Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0486

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 486/2014 tat- 12 ta' Mejju 2014 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ossidu tal-fenbutatin, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 138, 13.5.2014, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/486/oj

13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/70


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 486/2014

tat-12 ta' Mejju 2014

li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ossidu tal-fenbutatin, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/30/UE (2) tinkludi l-ossidu tal-fenbutatin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li l-applikant, li fuq talba tiegħu ġie inkluż l-ossidu tal-fenbutatin, jipprovdi iktar informazzjoni konfermatorja dwar il-potenzjal ġenotossikoloġiku u r-rilevanza ekotossikoloġika tal-impurità SD 31723 u l-ispettri, l-istabbiltà waqt il-ħżin u l-metodi ta' analiżi fil-formulazzjoni sal-31 ta' Mejju 2013.

(2)

Is-sustanzi attivi li kienu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-applikant, li fuq talba tiegħu l-ossidu tal-fenbutatin kien ġie approvat, ma ppreżentax informazzjoni konfermatorja sal-iskadenza tal-31 ta' Mejju 2013. Permezz ta' ittra tas-27 ta' Ġunju 2013 informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li ma jippreżentax tali informazzjoni.

(4)

B'hekk huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-ossidu tal-fenbutatin.

(5)

Għalhekk id-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/30/UE għandha titħassar.

(6)

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(7)

L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ossidu tal-fenbutatin.

(8)

Għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ossidu tal-fenbutatin, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Irtirar tal-approvazzjoni

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ossidu tal-fenbutatin qed tiġi rtirata.

Artikolu 2

Tħassir tad-Direttiva 2011/30/UE

Id-Direttiva 2011/30/UE tħassret.

Artikolu 3

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ringiela 331, ossidu tal-fenbutatin, jitħassar.

Artikolu 4

Miżuri tranżitorji

l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ossidu tal-fenbutatin bħala sustanza attiva sat-2 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 5

Perjodu ta' grazzja

Kwalunkwe perjodu ta' grazzja mogħti mill-Istati Membri b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mit-2 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/30/UE tas-7 ta' Marzu 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-ossidu tal-fenbutatin bħala sustanza attiva u li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 61, 8.3.2011, p. 14).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


Top