għandha titnaqqas għal sitt xhur, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, inkluż għall-proċedura msemmija f’dan il-paragrafu.

6.   Il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni għandha tkun magħmula mill-istadji li ġejjin:

(a)

Mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 6 xhur min-notifika skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddetermina, fuq il-bażi tal-lista ta’ kontroll imsemmija fil-punt (1)(e) tal-Anness VI, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, u fejn xieraq fuq il-bażi ta’ proposta mill-promotur tal-proġett, l-ambitu tar-rapporti u tad-dokumenti u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandhom jiġu sottomessi mill-promotur tal-proġett, bħala parti mill-fajl tal-applikazzjoni, sabiex japplika għad-deċiżjoni komprensiva;

(b)

l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tfassal, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-promotur tal-proġett u ma’ awtoritajiet ikkonċernati oħra u b’kont meħud tar-riżultati tal-attivitajiet imwettqa skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, skeda dettaljata għall-proċess għall-għoti ta’ permessi skont il-linji gwida stabbiliti fil-punt (2) tal-Anness VI;

(c)

mal-wasla tal-abbozz tal-fajl tal-applikazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, fejn meħtieġ, f’isimha stess jew f’isem awtoritajiet konċernati oħra, titlob lill-promotur ta’ proġett jissottometti l-informazzjoni nieqsa relatata mal-elementi mitluba msemmija fil-punt (a).

Il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni għandha tinkludi t-tħejjija ta’ kwalunkwe rapport ambjentali mill-promoturi tal-proġett, kif ikun meħtieġ, inkluża d-dokumentazzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (c), l-awtorità kompetenti għandha taċċetta l-applikazzjoni bil-miktub għall-eżami jew fuq pjattaformi diġitali, u tibda l-proċedura statutorja għall-għoti ta’ permessi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b). It-talbiet għal informazzjoni addizzjonali jistgħu jsiru, iżda biss meta jkunu ġġustifikati minn ċirkostanzi ġodda.

7.   Il-promotur ta’ proġett għandu jiżgura li l-fajl tal-applikazzjoni jkun komplut u adegwat u jfittex l-opinjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti dwar dik il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli matul il-proċess għall-għoti ta’ permessi. Il-promotur ta’ proġett għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex ikun konformi mal-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan ir-regolament.

8.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li kwalunkwe emenda għal-liġi nazzjonali ma twassalx għal estensjoni ta’ kwalunkwe proċess għall-għoti ta’ permessi mibdi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-emendi. Bil-ħsieb li jinżamm proċess aċċellerat għall-għoti ta’ permessi għal proġetti fil-lista tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jadattaw b’mod adegwat l-iskeda stabbilita f’konformità mal-paragrafu 6, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu biex jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li l-limiti taż-żmien għall-proċess għall-għoti ta’ permessi stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jinqabżux.

9.   Il-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali u tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri amministrattivi ta’ appell u għar-rimedji ġudizzjarji quddiem qorti jew tribunal.

Il-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan l-Artikolu għal kwalunkwe waħda mill-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitu taż-żmien iqsar stabbilit mill-Istati Membri.

KAPITOLU IV

Ippjanar transsettorjali tal-infrastruttura

Artikolu 11

Analiżi kost-benefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha

1.   L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom ifasslu abbozzi tal-metodoloġiji tas-settur uniku konsistenti, inkluż il-mudell tan-network tal-enerġija u tas-suq imsemmi fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, għal analiżi kost-benefiċċji armonizzata tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni għal proġetti fil-lista tal-Unjoni taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (d) u (f) u fil-punt (3) tal-Anness II.

Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitfasslu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V, ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet komuni li jippermettu tqabbil bejn il-proġetti, u jkunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 kif ukoll mar-regoli u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness IV.

Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati għat-tħejjija ta’ kull pjan sussegwenti ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha u li jkun żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku jew skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

Sal-24 ta’ April 2023, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jippubblikaw u jissottomettu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozzi tal-metodoloġiji tas-settur uniku konsistenti rispettivi tagħhom wara li jkunu ġabru l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

2.   Qabel ma jissottomettu l-abbozzi tal-metodoloġiji rispettivi tagħhom lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija f’konformità mal-paragrafu 1, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jippubblikaw abbozzi preliminari tal-metodoloġiji u jwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv u jfittxu rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri u tal-inqas mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluża l-entità tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni fl-Unjoni stabbilita skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2019/943 (l-entità tal-UE għad-DSO), l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu, it-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-partijiet ikkonċernati tal-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u, fejn jitqies xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra.

Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-abbozz preliminari tal-metodoloġiji skont l-ewwel subparagrafu, kwalunkwe parti kkonċernata msemmija f’dak is-subparagrafu tista’ tissottometti rakkomandazzjoni.

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jippreżenta opinjoni dwar l-abbozzi tal-metodoloġiji.

Fejn applikabbli, l-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jissottomettu u jagħmlu pubblikament disponibbli r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, u l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima għandu jissottometti u jagħmel pubblikament disponibbli l-opinjoni tiegħu lill-Aġenzija u, kif applikabbli, lill-ENTSO tal-Elettriku jew lill-ENTSO tal-Gass.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun miftuħ, f’waqtu u trasparenti. L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom iħejju u jagħmlu pubblikament disponibbli rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni.

L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jipprovdu raġunijiet, meta ma jkunux qiesu, jew biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, jew l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima.

3.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozzi ta’ metodoloġiji flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u r-rapport dwar il-konsultazzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENTSO tal-Gass. L-Aġenzija għandha tinnotifika l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċievu l-abbozzi tal-metodoloġiji, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENTSO tal-Gass u lill-Kummissjoni. Biex tiffaċilita l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ torganizza laqgħat speċifiċi tal-Gruppi biex jiddiskutu l-abbozzi tal-metodoloġiji.

5.   Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-opinjonijiet tal-Aġenzija u l-Istati Membri, kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jemendaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom biex iqisu bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Aġenzija u tal-Istati Membri u jissottomettuhom flimkien mal-opinjoni tal-Aġenzija lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-metodoloġiji mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass rispettivament.

6.   Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jippubblikaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input korrispondenti u data rilevanti oħra dwar in-network, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża biżżejjed soġġett għal restrizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità rilevanti. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-data li tasal għandhom u għand kwalunkwe parti li twettaq xogħol analitiku abbażi ta’ dik id-data f’isimhom.

7.   Il-metodoloġiji għandhom jiġu aġġornati u mtejba b’mod regolari skont il-proċedura deskritta fil-paragrafi 1 sa 6. B’mod partikolari, dawn għandhom jiġu emendati wara s-sottomissjoni tal-mudell tan-network u tas-suq tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 10. L-Aġenzija, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament motivata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati, u wara li tikkonsulta formalment lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornamenti u titjib, filwaqt li tipprovdi raġunijiet u skeda ta’ żmien. L-Aġenzija għandha tippubblika t-talbiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati u d-dokumenti rilevanti kollha mhux kummerċjalment sensittivi li jwasslu għal talba mill-Aġenzija għal aġġornament jew għal titjib.

8.   Għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(c) u (e) u fil-punti (2), (4) u (5) tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iżvilupp ta’ metodoloġiji għal analiżi armonizzata tal-ispejjeż u l-benefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-metodoloġiji għandhom ikunu kompatibbli f’termini ta’ benefiċċji u kostijiet mal-metodoloġiji żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass. L-Aġenzija għandha, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tippromwovi l-konsistenza ta’ dawk il-metodoloġiji mal-metodoloġiji elaborati mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass. Il-metodoloġiji għandhom jiġu żviluppati b’mod trasparenti, inkluża konsultazzjoni estensiva tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

9.   Kull tliet snin, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tippubblika sett ta’ indikaturi u ta’ valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet tal-unità ta’ investiment għal proġetti komparabbli tal-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija inklużi fl-Anness II. Il-promoturi tal-proġett għandhom jipprovdu d-data rikjesta lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lill-Aġenzija.

L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura stabbiliti fil-punti (1), (2) u (3) tal-Anness II sal-24 ta’ April 2023, sal-punt li d-data tkun disponibbli biex jiġu kkalkulati indikaturi robusti u valuri ta’ referenza. Dawk il-valuri ta’ referenza jistgħu jintużaw mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENTSO tal-Gass għall-analiżijiet kost-benefiċċji mwettqa għal pjanijiet sussegwenti ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha.

L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (4) u (5) tal-Anness II, sal-24 ta’ April 2025.

10.   Sal-24 ta’ Ġunju 2025, wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiva tal-partijiet ikkonċernati msemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jissottomettu b’mod konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell konsistenti u integrat progressivament li jipprovdi konsistenza bejn il-metodoloġiji tas-settur uniku bbażati fuq suppożizzjonijiet komuni li jinkludu l-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu kif ukoll il-faċilitajiet tal-ħżin, il-gass naturali likwifikat u l-elettrolizzaturi, li jkopri l-kurituri u ż-żoni prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I imfassal f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V.

11.   Il-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 għandu jkopri tal-inqas l-interkonnessjonijiet tas-setturi rispettivi fl-istadji kollha tal-ippjanar tal-infrastruttura, speċifikament ix-xenarji, it-teknoloġiji u r-riżoluzzjoni spazjali, l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet transfruntiera, u l-valutazzjoni tal-proġetti.

12.   Wara l-approvazzjoni tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 5, dan għandu jiġi inkluż fil-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom jiġu emendati b’mod korrispondenti.

13.   Mill-inqas kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tagħhom skont il-paragrafu 10, u aktar spiss fejn meħtieġ, il-mudell u l-metodoloġiji konsistenti tal-kost-benefiċċji tas-settur uniku għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 7.

Artikolu 12

Xenarji għall-Pjanijiet ta’ Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Network

1.   Sal-24 ta’ Jannar 2023, l-Aġenzija, wara li tkun wettqet proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass, l-entità tal-UE għad-DSO u mill-inqas l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu, it-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-partijiet ikkonċernati tal-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għandha tippubblika l-linji gwida qafas għax-xenarji konġunti li għandhom jiġu żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENTSO tal-Gass. Dawk il-linji gwida għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari kif ikun meħtieġ.

Il-linji gwida għandhom jistabbilixxu kriterji għal żvilupp trasparenti, mhux diskriminatorju u robust ta’ xenarji filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-ippjanar tal-valutazzjoni tal-infrastrutturi u tal-iżvilupp tan-network. Il-linji gwida għandu jkollhom l-għan ukoll li jiżguraw li x-xenarji sottostanti tal-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass ikunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 u għandhom iqisu l-aħħar xenarji disponibbli tal-Kummissjoni, kif ukoll, meta rilevanti, il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima.

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi input dwar kif tiġi żgurata l-konformità tax-xenarji għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050. L-Aġenzija għandha tqis b’mod dovut dak l-input fil-linji gwida ta’ qafas imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-Aġenzija għandha tipprovdi raġunijiet fejn ma tkunx qieset, jew tkun qieset biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-partijiet ikkonċernati u tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima.

2.   L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom isegwu l-linji gwida ta’ qafas tal-Aġenzija meta jiżviluppaw ix-xenarji konġunti li jkunu se jintużaw għall-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha.

Ix-xenarji konġunti għandhom jinkludu wkoll perspettiva fit-tul sal-2050 u jinkludu passi intermedjarji kif xieraq.

3.   L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jistiednu lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-entità tal-UE għad-DSO, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu, it-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-partijiet ikkonċernati tal-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex jipparteċipaw fil-proċess tal-iżvilupp tax-xenarji, b’mod partikolari dwar elementi ewlenin bħas-suppożizzjonijiet u kif dawn jiġu riflessi fid-data tax-xenarji.

4.   L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jippubblikaw u jippreżentaw l-abbozz tar-rapport dwar xenarji konġunti lill-Aġenzija, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni għall-opinjoni tagħhom.

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar ir-rapport tax-xenarji konġunti.

5.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozz tar-rapport tax-xenarji konġunt flimkien mal-kontribut riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ma’ rapport dwar kif dan ġie kkunsidrat, l-Aġenzija għandha tissottometti l-opinjoni tagħha dwar il-konformità tax-xenarji mal-linji gwida qafas imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, inklużi rakkomandazzjonijiet possibbli għall-emendi, lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Fl-istess limitu taż-żmien, il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar il-kompatibbiltà tax-xenarji mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050.

6.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija u tal-istati Membri, għandha tapprova l-abbozz ta’ rapport tax-xenarji konġunt jew titlob lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENTSO tal-Gass jemendawh.

L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jipprovdu raġunijiet li jispjegaw kif kwalunkwe talba għal emendi mill-Kummissjoni tkun ġiet indirizzata.

F’każ li l-Kummissjoni ma tapprovax ir-rapport tax-xenarji konġunt, hija għandha tipprovdi opinjoni motivata lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENTSO tal-Gass.

7.   Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tar-rapport tax-xenarji konġunt f’konformità mal-paragrafu 6, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jippubblikawh fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input u tal-output korrispondenti f’forma ċara u preċiża biżżejjed sabiex parti terza tirriproduċi r-riżultati, filwaqt li jqisu kif xieraq id-dritt nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità u informazzjoni sensittiva rilevanti.

Artikolu 13

Identifikazzjoni tan-Nuqqasijiet fl-Infrastruttura

1.   Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tar-rapport tax-xenarji konġunt skont l-Artikolu 12(6) u kull sentejn wara, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jippubblikaw ir-rapporti dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura żviluppati fil-qafas tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha.

Meta jivvalutaw in-nuqqasijiet fl-infrastruttura, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jibbażaw l-analiżi tagħhom fuq ix-xenarji stabbiliti skont l-Artikolu 12, jimplimentaw il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u jikkunsidraw bi prijorità l-alternattivi rilevanti kollha għall-infrastruttura l-ġdida. Meta jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet infrastrutturali ġodda, il-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastrutturi għandha tqis il-kostijiet rilevanti kollha, inkluż it-tisħiħ tan-network.

Huma għandhom, b’mod partikolari, jiffokaw fuq dawk in-nuqqasijiet fl-infrastruttura li potenzjalment jaffettwaw l-ilħuq tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050.

Qabel ma jippubblikaw ir-rapporti rispettivi tagħhom l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom iwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-entità tal-UE għad-DSO, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu, it-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-partijiet ikkonċernati tal-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-Aġenzija u r-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha li jkunu parti mill-kurituri prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija rilevanti stabbiliti fl-Anness I

2.   L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jissottomettu l-abbozzi rispettivi tagħhom tar-rapporti dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-opinjoni tagħhom.

3.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih li tirċievi r-rapport dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ma’ rapport dwar kif dan ġie kkunsidrat, l-Aġenzija għandha tissottometti l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku jew lill-ENTSO tal-Gass, lill-Kummissjoni u lill-Istati membri u tagħmilha pubblikament disponibbli.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija u b’input mill-Istati Membri, għandha tfassal u tissottometti l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku jew lill-ENTSO tal-Gass.

5.   L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jadattaw ir-rapporti tagħhom dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura b’kunsiderazzjoni xierqa tal-opinjoni tal-Aġenzija u f’konformità mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri u jagħmluhom pubblikament disponibbli.

KAPITOLU V

Grilji lil hinn mill-kosta għall-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

Artikolu 14

Ippjanar tal-grilja lil hinn mill-kosta

1.   Sal-24 ta’ Jannar 2023, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, fi ħdan il-kurituri prijoritarji speċifiċi tagħhom tal-grilja lil hinn mill-kosta, stipulati fit-Taqsima 2 tal-Anness I, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-iżvilupp f’kull reġjun, għandhom jikkonkludu ftehim mhux vinkolanti biex jikkooperaw dwar għanijiet għall-ġenerazzjoni rinnovabbli lil hinn mill-kosta li għandha tiġi introdotta f’kull baċir tal-baħar sal-2050, bi stadji intermedji fl-2030 u fl-2040, f’konformità mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima, u tal-potenzjal tar-rinnovabbli lil hinn mill-kosta ta’ kull baċir tal-baħar.

Dak il-ftehim mhux vinkolanti għandu jsir bil-miktub fir-rigward ta’ kull baċir tal-baħar marbut mat-territorju tal-Istati Membri u għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiżviluppaw proġetti fil-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklużiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida għall-ħidma fil-Gruppi.

2.   Sal-24 ta’ Jannar 2024 u bħala parti minn kull pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, l-ENTSO tal-Elettriku, bl-involviment tat-TSOs rilevanti, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, u f’konformità mal-ftehim mhux vinkolanti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jiżviluppa u jippubblika, bħala rapport separat li jkun parti mill-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha, pjanijiet għall-iżvilupp tan-network strateġiku integrat lil hinn mill-kosta ta’ livell għoli għal kull baċir tal-baħar, f’konformità mal-kurituri prijoritarji tal-grilja lil hinn mill-kosta imsemmija fl-Anness I, b’kont meħud tal-ħarsien ambjentali u ta’ użi oħra tal-baħar.

Fl-iżvilupp tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network strateġiku integrat lil hinn mill-kosta ta’ livell għoli fl-iskeda ta’ żmien prevista fil-paragrafu 1, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jikkunsidra l-ftehimiet mhux vinkolanti msemmija fil-paragrafu 1 għall-iżvilupp tax-xenarji tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha.

Il-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network strateġiku integrat lil hinn mill-kosta għandhom jipprovdu prospettiva ta’ livell għoli dwar il-potenzjal tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta u l-ħtiġijiet li jirriżultaw tal-grilja lil hinn mill-kosta, inklużi l-ħtiġijiet potenzjali għal interkonnetturi, proġetti ibridi, konnessjonijiet radjali, rinforzi, u infrastruttura tal-idroġenu.

3.   Il-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network strateġiku integrat lil hinn mill-kosta ta’ livell għoli għandhom ikunu konsistenti mal-pjanijiet ta’ investiment reġjonali ppubblikati skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 u integrati fi ħdan il-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp koerenti tal-ippjanar tas-sistemi ta’ distribuzzjoni fuq l-art u lil hinn mill-kosta u r-rinforzi meħtieġa.

4.   Sal-24 ta’ Diċembru 2024 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-ftehimiet mhux vinkolanti tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu inkluż fid-dawl tar-riżultati tal-applikazzjoni tal-kost-benefiċċji u l-kondiviżjoni tal-kostijiet għall-kurituri prijoritarji tal-grilja lil hinn mill-kosta, meta dawk ir-riżultati jsiru disponibbli.

5.   Wara kull aġġornament tal-ftehimiet mhux vinkolanti f’konformità mal-paragrafu 4, għal kull baċir tal-baħar, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jaġġorna l-pjan għall-iżvilupp tan-network strateġiku integrat lil hinn mill-kostata’ livell għoli fil-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jmiss li jkopri l-Unjoni kollha kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 15

Kondiviżjoni transfruntiera tal-kostijiet tal-grilji lil hinn mill-baħar għall-enerġija rinnovabbli

1.   Sal-24 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha, bl-involviment tal-Istati Membri, tat-TSOs rilevanti, tal-Aġenzija u tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tiżviluppa gwida għal kost-benefiċċju u kondiviżjoni tal-kostijiet speċifiċi għall-varar tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network integrat lil hinn mill-kosta fil-baċiri tal-baħar imsemmija fl-Artikolu 14(2) f’konformità mal-ftehimiet mhux vinkolanti msemmija fl-Artikolu 14(1). Din il-gwida għandha tkun kompatibbli mal-Artikolu 16(1). Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-gwida tagħha meta jkun xieraq, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tagħha.

2.   Sal-24 ta’ Ġunju 2025 l-ENTSO tal-Elettriku, bl-involviment tat-TSOs rilevanti, tal-Aġenzija, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-Kummissjoni, għandu jippreżenta r-riżultati tal-applikazzjoni tal-kost-benefiċċji u tal-kondiviżjoni tal-kostijiet għall-kurituri prijoritarji tal-grilja lil hinn mill-kosta.

KAPITOLU VI

Qafas regolatorju

Artikolu 16

Iffaċilitar ta’ investimenti b’impatt transfruntiera

1.   Il-kostijiet ta’ investiment imġarrba b’mod effiċjenti, li jeskludu l-kostijiet ta’ manutenzjoni, relatati ma’ proġett ta’ interess komuni li jaqa’ taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II u ma’ proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, meta jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f’kull Stat Membru kkonċernat, għandhom jiġġarrbu mit-TSO rilevanti jew mill-promoturi tal-proġett tal-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-Istati Membri li għalihom il-proġett jipprovdi impatt pożittiv nett, u, sa fejn ma jkunux koperti mill-kirjiet tal-konġestjoni jew minn imposti oħra, jitħallsu mill-utenti tan-network permezz ta’ tariffi għall-aċċess tan-network f’dak l-Istat Membru jew f’dawk l-Istati Membri.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(a), (b), (c), (d), (f) u l-punt (3) tal-Anness II, meta tal-inqas promotur ta’ proġett wieħed jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti l-applikazzjoni tagħhom għall-kostijiet tal-proġett.

Il-proġetti li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (1)(e) u l-punt (2) tal-Anness II, jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu meta tal-inqas promotur ta’ proġett wieħed jitlob l-applikazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

Meta proġett ikollu diversi promoturi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għandhom mingħajr dewmien jitolbu lill-promoturi tal-proġett kollha sabiex jissottomettu t-talba ta’ investiment b’mod konġunt f’konformità mal-paragrafu 4.

3.   Għal proġett ta’ interess komuni li għalih japplika l-paragrafu 1, il-promoturi tal-proġett għandhom iżommu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti kollha informati b’mod regolari, tal-inqas darba fis-sena, u sakemm il-proġett jiġi kkummissjonat, dwar il-progress ta’ dak il-proġett u l-identifikazzjoni tal-kostijiet u tal-impatt assoċjat miegħu.

4.   Hekk kif proġett ta’ interess komuni bħal dan ikun laħaq maturità suffiċjenti, u jkun stmat li jkun lest sabiex jibda l-fażi tal-kostruzzjoni fis-36 xahar li jkun imiss, il-promoturi tal-proġett, wara li jkunu kkonsultaw lit-TSOs mill-Istati Membri li jirċievu impatt pożittiv nett sinifikanti minnu, għandhom jissottomettu talba għal investiment. Dik it-talba għal investiment għandha tinkludi talba għal allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet u għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti kollha kkonċernati, flimkien ma’ dawn li ġejjin:

(a)

analiżi aġġornata tal-kost-benefiċċji li tkun speċifika għall-proġett u li tkun konsistenti mal-metodoloġija mfassla skont l-Artikolu 11 u li tqis il-benefiċċji lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ikun jinsab il-proġett filwaqt li jiġu kkunsidrati tal-inqas ix-xenarji konġunti stabbiliti għall-ippjanar tal-iżvilupp tan-network imsemmi fl-Artikolu 12. Meta jintużaw xenarji addizzjonali, dawk għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 u jkunu soġġetti għall-istess livell ta’ konsultazzjoni u skrutinju bħall-proċess previst fl-Artikolu 12. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe xenarju addizzjonali u biex tiġi żgurata l-konformità tiegħu ma’ dan il-paragrafu;

(b)

pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, inkluża s-soluzzjoni ta’ finanzjament magħżula, u, għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija msemmija fil-punt (3) tal-Anness II, ir-riżultati tal-ittestjar tas-suq;

(c)

meta l-promoturi tal-proġetti jaqblu, proposta ssostanzjata għal allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet.

Meta proġett ikun promoss minn diversi promoturi tiegħu, dawn għandhom jissottomettu t-talba ta’ investiment tagħhom b’mod konġunt.

Malli jirċievu kopja ta’ kull talba għal investiment, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għandhom jibagħtuha mingħajr dewmien lill-Aġenzija għal finijiet ta’ informazzjoni.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti u l-Aġenzija għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.   Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tasal talba għal investiment mill-aħħar waħda mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, dawk l-awtoritajiet għandhom, wara li jikkonsultaw lill-promoturi tal-proġett ikkonċernati, jieħdu deċiżjonijiet konġunti koordinati dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet ta’ investiment imġarrba b’mod effiċjenti li għandhom jinġarru minn kull operatur tas-sistema għall-proġett, kif ukoll l-inklużjoni tagħhom fit-tariffi, jew dwar ir-rifjut tat-talba għall-investiment, b’mod sħiħ jew parzjali, jekk l-analiżi komuni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tikkonkludi li l-proġett jew parti minnu jonqos milli jipprovdi benefiċċju nett sinifikanti fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkludu l-kostijiet rilevanti tal-investiment li jiġġarrbu b’mod effiċjenti fit-tariffi, kif iddefinit fir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 11, f’konformità mal-allokazzjoni tal-kostijiet ta’ investiment li għandhom jiġġarrbu minn kull operatur tas-sistema għall-proġett. Għall-proġetti fit-territorji tal-Istat Membru rispettiv tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara dak, għandhom jivvalutaw, meta jkun xieraq, jekk jistgħux jinqalgħu kwistjonijiet ta’ affordabbiltà minħabba l-inklużjoni tal-kostijiet tal-investiment fit-tariffi.

Meta jallokaw il-kostijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu dawn li ġejjin, bħala effettivi jew stmati:

(a)

il-kirjiet ta’ konġestjoni jew imposti oħra;

(b)

dħul miksub mill-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi ta’ sistemi ta’ intertrażmissjoni stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2019/943.

L-allokazzjoni tal-kostijiet b’mod transfruntier għandha tqis il-kostijiet u l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti fl-Istati Membri kkonċernati u l-ħtieġa li jiġi żgurat qafas ta’ finanzjament stabbli għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ interess komuni filwaqt li tiġi mminimizzata l-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju.

Meta jallokaw il-kostijiet b’mod transfruntier, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, wara konsultazzjoni mat-TSOs ikkonċernati, għandhom ifittxu ftehim reċiproku bbażat fuq l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu, iżda mhux limitat għaliha. Il-valutazzjoni tagħhom għandha tqis ix-xenarji rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 12 u xenarji oħra għall-ippjanar tal-iżvilupp tan-network, filwaqt li dan jippermetti analiżi robusta tal-kontribut tal-proġett ta’ interess komuni għall-politika tal-enerġija tal-Unjoni ta’ dekarbonizzazzjoni, ta’ integrazzjoni tas-suq, ta’ kompetizzjoni, ta’ sostenibbiltà u ta’ sigurtà tal-provvista. Meta jintużaw xenarji addizzjonali, dawn għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 u jkunu soġġetti għall-istess livell ta’ konsultazzjoni u skrutinju bħall-proċess previst fl-Artikolu 12.

Meta proġett ta’ interess komuni jtaffi l-esternalitajiet negattivi, bħal flussi ċirkolari, u dak il-proġett ta’ interess komuni jiġi implimentat fl-Istat Membru fl-oriġini tal-esternalità negattiva, tali mitigazzjoni ma għandhiex titqies bħala benefiċċju transfruntier u, għalhekk, ma għandhiex tikkostitwixxi bażi għall-allokazzjoni tal-kostijiet lit-TSO tal-Istati Membri affettwati minn dawk l-esternalitajiet negattivi.

6.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fuq il-bażi tal-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, iqisu l-kostijiet attwali mġarrba minn TSO jew minn promotur ta’ proġett ieħor b’riżultat tal-investimenti meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi f’konformità mal-Artikolu 41(1), il-punt (a) tad-Direttiva 2009/73/KE u mal-Artikolu 59(1), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2019/944, sa fejn dawk il-kostijiet jikkorrispondu ma’ dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tal-allokazzjoni tal-kostijiet lill-Aġenzija mingħajr dewmien, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet għandha tistabbilixxi raġunijiet dettaljati għall-allokazzjoni tal-kostijiet fost l-Istati Membri, inklużi li ġejjin:

(a)

evalwazzjoni tal-impatt identifikat fuq kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, inkluż dak li jikkonċerna it-tariffi tan-network;

(b)

evalwazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b);

(c)

esternalitajiet pożittivi reġjonali jew madwar l-Unjoni kollha, bħas-sigurtà tal-provvista, il-flessibbiltà tas-sistema, is-solidarjetà jew l-innovazzjoni, li l-proġett jiġġenera;

(d)

ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-promoturi tal-proġett ikkonċernat.

Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet għandha tiġi ppubblikata.

7.   Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti ma jkunux laħqu ftehim dwar it-talba ta’ investiment fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet it-talba mill-aħħar waħda mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, huma għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

F’dak il-każ jew fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, id-deċiżjoni dwar it-talba għall-investiment, inkluża l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 5, għandha tittieħed mill-Aġenzija fi żmien tliet xhur mid-data ta’ riferiment lill-Aġenzija.

Qabel ma tieħu deċiżjoni bħal din, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti u lill-promoturi tal-proġetti. Il-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ xahrejn meta tintalab aktar informazzjoni mill-Aġenzija. Dak il-perjodu addizzjonali għandu jibda fil-jum ta’ wara l-wasla tal-informazzjoni kompluta.

Il-valutazzjoni tal-Aġenzija għandha tqis ix-xenarji rilevanti kollha stabbiliti skont l-Artikolu 12 u xenarji oħra għall-ippjanar għall-iżvilupp tan-network, biex b’hekk tkun tista’ ssir analiżi robusta tal-kontribut tal-proġett ta’ interess komuni għall-miri tal-Unjoni tal-politika tal-enerġija tad-dekarbonizzazzjoni, l-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista. Meta jintużaw xenarji addizzjonali, dawn għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 u jkunu soġġetti għall-istess livell ta’ konsultazzjoni u skrutinju bħall-proċess previst fl-Artikolu 12.

L-Aġenzija, fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għall-investiment, inkluża l-allokazzjoni tal-kostijiet transfruntiera, għandha tħalli d-determinazzjoni tal-mod kif il-kostijiet ta’ investiment jiġu inklużi fit-tariffi f’konformità mal-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet prevista, lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-mument tal-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’konformità mad-dritt nazzjonali.

Id-deċiżjoni dwar it-talba għall-investiment li tinkludi l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet għandha tiġi ppubblikata. L-Artikolu 25(3) u l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942 għandhom japplikaw.

8.   Kopja tad-deċiżjonijiet kollha dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward ta’ kull deċiżjoni, għandhom jiġu nnotifikati, mingħajr dewmien, mill-Aġenzija lill-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi sottomessa f’forma aggregata. Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

9.   Id-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tat-TSOs li japplikaw u tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li japprovaw l-imposti għall-aċċess għan-networks f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(3) sa (6) tar-Regolament (UE) 2019/943, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

10.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew eżenzjoni:

(a)

mill-Artikoli 32, 33 u 34 u mill-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73/KE, skont l-Artikolu 36 ta’ dik id-Direttiva;

(b)

mill-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew mill-Artikolu 6, l-Artikolu 59(7) u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944, skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(c)

mir-regoli dwar is-separazzjoni jew l-aċċess għal partijiet terzi, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) jew l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

11.   Sal-24 ta’ Ġunju 2023, l-Aġenzija għandha tadotta rakkomandazzjoni biex jiġu identifikati prattiki tajba għat-trattament ta’ talbiet għal investiment għal proġetti ta’ interess komuni. Dik ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi aġġornata regolarment, kif meħtieġ, b’mod partikolari biex tiġi żgurata konsistenza mal-prinċipji dwar il-grilji lil hinn mill-kosta għall-kondiviżjoni transfruntiera tal-kostijiet tas-sistemi ta’ għall-enerġija rinnovabbli kif imsemmi fl-Artikolu 15(1). Meta tadotta jew temenda r-rakkomandazzjoni, l-Aġenzija għandha twettaq proċess ta’ konsultazzjoni estensiv, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

12.   Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-proġetti ta’ interess reċiproku.

Artikolu 17

Inċentivi regolatorji

1.   Meta promotur ta’ proġett iġarrab riskji akbar għall-iżvilupp, għall-kostruzzjoni, għall-operat jew għall-manutenzjoni ta’ proġett ta’ interess komuni li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, meta mqabbla mar-riskji normalment imġarrba minn proġett infrastrutturali komparabbli, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jagħtu inċentivi xierqa għal dak il-proġett f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(3) sa (6) tar-Regolament (UE) 2019/943, l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 58, punt (f), tad-Direttiva (UE) 2019/944.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-proġett ta’ interess komuni jkun irċieva eżenzjoni:

(a)

mill-Artikoli 32, 33 u 34 u mill-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73/KE, skont l-Artikolu 36 ta’ dik id-Direttiva;

(b)

mill-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew mill-Artikolu 6, l-Artikolu 59(7) u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(c)

skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE;

(d)

skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

2.   Fil-każ ta’ deċiżjoni li jingħataw l-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu r-riżultati tal-analiżi kost-benefiċċji konsistenti mal-metodoloġija mfassla skont l-Artikolu 11 u b’mod partikolari l-esternalitajiet pożittivi reġjonali jew madwar l-Unjoni ġġenerati mill-proġett. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom janalizzaw aktar ir-riskji speċifiċi mġarrba mill-promoturi tal-proġett, il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju meħuda u r-raġunijiet għal-profil tar-riskju fid-dawl tal-impatt pożittiv nett ipprovdut mill-proġett, meta mqabbel ma’ alternattiva b’riskju aktar baxx. Ir-riskji eliġibbli għandhom jinkludu b’mod partikolari r-riskji relatati ma’ teknoloġiji ġodda tat-trażmissjoni, kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta, riskji relatati mal-irkupru insuffiċjenti tal-kostijiet u r-riskji tal-iżvilupp.

3.   Id-deċiżjoni li jingħataw l-inċentivi għandha tqis in-natura speċifika tar-riskju mġarrab u tista’ tagħti inċentivi li jkopru, fost l-oħrajn, waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

ir-regoli għal investiment antiċipatorju;

(b)

ir-regoli għar-rikonoxximent tal-kostijiet imġarrba b’mod effiċjenti qabel l-ikkummissjonar tal-proġett;

(c)

ir-regoli għall-provvista ta’ dħul addizzjonali fuq il-kapital investit għall-proġett;

(d)

kwalunkwe miżura oħra meqjusa neċessarja u xierqa.

4.   Sal-24 ta’ Jannar 2023, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tissottometti lill-Aġenzija l-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati sabiex tevalwa l-investimenti fi proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija u r-riskji akbar imġarrba minnhom, aġġornati fid-dawl tal-aħħar żviluppi leġiżlattivi, politiċi, teknoloġiċi u tas-suq. Tali metodoloġija u kriterji għandhom jindirizzaw ukoll espressament ir-riskji speċifiċi mġarrba mill-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli kif imsemmi fil-punt (1)(f) tal-Anness II u minn proġetti li, filwaqt li jkollhom nefqa kapitali baxxa, iġarrbu nefqa operazzjonali sinifikanti.

5.   Sal-24 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li tqis kif xieraq l-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba u tagħmel rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/942 rigward dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

l-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ parametraġġ referenzjarju tal-aħjar prattika mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

(b)

metodoloġija komuni sabiex jiġu evalwati r-riskji ogħla mġarrba tal-investimenti fi proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija.

6.   Sal-24 ta’ Settembru 2023, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippubblika l-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati sabiex tevalwa l-investimenti fi proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija u r-riskji akbar imġarrba minnhom.

7.   Meta l-miżuri msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ proġetti ta’ interess komuni, il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida dwar l-inċentivi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

KAPITOLU VII

Finanzjament

Artikolu 18

Eliġibbiltà tal-proġetti għal assistenza finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1153

1.   Il-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Artikolu 24 u fl-Anness II huma eliġibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal studji u strumenti finanzjarji.

2.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Artikolu 24 u fil-punt (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II u fil-punt (3) tal-Anness II, għandhom ukoll ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet meta jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-analiżi kost-benefiċċji speċifika għall-proġett imfassla skont l-Artikolu 16(4), il-punt (a), tipprovdi evidenza li tikkonċerna l-eżistenza ta’ esternalitajiet pożittivi sinifikanti, bħas-sigurtà tal-provvista, il-flessibbiltà tas-sistema, is-solidarjetà jew l-innovazzjoni;

(b)

il-proġett ikun irċieva deċiżjoni dwar l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet skont l-Artikolu 16 jew, fir-rigward ta’ proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, meta ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u, għalhekk, ma jirċivux deċiżjoni dwar l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet, il-proġett ikollu l-għan li jipprovdi servizzi b’mod transfruntier, iġib l-innovazzjoni teknoloġika u jiżgura s-sikurezza tal-operat transfruntier tal-grilja;

(c)

il-proġett ma jistax jiġi ffinanzjat mis-suq jew permezz tal-qafas regolatorju f’konformità mal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u valutazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk imwettqa minn investituri, kredituri potenzjali jew l-awtorità regolatorja nazzjonali, b’kont meħud ta’ kwalunkwe deċiżjoni dwar inċentivi u r-raġunijiet tagħha msemmija fl-Artikolu 17(2) meta tiġi vvalutata l-ħtieġa tal-proġett għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni.

3.   Il-proġetti ta’ interess komuni mwettqa f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(7), il-punt (d), għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet meta jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(e) u l-punti (2) u (5) tal-Anness II għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet, meta l-promoturi tal-proġetti kkonċernati, f’evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità nazzjonali rilevanti jew, fejn applikabbli, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, ikunu jistgħu juru b’mod ċar esternalitajiet pożittivi sinifikanti, bħas-sigurtà tal-provvista, il-flessibbiltà tas-sistema, is-solidarjetà jew l-innovazzjoni, iġġenerati mill-proġetti u jipprovdu evidenza ċara tan-nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali tagħhom, f’konformità mal-analiżi kost-benefiċċji, mal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u mal-valutazzjonijiet imwettqa, b’mod partikolari minn investituri jew minn kredituri potenzjali jew, fejn applikabbli, minn awtorità regolatorja nazzjonali.

5.   Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-proġetti ta’ interess reċiproku.

Il-proġetti ta’ interess reċiproku għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2021/1153. Fir-rigward tal-għotjiet għal xogħlijiet, il-proġetti ta’ interess reċiproku għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni dment li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u meta l-proġett jikkontribwixxi għall-miri klimatiċi u enerġentiċi ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 19

Gwida għall-kriterji tal-għoti tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni

Il-kriterji speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament u l-parametri stabbiliti fl-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-fini li jiġu stabbiliti l-kriterji tal-għoti għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fir-Regolament (UE) 2021/1153. Għall-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw il-kriterji tal-integrazzjoni tas-suq, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetizzjoni u s-sostenibbiltà.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 20

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4) għal perjodu ta’ seba’ snin mit-23 ta’ Ġunju 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista’ titħassar fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 3(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 21

Rapporti u evalwazzjoni

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni, u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jipprovdi evalwazzjoni:

(a)

tal-progress miksub għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni, u, fejn rilevanti, id-dewmien fl-implimentazzjoni u diffikultajiet oħra ffaċċjati;

(b)

il-fondi impenjati u żborżati mill-Unjoni għal proġetti fil-lista tal-Unjoni, imqabbla mal-valur totali ta’ proġetti ffinanzjati fil-lista tal-Unjoni

(c)

il-progress miksub f’termini ta’ integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inklużi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, u ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz tal-ippjanar, tal-iżvilupp, tal-kostruzzjoni u tal-ikkummissjonar ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni;

(d)

għas-setturi tal-elettriku u tal-gassijiet rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, inkluż l-idroġenu, l-evoluzzjoni tal-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri, l-evoluzzjoni korrispondenti tal-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll l-għadd ta’ avvenimenti ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi tan-networks, il-kawżi tagħhom u l-kost ekonomiku relatat;

(e)

il-proċess għall-għoti ta’ permessi u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, b’mod partikolari:

(i)

id-durata totali medja u massima tal-proċess għall-għoti ta’ permessi għal proġetti fil-lista tal-Unjoni, inkluża d-durata ta’ kull stadju tal-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni, meta mqabbla mat-twaqqit previst mill-objettivi intermedji ewlenin inizjali msemmija fl-Artikolu 10(6);

(ii)

il-livell ta’ oppożizzjoni li jiffaċċjaw il-proġetti fil-lista tal-Unjoni, b’mod partikolari l-għadd ta’ oġġezzjonijiet bil-miktub matul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u l-għadd ta’ azzjonijiet ta’ rikors legali;

(iii)

l-aħjar prattiki u l-prattiki innovattivi fir-rigward tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

(iv)

l-aħjar prattiki u l-prattiki innovattivi fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-impatti ambjentali, inkluż l-adattament għat-tibdil fil-klima, waqt il-proċessi tal-għoti tal-permessi u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

(v)

l-effikaċja tal-iskemi previsti fl-Artikolu 8(3) rigward il-konformità mal-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikolu 10(1) u (2);

(f)

it-trattament regolatorju, b’mod partikolari:

(i)

l-għadd ta’ proġetti ta’ interess komuni li jkunu ngħataw deċiżjoni dwar l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet skont l-Artikolu 16;

(ii)

l-għadd u t-tip ta’ proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċivew inċentivi speċifiċi skont l-Artikolu 17;

(g)

l-effettività ta’ dan ir-Regolament fil-kontribuzzjoni għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u għall-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050.

Artikolu 22

Rieżami

Sat-30 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament, abbażi tar-riżultati tar-rappurtar u l-evalwazzjoni previsti fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2021/1153.

Artikolu 23

Informazzjoni u reklamar

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm pjattaforma ta’ trasparenza faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali permezz tal-Internet. Il-pjattaforma għandha tiġi aġġornata b’mod regolari b’informazzjoni mir-rapporti msemmija fl-Artikolu 5(4) u bis-sit web imsemmi fl-Artikolu 9(7). Il-pjattaforma għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni ġenerali u aġġornata, inkluża informazzjoni ġeografika, għal kull proġett fil-lista tal-Unjoni;

(b)

il-pjan ta’ implimentazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(1) għal kull proġett fil-lista tal-Unjoni, ippreżentat b’mod li jippermetti l-valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni fi kwalunkwe mument;

(c)

il-benefiċċji ewlenin mistennija u l-kontribut għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 1(1) u l-kostijiet tal-proġetti ħlief għal kwalunkwe informazzjoni kummerċjalment sensittiva;

(d)

il-lista tal-Unjoni;

(e)

il-fondi allokati u żborżati mill-Unjoni għal kull proġett fil-lista tal-Unjoni.

(f)

il-links għall-manwal nazzjonali tal-proċeduri msemmi fl-Artikolu 9;

(g)

l-istudji eżistenti dwar il-baċiri tal-baħar u l-pjanijiet għal kull kuritur prijoritarju tal-grilja lil hinn mill-kosta, mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Artikolu 24

Deroga għall-interkonnessjonijiet għal Ċipru u Malta

1.   Fil-każ ta’ Ċipru u Malta, li mhumiex interkonnessi man-network trans-Ewropew tal-gass, għandha tapplika deroga mill-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), il-punti (a) u (b), l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 16(4), il-punt (a), u l-Annessi I, II u III, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32(2). Interkonnessjoni waħda għal kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandha żżomm l-istatus tagħha ta’ proġett ta’ interess komuni skont dan ir-Regolament bid-drittijiet u l-obbligi rilevanti kollha, fejn dik l-interkonnessjoni:

(a)

qiegħda tiġi żviluppata jew ippjanata fit-23 ta’ Ġunju 2022.

(b)

tkun ingħatat l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013; u

(c)

tkun meħtieġa biex tiġi żgurata interkonnessjoni permanenti ta’ dawk l-Istati Membri man-network trans-Ewropew tal-gass.

Dawn il-proġetti għandhom jiżguraw il-kapaċità ta’ aċċess fil-futur għal swieq ġodda tal-enerġija, inkluż l-idroġenu.

2.   Il-promoturi tal-proġetti għandhom jipprovdu biżżejjed evidenza dwar kif l-interkonnessjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 se jippermettu aċċess għal swieq ġodda tal-enerġija, inkluż l-idroġenu, f’konformità mal-miri klimatiċi u enerġentiċi ġenerali tal-Unjoni. Tali evidenza għandha tinkludi valutazzjoni tal-provvista u tad-domanda għal idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll kalkolu tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra miksuba bis-saħħa tal-proġett.

Il-Kummissjoni għandha tivverifika regolarment dik il-valutazzjoni u dak il-kalkolu, kif ukoll l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġett.

3.   Minbarra l-kriterji speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 19 għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-interkonnessjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitfasslu bil-ħsieb li jiżguraw aċċess għas-swieq futuri tal-enerġija, inkluż l-idroġenu, ma għandhomx iwasslu għal estensjoni tal-ħajja tal-assi tal-gass naturali u għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà transfruntiera tan-networks ġirien. Kwalunkwe eliġibbiltà għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 għandha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2027.

4.   Kwalunkwe talba għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni għal xogħlijiet għandha turi b’mod ċar l-għan li l-assi jiġi kkonvertit f’assi ddedikat tal-idroġenu sal-2036 jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, permezz ta’ pjan direzzjonali bi skeda ta’ żmien preċiża.

5.   Id-deroga stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika sakemm Ċipru jew Malta, rispettivament, ikunu interkonnessi direttament man-network trans-Ewropew tal-gass jew sal-31 ta’ Diċembru 2029, skont liema data tiġi l-ewwel.

Artikolu 25

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 715/2009

Fl-Artikolu 8(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“10.   Kull sentejn, l-ENTSO tal-Gass għandu jadotta u jippublika pjan għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Komunità kollha msemmi fil-paragrafu 3, punt (b). Il-pjan għall-iżvilupp tan-network li jkopri l-Komunità kollha għandu jinkludi l-immudellar tan-network integrat, inklużi n-networks tal-idroġenu, l-iżvilupp tax-xenarju, prospettiva dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea u valutazzjoni tar-reżistenza tas-sistema”.

Artikolu 26

Emenda għar-Regolament (UE) 2019/942

Fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/942, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

twettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5, fl-Artikoli 11(3), fl-Artikoli 11(6) sa (9), fl-Artikoli 12, 13 u 17 u fit-Taqsima 2, il-punt (12), tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/869tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(d)

tieħu deċiżjonijiet dwar talbiet ta’ investiment, inkluża l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet skont l-Artikolu 16(7) tar-Regolament (UE) 2022/869.

Artikolu 27

Emenda għar-Regolament (UE) 2019/943

Fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) 2019/943, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-pjan ta’ żvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 30(1), il-punt (b) għandu jinkludi l-immudellar tan-network integrat, inkluż l-iżvilupp tax-xenarju u valutazzjoni tar-reżiljenza tas-sistema. Il-parametri rilevanti tal-input għall-immudellar bħal suppożizzjonijiet dwar il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-karbonju jew l-installazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu konsistenti bis-sħiħ mal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi żviluppata skont l-Artikolu 23.”.

Artikolu 28

Emenda għad-Direttiva 2009/73/KE

Fl-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, jiżdied il-punt li ġej:

“(v)

iwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3, l-Artikolu 5(7) u l-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Artikolu 29

Emenda għad-Direttiva (UE) 2019/944

Fl-Artikolu 59(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944, jiżdied il-punt li ġej:

“(aa)

iwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, l-Artikolu 5(7) u l-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-għoti, il-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33).

Il-Kapitolu III ma għandux japplika għal proġetti ta’ interess komuni li jkunu daħlu fil-proċess għall-għoti ta’ permessi u li għalihom promotur ta’ proġett ikun ippreżenta fajl tal-applikazzjoni qabel is-16 ta’ Novembru 2013.

Artikolu 31

Il-perjodu tranżitorju

1.   Matul perjodu tranżitorju li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2029, l-assi ddedikati għall-idroġenu kkonvertiti minn assi għall-gass naturali adattati li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II jistgħu jintużaw għat-trasport jew għall-ħżin ta’ taħlita predefinita tal-idroġenu mal-gass naturali jew mal-bijometan.

2.   Matul il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 1, il-promoturi tal-proġetti għandhom jikkooperaw mill-qrib fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-networks qrib xulxin.

3.   Il-promotur tal-proġett għandu jipprovdi biżżejjed evidenza, inkluż permezz ta’ kuntratti kummerċjali, dwar kif, sa tmiem dan il-perjodu tranżitorju, l-assi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jibqgħux assi tal-gass naturali u jsiru assi ddedikati għall-idroġenu, kif stabbilit fil-punt (3) tal-Anness II, u kif l-użu akbar tal-idroġenu ser jiġi ffaċilitat matul il-perjodu tranżitorju. Tali prova għandha tinkludi valutazzjoni tal-provvista u tad-domanda għal idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll kalkolu tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra miksuba bis-saħħa tal-proġett. Fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni, l-Aġenzija għandha tivverifika t-tranżizzjoni f’waqtha tal-proġett lejn assi ddedikat għall-idroġenu, kif stabbilit fil-punt (3) tal-Anness II.

4.   L-eliġibbiltà tal-proġetti, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għal assistenza finanzjarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 għandha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 32

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jitħassar b’effett mit-23 ta’ Ġunju 2022. L-ebda dritt ma għandu jinħoloq skont dan ir-Regolament għall-proġetti elenkati fl-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 347/2013.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/564 (34), li fih il-ħames lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni kif ukoll l-Artikoli 2 sa 10, l-Artikoli 12, 13 u 14, u l-Annessi I sa IV u l-Anness VI għar-Regolament (UE) Nru 347/2013, għandu jibqa’ fis-seħħ u jipproduċi effetti fir-rigward tal-proġetti ta’ interess komuni inklużi fil-ħames lista tal-Unjoni sad-dħul fis-seħħ tal-ewwel lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku stabbilita skont dan ir-Regolament.

3.   Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-proġetti inklużi fil-ħames lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 u li għalihom ikun ġie aċċettat fajl ta’ applikazzjoni biex jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 51.

(2)  ĠU C 440, 29.10.2021, p. 105.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2022. (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2022.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(5)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(8)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 68.

(9)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(12)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(13)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(17)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(19)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(20)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(21)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

(22)  ĠU C 104, 24.4.1992, p. 7.

(23)  Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38).

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1294 tal-15 ta’ Settembru 2020 dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni (ĠU L 303, 17.9.2020, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(28)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(29)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(30)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(31)  Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).

(32)  Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).

(33)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(34)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/564 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 14).


ANNESS I

KURITURI U OQSMA PRIJORITARJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

(kif imsemmi fl-Artikolu 1(1))

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kurituri u l-oqsma ta’ prijorità tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropej li ġejjin:

1.   KURITURI PRIJORITARJI TAL-ELETTRIKU

(1)

Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (NSI West Electricity): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tar-reġjun u maż-żona tal-Mediterran, inkluża l-peniżola Iberika, b’mod partikolari biex jiġi integrat l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jissaħħu l-infrastrutturi tal-grilji interni biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fir-reġjun u biex jintemm l-iżolament tal-Irlanda, u biex jiġu żgurati l-estensjonijiet meħtieġa fuq l-art tal-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli u t-tisħiħ meħtieġ tal-grilja domestika biex tiġi żgurata grilja ta’ trażmissjoni adegwata u affidabbli u biex l-elettriku ġġenerat lil hinn mill-kosta jiġi fornut lil Stati Membri li m’għandhomx kosta.

L-Istati Membri kkonċernati: il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Portugall.

(2)

Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa (NSI East Electricity): interkonnessjonijiet u linji interni fid-direzzjonijiet ta’ Tramuntana-Nofsinhar u Lvant-Punent biex jikkompletaw is-suq intern, biex jintegraw il-ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli biex jintemm l-iżolament ta’ Ċipru, u biex jiġu żgurati l-estensjonijiet meħtieġa fuq l-art tal-grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli u t-tisħiħ meħtieġ tal-grilja domestika biex tiġi żgurata grilja ta’ trażmissjoni adegwata u affidabbli u biex l-elettriku ġġenerat fil-baħar jiġi fornut lil Stati Membri li m’għandhomx kosta.

L-Istati Membri kkonċernati: il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja.

(3)

Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fl-elettriku (BEMIP Electricity): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri u linji interni fir-reġjun Baltiku, biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq filwaqt li jiġi integrat is-sehem dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun.

L-Istati Membri kkonċernati: id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

2.   KURITURI PRIJORITARJI TAL-GRILJA LIL HINN MILL-KOSTA

(4)

Il-grilji lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana (NSOG): l-iżvilupp ta’ grilja tal-elettriku lil hinn mill-kosta, l-iżvilupp ta’ grilja integrata tal-elettriku lil hinn mill-kosta, kif ukoll, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ grilja tal-idroġenu u l-interkonnetturi relatati fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Irlandiż, il-Baħar Ċeltiku, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Baltiku u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku jew, fejn xieraq, tal-idroġenu minn sorsi tal-enerġija lil hinn mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin jew għaż-żieda tal-iskambju transfruntier tal-enerġija rinnovabbli.

L-Istati Membri kkonċernati: il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Franza, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvezja.

(5)

Il-grilji lil hinn mill-kosta tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fl-elettriku (BEMIP offshore): l-iżvilupp ta’ grilja tal-elettriku lil hinn mill-kosta, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ grilja integrata lil hinn mill-kosta, inkluż, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ grilja tal-idroġenu u l-interkonnetturi relatati fil-Baħar Baltiku u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku jew, fejn xieraq, tal-idroġenu minn sorsi tal-enerġija lil hinn mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin jew għaż-żieda tal-iskambju transfruntier tal-enerġija rinnovabbli.

L-Istati Membri kkonċernati: id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(6)

Il-grilji lil hinn mill-kosta tan-Nofsinhar u tal-Punent (SW offshore): l-iżvilupp ta’ grilja tal-elettriku lil hinn mill-kosta, l-iżvilupp ta’ grilja integrata tal-elettriku lil hinn mill-kosta, kif ukoll, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ grilja tal-idroġenu u l-interkonnetturi relatati fil-Baħar Mediterran, inkluż fil-Golf ta’ Cadiz u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku jew, fejn xieraq, tal-idroġenu minn sorsi tal-enerġija lil hinn mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin jew għaż-żieda tal-iskambju transfruntier tal-enerġija rinnovabbli.

L-Istati Membri kkonċernati: Il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Malta u l-Portugall.

(7)

Il-grilji lil hinn mill-kosta tan-Nofsinhar u tal-Lvant (SE offshore): l-iżvilupp ta’ grilja integrata tal-elettriku lil hinn mill-kosta, l-iżvilupp ta’ grilja integrata tal-elettriku lil hinn mill-kosta, kif ukoll, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ grilja tal-idroġenu u l-interkonnetturi relatati fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku jew, fejn xieraq, tal-idroġenu minn sorsi tal-enerġija lil hinn mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin jew għaż-żieda tal-iskambju transfruntier tal-enerġija rinnovabbli.

L-Istati Membri kkonċernati: Il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, ir-Rumanija u s-Slovenja.

(8)

Il-grilji lil hinn mill-kosta tal-Atlantiku: l-iżvilupp ta’ grilja tal-elettriku lil hinn mill-kosta, l-iżvilupp ta’ grilja integrata tal-elettriku lil hinn mill-kosta u l-interkonnetturi relatati fl-ilmijiet tat-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku għat-trasport tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija lil hinn mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin u għaż-żieda tal-iskambju tal-elettriku transfruntier.

L-Istati Membri kkonċernati: l-Irlanda, Spanja, Franza u l-Portugall.

3.   KURITURI PRIJORITARJI GĦALL-IDROĠENU U L-ELETTROLIZZATURI

(9)

Interkonnessjonijiet tal-idroġenu fil-Punent tal-Ewropa (HI West): infrastruttura tal-idroġenu u l-adattament għal skop ġdid tal-infrastruttura tal-gass, li jippermetti l-ħolqien ta’ pedament tal-idroġenu integrat, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), li jgħaqqad il-pajjiżi tar-reġjun u jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-infrastruttura tagħhom għall-idroġenu b’appoġġ għall-ħolqien ta’ network madwar l-UE kollha għat-trasport tal-idroġenu, u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jitnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

Elettrolizzaturi: l-appoġġ għall-użu ta’ applikazzjonijiet tal-enerġija għall-gass li għandhom l-għan li jippermettu t-tnaqqis tal-gassijiet serra u li jikkontribwixxu għall-operazzjoni sigura, effiċjenti u affidabbli tas-sistema u l-integrazzjoni intelliġenti tas-sistema tal-enerġija u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

L-Istati Membri kkonċernati: il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Portugall.

(10)

Interkonnessjonijiet tal-idroġenu fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa (HI East): infrastruttura tal-idroġenu u l-adattament għal skop ġdid tal-infrastruttura tal-gass, li jippermetti l-ħolqien ta’ pedament tal-idroġenu integrat, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), li jgħaqqad il-pajjiżi tar-reġjun u jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-infrastruttura tagħhom għall-idroġenu b’appoġġ għall-ħolqien ta’ network madwar l-UE kollha għat-trasport tal-idroġenu, u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jitnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

Elettrolizzaturi: l-appoġġ għall-użu ta’ applikazzjonijiet tal-enerġija għall-gass li għandhom l-għan li jippermettu t-tnaqqis tal-gassijiet serra u li jikkontribwixxu għall-operazzjoni sigura, effiċjenti u affidabbli tas-sistema u l-integrazzjoni intelliġenti tas-sistema tal-enerġija u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

L-Istati Membri kkonċernati: il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(11)

Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fl-idroġenu (BEMIP Hydrogen): infrastruttura tal-idroġenu u l-adattament għal skop ġdid tal-infrastruttura tal-gass, li jippermetti l-ħolqien ta’ pedament tal-idroġenu integrat, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), li jgħaqqad il-pajjiżi tar-reġjun u jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-infrastruttura tagħhom għall-idroġenu b’appoġġ għall-ħolqien ta’ network madwar l-UE kollha għat-trasport tal-idroġenu, u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jitnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

Elettrolizzaturi: l-appoġġ għall-użu ta’ applikazzjonijiet tal-enerġija għall-gass li għandhom l-għan li jippermettu t-tnaqqis tal-gassijiet serra u li jikkontribwixxu għall-operazzjoni sigura, effiċjenti u affidabbli tas-sistema u l-integrazzjoni intelliġenti tas-sistema tal-enerġija u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

L-Istati Membri kkonċernati: id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

4.   OQSMA TEMATIĊI PRIJORITARJI

(12)

L-użu ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku: l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grilji intelliġenti fl-Unjoni li jintegraw b’mod effiċjenti l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha għan-network tal-elettriku, b’mod partikolari l-ġenerazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew distribwiti u r-rispons għad-domanda mill-konsumaturi, il-ħżin tal-enerġija, il-vetturi elettriċi u sorsi oħra ta’ flessibbiltà u, barra minn hekk, fir-rigward tal-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer, jitnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni.

L-Istati Membri kkonċernati: kollha.

(13)

Network transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju: l-iżvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi tal-viċinat tal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju maqbud mill-installazzjonijiet industrijali bil-ħsieb ta’ ħżin ġeoloġiku permanenti, kif ukoll għall-utilizzazzjoni tad-diossidu tal-karbonju għal gassijiet kombustibbli sintetiċi li jwassal għan-newtralizzazzjoni permanenti tad-diossidu tal-karbonju.

L-Istati Membri kkonċernati: kollha.

(14)

Grilji intelliġenti tal-gass: l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grilji intelliġenti tal-gass madwar l-Unjoni għall-integrazzjoni b’mod effiċjenti ta’ pluralità ta’ sorsi ta’ gass b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli fin-network tal-gass, l-appoġġ għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi u diġitali għall-ġestjoni tan-network u l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija u r-rispons għad-domanda, inkluż l-aġġornamenti fiżiċi relatati jekk huma indispensabbli għall-funzjonament tat-tagħmir u installazzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli.

L-Istati Membri kkonċernati: kollha.


ANNESS II

KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

Il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija li għandhom jiġu żviluppati sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija stipulati fl-Anness I għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(1)

fir-rigward tal-elettriku:

(a)

il-fili għat-trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli u għoli ħafna ’l fuq mill-art li jaqsmu fruntiera jew fi ħdan territorju ta’ Stat Membru inkluż iż-żona ekonomika esklużiva, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 220 kV jew iżjed, u kejbils għat-trażmissjoni taħt l-art u taħt il-baħar, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew iżjed. Għall-Istati Membri u s-sistemi żgħar iżolati b’sistema ta’ trażmissjoni globali b’vultaġġ aktar baxx, dawn il-limiti ta’ vultaġġ huma ugwali għall-ogħla livell ta’ vultaġġ fis-sistemi tal-elettriku rispettivi tagħhom;

(b)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni li taqa’ taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija msemmija fil-punt (a) li tippermetti t-trażmissjoni tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta mis-siti ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta (infrastruttura tal-enerġija għall-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta);

(c)

il-faċilitajiet għall-ħżin tal-enerġija, f’forma individwali jew aggregata, użati għall-ħżin tal-enerġija fuq bażi permanenti jew temporanja f’infrastruttura jew siti ġeoloġiċi taħt l-art jew fuq l-art, sakemm dawn ikunu konnessi direttament ma’ linji għat-trażmissjoni u linji għad-distribuzzjoni b’vultaġġ għoli mfassla għal vultaġġ ta’ 110 kV jew iżjed. Għall-Istati Membri u s-sistemi żgħar iżolati b’sistema ta’ trażmissjoni globali b’vultaġġ aktar baxx, dawk il-limiti ta’ vultaġġ huma ugwali għall-ogħla livell ta’ vultaġġ fis-sistemi tal-elettriku rispettivi tagħhom;

(d)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistemi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) joperaw b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll fil-livelli kollha tal-vultaġġ u fis-substazzjonijiet kollha;

(e)

grilji intelliġenti tal-elettriku: kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni, sistemi diġitali u komponenti li jintegraw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), permezz ta’ pjattaformi diġitali operazzjonali, is-sistemi ta’ kontroll u t-teknoloġiji tas-sensuri kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ medju u għoli, li jimmiraw li jiżguraw network tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku aktar effiċjenti u intelliġenti, kapaċità akbar li jiġu integrati forom ġodda ta’ ġenerazzjoni, ħżin u konsum tal-enerġija u faċilitazzjoni ta’ mudelli kummerċjali u strutturi tas-suq ġodda, inkluż investimenti fil-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer biex jitnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni;

(f)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni li jaqgħu taħt kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija msemmija fil-punt (a) li jkollhom funzjonalità doppja: interkonnessjoni u sistema ta’ konnessjoni ta’ grilja lil hinn mill-kosta mis-siti ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli lil hinn mill-kosta lejn żewġ Stati Membri jew aktar u lejn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi proġetti fil-lista tal-Unjoni, inkluż l-estensjoni fuq l-art ta’ dan it-tagħmir sal-ewwel substazzjon fis-sistema ta’ trażmissjoni fuq l-art, kif ukoll kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni lil hinn mill-kosta li huma essenzjali għal operazzjoni sikura, sigura u effiċjenti, inklużi sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll, u s-substazzjonijiet meħtieġa jekk jiżguraw ukoll l-interoperabbiltà tat-teknoloġija, fost l-oħrajn il-kompatibbiltà tal-interfaċċja bejn diversi teknoloġiji (grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli);

(2)

dwar grilji intelliġenti tal-gass: kwalunkwe wieħed mit-tagħmir jew installazzjonijiet li ġejjin li jkollhom l-għan li jippermettu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ diversità ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ karbonju u partikolarment rinnovabbli, inkluż il-bijometan jew l-idroġenu, fin-network tal-gass: is-sistemi diġitali u l-komponenti li jintegraw l-ICT, is-sistemi ta’ kontroll u t-teknoloġiji tas-sensuri biex jippermettu l-monitoraġġ, il-kejl, il-kontroll tal-kwalità u l-ġestjoni interattivi u intelliġenti tal-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin u l-konsum tal-gass fi ħdan network tal-gass. Barra minn hekk, proġetti bħal dawn jistgħu jinkludu wkoll tagħmir li jippermetti l-flussi fid-direzzjoni opposta mil-livell tad-distribuzzjoni għal-livell tat-trażmissjoni, inkluż l-aġġornamenti fiżiċi relatati jekk indispensabbli għall-funzjonament tat-tagħmir u l-installazzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli;

(3)

dwar l-idroġenu:

(a)

pipelines għat-trasport, prinċipalment bi pressjoni għolja, tal-idroġenu, inkluża l-infrastruttura tal-gass naturali adattata għal skop ġdid, li jagħtu aċċess lil utenti multipli tan-network fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja;

(b)

faċilitajiet ta’ ħżin li huma konnessi mal-pajpijiet tal-idroġenu bi pressa għolja msemmijin fil-punt (a);

(c)

faċilitajiet ta’ riċeviment, ħżin u tibdil mill-ġdid f’gass jew dekompressjoni għal idroġenu likwifikat jew idroġenu integrat f’sustanzi kimiċi oħra bil-għan li l-idroġenu, fejn applikabbli, jiġi injettat fil-grilja;

(d)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema tal-idroġenu topera b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza jew biex jippermettu kapaċità bidirezzjonali, inklużi l-istazzjonijiet ta’ kompressjoni;

(e)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni li tippermetti l-użu tal-idroġenu jew tal-fjuwils derivati mill-idroġenu fis-settur tat-trasport fi ħdan in-network ewlieni TEN-T identifikati f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Kwalunkwe mill-assi elenkati fil-punti (a) sa (d) jistgħu jkunu mibnija ġodda jew adattati għal skopijiet ġodda minn gass naturali għal idroġenu, jew kombinament tat-tnejn;

(4)

fir-rigward tal-faċilitajiet tal-elettrolizzaturi:

(a)

elettrolizzaturi li:

(i)

għandhom kapaċità ta’ mill-inqas 50 MW, ipprovduta minn elettrolizzatur wieħed jew minn sett ta’ elettrolizzaturi li jiffurmaw proġett wieħed, ikkoordinat;

(ii)

il-produzzjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ 70 % fir-rigward ta’ komparatur ta’ fjuwils fossili ta’ 94 g CO2eq/MJ kif stipulat fl-Artikolu 25(2) u l-Anness V għad-Direttiva (UE) 2018/2001. L-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja jiġi kkalkulat bl-użu tal-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 28(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew, inkella, bl-użu tal-ISO 14067 jew l-ISO 14064-1. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja jridu jinkludu emissjonijiet indiretti. L-iffrankar kwantifikat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja jiġi vverifikat skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, fejn applikabbli, jew minn parti terza indipendenti, u

(iii)

ikollhom funzjoni relatata man-network, b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ flessibbiltà ġenerali tas-sistema u effiċjenza ġenerali tas-sistema tan-networks tal-elettriku u tal-idroġenu;

(b)

tagħmir relatat, inkluż konnessjoni tal-pipelines man-network;

(5)

fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju:

(a)

pipelines dedikati, minbarra network ta’ pipelines upstream, użati għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju minn iżjed minn sors wieħed, bil-għan tal-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(b)

faċilitajiet fissi għal-likwefazzjoni, ħżin bafer u konvertituri tad-diossidu tal-karbonju fid-dawl tat-trasport ulterjuri tiegħu permezz ta’ pipelines u f’modi ta’ trasport dedikati bħal vapur, ċattra, trakk, u ferrovija;

(c)

mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe projbizzjoni tal-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju fi Stat Membru, il-faċilitajiet tas-superfiċje u tal-injezzjoni assoċjati mal-infrastruttura f’formazzjoni ġeoloġika li tintuża, f’konformità mad-Direttiva 2009/31/KE, għall-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju, fejn dawn ma jinvolvux l-użu tad-diossidu tal-karbonju għall-irkupru mtejjeb tal-idrokarburi u huma meħtieġa biex jippermettu t-trasport u l-ħżin transfruntier tad-diossidu tal-karbonju;

(d)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod xieraq, b’sigurtà u b’effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).


ANNESS III

LISTI REĠJONALI TA’ PROĠETTI

1.   REGOLI GĦALL-GRUPPI

(1)

Fir-rigward tal-infrastruttura tal-enerġija li taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, kull Grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, it-TSOs, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-entità tad-DSO tal-UE u jew l-ENTSO tal-Elettriku jew l-ENTSO tal-Gass.

Għall-kategoriji l-oħra tal-infrastruttura tal-enerġija, kull Grupp għandu jkun magħmul mill-Kummissjoni u minn rappreżentanti tal-Istati Membri, il-promoturi tal-proġetti kkonċernati minn kull prijorità rilevanti stipulata fl-Anness I.

(2)

Skont in-numru ta’ proġetti kandidati għal-lista tal-Unjoni, in-nuqqasijiet fl-infrastruttura reġjonali u l-iżviluppi tas-suq, il-Gruppi u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Gruppi jistgħu jinqasmu, jingħaqdu jew jiltaqgħu f’konfigurazzjonijiet differenti, kif meħtieġ, biex jiddiskutu kwistjonijiet komuni għall-Gruppi kollha jew li jappartjenu biss għal reġjuni partikolari. Kwistjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu kwistjonijiet rilevanti għall-konsistenza bejn ir-reġjuni jew l-għadd ta’ proġetti proposti inklużi fl-abbozzi tal-listi reġjonali f’riskju li ma jkunux jistgħu jiġu ġestiti.

(3)

Kull Grupp għandu jorganizza l-ħidma tiegħu f’konformità mal-isforzi għall-kooperazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/943, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 61 tad-Direttiva (UE) 2019/944, u l-istrutturi eżistenti oħra ta’ kooperazzjoni reġjonali.

(4)

Kull Grupp għandu jistieden, kif xieraq għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma rilevanti ta’ infrastruttura tal-enerġija ta’ prijorità indikati fl-Anness I, il-promoturi ta’ proġett li potenzjalment jista’ jkun eliġibbli għall-għażla bħala proġett ta’ interess komuni kif ukoll rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, tal-awtoritajiet regolatorji, tas-soċjetà ċivili u tat-TSOs minn pajjiżi terzi. Id-deċiżjoni li jiġu mistiedna rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi għandha tittieħed b’approvazzjoni.

(5)

Għall-kurituri prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I, kull Grupp għandu jistieden, kif xieraq, rappreżentanti tal-Istati Membri mingħajr kosta, tal-awtoritajiet kompetenti, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tat-TSOs.

(6)

Kull Grupp għandu jistieden, kif xieraq, lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż rappreżentanti minn pajjiżi terzi, u, meta jitqies xieraq, direttament lill-partijiet ikkonċernati, inkluż lill-produtturi, lid-DSOs, lill-fornituri, lill-konsumaturi, lill-popolazzjonijiet lokali u lill-organizzazzjonijiet ibbażati fl-Unjoni għall-protezzjoni tal-ambjent biex jesprimu l-għarfien espert speċifiku tagħhom. Kull Grupp għandu jorganizza smigħ jew konsultazzjonijiet meta jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(7)

Fir-rigward tal-laqgħat tal-Gruppi, il-Kummissjoni għandha tippubblika, fuq pjattaforma aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati, ir-regoli interni, lista aġġornata tal-organizzazzjonijiet membri, informazzjoni aġġornata regolarment dwar il-progress tal-ħidma, l-aġendi tal-laqgħat, kif ukoll il-minuti tal-laqgħat, fejn disponibbli. Id-deliberazzjonijiet tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Gruppi u l-klassifikazzjoni tal-proġetti skont l-Artikolu 4(5) għandhom ikunu kunfidenzjali. Id-deċiżjonijiet kollha dwar il-funzjonament u l-ħidma tal-gruppi reġjonali għandhom jittieħdu b’approvazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(8)

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Gruppi għandhom jagħmlu ħilithom biex ikun hemm konsistenza bejn il-Gruppi. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw, meta jkun rilevanti, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ħidma kollha li tirrappreżenta interess interreġjonali bejn il-Gruppi kkonċernati.

(9)

Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Aġenzija fil-Gruppi m’għandhiex tipperikola t-twettiq tal-objettivi u d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament (UE) 2019/942, l-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikoli 58, 59 u 60 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

2.   PROĊESS BIEX JIĠU STABBILITI LISTI REĠJONALI

(1)

Il-promoturi ta’ proġett li jkun potenzjalment eliġibbli biex jintgħażel bħala proġett fil-lista tal-Unjoni li jixtiequ jiksbu dak l-istatus għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-għażla bħala proġett fil-lista tal-Unjoni lill-Grupp li jinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-proġetti tagħhom fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Anness I;

(b)

indikazzjoni tal-kategorija tal-proġett rilevanti kif stabbilit fl-Anness II;

(c)

analiżi dwar l-issodisfar tal-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4;

(d)

fir-rigward tal-proġetti li jkunu laħqu grad suffiċjenti ta’ maturità, analiżi kost-benefiċċji speċifika għall-proġett konsistenti mal-metodoloġiji mfassla skont l-Artikolu 11;

(e)

għal proġetti ta’ interess reċiproku, l-ittri ta’ appoġġ mill-gvernijiet tal-pajjiżi affettwati direttament fejn jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-proġett jew ftehimiet oħra mhux vinkolanti;

(f)

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proġett.

(2)

Id-destinatarji kollha għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(3)

Il-proġetti proposti għat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan ta’ għaxar snin disponibbli għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku għall-Unjoni kollha, żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2019/943. Il-proġetti proposti għat-trażmissjoni tal-elettriku ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stipulati fil-punt (1)(b) u (f) tal-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jirriżultaw mill-iżvilupp tan-network u t-tisħiħ tal-grilji integrati lil hinn mill-kosta msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament u jkunu konsistenti magħhom.

(4)

Mill-1 ta’ Jannar 2024, il-proġetti proposti għall-idroġenu ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (3) tal-Anness II għal dan ir-Regolament huma proġetti li huma parti mill-aħħar pjan ta’ għaxar snin disponibbli għall-iżvilupp tan-network tal-gass għall-Komunità kollha, żviluppat mill-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(5)

Sat-30 ta’ Ġunju 2022 u, sussegwentement, għal kull pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom joħorġu linji gwida aġġornati għall-inklużjoni ta’ proġetti fil-pjan rispettiv tagħhom ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha, kif imsemmi fil-punti (3) u (4), sabiex jiġu żgurati t-trattament indaqs u t-trasparenza tal-proċess. Għall-proġetti kollha fil-lista tal-Unjoni fis-seħħ dak iż-żmien, il-linji gwida għandhom jistabbilixxu proċess simplifikat għall-inklużjoni fil-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumentazzjoni u d-data diġà sottomessa matul il-proċessi preċedenti tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha dejjem jekk id-dokumentazzjoni i d-data diġà ppreżentata jibqgħu validi.

L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija dwar l-abbozzi ta’ linji gwida rispettivi tagħhom għall-inklużjoni ta’ proġetti fil-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha u jqisu kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida finali.

(6)

Il-proġetti proposti għat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (5) tal-Anness II għandhom jiġu ppreżentati bħala parti minn pjan, żviluppat minn tal-inqas żewġ Stati Membri, għall-iżvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport u l-ħżin transfruntiera tad-diossidu tal-karbonju, li għandu jiġi ppreżentat mill-Istati Membri kkonċernati jew mill-entitajiet maħtura minn dawk l-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(7)

L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Gruppi dwar kif japplikaw il-linji gwida biex jevalwaw l-inklużjoni fil-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li jkopru l-Unjoni kollha.

(8)

Għall-proġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, meta jkun hemm bżonn, l-Aġenzija għandhom, kull fejn ikun possibbli fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 61 tad-Direttiva (UE) 2019/944, jivverifikaw li l-kriterji u l-metodoloġija ta’ analiżi kost-benefiċċji ikunu qegħdin jiġu applikati b’mod konsistenti u jevalwaw ir-rilevanza transfruntiera tagħhom. Huma għandhom jippreżentaw l-evalwazzjoni tagħhom lill-Grupp. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kriterji u l-metodoloġiji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament u l-Anness IV jiġu applikati b’mod armonizzat biex tiġi żgurata l-konsistenza fost il-gruppi reġjonali.

(9)

Għall-proġetti kollha mhux koperti fil-punt (8) ta’ dan l-Anness, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-potenzjal għal estensjoni futura biex jiġu inklużi Stati Membri addizzjonali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha lill-Grupp. Għall-proġetti li japplikaw għall-istatus ta’ proġett ta’ interess reċiproku, ir-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiġu mistiedna għall-preżentazzjoni tal-valutazzjoni.

(10)

Kull Stat Membru li proġett propost ma jkollux x’jaqsam mat-territorju tiegħu imma li jista’ jkollu impatt pożittiv nett potenzjali jew effett sinifikanti potenzjali fuqu, bħal fuq l-ambjent jew fuq l-operazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fit-territorju tiegħu, jista’ jippreżenta opinjoni lill-Grupp fejn jispeċifika t-tħassib tiegħu.

(11)

Il-Grupp għandu jeżamina, fuq talba ta’ Stat Membru tal-Grupp, ir-raġunijiet motivati ppreżentati minn Stat Membru skont l-Artikolu 3(3) talli ma jkunx approva proġett relatat mat-territorju tiegħu.

(12)

Il-Grupp għandu jikkunsidra jekk il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” huwiex applikat fir-rigward tal-istabbiliment tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura reġjonali u fir-rigward ta’ kull wieħed mill-proġetti kandidati. Il-Grupp għandu, b’mod partikolari, jikkunsidra soluzzjonijiet bħall-ġestjoni mil-lat tad-domanda, soluzzjonijiet ta’ arranġament tas-suq, implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali, u r-rinnovazzjoni tal-bini bħala soluzzjonijiet ta’ prijorità fejn jitqiesu aktar kosteffiċjenti fuq perspettiva tas-sistema kollha mill-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida mil-lat tal-provvista.

(13)

Il-Grupp għandu jiltaqa’ biex jeżamina u jikklassifika l-proġetti proposti abbażi ta’ valutazzjoni trasparenti tal-proġetti u billi juża l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4, waqt li jqis l-evalwazzjoni tar-regolaturi, jew l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proġetti li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

(14)

L-abbozzi tal-listi reġjonali tal-proġetti proposti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mfassla mill-Gruppi, flimkien ma’ kwalunkwe opinjoni kif speċifikat fil-punt (10) ta’ din it-Taqsima, għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija sitt xhur qabel id-data ta’ adozzjoni tal-lista tal-Unjoni. L-abbozzi tal-listi reġjonali u l-opinjonijiet akkumpanjanti għandhom jiġu evalwati mill-Aġenzija fi żmien tliet xhur mid-data meta tirċevihom. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni dwar l-abbozzi tal-listi reġjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji u tal-analiżi kost-benefiċċji bejn reġjun u ieħor. L-opinjoni tal-Aġenzija għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2019/942.

(15)

Fi żmien xahar mid-data meta jirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija, il-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull Grupp għandu jadotta l-lista reġjonali finali tiegħu ta’ proġetti proposti, filwaqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(3), abbażi tal-proposta tal-Gruppi u waqt li jqis l-opinjoni tal-Aġenzija u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sottomessi f’konformità mal-punt (8), jew il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għall-proġetti li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali proposti f’konformità mal-punt (9), u l-parir mill-Kummissjoni bil-għan li jiġi żgurat għadd totali maniġġabbli ta’ proġetti fil-lista tal-Unjoni, speċjalment fuq il-fruntieri relatati ma’ proġetti li jkunu qed jikkompetu, jew potenzjalment jikkompetu, ma’ xulxin. Il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Gruppi għandhom jissottomettu l-listi reġjonali finali lill-Kummissjoni, flimkien ma’ kwalunkwe opinjoni kif speċifikat fil-punt (10).

(16)

Meta, abbażi tal-abbozzi ta’ listi reġjonali, u wara li tkun qieset l-opinjoni tal-Aġenzija, l-għadd totali ta’ proġetti proposti fuq il-lista tal-Unjoni jkun jaqbeż għadd maniġġabbli, il-Kummissjoni għandha tagħti parir lil kull Grupp ikkonċernat biex dawk il-proġetti li jkunu ġew ikklassifikati fl-iżjed pożizzjonijiet baxxi mill-Grupp ikkonċernat skont il-klassifika stabbilita skont l-Artikolu 4(5) ma jiġux inklużi fil-lista reġjonali.

ANNESS IV

REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI

(1)   

Proġett ta’ interess komuni b’impatt transfruntier sinifikanti għandu jkun proġett fit-territorju ta’ Stat Membru u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tat-trażmissjoni tal-elettriku, il-proġett iżid il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grilja, jew il-kapaċità disponibbli għall-flussi kummerċjali, fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ Stat Membru jew diversi Stati Membri oħra, bl-effett li tiżdied il-kapaċità ta’ trasferiment transfruntier tal-grilja fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ Stat Membru jew diversi Stati Membri oħra, b’mill-inqas 500 Megawatt (MW) meta mqabbla mas-sitwazzjoni jekk ma jiġix ikkummissjonat il-proġett, jew il-proġett inaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija tas-sistemi mhux interkonnessi fi Stat Membru wieħed jew aktar u jżid il-kapaċità tat-trasferiment transfruntier tal-grilja fil-fruntiera bejn żewġ Stati Membri b’tal-inqas 200 MW;

(b)

fir-rigward tal-ħżin tal-elettriku, il-proġett jipprovdi kapaċità installata ta’ mill-inqas 225 MW u jkollu kapaċità ta’ ħżin li tippermetti ġenerazzjoni annwali netta tal-elettriku ta’ mill-inqas 250 GW-h fis-sena;

(c)

fir-rigward ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku, il-proġett ikun iddisinjat għal tagħmir u installazzjonijiet ta’ vultaġġ għoli u vultaġġ medju, u jinvolvu TSOs, TSOs u DSOs jew DSOs minn tal-inqas żewġ Stati Membri. Il-proġett jista’ jinvolvi biss DSOs dment li jkunu minn tal-inqas żewġ Stati Membri u dment li tiġi żgurata l-interoperabbiltà. Il-proġett għandu jissodisfa tal-inqas tnejn mill-kriterji li ġejjin: jinvolvi mill-inqas 50 000 utent, ġeneratur, konsumatur jew prosumatur tal-elettriku, jaqdi żona ta’ konsum ta’ mill-inqas 300GW-h fis-sena, mill-inqas 20 % tal-konsum tal-elettriku marbut mal-proġett joriġina minn diversi riżorsi rinnovabbli, jew inaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija ta’ sistemi mhux interkonnessi fi Stat Membru wieħed jew aktar. Il-proġett ma għandux għalfejn jinvolvi fruntiera komuni fiżika. Għal proġetti relatati ma’ sistemi iżolati żgħar kif definiti fil-punt (42) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944, inklużi gżejjer, dawk il-livelli ta’ vultaġġ għandhom ikunu ugwali għall-ogħla livell ta’ vultaġġ fis-sistema tal-elettriku rilevanti;

(d)

għat-trażmissjoni tal-idroġenu, il-proġett jippermetti t-trażmissjoni tal-idroġenu bejn il-fruntieri tal-Istati Membri kkonċernati, jew iżid il-kapaċità transfruntiera eżistenti għat-trasport tal-idroġenu fi fruntiera bejn żewġ Stati Membri b’mill-inqas 10 % meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel l-ikkummissjonar tal-proġett, u l-proġett juri b’mod suffiċjenti li huwa parti essenzjali ta’ network tal-idroġenu transfruntier ippjanat u jipprovdi biżżejjed provi tal-pjanijiet eżistenti u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u mal-operaturi tan-network jew, għal proġetti li jnaqqsu l-iżolament fil-qasam tal-enerġija tas-sistemi mhux interkonnessi fi Stat Membru wieħed jew aktar, il-proġett ikollu l-għan li jforni, direttament jew indirettament, mill-inqas żewġ Stati Membri;

(e)

għall-ħżin tal-idroġenu jew għall-faċilitajiet ta’ riċeviment tal-idroġenu msemmija fil-punt (3) tal-Anness II, il-proġett ikollu l-għan li jforni direttament jew indirettament mill-inqas żewġ Stati Membri;

(f)

għall-elettrolizzaturi, il-proġett jipprovdi kapaċità installata ta’ mill-inqas 50 MW ipprovduta minn elettrolizzatur wieħed jew minn sett ta’ elettrolizzaturi li jiffurmaw proġett uniku, ikkoordinat u dan ikun ta’ benefiċċju, direttament jew indirettament, għal tal-inqas żewġ Stati Membri u, b’mod speċifiku, fir-rigward tal-proġetti fuq gżejjer u sistemi tal-gżejjer, jappoġġa soluzzjonijiet innovattivi u soluzzjonijiet oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni;

(g)

għal grilji intelliġenti tal-gass, proġett jinvolvi TSOs, TSOs u DSOs, jew DSOs minn tal-inqas żewġ Stati Membri. DSOs jistgħu jiġu involuti, iżda biss bl-appoġġ tat-TSOs ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, li huma assoċjati mill-qrib mal-proġett u jiżguraw l-interoperabbiltà;

(h)

għat-trażmissjoni ta’ elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta, il-proġett huwa mfassal biex jittrasferixxi l-elettriku minn siti ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta b’kapaċità ta’ mill-inqas 500 MW u jippermetti t-trażmissjoni tal-elettriku fi grilja fuq l-art ta’ Stat Membru speċifiku, filwaqt li jiżdied il-volum ta’ elettriku rinnovabbli disponibbli fis-suq intern. Il-proġett għandu jiġi żviluppat fiż-żoni b’penetrazzjoni baxxa ta’ elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta u għandu juri impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050 u għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-suq filwaqt li ma jfixkilx il-kapaċitajiet u l-flussi transfruntiera;

(i)

għal proġetti tad-diossidu tal-karbonju, il-proġett jintuża biex jittrasporta u, fejn applikabbli, jaħżen id-diossidu tal-karbonju antropoġeniku li joriġina minn tal-inqas żewġ Stati Membri.

(2)   

Proġett ta’ interess reċiproku b’impatt transfruntier sinifikanti għandu jkun proġett u għandu jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

għal proġetti ta’ interess reċiproku fil-kategorija stabbilita fil-punt (1)(a) u (f) tal-Anness II, il-proġett iżid il-kapaċità tat-trasferiment tal-grilja, jew il-kapaċità disponibbli għall-flussi kummerċjali, fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar u jġib benefiċċji sinifikanti, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), skont il-kriterji speċifiċi elenkati fl-Artikolu 4(3), fil-livell tal-Unjoni. Il-kalkolu tal-benefiċċji għall-Istati Membri għandu jitwettaq u jiġi ppubblikat mill-ENTSO tal-Elettriku fil-qafas tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha;

(b)

għal proġetti ta’ interess reċiproku fil-kategorija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, il-proġett tal-idroġenu jippermetti t-trażmissjoni tal-idroġenu tul il-fruntiera ta’ Stat Membru ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar u jġib benefiċċji sinifikanti, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), skont il-kriterji speċifiċi elenkati fl-Artikolu 4(3), fil-livell tal-Unjoni. Il-kalkolu tal-benefiċċji għall-Istati Membri għandu jitwettaq u jiġi ppubblikat mill-ENTSO tal-Gass fil-qafas tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha;

(c)

għal proġetti ta’ interess reċiproku fil-kategorija stabbilita fil-punt (5) tal-Anness II, il-proġett jista’ jintuża għat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju antropoġeniku minn tal-inqas żewġ Stati Membri u pajjiż terz.

(3)   

Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(a), (b), (c) (d) u (f) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

it-trażmissjoni tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli lejn iċ-ċentri ta’ konsum u s-siti ta’ ħżin ewlenin, imkejla f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin disponibbli għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku għall-Unjoni kollha, b’mod partikolari billi:

(i)

fir-rigward tat-trażmissjoni tal-elettriku, billi jiġi stmat l-ammont tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (skont it-teknoloġija, f’MW), li jkun konness u trażmess minħabba l-proġett, meta mqabbel mal-ammont tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni totali ppjanata minn dawk it-tipi ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat fl-2030 skont il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima sottomessi mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999;

(ii)

fir-rigward tal-ħżin tal-enerġija, billi tiġi mqabbla l-kapaċità ġdida pprovduta mill-proġett mal-kapaċità totali eżistenti għall-istess teknoloġija ta’ ħżin fiż-żona ta’ analiżi kif stipulata fl-Anness V;

(b)

l-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni u l-flessibbiltà tas-sistema mkejla f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin disponibbli għall-Unjoni kollha għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku, b’mod partikolari billi:

(i)

jiġu kkalkolati, fir-rigward ta’ proġetti transfruntiera, inkluż il-proġetti ta’ investiment mill-ġdid, l-impatt fuq il-kapaċità tal-grilja li tittrasferixxi fluss tal-elettriku fiż-żewġ direzzjonijiet, imkejjel f’termini tal-ammont ta’ enerġija (f’MW), u l-kontribut tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira interkonnettiva minima ta’ 15 %, u fir-rigward tal-proġetti b’impatt transfruntier sinifikanti, l-impatt fuq il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grilja fil-fruntieri bejn l-Istati Membri rilevanti, bejn l-Istati Membri rilevanti u pajjiżi terzi jew fi ħdan l-Istati Membri rilevanti u fuq l-ibbilanċjar tad-domanda mal-provvista u l-operazzjonijiet tan-network fl-Istati Membri rilevanti;

(ii)

jiġi vvalutat l-impatt, għaż-żona ta’ analiżi kif stipulata fl-Anness V, f’termini tal-kostijiet għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni fis-sistema kollha tal-enerġija u l-evoluzzjoni u l-konverġenza fil-prezzijiet tas-suq ipprovduti minn proġett f’diversi xenarji ta’ ppjanar, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-varjazzjonijiet indotti fuq l-ordni ta’ mertu;

(c)

is-sigurtà tal-provvista, l-interoperabbiltà u l-operazzjoni tas-sistemi b’sigurtà mkejla f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku għall-Unjoni kollha, speċjalment billi jiġi vvalutat l-impatt tal-proġett fuq it-telf tal-aspettattiva tat-tagħbija għaż-żona ta’ analiżi kif stipulata fl-Anness V f’termini ta’ adegwatezza tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni għal sett ta’ perjodi ta’ tagħbija tipika, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-bidliet mistennija fl-avvenimenti estremi tat-temp relatati mal-klima u l-impatt tagħhom fuq ir-reżiljenza tal-infrastruttura. Fejn ikun applikabbli, għandu jitkejjel l-impatt tal-proġett fuq il-kontroll indipendenti u affidabbli tal-operazzjoni u s-servizzi tas-sistemi.

(4)   

Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (1)(e) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

il-livell ta’ sostenibbiltà, imkejjel billi jiġi vvalutat il-limitu tal-kapaċità tal-grilji li jikkonnettjaw u jittrasportaw l-enerġija rinnovabbli varjabbli;

(b)

is-sigurtà tal-provvista, imkejla bil-valutazzjoni tal-livell ta’ telf fin-networks ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni, jew fit-tnejn li huma, tal-perċentwal tal-użu (jiġifieri t-tagħbija medja) tal-komponenti tan-network tal-elettriku, id-disponibbiltà tal-komponenti tan-network (relatati mal-manutenzjoni ppjanata u mhux ippjanata) u l-impatt tiegħu fuq il-prestazzjonijiet tan-network, u fuq it-tul u l-frekwenza tal-interruzzjonijiet, inkluż l-interruzzjonijiet relatati mal-klima;

(c)

l-integrazzjoni tas-suq, imkejla billi tiġi vvalutata l-adozzjoni innovattiva fl-operat tas-sistema, it-tnaqqis tal-iżolament fil-qasam tal-enerġija u l-interkonnessjoni, kif ukoll il-livell ta’ integrazzjoni ta’ setturi oħra u l-iffaċilitar ta’ mudelli ta’ negozju u strutturi tas-suq ġodda;

(d)

is-sigurtà tan-network, il-flessibbiltà u l-kwalità tal-provvista, imkejla billi jiġi vvalutat l-approċċ innovattiv għall-flessibbiltà tas-sistema, iċ-ċibersigurtà, l-operabbiltà effiċjenti bejn il-livell tat-TSO u d-DSO, il-kapaċità li jiġu inklużi r-rispons għad-domanda, il-ħżin, il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, l-użu kosteffettiv tal-għodod diġitali u l-ICT għal finijiet ta’ monitoraġġ u kontroll, l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku u l-prestazzjoni tal-kwalità tal-vultaġġ.

(5)   

Fir-rigward tal-idroġenu li jaqa’ fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

is-sostenibbiltà mkejla bħala l-kontribut ta’ proġett għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’diversi applikazzjonijiet tal-użu finali f’setturi diffiċli biex jitrażżnu, bħall-industrija jew it-trasport; il-flessibbiltà u l-għażliet ta’ ħżin staġjonali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli; jew l-integrazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju bil-ħsieb li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq u jiġi promoss l-idroġenu rinnovabbli;

(b)

l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-suq, imkejla billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għall-integrazzjoni tal-oqsma tas-suq u l-konverġenza tal-prezzijiet għall-flessibbiltà kumplessiva tas-sistema;

(c)

is-sigurtà tal-provvista u l-flessibbiltà mkejla billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għar-reżiljenza, id-diversità u l-flessibbiltà tal-provvista tal-idroġenu;

(d)

il-kompetizzjoni, imkejla bil-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-proġett għad-diversifikazzjoni tal-provvista, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess għal sorsi indiġeni tal-provvista tal-idroġenu.

(6)   

Fir-rigward tal-proġetti ta’ grilji intelliġenti tal-gass li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (2) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

il-livell ta’ sostenibbiltà mkejjel billi jiġi vvalutat is-sehem ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju integrati fin-network tal-gass, l-iffrankar relatat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għad-dekarbonizzazzjoni totali tas-sistema u d-detezzjoni adegwata ta’ tnixxija;

(b)

il-kwalità u s-sigurtà tal-provvista mkejla billi jiġi vvalutat il-proporzjon tal-provvista tal-gass disponibbli b’mod affidabbli mad-domanda massima, is-sehem tal-importazzjonijiet sostitwiti b’gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju, l-istabbiltà tal-operazzjoni tas-sistema tal-elettriku, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-interruzzjonijiet għal kull konsumatur;

(c)

l-abilitazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin permezz tal-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ konnessjonijiet ma’ vetturi u setturi oħra tal-enerġija, imkejla billi jiġi vvalutat l-iffrankar tal-kostijiet li jkun jista’ jsir f’setturi u sistemi tal-enerġija konnessi, bħas-sistema tas-sħana u l-enerġija, it-trasport u l-industrija.

(7)   

Fir-rigward tal-proġetti tal-elettrolizzaturi li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (4) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

is-sostenibbiltà mkejla billi jiġi vvalutat is-sehem tal-idroġenu rinnovabbli, jew tal-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, partikolarment minn sorsi rinnovabbli li jissodisfa l-kriterji definiti fil-punt (4)(a)(ii) tal-Anness II integrat fin-network jew billi jiġi stmat l-ammont ta’ użu ta’ fjuwils sintetiċi b’dawn l-oriġini u l-iffrankar relatat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

(b)

is-sigurtà tal-provvista mkejla billi tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni tagħha għas-sikurezza, l-istabbiltà u l-effiċjenza tal-operazzjoni tan-network, inkluż permezz tal-valutazzjoni tat-tnaqqis evitat tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli;

(c)

l-abilitazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin permezz tal-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet ma’ vetturi u setturi oħra tal-enerġija, imkejla billi jiġi vvalutat l-iffrankar tal-kostijiet li jkun jista’ jsir f’setturi u sistemi tal-enerġija konnessi, bħan-networks tal-gass, tal-idroġenu, tal-enerġija u tas-sħana, is-setturi tat-trasport u l-industrija.

(8)   

Fir-rigward tal-infrastrutturi tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (5) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

is-sostenibbiltà, imkejla billi jiġi vvalutat it-tnaqqis totali mistenni ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett u n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi alternattivi bħal, pereżempju, l-effiċjenza fl-enerġija, l-elettrifikazzjoni li tintegra s-sorsi rinnovabbli, biex jinkiseb l-istess livell ta’ tnaqqis ta’ gassijiet serra daqs l-ammont ta’ diossidu tal-karbonju li għandu jinqabad f’installazzjonijiet industrijali konnessi bi spiża komparabbli u skont skeda ta’ żmien komparabbli filwaqt li jitqiesu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-enerġija meħtieġa għall-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, kif applikabbli, filwaqt li titqies l-infrastruttura inkluż, fejn applikabbli, użi potenzjali futuri oħra;

(b)

ir-reżiljenza u s-sigurtà, imkejla billi tiġi vvalutata s-sigurtà tal-infrastruttura;

(c)

il-mitigazzjoni tal-piż u r-riskju ambjentali permezz tan-newtralizzazzjoni permanenti tad-diossidu tal-karbonju.


ANNESS V

ANALIŻI KOST-BENEFIĊĊJI TAS-SISTEMA TAL-ENERĠIJA KOLLHA

Il-metodoloġiji għall-analiżijiet dwar il-kost-benefiċċji żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENTSO tal-Gass għandhom ikunu konsistenti b’mod reċiproku, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet settorjali. Il-metodoloġiji għal analiżi armonizzata u trasparenti tal-kost-benefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha għal proġetti fil-lista tal-Unjoni għandhom ikunu uniformi għall-kategoriji kollha tal-infrastruttura, sakemm ma jkunux ġustifikati diverġenzi speċifiċi. Dawn għandhom jindirizzaw il-kostijiet fis-sens usa’, inkluż l-esternalitajiet, fid-dawl tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 u għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

(1)

iż-żona ta’ analiżi ta’ proġett individwali għandha tkopri l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kollha li l-proġett ikun ser jinbena fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri kollha li jkunu ġirien diretti u l-Istati Membri l-oħra kollha li fihom il-proġett għandu impatt sinifikanti. Għal dan il-għan, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jikkooperaw mal-operaturi tas-sistema rilevanti kollha fil-pajjiżi terzi rilevanti. Fil-każ ta’ proġetti li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass għandhom jikkooperaw mal-promotur tal-proġett, inkluż meta ma jkunx operatur tas-sistema;

(2)

kull analiżi tal-kost-benefiċċji għandha tinkludi analiżijiet ta’ sensittività dwar is-sett ta’ data ta’ input, inkluż il-kostijiet tal-ġenerazzjoni u tal-gassijiet serra kif ukoll l-iżvilupp mistenni tad-domanda u l-provvista, inkluż fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u inkluż il-flessibbiltà tat-tnejn, u d-disponibbiltà tal-ħżin, id-data meta jkunu ġew ikkummissjonati diversi proġetti differenti fl-istess żona ta’ analiżi, l-impatti klimatiċi u parametri rilevanti oħra;

(3)

għandhom jiddefinixxu l-analiżi li għandha titwettaq, abbażi tas-sett ta’ data ta’ input rilevanti, billi tiddetermina l-impatt għal kull proġett jekk isir u jekk ma jsirx u għandhom jinkludu l-interdipendenzi rilevanti mal-proġetti l-oħra;

(4)

għandhom jagħtu gwida għall-iżvilupp u l-użu tal-immudellar tan-network tal-enerġija u tas-suq meħtieġ għall-analiżi tal-kost-benefiċċji. L-immudellar għandu jippermetti valutazzjoni sħiħa tal-benefiċċji ekonomiċi, inkluż l-integrazzjoni tas-suq, is-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni, kif ukoll it-tneħħija tal-iżolament fil-qasam tal-enerġija, l-impatti soċjali, ambjentali u klimatiċi, inkluż l-impatti transsettorjali. Il-metodoloġija għandha tkun kompletament trasparenti inkluż id-dettalji dwar għaliex, xiex u kif jiġu kkalkulati kull wieħed u waħda mill-benefiċċji u l-kostijiet;

(5)

għandhom jinkludu spjegazzjoni dwar kif huwa implimentat il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” fil-passi kollha tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha;

(6)

għandhom jispjegaw li l-iżvilupp u l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli mhux ser jiġu mfixkla mill-proġett;

(7)

għandhom jiżguraw li jiġu identifikati l-Istati Membri li l-proġett ikollu impatt nett pożittiv fuqhom, il-benefiċjarji, l-Istati Membri li l-proġett ikollu impatt nett negattiv fuqhom, u dawk li jġarrbu l-kostijiet, li jistgħu jkunu Stati Membri li mhumiex dawk li fit-territorju tagħhom tinbena l-infrastruttura;

(8)

għandhom iqisu, mill-inqas, in-nefqa kapitali, il-kostijiet tan-nefqa operattiva u n-nefqa tal-manutenzjoni kif ukoll il-kostijiet ikkawżati għas-sistema relatata matul iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett kollu kemm hu bħall-kostijiet tad-dekummissjonar u tal-ġestjoni tal-iskart, inkluż kostijiet esterni. Il-metodoloġiji għandhom jagħtu gwida fuq ir-rati ta’ skont, it-tul teknikutal-ħajja u l-valur residwu li għandhom jintużaw għall-kalkoli tal-benefiċċji meta mqabbla mal-kostijiet. Barra minn hekk, għandhom jinkludu metodoloġija obbligatorja biex jiġi kkalkulat il-proporzjon kostijiet-benefiċċji u l-valur preżenti nett, kif ukoll differenzjazzjoni tal-benefiċċji f’konformità mal-livell ta’ affidabbiltà tal-metodi ta’ stima tagħhom. Il-metodi biex jiġu kkalkulati l-impatti klimatiċi u ambjentali tal-proġetti u l-kontribut għall-miri tal-enerġija tal-Unjoni, bħall-miri tal-penetrazzjonijiet tal-enerġiji rinnovabbli, tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-interkonnessjoni għandhom jitqiesu wkoll;

(9)

għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima meħuda għal kull proġett jiġu vvalutati u jirriflettu l-kost tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li l-valutazzjoni tkun robusta u konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni sabiex ikun jista’ jsir tqabbil ma’ soluzzjonijiet oħra li ma jeħtiġux infrastrutturi ġodda.


ANNESS VI

LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU

(1)   

Il-manwal tal-proċeduri msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu mill-inqas jinkludi:

(a)

l-ispeċifikazzjoni tal-liġijiet rilevanti li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet għad-diversi tipi ta’ proġetti ta’ interess komuni rilevanti, inkluża l-liġi ambjentali;

(b)

il-lista ta’ deċiżjonijiet u opinjonijiet rilevanti li għandhom jinkisbu;

(c)

l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet l-oħra kkonċernati u l-partijiet ikkonċernati ewlenin interessati;

(d)

il-fluss tax-xogħol, b’deskrizzjoni ta’ kull stadju fil-proċess, inklużi skeda taż-żmien indikattiva u ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għad-diversi tipi ta’ proġetti rilevanti ta’ interess komuni;

(e)

informazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-istruttura u l-livell ta’ dettall tad-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni għal deċiżjonijiet, inkluża lista ta’ verifika;

(f)

l-istadji u l-mezzi biex il-pubbliku ġenerali jipparteċipa fil-proċess;

(g)

il-mod li bih l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet l-oħra kkonċernati u l-promotur ta’ proġett għandhom juru li l-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjoni pubblika ġew ikkunsidrati, pereżempju billi juru x’bidliet saru fil-post u d-disinn tal-proġett jew billi jipprovdu raġunijiet għaliex dawn l-opinjonijiet ma ġewx ikkunsidrati;

(h)

kemm jista’ jkun possibbli, it-traduzzjonijiet tal-kontenut tiegħu fil-lingwi kollha tal-Istati Membri ġirien għandhom jitwettqu f’koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien rilevanti.

(2)   

L-iskeda dettaljata msemmija fil-punt (b), tal-Artikolu 10(6) għandha tispeċifika tal-inqas dan li ġej:

(a)

id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom jinkisbu;

(b)

l-awtoritajiet, il-partijiet interessati, u l-pubbliku li x’aktarx ikunu kkonċernati;

(c)

l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul tagħhom;

(d)

it-tragwardi ewlenin li għandhom jintlaħqu u l-iskadenzi tagħhom fid-dawl tad-deċiżjoni komprensiva li għandha tittieħed;

(e)

ir-riżorsi ppjanati mill-awtoritajiet u l-ħtiġijiet possibbli għal riżorsi addizzjonali.

(3)   

Mingħajr ebda preġudizzju għar-rekwiżiti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi skont il-liġi ambjentali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess għall-għoti ta’ permessi u biex jiġu żgurati minn qabel it-tagħrif u d-djalogu mal-pubbliku, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-partijiet ikkonċernati milquta minn proġett ta’ interess komuni, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti, is-sidien ta’ artijiet u ċ-ċittadini li jgħixu fl-inħawi tal-proġett, il-pubbliku ġenerali u l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom, għandhom jiġu informati u kkonsultati b’mod estensiv fi stadju bikri, b’mod inklużiv, meta jkun għadu jista’ jitqies it-tħassib potenzjali tal-pubbliku u b’mod miftuħ u trasparenti. Fejn rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha tappoġġa b’mod attiv l-attivitajiet imwettqa mill-promotur tal-proġett;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika għall-proġetti ta’ interess komuni jinġabru flimkien fejn ikun possibbli, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi li diġà huma meħtieġa skont il-liġi nazzjonali. Kull konsultazzjoni pubblika għandha tkopri s-suġġetti kollha rilevanti għall-istadju partikolari tal-proċedura, u suġġett partikolari wieħed rilevanti għal dak l-istadju partikolari tal-proċedura m’għandux jiġi indirizzat f’iżjed minn konsultazzjoni pubblika waħda; madankollu, tista’ ssir konsultazzjoni pubblika waħda f’aktar minn post ġeografiku wieħed. Is-suġġetti indirizzati minn konsultazzjoni pubblika għandhom ikunu indikati b’mod ċar fin-notifika tal-konsultazzjoni pubblika;

(c)

il-kummenti u l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli biss mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika sad-data tal-iskadenza;

(d)

il-promoturi tal-proġett għandhom jiżguraw li l-konsultazzjonijiet isiru matul perjodu li jippermetti parteċipazzjoni pubblika miftuħa u inklużiva.

(4)   

Il-kunċett ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku għandu mill-inqas jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

il-partijiet interessati kkonċernati u indirizzati;

(b)

il-miżuri previsti, inklużi l-indikazzjonijiet ġenerali għall-postijiet u d-dati proposti għal-laqgħat iddedikati;

(c)

l-iskeda taż-żmien;

(d)

ir-riżorsi umani allokati għal diversi kompiti.

(5)   

Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għandha titwettaq qabel is-sottomissjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni, il-partijiet rilevanti għandhom mill-inqas:

(a)

jippubblikaw, f’forma elettronika u, fejn rilevanti, stampata, fuljett ta’ informazzjoni ta’ mhux iżjed minn 15-il paġna, li jagħti ħarsa ġenerali, b’mod ċar u konċiż, lejn id-deskrizzjoni, l-iskop u l-iskeda taż-żmien preliminari tal-passi tal-iżvilupp tal-proġett, il-pjan ta’ żvilupp tal-grilja nazzjonali, ir-rotot alternattivi kkunsidrati, it-tipi u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali, inklużi dawk ta’ natura transfruntiera jew transkonfinali, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli, b’tali fuljett ta’ informazzjoni li jiġi ppubblikat qabel ma tibda l-konsultazzjoni u li jiġu elenkati l-indirizzi tal-Internet tal-proġett ta’ interess komuni msemmi fl-Artikolu 9(7), tal-pjattaforma għat-trasparenza msemmija fl-Artikolu 23 u l-manwal tal-proċeduri msemmi fil-punt (1) ta’ dan l-Anness;

(b)

jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni fuq is-sit web tal-proġett ta’ interess komuni msemmi fl-Artikolu 9(7), fuq it-tabelli tal-avviżi tal-uffiċċji tal-amministrazzjonijiet lokali, u, tal-inqas, f’sors jew, jekk applikabbli, f’żewġ sorsi tal-midja lokali;

(c)

jistiednu, bil-miktub jew elettronikament, lill-partijiet ikkonċernati milquta, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjoni u l-gruppi rilevanti għal laqgħat iddedikati, li fihom għandu jiġi diskuss it-tħassib.

(6)   

Is-sit web tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 9(7) għandu jippubblika tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-data meta s-sit web tal-proġett ġie aġġornat l-aħħar;

(b)

it-traduzzjonijiet tal-kontenut tiegħu fil-lingwi kollha tal-Istati Membri li jikkonċerna l-proġett jew li fuqhom il-proġett għandu impatt transfruntier sinifikanti f’konformità mal-punt (1) tal-Anness IV;

(c)

il-fuljett ta’ tagħrif imsemmi fil-punt (5) aġġornat bl-aħħar data dwar il-proġett;

(d)

sommarju mhux tekniku li jiġi aġġornat regolarment, li jirrifletti l-istatus attwali tal-proġett, inkluża l-informazzjoni ġeografika, u jindika b’mod ċar, fil-każ ta’ aġġornamenti, il-bidliet fil-verżjonijiet preċedenti;

(e)

il-pjan ta’ implimentazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(1) aġġornat bl-aħħar data dwar il-proġett;

(f)

il-fondi allokati u żborżati mill-Unjoni għall-proġett;

(g)

l-ippjanar tal-proġett u tal-konsultazzjoni pubblika, b’indikazzjoni ċara tad-dati u l-postijiet tal-konsultazzjonijiet u s-smigħ pubbliċi u t-temi previsti rilevanti għal dak is-smigħ;

(h)

id-dettalji ta’ kuntatt bil-għan li jinkisbu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali;

(i)

id-dettalji ta’ kuntatt fejn jistgħu jiġu trażmessi kummenti u oġġezzjonijiet waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi.


Top