EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1262

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1262/2008 tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 13 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 338, 17.12.2008, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1262/oj

17.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 338/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1262/2008

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 13 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew addottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali tal-kontabilità li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fil-5 ta’ Lulju 2007, il-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC) ippubblika l-Interpretazzjoni IFRIC 13 Customer Loyalty Programmes (Programmi ta’ Lealtà tal-Klijenti) [traduzzjoni mhux uffiċjali], minn issa ’l quddiem imsejħa l-“IFRC 13”. L-IFRIC 13 telimina l-inkonsistenzi li hemm fil-prattika bħalissa fir-rigward tat-trattament fil-kontabilità ta’ prodotti jew servizzi b’xejn jew bi skont li jinbiegħu lill-klijenti taħt programmi ta’ lealtà tal-klijent li l-kumpaniji jużaw biex jippremjaw lill-klijenti tagħhom permezz ta’ punti, air miles jew krediti oħra mal-bejgħ ta’ prodott jew servizz

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (European Financial Reporting Advisory Group - EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 13 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) (3), il-Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-approvazzjoni u nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea li din hija bbilanċjata b’mod tajjeb kif ukoll oġġettiva.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008: L-Interpretazzjoni 13 Programmi ta’ Lealtà tal-Klijenti tal-Kumitat Internazzjonali tal-Interpretazzjoni għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC), tiddaħħal kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 13 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TA’ RAPPURTAĠĠ FINANZJARJU

IFRIC 13

L-Interpretazzjoni IFRIC 13 Programmi ta’ Lealtà tal-Klijenti

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org”

INTERPRETAZZJONI TAL-IFRIC 13

Programmi ta’ Lealtà tal-Klijenti

REFERENZI

IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji

IAS 18 Dħul

IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

SFOND

1

Il-programmi ta’ lealtà tal-klijenti jintużaw minn entitajiet biex jipprovdu lill-klijenti b’inċentivi biex jixtru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom. Jekk klijent jixtri prodotti jew servizzi, l-entità tagħti lill-klijent krediti ta’ premju (ta’ spiss deskritti bħala “punti”). Il-klijent jista’ jsarraf il-krediti ta’ premju fi premjijiet bħal prodotti jew servizzi b’xejn jew bi skont.

2

Il-programmi jaħdmu b’diversi modi. Il-klijenti jistgħu jkunu meħtieġa li jakkumulaw numru jew valur minimu speċifiku ta’ krediti ta’ premju qabel ma jkunu jistgħu jsarrfuhom. Il-krediti ta’ premju jistgħu jkunu marbuta ma’ xirjiet individwali jew gruppi ta’ xirjiet, jew ma’ xiri kontinwu fuq perjodu speċifiku ta’ żmien. L-entità tista’ tħaddem il-programm ta’ lealtà tal-klijenti hi nfisha jew tipparteċipa fi programm imħaddem minn terzi. Il-premjijiet offruti jistgħu jinkludu prodotti jew servizzi fornuti mill-entità nnifisha u/jew drittijiet li jiġu kklejmjati prodotti jew servizzi minn terzi.

AMBITU

3

Din l-Interpretazzjoni tapplika għall-krediti ta’ premju għal-lealtà tal-klijenti li:

(a)

entità tagħti lill-klijenti tagħha bħala parti minn transazzjoni ta’ bejgħ, jiġilieri bejgħ ta’ prodotti, għoti ta’ servizzi jew użu minn klijent ta’ assi ta’ l-entità; u

(b)

sakemm jissodisfaw kwalunkwe kundizzjoni oħra li tkun tapplika, il-klijenti jistgħu jsarrfuhom fil-futur fi prodotti jew servizzi b’xejn jew bi skont.

L-Interpretazzjoni tindirizza l-kontabilità mill-entità li tagħti krediti ta’ premju lill-klijenti tagħha.

TEMI

4

It-temi indirizzati f’din l-Interpretazzjoni huma:

(a)

jekk l-obbligu tal-entità li tipprovdi prodotti jew servizzi b’xejn jew bi skont (“premjijiet”) fil-futur għandhiex tkun rikonoxxuta u mkejla billi:

(i)

tkun allokata parti mill-valur riċevut jew riċevibbli mit-transazzjoni tal-bejgħ għall-krediti ta’ premju u billi jkun differit ir-rikonoxximent tad-dħul (billi jiġi applikat il-paragrafu 13 ta’ l-IAS 18); jew

(ii)

isir provvediment għall-ispejjeż stmati futuri tal-forniment tal-premjijiet (billi jiġi applikat il-paragrafu 19 ta’ l-IAS 18); u

(b)

jekk jiġi allokat valur għall-krediti ta’ premju:

(i)

kemm għandu jiġi allokat għalihom;

(ii)

meta għandu jkun rikonoxxut id-dħul; u

(iii)

jekk il-premjijiet jiġu minn terz, kif għandu jiġi mkejjel id-dħul.

KUNSENS

5

Entità għandha tapplika l-paragrafu 13 tal-IAS 18 u tirrapporta l-krediti ta’ premju bħala komponent identifikabbli separatament mit-transazzjoni(jiet) tal-bejgħ li fihom huma jingħataw (il-“bejgħ inizjali”). Il-valur ġust tal-valur riċevut jew riċevibbli fir-rigward tal-bejgħ inizjali għandu jkun allokat bejn il-krediti ta’ premju u l-komponenti l-oħrajn tal-bejgħ.

6

Il-valur allokat lill-krediti ta’ premju għandhu titkejjel b’referenza għall-valur ġust tagħhom, jiġilieri l-ammont li għalih il-krediti ta’ premju jistgħu jinbiegħu separatament.

7

Jekk l-entità tforni l-premjijiet hi nnifisha, hi għandha tirrikonoxxi l-valur allokat għall-krediti ta’ premju bħala dħul meta l-krediti ta’ premju jissarrfu u hi tissodisfa l-obbligazzjonijiet tagħha li tforni l-premjijiet. L-ammont ta’ dħul rikonoxxut għandu jkun ibbażat fuq in-numru ta’ krediti ta’ premju li jkunu ssarrfu bi skambju ma’ premjijiet, imqabbel man-numru totali li jkun mistenni li jissarraf.

8

Jekk il-premjijiet ifornuhom terzi, l-entità għandha tevalwa jekk hix tiġbor il-valur allokat lill-krediti ta’ premju għan-nom tagħha stess (jiġilieri bħala s-sid fit-transazzjoni) jew għan-nom tat-terzi (jiġilieri bħala aġent għat-terzi).

(a)

Jekk l-entità qed tiġbor il-valur għan-nom tat-terzi, hi għandha:

(i)

tkejjel id-dħul tagħha bħala l-ammont nett miżmum f’isimha, jiġilieri id-differenza bejn il-valur allokat lill-krediti ta’ premju u l-ammont pagabbli lit-terzi biex ifornu l-premjijiet; u

(ii)

tirrikonoxxi dan l-ammont nett bħala dħul meta t-terzi jsiru obbligati li jfornu l-premjijiet u jkunu intitolati li jirċievu l-valur għalihom. Dawn l-avvenimenti jistgħu jseħħu hekk kif il-krediti ta’ premju jingħataw. Alternattivament, jekk il-klijent jista’ jagħżel li jikklejmja l-premjijiet jew mingħand l-entità jew mingħand terzi, dawn l-avvenimenti jistgħu jseħħu biss meta l-klijent jagħżel li jikklejmja l-premjijiet mingħand it-terzi.

(b)

Jekk l-entità qed tiġbor il-valur għaliha stess, għandha tkejjel id-dħul tagħha bħala l-valur gross allokat lill-krediti ta’ premju u tirrikonoxxi d-dħul meta tissodisfa l-obbligazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-premjijiet.

9

Jekk fi kwalunkwe ħin l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu evitati biex jitħallsu l-obbligazzjonijiet għall-forniment tal-premjijiet ikunu mistennija li jaqbżu l-valur riċevut u riċevibbli għalihom (jiġilieri il-valur allokat lill-krediti ta’ premju fil-ħin tal-bejgħ inizjali li jkun għadu ma ġiex rikonoxxut bħala dħul, flimkien ma’ kwalunkwe valur ieħor riċevibbli meta l-klijent isarraf il-krediti ta’ premju), l-entità jkollha kuntratti onerużi. Għandha tkun rikonoxxuta obbligazzjoni għall-eċċess b’konformità mal-IAS 37. Il-ħtieġa li din l-obbligazzjoni tiġi rikonoxxuta tista’ tinħoloq jekk l-ispejjeż mistennija tal-forniment tal-premjijiet jiżdiedu, pereżempju jekk l-entità tirrevedi l-aspettattivi tagħha dwar in-numru ta’ krediti ta’ premju li ser jissarrfu.

DATA EFFETTIVA U TRANSIZZJONI

10

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2008 jew wara. Applikazzjoni iktar bikrija hi permessa. Jekk entità tapplika l-Interpretazzjoni għal perjodu li jibda qabel l-1 ta’ Lulju 2008, għandha tiddikjara dak il-fatt.

11

Tibdil fil-politika tal-kontabilità għandu jkun irrappurtat b’konformità mal-IAS 8.

Appendiċi

Gwida għall-applikazzjoni

Dan l-appendiċi hu parti integrali tal-Interpretazzjoni.

Kif jitkejjel il-valur ġust tal-krediti ta’ premju

AG1

Il-Paragrafu 6 tal-kunsens jeħtieġ li l-valur allokat lill-krediti ta’ premju jitkejjel b’referenza għall-valur ġust tagħhom, jiġilieri l-ammont li għalih il-krediti ta’ premju jistgħu jinbiegħu separatament. Jekk il-valur ġust ma jkunx jista’ jiġi osservat direttament, dan għandu jiġi stmat.

AG2

Entità tista’ tagħmel stima tal-valur ġust tal-krediti ta’ premju billi tagħmel referenza għall-valur ġust tal-premjijiet li fihom jistgħu jissarrfu. Il-valur ġust ta’ dawn il-premjijiet jitnaqqas billi jiġu meqjusa:

(a)

il-valur ġust tal-premjijiet li jistgħu jkunu offruti lill-klijenti li ma jkunux qalgħu krediti ta’ premju minn bejgħ inizjali; u

(b)

il-proporzjon tal-krediti ta’ premju li ma jkunux mistennija li jissarfu mill-klijenti.

Fejn il-klijenti jistgħu jagħżlu minn medda ta’ premjijiet differenti, il-valur ġust tal-krediti ta’ premju ser jirrifletti l-valuri ġusti fil-firxa ta’ premjijiet disponibbli, li jkunu ppiżati fi proporzjon mal-frekwenza li biha kull premju jkun mistenni li jintgħażel.

AG3

F’xi ċirkustanzi, jistgħu jkunu disponibbli metodi oħrajn ta’ stima. Pereżempju, fejn il-premjijiet jiġu fornuti minn terzi u l-entità tħallas lit-terzi għal kull kreditu ta’ premju li tagħti, tkun tista’ tagħmel stima tal-valur ġust tal-krediti ta’ premju b’referenza għall-ammont li hi tħallas lit-terzi, biż-żieda ta’ marġni ta’ qligħ raġonevoli. Jeħtieġ ġudizzju għaqli biex tintagħżel u tiġi applikata t-teknika ta’ stima li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-paragrafu 6 tal-kunsens u li tkun l-aktar waħda adattata fiċ-ċirkustanzi.


Top