Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1260

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1260/2008 ta' l- 10 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skond l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 23 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 338, 17.12.2008, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1260/oj

    17.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 338/10


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1260/2008

    ta' l-10 ta' Diċembru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skond l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 23

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

    (2)

    Fid-29 ta’ Marzu 2007, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika reviżjoni tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 23 Kosti tas-Self, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “IAS 23 rivedut”. L-IAS 23 rivedut jelimina l-fakultà fl-IAS 23 li l-kosti tas-self jiġu rikonoxxuti immedjatament bħala spiża sa kemm jiġu direttament attribwibbli għall-akkwiżizzjoni, kostruzzjoni jew produzzjoni ta’ assi kwalifikattiv. Il-kosti tas-self bħal dawn kollha għandhom jiġu kapitalizzati u jiffurmaw parti mill-kost tal-assi. Kosti oħrajn tas-self għandhom jiġu rikonoxxuti bħala spiża. L-IAS 23 rivedut jissostitwixxi l-IAS 23 Kosti tas-Self rivedut fl-1993.

    (3)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-IAS 23 rivedut jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) [il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju] (3), il-Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-approvazzjoni u nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea li din hija bbilanċjata b'mod tajjeb kif ukoll oġġettiva.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 23 (rivedut fl-1993) Kosti tas-Self huwa sostitwit bl-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 23 Kosti tas-Self (rivedut fl-2007) kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-IAS 23 (rivedut fl-2007), kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, talanqas, mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta' Diċembru 2008.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


    ANNESS

    STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

    IAS 23

    IAS 23 Kosti tas-Self (rivedut fl-2007)

    Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org

    STANDARD INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ 23

    Il-kosti tas-self

    PRINĊIPJU ĊENTRALI

    1

    Il-kosti tas-self li jkunu direttament attribwibbli għall-akkwist, il-kostruzzjoni jew il-produzzjoni ta’ assi li jikkwalifika, jiffurmaw parti mill-kost ta' dak l-assi. Kosti oħrajn tas-self huma rikonoxxuti bħala spiża.

    AMBITU

    2

    Entità għandha tapplika dan l-Istandard għall-kontabilità tal-kosti tas-self.

    3

    L-Istandard ma jirrigwardax il-kost reali jew imputat tal-ekwità, inkluż il-kapital privileġġjat mhux ikklassifikat bħala obbligazzjoni.

    4

    Entità mhijiex meħtieġa li tapplika l-Istandard għall-kosti tas-self li huma direttament attribwibbli għall-akkwist, il-kostruzzjoni jew il-produzzjoni ta':

    (a)

    assi li jikkwalifika mkejjel bil-valur ġust, pereżempju assi bijoloġiku; jew

    (b)

    inventarji li jkunu mmanifatturati, jew prodotti b'xi mod ieħor, fi kwantitajiet kbar fuq bażi ripetittiva.

    DEFINIZZJONIJIET

    5

    Dan l-Istandard juża t-termini li ġejjin bit-tifsiriet speċifikati:

    Il-kosti tas-self huma mgħax u kosti oħrajn li entità ġġarrab b'konnessjoni mas-self ta’ fondi.

    Assi li jikkwalifika hu assi li neċessarjament jieħu perjodu sostanzjali ta’ żmien biex jitlesta għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu.

    6

    Il-kosti tas-self jistgħu jinkludu:

    (a)

    mgħax fuq self kurrenti tal-bank u fuq self għal żmien qasir u fit-tul;

    (b)

    amortizzament ta' skonti jew primjums relatati mas-self;

    (c)

    amortizzament ta' kosti anċillari mġarrba b'konnessjoni mal-arranġament tas-self;

    (d)

    tariffi finanzjarji fir-rigward ta' kuntratti ta’ kera finanzjarja, rikonoxxuti b'konformità mal-IAS 17 Kuntratti ta’ Kera; u

    (e)

    differenzi fil-kambju li jinħolqu minn self f'munita barranija, sal-punt li huma meqjusa bħala aġġustament għall-kosti tal-imgħax.

    7

    Skond iċ-ċirkustanzi, dawn li ġejjin kollha jistgħu jkunu assi li jikkwalifikaw:

    (a)

    inventarji

    (b)

    impjanti tal-manifattura

    (c)

    faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-enerġija

    (d)

    assi intanġibbli

    (e)

    proprjetajiet ta’ investiment.

    Assi finanzjarji, u inventarji li jkunu mmanifatturati, jew prodotti b'xi mod ieħor, fuq perjodu qasir ta' żmien, ma humiex assi li jikkwalifikaw. Assi li jkunu lesti għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tagħhom meta jkunu akkwistati mhumiex assi li jikkwalifikaw.

    RIKONOXXIMENT

    8

    Entità għandha tikkapitalizza l-kosti tas-self li jkunu direttament attribwibbli għall-akkwist, il-kostruzzjoni jew il-produzzjoni ta’ assi li jikkwalifika, bħala parti mill-kost ta’ dak l-assi. Entità għandha tirrikonoxxi kosti oħrajn tas-self bħala spiża fil-perjodu li fih iġġarrabhom.

    9

    Il-kosti tas-self li jkunu direttament attribwibbli għall-akkwist, il-kostruzzjoni jew il-produzzjoni ta' assi li jikkwalifika, huma inklużi fil-kost ta' dak l-assi. Dawn il-kosti tas-self huma kkapitalizzati bħala parti mill-kost tal-assi meta jkun probabbli li huma ser jirriżultaw f'benefiċċji ekomoniċi futuri għall-entità u l-kosti jistgħu jitkejlu b'mod affidabbli. Meta entità tapplika l-IAS 29 Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji tirrikonoxxi bħala spiża, dik il-parti tal-kosti tas-self li tikkumpensa għall-inflazzjoni matul l-istess perjodu, b'konformità mal-paragrafu 21 ta' dak l-Istandard.

    Il-kosti tas-self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni

    10

    Il-kosti tas-self li jkunu direttament attribwibbli għall-akkwist, il-kostruzzjoni jew il-produzzjoni ta' assi li jikkwalifika huma dawk il-kosti tas-self li kienu jiġu evitati li kieku l-infiq fuq l-assi li jikkwalifika ma jkunx sar. Meta entità tissellef fondi għall-għan speċifiku li tikseb assi partikulari li jikkwalifika, il-kosti tas-self li huma relatati direttament ma' dak l-assi li jikkwalifika jistgħu jkunu identifikati fil-pront.

    11

    Jista' jkun diffiċli li tidentifika relazzjoni diretta bejn self partikulari u assi li jikkwalifika, u biex tiddetermina s-self li seta’ kieku jkun evitat. Diffikultà bħal din isseħħ, pereżempju, meta l-attivitajiet li jiffinanzjaw l-entità jkunu kkoordinati b'mod ċentrali. Id-diffikultajiet jinħolqu wkoll meta grupp juża medda ta' strumenti tad-dejn biex jissellef fondi li jkollhom rati varji ta' mgħax, u jsellef dawk il-fondi fuq bażijiet diversi lil entitajiet oħrajn fil-grupp. Kumplikazzjonijiet oħrajn jinħolqu mill-użu ta' self denominat f’muniti barranin jew marbut magħhom, meta l-grupp jopera f'ekonomiji li għandhom inflazzjoni għolja, u minn ċaqliq fir-rati tal-kambju. Bħala riżultat, id-determinazzjoni tal-ammont tal-kosti tas-self li jkunu direttament attribwibbli għall-akkwist ta' assi li jikkwalifika hi diffiċli biex issir, u hu meħtieġ l-eżerċizzju tal-ġudizzju.

    12

    Sal-punt li entità tissellef fondi speċifikament għall-iskop li tikseb assi li jikkwalifika, l-entità għandha tiddetermina l-ammont tal-kosti tas-self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni bħala l-kosti tas-self reali mġarrba fuq dak is-self matul il-perjodu, wara li tnaqqas kwalunkwe dħul mill-investiment temporanju ta’ dak is-self.

    13

    L-arranġamenti ta' finanzjament għal assi li jikkwalifika jistgħu jirriżultaw f'li entità tikseb fondi b’self, u ġġarrab spejjeż tas-self relatati, qabel ma xi parti mill-fondi jew il-fondi kollha jintużaw għall-infiq fuq l-assi li jikkwalifika. F'ċirkustanzi bħal dawn, il-fondi ta' spiss ikunu investiti temporanjament sakemm jintefqu fuq l-assi li jikkwalifika. Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-kosti tas-self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni matul perjodu, kwalunkwe dħul li jsir mill-investiment ta’ dawn il-fondi, jitnaqqas mill-ispejjeż tas-self imġarrba.

    14

    Sal-punt li entità tissellef fondi b’mod ġenerali u tużahom għall-iskop biex tikseb assi li jikkwalifika, l-entità għandha tiddetermina l-ammont tal-kosti tas-self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni billi tapplika rata ta’ kapitalizzazzjoni għall-infiq fuq dak l-assi. Ir-rata tal-kapitalizzazzjoni għandha tkun il-medja ppiżata tal-kosti tas-self applikabbli għas-self tal-entità li jkun pendenti matul il-perjodu, eskluż self li jsir speċifikament għall-iskop tal-kisba ta’ assi li jikkwalifika. L-ammont tal-kosti tas-self li entità tikkapitalizza matul perjodu ma għandux jaqbeż l-ammont tal-kosti tas-self li l-entità tkun ġarrbet matul dak il-perjodu.

    15

    F'xi ċirkustanzi, ikun xieraq li tinkludi s-self kollu tal-kumpanija prinċipali u s-sussidjarji tagħha meta tikkalkula l-medja ppiżata tal-kosti tas-self; f'ċirkustanzi oħrajn, ikun xieraq għal kull sussidjarja li tuża medja ppiżata tal-kosti tas-self applikabbli għas-self tagħha biss.

    L-eċċess tal-ammont miżmum tal-assi li jikkwalifika fuq l-ammont li jista’ jkun irkuprat

    16

    Meta l-ammont miżmum jew il-kost finali mistenni tal-assi li jikkwalifika, jaqbeż l-ammont li jista' jkun irkuprat jew il-valur realizzabbli nett tiegħu, l-ammont miżmum jitniżżel jew jitħassar b'konformità ma' Standards oħrajn. F'ċerti ċirkustanzi, l-ammont tat-tniżżil jew tħassir jerġa' jiġi rrestawrat b'konformità ma' dawk l-Istandards l-oħrajn.

    Il-bidu tal-kapitalizzazzjoni

    17

    Entità għandha tibda tikkapitalizza l-kosti tas-self bħala parti mill-kost ta’ assi li jikkwalifika fid-data tal-bidu. Id-data tal-bidu għall-kapitalizzazzjoni hi l-ewwel data li fiha l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    iġġarrab infiq għall-assi;

    (b)

    iġġarrab spejjeż tas-self; u

    (c)

    twettaq attivitajiet li huma meħtieġa biex tipprepara l-assi għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu.

    18

    L-infiq fuq assi li jikkwalifika jinkludi biss dak l-infiq li jkun irriżulta fi ħlasijiet ta' flus, trasferimenti ta' assi oħrajn jew l-inkarigu ta' obbligazzjonijiet li fihom l-imgħax. L-infiq jitnaqqsu minnu kwalunkwe ħlasijiet progressivi u għotjiet riċevuti b'konnessjoni mal-assi (ara l-IAS 20 Kontabilità għal Għotjiet Pubbliċi u Żvelar ta’ Assistenza Pubblika). Il-medja tal-ammont miżmum tal-assi matul xi perjodu, inklużi l-kosti tas-self li kienu kkapitalizzati qabel, normalment hi approssimazzjoni raġonevoli tal-infiq li għalih ir-rata tal-kapitalizzazzjoni tkun applikata f'dak il-perjodu.

    19

    L-attivitajiet meħtieġa biex l-assi jkun ippreparat għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu jinkludu aktar mill-kostruzzjoni fiżika tal-assi. Dawn jinkludu xogħol tekniku u amministrattiv qabel il-bidu tal-kostruzzjoni fiżika, bħal attivitajiet marbuta mal-ksib ta' permessi qabel ma tibda l-kostruzzjoni fiżika. Madankollu, dawn l-attivitajiet jeskludu ż-żamma ta' assi fejn l-ebda produzzjoni jew żvilupp li jibdel il-kundizzjoni tal-assi ma jkunu qed iseħħu. Pereżempju, il-kosti tas-self imġarrba waqt li art tkun qed tiġi żviluppata jkunu kkapitalizzati matul il-perjodu li fih ikunu qed isiru attivitajiet relatati mal-iżvilupp. Imma l-kosti tas-self imġarrba waqt li l-art akkwistata għal skopijiet ta' bini tkun qed tinżamm mingħajr l-ebda attività ta' żvilupp assoċjat magħha, ma jikkwalifikawx għall-kapitalizzazzjoni.

    Sospensjoni tal-kapitalizzazzjoni

    20

    Entità għandha tissospendi l-kapitalizzazzjoni tal-kosti tas-self matul perjodi twal li fihom tissospendi l-iżvilupp attiv ta' assi li jikkwalifika.

    21

    Entità tista' ġġarrab spejjeż ta’ self matul perjodu twil li fih tissospendi l-attivitajiet meħtieġa biex tipprepara assi għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu. Spejjeż bħal dawn huma spejjeż imġarrba biex iżżomm f’idejha assi parzjalment kompleti u ma jikkwalifikawx għall-kapitalizzazzjoni. Madankollu, entità normalment ma tissospendix il-kapitalizzazzjoni ta’ spejjeż ta’ self matul perjodu li fih twettaq xogħol sostanzjali tekniku u amministrattiv. Entità wkoll ma tissospendix il-kapitalizzazzjoni ta’ spejjeż ta’ self meta dewmien temporanju jkun parti neċessarja mill-proċess li bih assi jitlesta għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu. Pereżempju, il-kapitalizzazzjoni tkompli matul il-perjodu twil li fih il-livelli għolja tal-ilma jittardjaw il-kostruzzjoni ta' pont, jekk dawn il-livelli għolja tal-ilma jkunu komuni matul il-perjodu ta' kostruzzjoni fir-reġjun ġeografiku involut.

    Waqfien tal-kapitalizzazzjoni

    22

    Entità għandha twaqqaf il-kapitalizzazzjoni tal-kosti tas-self meta, sostanzjalment, l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jippreparaw lill-assi li jikkwalifika għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu, jitlestew.

    23

    Assi normalment ikun lest għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu meta l-kostruzzjoni fiżika tal-assi titlesta, anki jekk jagħti l-każ li xi xogħol amministrattiv ta' rutina jkun għadu għaddej. Jekk tibdil żgħir, bħad-dekorazzjoni ta' proprjetà skond l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej, jew tal-utent, hu dak kollu li għadu pendenti, dan jindika li, b'mod sostanzjali, l-attivitajiet kollha tlestew.

    24

    Meta entità tlesti l-kostruzzjoni ta’ assi li jikkwalifika biċċa biċċa, u kull biċċa tkun tista’ tintuża waqt li l-kostruzzjoni tkompli għaddejja fuq partijiet oħrajn, l-entità għandha tieqaf tikkapitalizza l-kosti tas-self meta tlesti, b'mod sostanzjali, l-attivitajiet kollha meħtieġa biex tipprepara dik il-parti għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tagħha.

    25

    “Business park” li jinkludi diversi binjiet, u li kull binja minnu tista' tintuża individwalment, hu eżempju ta' assi li jikkwalifika li kull parti minnu tista' tintuża waqt li l-kostruzzjoni tkompli għaddejja fuq partijiet oħrajn. Eżempju ta' assi li jikkwalifika li jeħtieġ li jitlesta kollu qabel ma xi parti minnu tkun tista' tintuża hu impjant industrijali li jinvolvi diversi proċessi li jitwettqu wara xulxin f'partijiet differenti tal-impjant fl-istess sit, bħal pereżempju, impjant fejn jinħadem l-azzar.

    ŻVELAR FIR-RAPPORTI FINANZJARJI

    26

    Entità għandha tippubblika:

    (a)

    l-ammont tal-kosti tas-self ikkapitalizzati matul il-perjodu; u

    (b)

    ir-rata tal-kapitalizzazzjoni użata biex tiddetermina l-ammont tal-kosti tas-self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni.

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

    27

    Meta l-applikazzjoni ta’ dan l-Istandard tikkostitwixxi bidla fil-politika tal-kontabilità, entità għandha tapplika l-Istandard għall-kosti tas-self relatati ma’ assi li jikkwalifikaw li għalihom id-data tal-bidu tal-kapitalizzazzjoni hi d-data effettiva ta’ dan l-Istandard jew wara.

    28

    Madankollu, entità tista’ tispeċifika kwalunkwe data qabel id-data effettiva u tapplika l-Istandard għall-kosti tas-self relatati mal-assi kollha li jikkwalifikaw li għalihom id-data tal-bidu tal-kapitalizzazzjoni hi dik id-data jew wara.

    DATA EFFETTIVA

    29

    Entità għandha tapplika l-Istandard għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara. Applikazzjoni iktar bikrija hi permessa. Jekk entità tapplika l-Istandard minn data qabel l-1 ta’ Jannar 2009, għandha tiżvela dak il-fatt.

    IRTIRAR TAL-IAS 23 (RIVEDUT FL-1993)

    30

    Dan l-Istandard jieħu post l-IAS 23 Il-Kosti tas-Self rivedut fl-1993.

    Appendiċi

    Emendi għal dikjarazzjonijiet oħrajn

    L-emendi f'din l-appendiċi għandhom ikunu applikati għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2009 jew wara. Jekk entità tapplika dan l-Istandard għal perjodu iktar bikri, l-emendi f'din l-appendiċi għandhom ikunu applikati għal dak il-perjodu iktar bikri. Fil-paragrafi emendati, it-test il-ġdid huwa sottolineat, u t-test imħassar hu ingassat.

    A1   IFRS 1 L-Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju hu emendat kif deskritt hawn taħt.

    Il-paragrafi 9, 12 u 13 huma emendati; wara l-paragrafu 25H jiddaħħlu intestatura u l-paragrafu 25I; u jiżdied l-paragrafu 47G kif ġej:

    “9

    Il-dispożizzjonijiet transitorji f'IFRSs oħrajn japplikaw għat-tibdiliet fil-politika tal-kontabilità magħmulin minn entità li diġà tuża l-IFRSs; ma japplikawx għat-transizzjoni ta' min jaddotta l-IFRSs għall-ewwel darba ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 25D, 25H, 25I, 34A u 34B.

    12

    Dan l-IFRS jistabbilixxi żewġ kategoriji ta' eċċezzjonijiet għall-prinċipju li l-ewwel karta' tal-bilanċ IFRS ta' entità għandha tkun konformi ma' kull IFRS:

    (a)

    il-paragrafi 13–25I u 36A–36C jagħtu eżenzjonijiet minn xi rekwiżiti ta' IFRSs oħrajn.

    (b)

    il-paragrafi 26–34B jipprojbixxu l-applikazzjoni retrospettiva ta' xi aspetti ta' IFRSs oħrajn.

    13

    Entità tista' tagħżel li tagħmel użu minn waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    (l)

    il-kejl tal-valur ġust ta' assi finanzjarji jew ta' obbligazzjonijiet finanzjarji skond kif rikonoxxuti inizjalment (il-paragrafu 25G);

    (m)

    assi finanzjarju jew assi intanġibbli li kien meqjus b'konformità ma' IFRIC 12 Arranġamenti ta’ Konċessjoni ta’ Servizz (il-paragrafu 25H); u

    (n)

    il-kosti tas-self (il-paragrafu 25I).

    Entità ma għandhiex tapplika dawn l-eżenzjonijiet b'analoġija ma' elementi oħrajn.

    Kosti tas-self

    25I

    Min jaddotta l-IFRS’s għall-ewwel darba jista' japplika d-dispożizzjonijiet transitorji deskritti fil-paragrafi 27 u 28 tal-IAS 23 L-Ispejjeż tas-Self, kif riveduti fl-2007. F'dawk il-paragrafi, referenzi għad-data effettiva għandhom ikunu interpretati bħala l-1 ta' Jannar 2009, jew id-data ta' transizzjoni għall-IFRSs, liema minnhom tiġi l-aħħar.

    47G

    Entità għandha tapplika l-emendi fil-paragrafi 13(n) u 25I għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2009 jew wara. Jekk entità tapplika l-IAS 23 għal perjodu iktar bikri, dawn l-emendi għandhom ikunu applikati għal dak il-perjodu iktar bikri.”

    A2   Fl-IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji l-aħħar sentenza tal-paragrafu 110 hi mħassra.

    A3   Fl-IAS 7 Dikjarazzjonijiet tal-Likwidità l-paragrafu 32 hu emendat kif ġej:

    “32

    L-ammont totali ta' mgħax imħallas matul perjodu għandu jidher fid-dikjarazzjoni tal-likwidità, sew jekk kien rikonoxxut bħala spiża fid-dikjarazzjoni tad-dħul kemm ikkapitalizzat b'konformità mal-IAS 23 Il-Kosti tas-Self.”

    A4   Fl-IAS 11 Kuntratti tal-Kostruzzjoni l-aħħar sentenza tal-paragrafu 18 hi emendata kif ġej:

    “18

    Il-kosti li jistgħu jkunu attribwibbli għal attività fuq kuntratti in ġenerali, u li jistgħu jkunu allokati għal kuntratti speċifiċi, jinkludu wkoll il-kosti tas-self.”

    A5   Fl-IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir il-paragrafu 23 hu emendat kif ġej:

    “23

    L-ispiża ta' oġġett ta' proprjetà, impjant jew tagħmir hi l-ekwivalenti tal-prezz fi flus fid-data tar-rikonoxximent. Jekk il-ħlas ikun differit lil hemm mit-termini normali tal-kreditu, id-differenza bejn l-ekwivalenti tal-prezz fi flus u l-ħlas totali tkun rikonoxxuta bħala mgħax fuq il-perjodu tal-kreditu sakemm dan l-imgħax ma jkunx ikkapitalizzat b'konformità mal-IAS 23.”

    A6   Fl-IAS 38 Assi Intanġibbli, il-paragrafu 32 hu emendat kif ġej:

    “32

    Jekk il-ħlas għal assi intanġibbli jkun differit lil hemm mit-termini normali tal-kreditu, il-kost tiegħu jkun l-ekwivalenti tal-prezz fi flus. Id-differenza bejn dan l-ammont u l-pagamenti totali hi rikonoxxuta bħala spiża tal-imgħax fuq il-perjodu tal-kreditu, sakemm ma tkunx ikkapitalizzata b'konformità mal-IAS 23 L-Ispejjeż tas-Self.”

    A7   Fl-IFRIC Interpretazzjoni 1 Tibdil fl-Obbligi Eżistenti tad-Dekummissjonament, Restawrazzjoni u Obbligi Simili, il-paragrafu 8 hu emendat kif ġej:

    “8

    L-inverżjoni perjodika tal-iskont permezz ta' transazzjoni ta' kumpens għandha tkun rikonoxxuta fi qligħ jew telf bħala kost finanzjarju hekk kif isseħħ. Il-kapitalizzazzjoni skond l-IAS 23 mhijiex permessa.”


    Top