EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0771

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Strateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni COM(2007) 507 finali

OJ C 211, 19.8.2008, p. 72–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Strateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni

COM(2007) 507 finali

(2008/C 211/19)

Nhar il-21 ta' Settembru 2007 il-Kumissjoni Ewropea iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Strateġija għall-Ibgħad Reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta' Marzu 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Coupeau.

Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta' April 2008 (seduta tat-22 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'128 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Artikolu 299(2) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-partikolarità ta' l-ibgħad reġjuni u b'hekk jagħmilha possibbli għalihom li jżommu l-karatteristiċi partikolari tagħhom u jnaqqsu x-xkiel.

1.2

Is-seba' reġjuni kklassifikati bħala l-ibagħad reġjuni huma l-komunità Spanjola awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, ir-reġjuni awtonomi Portugiżi ta' Madeira u l-Ażores u d-dipartimenti Franċiżi ta' Guadeloupe, il-Gujana Franċiża, Martinique u Réunion.

1.3

Sa mill-1989, dawn ir-reġjuni bbenefikaw minn programm speċifiku ta appoġġ għal miżuri ta' żvilupp soċjo-ekonomiku li jwasslu għal konverġenza akbar mal-bqija ta' l-Unjoni Ewropea.

1.4

Permezz tal-Komunikazzjoni tat-12 ta' Settembru 2007 bit-titolu Strateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni, il-Kummissjoni nediet proċess ta' konsultazzjoni pubblika sabiex tiġbor l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha dwar il-politika tagħha dwar l-ibgħad reġjuni minħabba fl-isfidi kbar li l-ibgħad reġjuni jridu jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin. Din l-opinjoni hi l-kontribut tal-KESE għall-proċess ta' konsultazzjoni.

1.5

Il-KESE jħoss li filwaqt li l-politiki finanzjarji ta' l-ibgħad reġjuni ta' l-UE kellhom xi effetti tajbin, għad fadal xi diffikultajiet strutturali, li jridu jiġu riżolti: dawn il-politiki għalhekk iridu jittejbu fil-futur.

1.6

Il-Kumitat jinnota li l-aċċess għall-Ewropa u s-suq tagħha hu kwistjoni kostanti minħabba d-distanza u l-insularità ta' l-ibgħad reġjuni (ħlief għall-Gujana Franċiża) u l-karatteristiċi ġeografiċi u strutturali partikolari tagħhom.

1.7

Il-KESE jinnota li l-pożizzjoni ta' l-ibgħad reġjoni, viċin sferi ta' influwenza bħalma huma l-Mercosur, l-Afrika tal-Punent u t'Isfel u l-Karibew, tagħti dimensjoni globali lill-Ewropa. Barra minn hekk, peress li jinsabu f'diversi oċeani differenti, l-ibgħad reġjuni jagħtu lill-Ewropa żona ekonomika esklussiva li tgħodd mal-25 miljun km2 li fiha ġid u riżorsi li għadhom ma ġewx stmati.

1.8

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll li min-natura tagħhom stess l-ibgħad reġjuni jbatu minn żvantaġġ kompetittiv.

ma jistax ikollhom ekonomiji ta' skala minħabba fiċ-ċokon tas-swieq;

in-nuqqas ta' riżorsi naturali, bħaż-żejt, il-gass u l-minerali;

żvilupp ekonomiku li huwa bbażat fuq ftit prodotti biss: it-turiżmu, l-agrikoltura u s-sajd.

minħabba fiċ-ċokon tas-swieq, hemm it-tendenza li n-negozji jiġbru, f'żona żgħira, u jiffurmaw monopolji jew konsorzi, li jfixklu l-kompetittività.

1.9

Il-KESE jħoss li l-grupp bejn is-servizzi dwar l-ibgħad reġjuni tal-Kummissjoni irid jinżamm jew anke jissaħħaħ, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-politika ta' l-UE.

2.   Is-setturi ta' l-industrija ta' l-ibgħad reġjuni: analiżi u rakkomandazzjonijiet

2.1   Turiżmu

2.1.1.

Is-settur tat-turiżmu huwa importanti ħafna fl-ekonomiji ta' l-ibgħad reġjuni u f'xi każi l-unika sors ta' tkabbir ekonomiku.

2.2

Il-Gżejjer Kanarji żviluppaw industrija diversifikata tat-turiżmu li tattira aktar minn għaxar miljun turist fis-sena. Madeira ukoll żviluppat l-industrija tat-turiżmu tagħha billi kabbret il-kapaċità tagħha b'mod sinifikanti. It-turiżmu huwa importanti ukoll fl-Antilli u f'Réunion, iżda għalkemm settur importanti għadu fraġli. Grazzi għall-ambjent naturali eċċezzjonali u klima favorevoli, l-ibgħad reġjuni żviluppaw turiżmu ta' kwalità. Iżda dan żied id-dipendenza ekonomika tagħhom, li ġġib magħha riskji kbar minħabba fl-instabbiltà tal-klima, r-rati ta' skambju ta' l-Euro, tħassib dwar is-saħħa, eċċ. li jwasslu għal ħafna bidliet fit-talba għat-turiżmu.

2.3

Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn urġenti li jinħareġ logo għall-ibgħad reġjuni li jiġi reklamat, sabiex dawn ir-reġjuni jiġu promossi fil-pajjiżi kollha Ewropej u anke f'pajjiżi oħra viċin l-ibgħad reġjuni, sabiex ikun hemm diversifikazzjoni u titjib fil-kwalità u s-sostenibbiltà tat-turiżmu.

2.4

Il-partijiet interessati fit-turiżmu jridu jsaħħu l-kontribut tal-prattiċi sostenibbli, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati r-riżorsi naturali, u jridu jikkonsultaw mal-partijiet interessati lokali kollha sabiex jistabbilixxu kriterji ta' żvilupp xieraq. Filwaqt li huwa ċar li hemm għarfien dwar is-sostenibbiltà fl-ibgħad reġjuni, din trid tiġi akkumpanjata minn politika li tkun żviluppata mill-partijiet interessati lokali u msaħħa bil-fondi ta' l-UE.

2.5   Agrikoltura

2.5.1.

Il-KESE jinnota li għalkemm l-agrikoltura hi settur tradizzjonali u tibqa pilastru importanti ta' l-ekonomiji ta' l-ibgħad reġjuni, il-kontribut tagħha għall-valur miżjud qed jonqos. L-agrikoltura tirrappreżenta sors ewlieni ta' impjieg u għandha tkun protetta akkost ta' kollox, u jekk jista' jkun żviluppata:

L-Ażores huma l-aktar gżejjer agrikoli fost l-ibgħad reġjuni, u fejn is-settur agrikolu jirrappreżenta 24 % tal-ħaddiema (mhux biss trobbija ta' l-annimali, iżda pitravi, tabakk u oħrajn). Is-sajd hu settur strateġiku fir-rigward tal-esportazzjoni — speċjalment tat-ton — iżda dan l-aħħar kien qed jonqos.

L-ibgħad reġjuni jipproduċu ukoll:

banana (Gżejjer Kanarji, Madeira, Martinique u l-Guadeloupe);

kannamiela (Réunion, Guadeloupe u l-Martinique);

frott tropikali (Réunion u l-Gujana Franċiża);

fjuri tropikali (l-Antilli);

xarbiet (Madeira, Gżejjer Kanarji, Martinique u l-Guadeloupe);

2.5.2

Għandu jiġi nnutat li hemm kompetizzjoni qawwija mill-pajjiżi terzi, li tispjega ftit mit-tnaqqis tal-valur miżjud.

2.5.3

Hemm żewġ tipi ta' agrikoltura: dik għas-suq lokali u għall-esportazzjoni. Ħafna drabi dawn iż-żewġ tipi jkunu f'kunflitt iżda jistgħu anke jikkumplimentaw lil xulxin. Il-KESE jisħaq l-ħtieġa importanti li d-distributuri lokali jippromovu l-agrikoltura għas-suq lokali.

2.5.4

Fir-rigward ta' l-agrikoltura għall-esportazzjoni, il-KESE jitlob għal kampanja ta' reklamar dwar il-prodotti ta' l-ibgħad reġjuni u li dawn il-prodotti jingħataw tikketta speċjali, li tenfasizza l-konformità tagħhom ma' l-istandards soċjali, ambjentali u ta' saħħa iebsin ta' l-UE.

2.5.5

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex l-UE issaħħaħ il-politika tagħha ta' sorveljanza tal-prodott minn pajjiżi terzi biex twaqqaf l-firxa tal-mard li jittieħed u tipi differenti ta' kontaminazzjoni tal-pjanti bil-għan li jiġu protetti l-irziezet.

2.5.6

Il-Kumitat jipproponi ċertu grad ta' konformità bejn il-prodotti minn pajjiżi terzi u mill-ibgħad reġjuni, sakemm dan:

ma jkunx ta' theddida għall-irziezet lokali;

iżid l-istandard ta' għajxien tan-nies f'pajjiżi terzi; u li

ikun hemm forum għal konsultazzjoni biex jippromovi qafas ta' żvilupp sostenibbli.

2.5.7

Il-KESE jenfasizza l-iżvantaġġi naturali ta' l-ibgħad reġjuni, imsemmija qabel, u jixtieq li jżomm il-politika li jikkumpensa għalihom.

2.5.8

Il-Kumitat hu mħasseb dwar il-ġestjoni ta' l-art f'xi uħud mill-ibgħad reġjuni, għaliex għandhom jiġu preservati ż-żoni agrikoli. L-UE għandha tħeġġeġ l-awtoritajiet lokali sabiex, f'qafas ta' żvilupp sostenibbli jikklassifikaw iż-żoni ta' preservazzjoni u ż-żoni urbani.

2.5.9

L-ibgħad reġjuni huma sinjuri fil-bijodiversità u bla dubju dan hu vantaġġ ekonomiku li jippermetti li tinżamm varjetà konsiderevoli ta' agrikoltura bl-użu ta' metodi li jirrispettaw l-ekosistema. Politika f'dan il-qasam għandha tkun ambizzjuża u ffinanzjata b'mod adegwat.

2.6   Sajd

2.6.1

Dan hu settur importanti għall-ibgħad reġjuni, iżda l-ġestjoni tal-ħażniet tal-ħut ser tkun problematika. Għandha tingħata kunsiderazzjoni għat-tfittxija ta' provvisti ta' ħut ġodda, jista' jkun l-akwakultura tal-baħar.

2.6.2

Riċerka u politikimmirati għandhom jiżguraw mezzi ta' żamma ta' provvisti tal-ħut. L-iskemi li intużaw s'issa kellhom suċċess kbir fl-appoġġ tas-settur.

2.6.3

Is-settur ta' l-akwakultura għadu fil-bidu tiegħu iżda hu stabbilit sew fil-Gżejjer Kanarji u f'Réunion. Il-KESE jinnota s-suċċess tal-Gujana Franċiża fil-qasam ta' trobbija tal-gambli.

2.6.4

Il-pożizzjoni ta' l-ibgħad reġjuni tagħti lill-Unjoni Ewropea żona marittima kbira (l-Oċeani Indjani u Atlantiċi, il-Karibbew, eċċ) kif ukoll bijodiversità kbira ta' riżorsi tal-ħut. Il-KESE jsostni li l-baċiri ta' l-ibħra għandhom jiġu ġestiti individwalment, minħabba li s-sitwazzjoni fl-Oċean Indjan hi differenti minn dik fl-Atlantiku; dan għandu ukoll jikkunsidra l-provvisti reali tal-ħut.

2.7   Negozjar u distribuzzjoni

2.7.1

Is-settur tan-negozji hu wieħed importanti għall-ibgħad reġjuni, iżda jiddependi fuq l-importazzjonijiet mill-Istati Membri; il-konsum hu sostnut mill-popolazzjoni lokali, iżda jvarja ukoll skond in-numri tat-turisti.

2.7.2

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' sezzjoni għall-bejgħ u x-xiri bl-imnut li tiffoka fuq il-prodotti lokali sabiex toffri varjetà ta' prodotti u servizzi adattati għall-popolazzjoni u għat-turisti.

2.8   Kumpaniji u kompetizzjoni

2.8.1

Meta jitqies id-daqs kemmxejn żgħir tas-suq lokali fl-ibgħad reġjuni, kumpanija żgħira tista' malajr issib ruħha f'pożizzjoni ta' monopolju.Għalhekk dik li titqies bħala kumpanija kbira fl-ibgħad reġjuni tirrappreżenta kumpanija żgħira fl-Ewropa kontinentali; b'riżultat ta' dan ma hemm l-ebda ekonomija ta' skala f'dawn ir-reġjuni.

2.8.2

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza tas-suq u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji.

2.8.3

L-ispejjeż żejda ffaċjati mill-ibgħad reġjuni huma ġeneralment diffiċli li jiġu identifikati. Dawn jinkludu:

trasport bil-baħar u bl-ajru tal-merkanzija u l-materjali;

vjaġġar ta' negozju diffiċli bejn il-kontinent u l-ibgħad reġjuni minħabba n-nuqqas ta' konnessjonijiet diretti, skedi ta' titjiriet mhux konvenjenti u spejjeż għoljin kaġun tad-distanza u l-insularità doppja;

spejjeż ta' ħażna ogħla minħabba n-nuqqas ta' konnessjonijiet bil-baħar u bl-ajru;

spejjeż ta' reklutaġġ ogħla, minħabba l-ħtieġa ta' korisjiet ta' taħriġ fil-kumpaniji biex l-ħaddiema b'anqas ħiliet isiru aktar produttivi;

nefqa ogħla fuq it-trasport, taħriġ tal-persunal u kapaċità ta' mħażen akbar mill-intrapriżi fil-kontinent Ewropew: dan iżid l-ispejjeż u jnaqqas l-kompetittività;

spejjeż ta' installazzjoni ogħla minħabba l-importazzjoni tal-materjali.

2.8.4

Il-KESE jħoss illi l-politiki ta' l-UE jridu jikkunsidraw dawn l-ispejjeż żejda u jieħdu miżuri biex itaffuhom kemm jista' jkun.

2.9   Enerġija

2.9.1

L-iskarsezza jew in-nuqqas ta' sorsi tradizzjonali ta' enerġija u d-dipendenza fuq enerġija esterna hi dgħjufija strutturali ta' l-ekonomiji ta' l-ibgħad reġjuni. Madankollu l-ibgħad reġjuni għandhom firxa wiesa' ta' possibbilitajiet għall-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli:

2.9.2

Il-KESE jinnota li l-enerġija hi problema rikorrenti f'dawn ir-reġjuni, madankollu hemm bosta opportunitajiet, bħall-enerġija solari, geotermali mill-baħar u tar-riħ.

2.9.3

Barraminhekk, dawn ir-reġjuni għandhom kemmxejn ta' problema bl-immaniġġjar ta' l-iskart, li jista' jkun sors ta' enerġija. Politika ta' diversifikazzjoni ta' l-enerġija tista' fl-istess ħin issolvi ukoll il-problema ta' l-iġene pubblika:

ħafna mir-reġjuni għandhom klima triopikali u jistgħu jaħżnu l-enerġija li din toffri;

xi reġjuni jinsabu fuq territorju vulkaniku fejn tista' tiġi sfruttata l-enerġija ġeotermali;

grazzi għall-viċinanza tal-baħar, tista' tiġi żviluppata l-enerġija bbażata fuq il-baħar;

l-iskart hu sors possibli ta' enerġija;

2.9.4

Il-Kumitat jemmen li d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija għandha titqies bħala mira għat-tul li għaliha għandu jkun hemm inċentiv finanzjarju.

2.10   Riċerka u żvilupp

2.10.1

Iridu jiġu żviluppati teknoloġiji ta' komunikazzjoni ġodda sabiex jintemm l-iżolament u jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku fl-ibgħad reġjuni.

2.10.2

Hu importanti, kemm għas-setturi tradizzjonali u mhux tradizzjonali, li tiġi żviluppata riċerka sabiex jinstabu risposti għall-kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw l-ibgħad reġjuni.

2.10.3

Il-KESE jemmen li jekk dawn ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għaċ-ċentri tar-riċerka dan ikollu effett pożittiv ħafna. Dan ukoll jipprovdi sors utli ta' diversifikazzjoni għall-ekonomoija ta' l-ibgħad reġjuni.

2.11   L-importanza ta' l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta' l-ekonomiji reġjonali:

2.11.1

L-iżvilupp individwali fl-ibgħad reġjuni jvarjaw ħafna. Bl-eċċezzjoni ta' ftit inizjattivi, is-setturi l-ġodda m'humiex stabbiliti sew fl-ibgħad reġjuni u ma jistgħu qatt ikunu ta' alternattiva għas-settur tradizzjonali.

2.11.2

Għandu jiġi enfasizzat li s-settur pubbliku (Ewropew, amministrazzjoni ċentrali u reġjonali, kumpaniji pubbliċi, università u ċentri tar-riċerka) għandu rwol kruċjali bħala magna ta' attività. L-unversitajiet ukoll huma importanti fl-ibgħad reġjuni: hu għalhekk importanti li dawn jinżammu. Il-KESE jissuġġerixxi t-twaqqif ta' borża ta' studju Ewropea li tattira studenti minn kull nazzjonalità.

2.11.3

Il-kumpaniji lokali m'għandhomx kapaċità ta' investiment. Għalhekk huma dipendenti ħafna fuq l-għajnuna Komunitarja biex iwettqu proġetti barra fis-setturi tradizzjonali.

2.11.4

Il-potenzjal ta' finanzjar ta' kumpaniji hu mxekkel bi spejjeż żejda. Il-KESE jikkunsidra li hu indispensabbli li jkun hemm politika finanzjarja li tgħin lill-kumpaniji biex jiżviluppaw l-oqsma ta' attività tagħhom. Il-KESE jixtieq ukoll li jistimola politika ta' ħolqien ta' kumpaniji billi jiffaċilita l-aċċess għall-fondi ta' investiment sabiex jassisti fl-implimentazzjoni tal-proġetti li għandhom iġibu valur miżjud għall-ibgħad reġjuni.

2.12   L-istandard ta' għajxien

2.12.1

Il-KESE jipproponi li għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifiki ta' dawn l-ibgħad reġjuni u għandha tiġi adottata politika koerenti għat-tul. Ir-reġjuni u l-bliet għandhom jsiru aktar attraenti billi jittejjeb l-aċċess għalihom u tiġi sostnuta r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni ġodda.

2.12.2

Il-Kumitat jemmen li f'dawn ir-reġjuni, għandu jiġi promoss d-djalogu soċjali u li l-politika ta' l-UE għandha tikkunsidrhom fl-objettivi futuri għall-ibgħad reġjuni.

2.12.3

Għandhom jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, billi n-nies jitħeġġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jiffaċilitaw il-bidu ta' intrapriżi, billi jagħmlu l-ħaddiema u l-kumpaniji aktar adattabbli u jkabbru l-investiment.

2.12.4

Gvernijiet lokali u reġjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki ta' l-ibgħad reġjuni għandhom it-tendenza li ma jagħtux każ ta' l-objettiv għat-titjib tal-koeżjoni soċjali; Il-KESE jikkunsidra l-koeżjoni soċjali u territorjali bħala prijorità, u dan ukoll għandu jiġi kkunsidrat.

2.12.5

Il-politiki Ewropej iridu jikkunsidraw dawn l-objettivi u jdaħħlu fis-seħħ politika ta' azzjoni biex jinkiseb l-iżvilupp ekonomiku. L-ewwelnett, il-KESE jixtieq jara politika li tagħmel l-ibgħad reġjuni aktar aċċessibbli:

permezz ta' konnessjonijiet aħjar bi prezzijiet aktar attraenti u bil-ftuħ tas-suq tat-trasport, it-titjib ta' faċilitiajiet ta' transitu (portijiet u ajruporti), ir-razzjonalizzar ta' loġistiċi ta' trasport u kumpens għad-distanza; u

bl-iżvilupp tas-setturi tradizzjonali, permezz ta' attività ta' reklamar u t-taħriġ tal-ħaddiema.

2.12.6

Il-KESE jirreaġixxi għas-sitwazzjoni ta' l-ibgħad reġjuni u jixtieq jara titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tkabbir fl-istandard ta' l-għajxien permezz ta' politika ambizzjuża li trattab l-iżvantaġġi u twitti t-triq għall-ħolqien tal-valur miżjud.

2.12.7

Ta' min wieħed jinnota li s-servizzi pubbliċi ta' interess ġenerali jirrappreżentaw wieħed mill-problemi ewlenin iffaċċjati mir-residenti ta' l-ibgħad reġjuni. Il-KESE jaħseb li l-politika ta' l-UE għall-ibgħad reġuni trid tikkunsidra l-fatt li jekk il-konverġenza trid titmexxa 'l quddiem, il-koeżjoni soċjali trid tiżdied billi tittejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi.

2.13   Kooperazzjoni transkonfinali.

2.13.1

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni transkonfinali dinamika ma' raggruppamenti reġjonali oħrajn barra milli ma' l-Unjoni Ewropea, biex jiġu stabbiliti sinerġiji komuni għat-tkabbir ta' l-iżvilupp f'dawn ir-reġjuni; dan jitqies bħala kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali ta' l-ibgħad reġjuni.

2.13.2

Il-KESE jixtieq jara evalwazzjoni dettaljata tal-koooperazzjoni transkonfinali u jinsab ċert li jistgħu jinstabu s-soluzzjonijiet. Iżda għandu l-ħsieb idaħħal fis-seħħ is-salvagwardji normali sabiex jiżgura li ma tinħoloq l-ebda problema ġdida.

2.14   Sistema fiskali

2.14.1

L-ibgħad reġjuni għandhom sistemi ekonomiċi u fiskali speċifiċi, li huma inklużi ma' dawk approvati mill-UE. Il-KESE jemmen li ż-żamma ta' dawn l-arranġamenti ekonomiċi u fiskali speċifiċi hi kruċjali sabiex l-ibgħad reġjuni jiġu megħjuna jegħlbu d-diffikultajiet strutturali li jiffaċċjaw.

2.15   Politika ta' koeżjoni

2.15.1

Il-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hi waħda mill-miri ewlenin ta' l-UE li trid tingħata spinta fil-ġejjieni. Il-KESE jsostni li l-politika ta' l-UE għall-ibgħad reġjuni għandha tkun immirata lejn it-tkabbir tal-koeżjoni soċjali sabiex is-sezzjonijiet kollha tal-popolazzjoni jkunu jistgħu jgawdu kwalità ta' ħajja aħjar.

2.15.2

Il-politika ta' koeżjoni trid tippermetti li n-negozji jimmodernizzaw u jiżviluppaw u li jinħolqu negozji ġodda għaż-żgħażagħ. Għal dan il-għan, l-innovazzjoni hi ta' prijorità fil-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda kifu ukoll ċentri ta' riċerka u taħriġ f'rabta mad-dinja tan-negozju.

2.15.3

Biex tiżdied il-koeżjoni m'għandux jitħeġġeġ biss l-iżvilupp ekonomiku iżda għandu jkun hemm ukoll żieda fis-salarji, fil-kwalità ta' impjieg u fis-servizzi pubbliċi.

2.15.4

L-ibgħad reġjuni jista' jkollhom rwol importanti fl-iżvillup reġjonali, għaliex huma pjattaformi importanti Ewropej għall-kumpaniji. Jistgħu ukoll iservu bħala mudell reġjonali fl-iżvilupp tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u bħala referenza dinjija f'dak li għandu x'jaqsam mal-mudell soċjali.

2.16   It-tisħiħ tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Viċinanza Usa'

2.16.1

Il-pożizzjoni ta' l-ibgħad reġjuni tagħtihom l-opportunità ta' sħubija privileġġjata mar-reġjuni ġirien. Madankollu, din il-politika tenħtieġ titmexxa 'l quddiem, għaliex hi implimentata b'mod insuffiċjenti u sproporzjonat. Il-KESE jinnota li din is-sħubija m'għandiex tkun biss mal-pajjiżi ta' oriġni u fuq inizjattiva tagħhom, u għalhekk għandu jkun hemm miżuri biex jinkoraġġixxu l-konoxxenza reċiproka f'dawn ir-reġjuni tad-dinja.

2.17   Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)

2.17.1

L-EPAs jistgħu joffru opportunità ta' żvilupp ta' l-ibgħad reġjuni, iżda dan jeħtieġ studju u analiżi ta' min jafdha dwar dawn l-ftehimiet futuri. L-EPAs jridu jikkunsidraw l-interessi tal-parteċipanti interessati kollha.

2.17.2

Il-KESE jitlob li dawn il-ftehimiet iħeġġu l-parteċipazzjoni ta' l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili kemm fl-ibgħad reġjuni kif ukoll fil-pajjiżi terzi.

2.17.3

Il-KESE huwa favur id-djalogu bejn l-ibgħad reġjuni u l-Istati ta' l-ACP, immirati li jidentifikaw is-sinerġiji u t-tkabbir ta' l-iżvilupp ekonomiku għall-kulħadd.

2.18   Flussi migratorji

2.18.1

Bħalissa l-EU qed tfassal politika komuni dwar l-immigrazzjoni li tikkunsidra s-sitwazzjoni demografika, is-swieq tax-xogħol u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini. Il-flussi migratorji huma ta' tħassib serju għall-ibgħad reġjuni. L-ibgħad reġjuni jeħtieġu arranġament li jnaqqas il-flussi illegali u/jew irregolari.Għalhekk, kwalunkwe politika ta' migrazzjoni Ewropea trid tqis b'mod xieraq il-ħtiġijiet partikolari ta' l-ibgħad reġjuni u tipprovdi soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi li jiffaċċjaw.

2.18.2

Għandha titwettaq stima ta' impatt biex tipprovdi għarfien aħjar ta' dan il-kwistjoni u toffri soluzzjonijiet għal kwistjonijiet migratorji.

2.18.3

Il-Kumitat jaħseb li l-politika ta' l-immigrazzjoni ta' l-UE għandha tkun aktar ambizzjuża u mmirata lejn il-ġestjoni ta' l-immigrazzjoni permezz ta' leġislazzjoni komuni u proċeduri trasparenti. L-Ewropa trid tkun kapaċi tiffaċilità l-immigrazzjoni jew l-ibgħad reġjuni waqt li tqis l-evoluzzjoni demografika tas-suq tax-xogħol.

2.18.4

Meta jitqiesu t-tendenzi demografiċi fl-Ewropa, jidher li ser jiżdiedu l-flussi migratorji. Minħabba l-pożizzjoni tagħhom l-ibgħad reġjuni jridu jiffaċċjaw problemi kaġun ta' l-immigrazzjoni irregolari u tenħtieġ is-solidarjetà Ewropea f'dan ir-rigward. L-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġjar tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni għandha tmexxi 'l quddiem l-attivitajiet tagħha fl-ibgħad reġjuni.

2.19   Inżidu n-numru ta' l-ibgħad rġjuni

2.19.1

Xi Stati Membri, speċjalment Franza u l-Olanda, bħalissa qed jikkunsidraw l-idea li jżidu n-numru ta' l-ibgħad reġjuni. Mossa bħal din tirrikjedi deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill. Madankollu l-KESE jenfasizza li jekk l-ibgħad reġjuni attwali u dawk ġodda kellhom ikunu integrati aħjar, l-UE tkun trid taħseb għal aktar finanzjament għal din iż-żona.

Brussell, it-22 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


Top