Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2009C0305

    Deċiżjoni tal-awtorità ta'Sorveljanza tal-EFTA Nru 305/09/COL tat- 8 ta' Lulju 2009 dwar il-ftehim tal-bejgħ tal-elettriku li sar bejn il-muniċipalità ta' Notodden u Becromal Norway AS (In-Norveġja)

    ĠU L 49, 24.2.2011, p. 44–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/305(2)/oj

    24.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 49/44


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA'SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 305/09/COL

    tat-8 ta' Lulju 2009

    dwar il-ftehim tal-bejgħ tal-elettriku li sar bejn il-muniċipalità ta' Notodden u Becromal Norway AS

    (In-Norveġja)

    L-AWTORITÀ TAS- SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), u partikolarment l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(3) tat-Taqsima I u l-Artikoli 4(2), 4(4) u 7(2) tat-Taqsima II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (4),

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet, (5) u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom,

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    1.   Il-proċedura

    Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru. 718/07/COL biex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (6). L-Awtorità stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet interessati. Permezz ta' ittra bid-data tal-4 ta' Frar 2008 (Ġrajja Nru 463572), l-awtoritajiet Norveġiżi sottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

    Permezz tal-ittra bid-data tal-21 ta' Mejju 2008, ir-benefiċjarju tal-għajnuna, il-kumpanija Becromal Norway AS, talbet li ssir laqgħa bejnha u bejn l-Awtorità. Il-laqgħa saret fl-istabbiliment tal-Awtorità fil-11 ta' Ġunju 2008. Matul il-laqgħa, ir-rappreżentanti ta' Becromal semmew, inter alia, ftehim addizzjonali bejn il-Muniċipalità ta' Notodden u Becromal, relatat mal-użu, min-naħa tal-muniċipalità, ta' dranaġġ mill-impjant għall-produzzjoni tal-elettriku, operat minn Becromal (Ġrajja nru 482695).

    2.   Deskrizzjoni tal-miżura li ġiet investigata

    Notodden hija muniċipalità fil-Kontea ta' Telemark fix-Xlokk tan-Norverġja. Peress li tinsab f'post fejn l-ilma ta' żewġ xmajjar titferragħ fl-għadira Heddalsvatnet, il-muniċipalità tiddisponi minn riżorsi sinifikanti biex tipproduċi l-elettriku mill-ilma.

    B'din il-kapaċità, il-muniċipalità hija intitolata li tirċievi kull sena, ċertu ammont ta' hekk imssejjaħ “elettriku ta' konċessjoni” mill-konċessjonarji li jisfruttaw il-kaskati. Is-sistema dwar l-elettriku ta' konċessjoni hija stipulata fis-Sezzjoni 2(12) tal-Att għall-Linċenzji Industrijali u s-Sezzjoni 12(15) tal-Att dwar ir-Regolament dwar il-Kaskati (7) Skont dawn id-dispożizzjonjiet, li fihom l-istess kliem, il-kontei u l-muniċipalitajiet li fihom hemm impjant li jipproduċi l-elettriku huma intitolati li jirċievu sa għaxra fil-mija tal-elettriku li l-impjant jipproduċi kull sena, bi prezz imfassal mill-Istat. Fir-rigward tal-konċessjonijiet li ngħataw qabel l-1959, bħall-konċessjoni f'dan il-każ partikolari, il-prezz huwa bbażat fuq hekk imsejħin “spejjeż individwali” tal-impjant, sakemm prezz irħas ma jkunx ġie miftiehem minn qabel (8) Għalhekk normalment, il-prezz tal-elettriku ta' konċessjoni se jkun irħas mill-prezz fis-suq.

    Deċiżjoni dwar kull intitolament għall-elettriku ta' konċessjoni min-naħa ta' kwalunkwe muniċipalità se tittieħed fuq il-bażi “tal-ħtiġijiet ġenerali tagħha għall-provvista tal-elettriku”. Skont id-Direttorat Norveġiż għar-Riżorsi tal-Ilma u l-Enerġija, din tinkludi l-provvista tal-elettriku għall-industrija, għall-agrikoltura u għad-djar, iżda mhux il-produzzjoni tal-elettriku għal industriji li jikkonsmaw l-elettriku b'mod intensiv u l-produzzjoni tal-elettriku mill-injam. (9) Sa mill-1988 l-munċipalità ta' Notodden kienet intitolata għal madwar 3,9 GWh mill-kaskata Sagafoss li tinsab f'Notodden, u milli jidher żdied għal 7114 GWh fl-2002 (10)

    Barra mill-volumi ta' elettriku ta' konċessjoni li l-muniċipalità kienet intitolata għalihom taħt ir-regolamenti dwar l-elettriku ta' konċessjoni, milli jidher il-muniċipalità ta' Notedden kellha drittijiet ta' użu proprji tagħha fir-rigward tal-kaskata Sagafos f'Notodden. Dan id-dritt ta' użu ġie sfruttat minn Tinfos AS u mhux mill-muniċipalità fiha nnifisha. Bħala kumpens, il-muniċipalità kienet intitolata għal volumi addizzjonali tal-elettriku mill-impjant. Ir-relazzjoni kummerċjali bejn Notodden u Tinfos hija attwalment irregolata minn kuntratt li sar bejniethom fil-15 ta' Awwissu 2001 (11) Dan il-kuntratt jistipula li, sal-31 ta' Marzu 2006, il-muniċipalità kienet intitolata li tixtri 30 GWh fis-sena, ċifra li tinkludi 3,9 GWh ta' elettriku ta' konċessjoni, minn Tinfos AS. Il-prezz tfassal għal 13,5 øre/kWh fir-rigward tal-elettriku ta' konċessjoni u tal-volum addizzjonali lkoll. Wara l-31 ta' Marzu 2006, il-muniċipalità kienet intitolata biss li tixtri l-volum li jikkostitwixxi l-elettriku ta' konċessjoni, u l-prezzijiet li bihom tixtri l-muniċipalità ilhom japplikaw minn dik id-data.

    Il-bażi legali rilevanti fir-rigward tad-dritt tal-muniċipalità għal elettriku ta' konċessjoni, imsemmija hawn fuq, tiddikkjara b'mod espressiv li l-muniċipalitajiet jistgħu jiddisponu mill-elettriku ta' konċessjoni kif jidrilhom huma, irrispettivament mill-fatt li l-ammont li huma intitolati għalih huwa kkalkolat fuq il-bażi “tal-ħtiġijiet ġenerali tagħhom għall-provvista tal-elettriku”. Għalhekk, ma hemm xejn li jwaqqaf il-munċipalitajiet milli jbigħu dan l-elettriku lill-industriji li jikkonsmaw l-elettriku b'mod intensiv, jew kwalunkwe industrija oħra, stabbilità fil-muniċipalità.

    Fuq dan l-isfond, fl-10 ta' Mejju 2002, il-muniċipalità daħħlet fi ftehim (12) mal-produttur tal-fojl tal-aluminju Becromal li jittratta l-bejgħ mill-ġdid ta' volumi tal-elettriku li l-muniċipalità kienet intitolata għalihom taħt il-ftehim ma' Tinfos. Il-ftehim għandha effett retroattiv u, għalhekk, jirregola wkoll il-volumi tal-elettriku li nbigħu lil Becromal mill-14 ta' Mejju 2001 sad-data li fiha ġie ffirmat il-kuntratt. Il-volumi koperti jidhru li jikkorrispondu mal-volumi fil-kuntratt li sar bejn il-muniċipalità u Tinfos sal-31 ta' Marzu 2007: jiġifieri, 14,4794 GWh mill-14 ta' Mejju 2001 sal-31 ta' Diċembru 2001, 30 GWh fis-sena mill-2002 sal-2005, 7,397 GWh mill-1 ta' January 2006 sal-31 ta' Marzu 2006, u, fl-aħħar nett, l-għażla li ngħatat lil Becromal biex tixtri l-elettriku ta' konċessjoni mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007. Il-prezzijiet jirreflettu wkoll dawk il-prezzijiet li ġew stipulati fil-kuntratt bejn il-muniċipalità u Tinfos, jiġifieri 13,5 øre/kWh sal-31 ta' Marzu 2006, u, mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007, “il-kundizzjonijiet li taħthom il-muniċipalità ta' Notodden tista', f'dak iż-żmien, tixtri l-elettriku kkonċernat”.

    Fil-fatt Becromal kienet għażlet li tixtri l-elettriku ta' konċessjoni fil-perjodu mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007 (13) Il-muniċipalità ta' Notodden spjegat li, għall-perjodu minn April sa Ġunju 2006, il-muniċipalità ħallset 15,21 øre/kWh għall-elettriku ta' konċessjoni, u bigħetu lil Becromal bl-istess prezz. Minn Lulju sa Diċembru 2006, il-muniċipalità ħallset 11235 øre/kWh u bigħet l-elettriku lil Becromal bi prezz ta' 15.21 øre/kWh. Minn Jannar sa Marzu tal-2007, il-muniċipalità ħallset 10425 øre/kWh u bigħet bil-prezz ta' 14.20 øre/kWh (14)

    Permezz tal-ittra bid-data tal-4 ta' Marzu 2007, (15) Becromal ressqet talba biex il-ftehim dwar ix-xiri tal-elettriku titwal. Staqsiet ukoll jekk setgħux ikunu inklużi volumi ogħla fil-kuntratt. Fit-30 ta' April 2007, il-muniċipalità wieġbet għat-talba, u tat lil Becromal l-opportunità li tixtri l-elettriku ta' konċessjoni tagħha bi prezz ta' 20 øre/kWh (li għandu jikkorrispondi mal-prezz immedjat li bih tbigħ NordPool, l-iskambju tal-elettriku Nordiku, għal Mejju 2007) għall-perjodu mill-1 ta' April sal-31 ta' Diċembru 2007, u minn din id-data 'l quddiem ftehim ta' tliet snin bil-prezz ta' 26.4 øre/kWh mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2010. Il-muniċipalità stqarriet ukoll li mill-1 ta' April 2007 l-volum tal-elettriku ta' konċessjoni se jkun 7,113 GWh.

    Fit-30 ta' Ġunju 2007, Becromal wieġbet li aċċettat il-prezzijiet offruti għall-aħħar disa' xhur tal-2007. Għal kuntrarju ta' dan, hija ma aċċettatx l-offerta għall-perjodu mill-2008-2010, peress li fil-fehma tagħha din kienet għolja wisq. Il-muniċipalità wieġbet, permezz tal-ittra bid-data tal-4 ta' Lulju, li fid-dawl tal-ittra ta' Becromal, hija tikkunsidra li kien intlaħaq ftehim dwar il-volumi tal-elettriku għall-2007. Għalhekk, kienet se terga' tiġi lura dalwaqt b'abbozz ta' ftehim. Fir-rigward tal-perjodu mill-2008 sal-2010, hija żammet il-pożizzjoni preċedenti tagħha li l-kuntratt għandu jitfassal fuq il-kundizzjonijiet tas-suq (16). Aktar tard il-muniċipalità kkonfermat li għad ma kienx sar ftehim formali. U lanqas ma saru xi negozjati fir-rigward tal-perjodu wara l-1 ta' Jannar 2008 (17)

    3.   Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi

    L-awtoritajiet Norveġiżi sottomettew il-kummenti tagħhom billi ressqu ittra mill-muniċipalità ta' Notodden.

    L-ewwelnett, il-muniċipalità targumenta li l-prezz fis-suq għal kuntratti over-the-counter (OTC) (jiġifieri kuntratti immedjati) ma' Nord Pool kien fil-fatt, bejn wieħed u ieħor, simili għall-prezz li ġie miftiehem bejn il-muniċipalità ta' Notodden u Becromal. Fil-fatt, skont it-tabella “Prezzijiet tal-elettriku li ġew negozjati fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u l-elettriku ta' konċessjoni. 1994 – 2005” li tniżżlu minn fuq il-websajt prinċipali ta' Statistics Norway (18), il-prezz medju għal kuntratti ta' bejn sena u ħames snin fl-2001 kien ta' 13,6 øre/kWh, filwaqt li l-prezz miftiehem bejn Notodden u Becromal kien ta' 13,5 øre/kWh.

    Il-muniċipalità tirrikonoxxi li l-prezz fil-kuntratt u dak li jidher fit-tabella mħejjija minn Statistics Norway huma t-tnejn sinifikament inqas mill-prezz immedjat ta' Nord Pool. F'dan ir-rigward, il-muniċipalità tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-differenza bejn il-prezz offrut lil Becromal u l-prezz fis-suq fil-medda ta' NOK 17,5 miljun, imsemmija f'ittra mill-muniċipalità lill-kumpanija u msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ, fir-realtà tirreferi għad-differenza bejn il-prezz miftiehem u l-prezz immedjat.

    Fir-rigward tal-prezz ta' riferiment rilevanti, il-muniċipalità targumenta li l-prezz fil-kuntratt għandu jiġi mqabbel mal-prezz f'kuntratti OTC u mhux mal-prezz immedjat. Minkejja li l-muniċipalità setgħet tbigħ il-volumi tal-elettriku li xtrat taħt dan il-ftehim fis-suq immedjat, ħalli b'hekk tikseb potenzjalment prezz ogħla, wieħed jista' jargumenta li b'dan il-mod il-muniċipalità tkun qiegħda tesponi ruħha għal riskju finanzjarju sinifikanti. Ir-riskju jitqajjem mid-dritt u l-obbligu tal-muniċipalità li tixtri 30 GWh fis-sena minn Tinfos, bil-prezz ta' 13,5 øre/kWh għall-perjodu sal-31 ta' Marzu 2006. Għalhekk, jekk il-prezz immedjat, matul dan il-perjodu, kellu jaqa' taħt 13,5 øre/kWh, il-muniċipalità se ġġarrab telf. L-awtoritajiet Norveġiżi jiddeskrivu l-kuntratt ma' Becromal bħala kuntratt back-to-back (jiġifieri kuntratt li jinvolvi kuntratt ieħor fejn l-obbligi u r-responsabilitajiet imniżżlin f'kuntratt minnhom huma riflettuti fit-tieni wieħed), imfassal biex tilqa' l-muniċipalità minn telf finanzjarju.

    II.   EVALWAZZJONI

    1.   Il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

    1.1.   Għajnuna mill-Istat fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 61(1) EEA u d-dubji tal-Awtorità fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

    Għajnuna mill-Istat fi ħdan it-Tifsira 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE hija definuta kif ġej:

    “Ħlief fejn din hija prevista mod ieħor f'dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, mill-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi tal-Istat li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti se, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mat-tħaddim ta' dan il-Ftehim.”

    Għandu jsegwi minn din id-dispożizzjoni li, biex għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira taż-ŻEE tkun preżenti, l-għajnuna għandha tingħata permezz ta' riżorsi mill-Istat; l-għajnuna trid tagħti vantaġġ selettiv ekonomiku lill-benefiċjarju/i; il-benefiċjarju jrid ikun impriża fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim taż-ŻEE u l-miżura tal-għajnuna għandha jkollha l-kapaċità li tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti.

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-Awtorità kkunsidrat li l-kuntratt bejn il-muniċipalità ta' Notodden u Becromal se jagħti vantaġġ selettiv lil Becromal, u, għalhekk, se jinvolvi għajnuna, jekk il-prezz li ġie miftiehem bejn il-partijiet ma jikkorrispondix mal-prezz fis-suq. L-awtorità kienet tal-fehma li l-fatti tal-każ jindikaw li l-prezz fil-kuntratt seta' kien irħas mill-prezz fis-suq. L-ewwelnett, l-Awtorità ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prezz fil-kuntratt dwar il-bejgħ tal-elettriku li l-muniċipalità għandha ma' Becromal jirrifletti l-prezz li tixtri biha hi, taħt il-kuntratt li għandha ma' Tinfos. Peress li dan il-prezz, min-naħa tiegħu, kien parzjalment ibbażat fuq il-prezz tal-elettriku ta' konċessjoni u jirrifletti parzjalment il-kumpens li ngħata lill-muniċipalità fid-dawl tal-isfruttament, min-naħa tal-kumpanija Tinfos, tad-dritt li għandha biex tużu l-kaskata, x'aktarx li kien se jkun konsiderevolment irħas minn dak fis-suq.

    L-awtorità ġibded l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prezz deher irħas meta mqabbel ma' kuntratti oħra li daħħlu fis-seħħ madwar l-istess żmien. Fl-aħħar nett, l-awtorità għamlet referenza għall-istqarrija proprja tal-muniċipalità li, permezz tal-prezz fil-kuntratt, Becromal setgħet tiffranka NOK 17,5 miljun meta mqabbel mal-prezz fis-suq.

    1.2.   Il-preżenza ta' vantaġġ fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE

    Sabiex din il-kundizzjoni tintlaħaq, il-miżuri għandhom jikkonferixxu fuq il-kumpanija Becromal, vantaġġi li permezz tagħhom se tiffranka spejjeż li normalment jiġu mġarrba mill-baġit tagħha. Dan se jkun il-każ meta entità pubblika ma tistabilixxi l-ebda tariffa fuq il-provvista tal-enerġija bil-mod li jintuża minn aġent ordinarju ekonomiku, iżda tużaha biex tagħti vantaġġ lill-konsumaturi tal-enerġija biex jiffrankaw il-flus (19). F'dan il-każ, vantaġġ huwa preżenti jekk il-prezz tal-elettriku fil-kuntratt bejn Becromal u l-muniċipalità ta' Notodden huwa rħas mill-prezz fis-suq. F'dan il-każ, il-miżura se tkun selettiva wkoll peress li Becromal biss se tibbenefika minnha.

    1.2.1.   Il-bażi li biha se jiġi stabbilit il-prezz fis-suq.

    Bħala kumment preliminari, l-Awtorità tinnota li l-mekkaniżmu bbażat fuq l-infiq li ntuża għall-istabbiliment tal-prezz fil-fethim, kif imsemmi hawn fuq, iqajjem preżunzjoni li vantaġġ ekonomiku huwa tassew preżenti. Il-prezzijiet tal-elettriku ta' konċessjoni li bihom il-muniċipalitiet huma intitolati jixtru, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq se, fil-maġġoranza tal-każi, ikunu rħas mill-prezz fis-suq, b'mod sinifikanti. Madanakollu, mhuwiex biżżejjed li wieħed joqgħod biss fuq preżunzjoni biex jiddetermina jekk vantaġġ ekonomiku huwiex preżenti. Għandu jintwera li l-prezz kien fil-fatt irħas mill-prezz fis-suq anke meta mqabbel ma' kuntratt simili għal dak li sar bejn Notodden u Becromal.

    Sabiex ikun stabbilit prezz fis-suq, l-Awtorità għandha tevalwa liema prezz kien ikun aċċettat minn investitur privat f'ekonomija tas-suq. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-Awtorità għamlet referenza għal differenza ta' NOK 17,5 miljun bejn il-prezz li tħallas u l-prezz fis-suq. Fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Awtorità, l-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li din kienet id-differenza bejn il-prezz immedjat fis-suq u l-prezz fil-kuntratt. Madanakollu, peress li l-kuntratt ikkonċernat huwa kuntratt bilaterali ta' ħames snin, il-prezz fil-kuntratt ma' jistax neċessarjament jitqabbel mal-prezzijiet immedjati fis-suq, peress li dawk il-prezzijiet jirriflettu l-bejgħ tal-elettriku fuq l-iskambju tal-elettriku ta' Nord Pool. Fis-suq elspot ta' Nord Pool, kuntratti dwar il-provvista tal-elettriku bi prezz fis-siegħa huma negozjati kuljum għal tqassim fil-prattika matul l-erbgħa u għoxrin siegħa tal-jum ta' wara (20). Għalhekk, id-dewmien tal-kuntratti u l-kundizzjonijiet taħt liema ġew innegozjati huma tassew differenti mill-kuntratt attwali.

    Li għandu jiġi eżaminat huwa jekk investitur privat li qiegħed jopera f'ekonomija tas-suq kienx jagħżel li jidħol għal kuntratt bilaterali fit-tul bl-istess prezz u bl-istess kundizzjonijiet tal-kuntratt ikkonċernat. Waqt li qiegħda tagħmel din l-evalwazzjoni, l-Awtorità ma tistax iġġib l-ġudizzju kummerċjali tagħha qabel dak tal-muniċipalità, li jimplika li l-muiċipalità, bħala l-bejjiegħa tal-elettriku, għandha tgawdi minn marġni ta' ġudizzju wiesa'. Il-kuntratt jista' jikkwalifika biss bħala għajnuna mill-istat, jekk ma tinstab l-ebda spegazzjoni plawżibbli oħra għalfejn il-muniċipalità għażlet dan il-kuntratt fuq kuntratti oħra (21). Peress li teżisti suq għal kuntratti bilaterali fit-tul u prezz fis-suq jista' jiġi stabbilit, wieħed għandu jassumi li l-investituri fis-suq jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jippreferu arranġamenti bħal dawn minflok ma jbigħu bi prezzijiet immedjati, anke jekk il-bejgħ ta' volumi tal-elettriku fuq l-iskambju tal-elettriku (bi prezzijiet immedjati) seta' wassal għal profitt akbar. Jista' jkun hemm numru ta' raġunijiet kummerċjali sodi biex wieħed jagħżel xerrej uniku, stabbli minflok ma jixtri bi prezzijiet instabbli fuq l-iskambju tal-elettriku għal ċertu perjodu ta' żmien, bħal tnaqqis tar-riskju u simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni.

    Fuq dan l-isfond, l-Awtorità ssib li l-prezz fil-kuntratt għandu jitqabbel mal-prezz medju f'kuntratti li saru taħt l-istess kundizzjonijiet, dewmien u li saru bejn wieħed u ieħor, fl-istess żmien. L-awtorità tinnota b'mod speċifiku li dak li għandu jiġi evalwat huwa l-prezz li wieħed jistenna li jsib, b'mod raġjonevoli, fis-suq waqt li jkun sar il-kuntratt, u mhux l-iżvilupp sussegwenti tal-prezz fis-suq matul il-perjodu kopert mill-kuntratt.

    1.2.2.   Dejta dwar il-prezz fis-suq għal kuntratti bilaterali fit-tul.

    Sabiex jiġi stabbilit il-prezz fis-suq għal kuntratti bilaterali fit-tul, fiż-żmien li sar il-kuntratt, l-awtoritajiet Norveġiżi, fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura formali tal-investigazzjoni, issottomettew statistiki minn Statistics Norway marbutin mal-prezzijiet tal-elettriku li ġew negozjati fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u l-elettriku ta' konċessjoni għas-snin bejn l-1994 sal-2005 (Tabella 24 minn Statistics Norway f'dak iż-żmien, attwalment 23).

    Tabella 23

    Il-prezzijiet tal-provvista tal-elettriku li ġiet negozjata fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-elettriku ta' konċessjoni. 1994-2007. Øre/kWh  (22)

     

    1994

    1995

    1996

    1997

    1998

    1999

    2000

    2001

    2002

    2003

    2004

    2005

    2006

    2007

    Kuntratti bilaterali, total

    13,2

    14,4

    16

    17,1

    13,5

    13,2

    12,5

    14,7

    16,5

    21,9

    18,9

    19,1

    26,4

    24,1

    Kuntratti għal perjodu ta' sena

    11,9

    14,7

    17,2

    19,6

    15,1

    13,4

    12,5

    18,4

    20,5

    29,2

    23,8

    23,6

    36

    24,2

    Kuntratti għal perjodu bejn sena u ħames snin

    14,2

    15,6

    16,8

    18,7

    14,9

    15,6

    15,2

    13,6

    17,3

    21

    18,8

    18,5

    23,7

    31

    Kuntratti għal perjodu ta' aktar minn ħames snin

    13,5

    12,7

    14

    13,7

    11,2

    11

    10,7

    10,5

    10,4

    12,4

    12,4

    12,1

    20,6

    15,5

    In-negozju tal-elettriku fis-suq, total

    17,3

    12,3

    25,4

    14,2

    12,1

    11,7

    11

    19

    21,6

    30,8

    23,8

    24,7

    39,5

    24,3

    Prezzijiet immedjati

    18,2

    11,3

    25,4

    14,3

    12,1

    11,7

    11

    18,8

    21,6

    30,8

    24,9

    24,7

    39,6

    24,3

    Is-suq tar-regolament

    17,3

    14,8

    25,3

    13,6

    12,1

    11,8

    10,3

    19,1

    20,8

    30,5

    23,8

    24,3

    38,4

    24,4

    Elettriku ta' konċessjoni

    9,8

    9,4

    10,4

    10,9

    9,1

    10

    9,3

    10

    9,7

    8,7

    7,6

    7,5

    6,8

    7,6

    Din it-tabbella turi li l-prezz medju għal kull kWh f'kuntratti bilaterali ta' bejn sena u ħames snin, kien 13,6 øre fl-2001, u 17,3 øre fl-2002. Il-prezzijiet għal kuntratti għal iżjed minn ħames snin kienu 10,5 øre u 10,4 øre. L-Awtorità talbet informazzjoni minn Statistics Norway relatata mal-kuntratti, li fuqha huma bbażati l-istatistiki. Skont Statistics Norway, il-prezzijiet fit-tabella huma bbażati fuq kuntratti ta' bejgħ bl-ingrossa li qegħdin fis-seħħ fis-sena kkonċernata, li jinkludu kuntratti li saru qabel iżda li għadhom fis-seħħ. Barra minn hekk, il-kuntratti ma' utenti finali mhumiex inklużi f'din it-tabella (23) Statistics Norway taw ukoll spjegazzjoni teknika lill-awtoritajiet Norveġiżi dwar is-sett tad-dejta li qagħdu fuqu (24).

    L-Awtorità sabet ukoll statistiċi oħra mid-database ta' Statistics Norway li huma rilevanti, li jinkludu, b'mod partikolari, it-Tabella 7 “Medda ta' żmien li tkopri prezzijiet għal kull tliet xhur u għal kull sena fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, taxxi esklużi”:

    Tabella 7

    Medda ta' żmien li tkopri prezzijiet tal-elettriku għal kull tliet xhur u għal kull sena fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, taxxi esklużi  (25)

     

    1 2001

    2 2001

    2 2001

    4 2001

    1 2002

    2 2002

    3 2002

    4 2002

    1 2003

    2 2003

    3 2003

    4 2003

    Bejgħ tal-elettriku

    24,3

    17

    15,8

    16,1

    16,9

    13

    14,2

    25,6

    29,2

    20,7

    23,8

    25,4

    Kuntratti bi prezzijiet fissi, full time.

    13,7

    12,1

    13,6

    17,4

    16,1

    14,6

    12,6

    11,2

    23,7

    10,7

    10,9

    11,1

    Kuntratti bi prezzijiet fissi, free time.

    21,5

    19,8

    17,9

    17,8

    18,7

    15,9

    14,4

    20,6

    26,1

    22,1

    28,1

    24,4

    Aċċess għall-elettriku

    21,5

    15,8

    14,7

    15

    14,3

    11,5

    12,6

    22,6

    28,3

    21,1

    21,1

    21,9

    Kuntratti bi prezzijiet fissi ġodda (li saru fl-aħħar tliet xhur qabel il-ġimgħa tat-tkejjil)

    13,8

    15,6

    33,1


     

    1 2004

    2 2004

    3 2004

    4 2004

    1 2005

    2 2005

    3 2005

    4 2005

    1 2006

    2 2006

    3 2006

    4 2006

    Bejgħ tal-elettriku

    21,2

    19,2

    21,3

    19,9

    18,9

    23,4

    22,6

    21,6

    30,7

    25,5

    44,1

    38,2

    Kuntratti bi prezzijiet fissi, full time.

    17,8

    10,9

    16

    11

    12,1

    11,9

    11,1

    10,5

    10,7

    10,7

    10,5

    13,8

    Kuntratti bi prezzijiet fissi, free time.

    20,7

    21,5

    23,2

    20,7

    22,6

    21,6

    17,9

    20,3

    26,9

    21,9

    36,7

    33

    Aċċess għall-elettriku

    19,6

    17,3

    19,7

    19,1

    16,8

    22,8

    22

    18,6

    29

    26,2

    42,7

    36,7

    Kuntratti ta' prezzijiet fissi ġodda (li saru fl-aħħar tliet xhur qabel il-ġimgħa tat-tkejjl)

    25,5

    18,9

    23,2

    33,5

    Fuq il-bażi tal-kliem fil-kuntratt, (26) jidher li l-kuntratt bejn il-muniċipalità ta' Notodden u Becromal huwa dak li jissejjaħ “kuntratt full time”, jiġifieri kuntratt li jipprovdi ammont fiss ta' elettriku għal kull minuta għall-perjodu sħiħ kopert mill-kuntratt (27). Fir-rigward ta' kuntratti bi prezzijiet fissi, full time (ir-ringiera numru tnejn fit-tabella hawn fuq), il-prezz medju kien 12,1 øre/kWh fl-14 ta' Mejju 2001, jew 14,6 øre/kWh fl-10 ta' Mejju 2002.

    Barra minn hekk, l-aħħar ringiera fit-tabella turi l-prezzijiet f'kuntratti ġodda bi prezzijiet fissi, li saru fl-aħħar tliet xhur qabel il-ġimgħa ta' tqabbil. Dan juri li l-prezz għat-tieni kwart tal-2001 kien ta' 15,6 øre/kWh, filwaqt li l-prezz għat-tieni kwart tal-2002 jidher li mhuwiex magħruf. Dawn il-figuri jinkludu kuntratti full time u free time lkoll.

    L-Awtorità ġabret ukoll statistiċi minn Nord Pool. L-istatistiċi ta' Nord Pool juru l-prezz medju għal kull data f'kuntratti finanzjarji ta' sena, li ġew negozjati fuq l-iskambju tal-elettriku. Il-prezzijiet jirriflettu l-prezz f'kuntratti finanzjarji fid-data kkonċernata. Fl-14 ta' Mejju 2001, il-prezzijiet fit-tipi ta' kuntratti kkonċernati kienu 18,4 øre/kWh, 17,413 øre/kWh u17,75 øre/kWh (28)

    Fl-aħħar nett, l-organizzazzjoni Statistics Norway tipproduċi wkoll statistiċi dwar prezzijiet tal-elettriku għal utenti finali tal-elettriku (29) Madanakollu, l-Awtorità sabet li dawn l-istatistiċi ma tantx kienu rilevanti fir-rigward tal-kuntratt ikkonċernat, peress li l-prezzijiet applikati għall-industriji li jikkonsmaw l-elettriku b'mod intensiv, skont Statistics Norway, x'aktarx li jinkludu kuntratti fit-tul issussidjati mill-gvern li saru qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE. Għalhekk, dawn il-prezzijiet huma ħafna rħas mill-preżżijiet ta' bejgħ bl-ingrossa msemmijin hawn fuq (30)

    1.2.3.   Ir-relevanza tad-diversi statistiċi dwar il-prezzijiet biex bihom jiġi stabbilit l-prezz fis-suq fir-rigward tal-kuntratt ta' Becromal.

    Sabiex wieħed jiddentifika l-aktar dejta dwar il-prezzijiet kumparabbli, jinħtieġ li ssir eżaminazzjoni ddettaljata tal-kuntratt li sar bejn Notodden u Becromal.

    Il-kuntratt ġie ffirmat fl-10 ta' Mejju 2002, iżda għandu effett retroattiv mill-14 ta' Mejju 2001, meta nbdiet il-provvista tal-elettriku. Għalhekk, wieħed jiddubita kemm il-prezzijiet ta' riferiment rilevanti huma fil-fatt il-prezzijiet li kienu japplikaw fl-10 ta' Mejju 2002 jew dawk li kienu japplikaw fl-14 ta' Mejju 2001. Bħala punt ta' tluq, wieħed għandu jħares lejn id-data li fiha sar il-kuntratt, peress li huwa f'dak iż-żmien li l-partijiet, fuq il-bażi tal-iżvilupp mistenni tas-suq tal-ġejjieni, fasslu l-prezz u kundizzjonijiet oħra fil-kuntratt. Madanakollu, meta l-kuntratt għandu effett retroattiv, bħal ma hu l-każ hawnhekk, xi forma ta' ftehim impliċitu dwar il-prezz u kundizzjonijiet oħra fil-kuntratt kienu bilfors jeżistu, hekk kif inbdiet il-provvista tal-elettriku. Għalhekk, l-Awtorità ssib li mhux talli għandhom ikunu kkunsidrati l-prezzijiet relatati mad-data li fiha l-kuntratt ġie ffirmat, iżda jridu jkunu kkunsidrati wkoll it-tendenzi ġenerali tal-prezzijiet fiż-żmien meta nbdiet il-provvista u meta l-kuntratt ġie ffirmat.

    It-tnieni nett, wieħed għandu jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prezz ta' riferiment għandu, idejalment, ikun ibbażat fuq kuntratti li huma simili kemm bħala tip u kif ukoll bħala dewmien. Dan ifisser kuntratti bi prezzijiet fissi, full time fuq perjodu ta' madwar ħames snin. Barra minn hekk, il-prezz ta' riferiment għandu, preferibbilment, ikun ibbażat fuq statistiċi dwar kuntratti li saru bejn l-2001 u l-2002, u mhux dwar kuntratti li sempliċiment kienu fis-seħħ dak il-ħin.

    F'dan l-isfond, għandu, l-ewwelnett, ta' minn wieħed jinnota li l-prezzijiet ta' Nord Pool jidhru li huma inqas rilevanti peress li jirriflettu l-prezzijiet ta' kuntratti finanzjarji, ta' dewmien ta' sena. Kuntratti finanzjarji ma jsemmux volumi fiżiċi tal-elettriku iżda jiggarantixxu ċertu volumi tal-elettriku għax-xerrej bi prezz miftiehem minn qabel għal perjodu patikolari fil-ġejjieni. L-elettriku se jkollu jiġi fiżikament innegozjat fuq is-suq immedjat qabel ma l-kuntratt ikun ġie ffirmat. Kuntratti finanzjarji jsiru bħala miżura li tiggarantixxi prezz fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-elettriku tal-ġejjieni (31) Għalhekk, il-kundizzjonijiet li taħthom kuntratti bħal dawn huma negozjati huma differenti u għandhom jitqiesu bħala prodott differenti mill-kuntratt ikkonċernat, li jikkonċerna volum ta' elettriku fiżiku minn impjant partikolari. Għalhekk, hija fil-fehma tal-Awtorità li l-prezzijiet fis-suq finanzjarju mhumiex neċessarjament kumpatibbli b'mod dirett mal-prezz miftiehem bejn Becromal u l-muniċipalità ta' Notodden.

    Fir-rigward tat-Tabella 24 ta' hawn fuq, din turi l-prezzijiet fil-kuntratti kollha li kienu fis-seħħ fis-sena kkonċernata. L-istess huwa minnu fir-rigward tal-prezzijiet għal kuntratti full time fit-Tabella 7 (“Medda ta' Żmien li tkopri l-prezzijiet tal-enerġija tal-elettriku għal kull tliet xhur u għal kull sena fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, taxxi esklużi, øre kWh”). Idealment, il-prezz li tħallas minn Becromal għandu jitqabbel mal-prezzijiet fil-kuntratti li saru fl-2001, u mhux mal-prezzijiet fil-kuntratti kollha fis-seħħ f'dak iż-żmien. Madanakollu, dak it-tip ta' informazzjoni ma sarx disponibbli għall-Awtorità. Il-prezzijiet f'kuntratti ġodda bi prezzjiet fissi li saru f'dawn l-aħħar tliet xhur (l-aħħar ringiera tat-tabella 7) ma jirriflettux il-prezzijiet f'kuntratti ġodda. Dawk l-istatistiċi ma jagħmlux distinzjoni bejn kuntratti full time u dawk free time. Peress li l-prezzijiet f'kuntratti full time huma kkunsidrati, b'mod ġenerali, xi daqxejn irħas mill-prezzijiet f'kuntratti free time li jinsabu f'din it-tabbella, jidher li x'aktarx il-prezzijiet f'kuntratti ġodda kienu jkunu wkoll xi daqxejn irħas li kieku l-kuntratti full time kellhom jidhru b'mod separat. Barra minn hekk, jidher li Statistics Norway għad ma għandux dejta suffiċenti dwar il-prezzijiet għal dan it-tip ta' kuntratti mit-tielet kwart tal-2001 sat-tielet kwart tal-2003, peress li l-ebda prezz ma ġie inkluż fit-tabella, għal dan il-perjodu.

    Bħala konklużjoni, l-Awtorità ssib li l-ebda prezz uniku minn dawn l-istatistiċi huwa adattat biex bih jiġi stabbilit b'mod preċiż il-prezz fis-suq għal dan it-tip ta' kuntratt li sar fil-prattika dak il-ħin. Fl-istess ħin, il-prezzijiet f'kuntratti bilaterali ta' bejn sena u ħames snin (32) li jidhru fit-Tabella 24, il-prezzijiet f'kuntratti bi prezzijiet fissi, full-time li jidhru fit-Tabella 7 u l-prezzijiet f'kuntratti ġodda bi prezzijiet fissi fl-istess tabella jikkonċernaw l-istess tip ta' ftehimiet jew ftehimiet simili. Għalhekk, dawn huma rilevanti biex bihom ikun stabbilit il-prezz fis-suq fir-rigward tal-ftehim ma' Becromal. Jekk tinġabar flimkien, din dejta dwar il-prezzijiet tista' tipprovdi firxa tal-prezzijiet li, fil-fehma tal-Awtorità, tista' tagħti indikazzjoni utili tal-prezz fis-suq.

    Fit-Tabella 24, il-prezzijiet f'kuntratti ta' bejn sena u ħames snin li kienu fis-seħħ fl-2001 u fl-2002 kienu 13,6 øre/kWh u 17,3 øre/kWh, rispettivament. Għal kuntratti ta' iżjed minn ħames snin, il-prezzijiet kienu 10,5 øre/kWh u 10.4 øre/kWh. It-Tabella 7 turi li l-prezzijiet f'kuntratti bi prezzijiet fissi, full-time fis-seħħ fit-tieni kwart tal-2001 u l-2002, rispettivament, kienu 12,1 øre/kWh u 14,6 øre/kWh. Fl-aħħar nett, il-prezz f'kuntratti ġodda bi prezzijiet fissi li saru fit-tieni kwart tal-2001 kien ta' 15,6 øre/kWh. Dawn il-prezzijiet ivarjaw xi daqxejn, u bil-kemm jistgħu jiġu mqabbla ma' xulxin b'mod dirett. Iżda xorta waħda, milli jidher il-prezz fil-ftehim ma' Becromal, ta' 13,5 øre/kWh, jaqa' fi ħdan il-firxa tal-prezzijiet li tista' tkun stabbilita fuq il-bażi ta' din id-dejta dwar il-prezzijiet. Barra minn dan, milli jidher hemm ċertu grad ta' inċertezza fis-suq, meta wieħed iqis id-differenzi sinfikanti f'ċertu dejta dwar il-prezzijiet minn perjodu ta' tliet xhur għal ieħor (ara t-Tabella 7).

    Sabiex ikun stabbilit li l-prezz fil-kuntratt ta vantaġġ lil Becromal fi ħdan it-tifsira tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, l-Awtorità għandha ssib li l-prezz ivarja b'mod suffiċenti mill-prezz tas-suq stabbilit biex tali sejba tkun ġustifikata. (33) Kif deskritt hawn fuq, il-prezz preċiż fis-suq fir-rigward tal-kuntratt fiż-żmien meta ġie konkluż ma jistax jiġi stabbilit. Madanakollu, l-istampa ġenerali tal-prezzijiet matul il-perjodu rilevanti, u b'mod partikolari l-prezz f'kuntratti ta' bejgħ bl-ingrossa ta' bejn sena u ħames snin fl-2001 (13,6 øre/kWh, Tabella 23), il-prezz f'kuntratti bi prezzijiet fissi, full time għat-tieni kwart tal-2001 (12,1 øre/kWh, Tabella 7), u kuntratti ġodda bi prezzijiet fissi li saru fit-tieni kwart tal-2001 (15,6 øre/kWh, Table 7), tagħti indikazzjoni tajba tal-firxa tal-prezzijiet fis-suq. Barra minn hekk, kif instqarr hawn fuq, il-prezz f'kuntratti ta' iżjed minn ħames snin kien ta' 10,5 øre/kWh fl-2001. Fil-ftehim oriġinali, il-prezz miftiehem kien ta' 13,5 øre/kWh. Fid-dawl tat-tendenzi ġenerali fil-prezzijiet matul il-perjodu rilevanti, kif deskritt hawn fuq, u b'mod partikolari dawk il-prezzijiet li milli jidher jistgħu jitqabblu l-aktar, l-Awtorità tikkunsidra li l-prezz fil-kuntratt ma jidhirx li jvarja b'mod suffiċenti mill-prezz li x'akatarx irid jitħallas fis-suq biex tikkonkludi li l-kuntratt ta vantaġġ ekonomiku favur Becromal.

    Fir-rigward tal-ftehim dwar titwil, l-Awtorità tifhem li Klawżola 7 tal-ftehim oriġinali tagħti d-dritt legali lil Becromal biex ittawwal il-kuntratt mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007 taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-klawżola. Inkluża fil-ftehim oriġinali, il-klawżola ġiet konkluża u torbot fuq il-partijiet fl-2001/2002. Bħala alternattiva, il-partijiet setgħu jagħżlu li jidħlu għal kuntratt ta' sitt snin minflok ħamsa bi prezz ta' 13,5 øre/kWh. Jekk dan huwa l-każ, l-Awtorità ssib li l-prezz fil-perjodu ta' titwil għandu jiġi evalwat bħala parti mill-ftehim oriġinali; jiġifieri, b'referenza għall-prezz fis-suq fir-rigward ta' kuntratti bilaterali, fit-tul li saru fl-2001/2002. Kif ġie nnotat hawn fuq, il-prezzijiet fil-perjodu ta' titwil kienu 15,21 øre/kWh u 14,20 øre/kWh, skont l-istaġun. Peress li dawn il-prezzijiet huma ogħla mill-prezz oriġinali fil-kuntratt ta' 13,5 øre/kWh, mhumiex, dejjem skont l-argumenti ta' hawn fuq, differenti b'mod sinfikanti minn kwalunkwe firxa raġjonevoli fil-prezzijiet tas-suq, biex wieħed jasal għall-konklużjoni li vantaġġ ekonomiku huwa tassew preżenti.

    F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tikkonkludi li l-ftehim ma' Becromal ma jagħti l-ebda vantaġġ lil Becromal fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) EEA.

    2.   Konklużjoni

    Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni li bħalissa qiegħda għaddejja, l-Awtorità tikkunsidra li l-ftehim bejn il-munċipalità ta' Notodden u Becromal Norway AS għall-perjodu mill-14 ta' Mejju 2001 sal-31 ta' Marzu 2006, kif ukoll it-titwil tal-ftehim mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007, ma jikkostitwixxix għajuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tikkunsidra li l-kuntratt bejn Becromal Norway AS u l-Muniċipalità ta' Notodden fis-seħħ mill-14 ta' Mejju 2001 sal-31 ta' Marzu 2006, kif ukoll it-titwil tiegħu sal-31 ta' Marzu 2007, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

    Artikolu 3

    It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2009.

    Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

    Per SANDERUD

    President

    Kristján A. STEFÁNSSON

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Minn hawn' il-quddiem imsejħa l-Awtorità.

    (2)  Minn hawn' il quddiem imsejħa l-Ftehim taż-ŻEE.

    (3)  Minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Ftehim ta' Sorveljanza u tal-Qorti.

    (4)  Minn hawn 'il quddiem imsejjaħ Protokoll 3.

    (5)  ĠU C 96, 17.4.2008, p. 21 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 20, 17.4.2008 p. 36.

    (6)  ĠU C 96, 17.4.2008, p. 21 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 20, 17.4.2008 p. 36.

    (7)  Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu: “Il-liċenzja għandha tistipula li d-detentur tal-liċenzja għandu jerħi f'idejn il-kontei u l-muniċipalitajiet li fihom jinsab l-impjant għall-produzzjoni tal-elettriku, sa għaxra fil-mija taż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku mill-ilma li nkisbet għal kull kaskata, li ġiet ikkalkulata skont ir-regoli tas-sezzjoni 11, sottosezzjoni 1, cf. sezzjoni 2, it-tielet paragrafu. L-ammont li jintreħa u d-distribuzzjoni tiegħu għandhom ikunu determinati mill-Ministeru kkonċernat fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ġenerali għall-provvista tal-elettriku tal-kontea jew muniċipalità. Il-kontea u l-muniċipalità tista' tuża din il-provvista tal-elettriku kif tidrilha hi. […] Il-prezz tal-elettriku [fir-rigward tal-muniċipalità] għandu jitfassal fuq il-bażi tal-prezz medju ta' kampjun rappreżentattiv ta' elettriku li ġie prodott mill-ilma, imfassal mill-istazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku mill-ilma, madwar il-pajjiż kollu. It-taxxi kkalkolati fuq il-profitt mill-produzzjoni tal-elettriku, li jaqbżu r-rata ta' dħul normali mhumiex se jiġu inklużi fil-kalkolazzjoni ta' dan il-prezz. Kull sena, il-Ministeru għandu jfassal il-prezz tal-elettriku pprovdut mis-sottostazzjon li tittrasmetti l-elettriku prodott mill-istazzjon li jipproduċi l-elettriku. Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tielet sentenza ma japplikawx għal liċenzji validi li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att Nru 2 tal-10 ta' April 1959.” (Traduzzjoni mill-Ministeru Norveġiż għaż-Żejt u l-Enerġija.)

    (8)  “L-ispejjeż individwali” tal-impjant huma kkalkolati b'konformità mad-dispożizzjonijiet li japplikaw sal-1959. Taħt dawn id-dispożizzjonijiet, il-prezz individwali se jiġi kkalkolat billi l-ewwel jingħaddew l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-impjant ma' sitta fil-mija interessi fuq l-ispejjeż tal-bidu u profitt ta' għoxrin fil-mija, u l-ammont li jirriżulta jkun diviż biċ-ċifra tal-produzzjoni medja annwali matul il-perjodu 1970-1999. Ara hekk imsejjaħ KTV-Notat Nru 53/2001 tal-24 ta' Awwissu 2001, ġrajja Nru 455241

    (9)  KTV-Notat nr 53/2001, ikkwotat hawn fuq.

    (10)  Ara t-tweġiba tan-Norveġja għall-mistoqsija 4 fit-tieni talba għall-informazzjoni, Ġrajja Nru 449660

    (11)  Anness għall-Ġrajja Nru 449660.

    (12)  Anness għat-tweġiba tan-Norveġja tad-9 ta' Lulju 2007, Ġrajja Nru 428860.

    (13)  L-Awtorità ma tippossedix kopja ta' tali ftehim dwar titwil.

    (14)  Ġrajja Nru 521513, e-mail bid-data tal-11 ta' Ġunju 2009.

    (15)  Anness għat-tweġiba tan-Norveġja tad-9 ta' Lulju 2007, Ġrajja Nru 428860.

    (16)  Ara l-annessi għat-tweġiba tan-Norveġja tad-9 ta' Lulju 2007, Ġrajja Nru 428860.

    (17)  Ara t-tweġiba tan-Norveġja għat-tieni talba għal informazzjoni min-naħa tal-Awtorità, Ġrajja Nru Ġrajja 449660.

    (18)  Ara t-tabella aġġornata fuq http://www.ssb.no/english/subjects/10/08/10/elektrisitetaar_en/tab-2008-05-30-23-en.html

    (19)  Ara l-każijiet konġunti 67/85, 68/85 and 70/85 Kwekerij Gebroeders van der Kooy BV u oħrajn v Commission [1988] ECR 219, paragrafu 28.

    (20)  Ara spjegazzjonijiet ulterjuri fuq http://www.nordpoolspot.com/trading/The_Elspot_market/

    (21)  Ara, bħala analoġija, il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Applikazzjoni tad-Dispożizzjonijiet ta' Għajnuna mill-Istat fis-Settur tal-Manifattura, paragrafi 5(1) u 5(3).

    (22)  http://www.ssb.no/english/subjects/10/08/10/elektrisitetaar_en/tab-2009-05-28-23-en.html

    (23)  Ġrajja Nru 495870.

    (24)  Ġrajja Nru 503107, Redegjørelse SSB.

    (25)  Il-Kolonni u r-ringieri li jikkonċernaw l-aktar prezzijiet u perjodi taż-żmien relevanti biss huma inklużi hawnhekk. Il-verżjoni sħiħa tista' tinsab fuq http://www.ssb.no/english/subjects/10/08/10/elkraftpris_en/arkiv/tab-2009-04-06-07-en.html.

    (26)  Klawżola 2 tal-kuntratt tinqara: “il-volumi tal-elettriku għandhom jinxterrdu b'mod uniformi fuq kull sena sabiex, f'kwalunkwe mument ta' kull sena kalendarja, l-istess effett se jseħħ”

    (27)  Ġrajja Nru 521166, E-mail minn Statistics Norway bid-data tal-5 ta' Ġunju 2009 L-oppost ta' kuntratti full time huma kuntratti “free time”, jiġifieri kuntratti li permezz tagħhom l-utent jista' jagħżel kemm se jieħu elettriku għal kull mument ta' żmien.

    (28)  Ġrajjiet bin-numru 521164 u 521163.

    (29)  Ara tabella19 “Prezzjijiet medji mkejlin għall-elettriku u l-kiri tal-konnessjoni, mingħajr VAT. 1997-2007. Øre/kWh”, http://www.ssb.no/english/subjects/10/08/10/elektrisitetaar_en/tab-2009-05-28-19-en.html.

    (30)  Grajja nru 495870, e-mail minn Statistics Norway bid-data tat-8 ta' Ottubru 2008

    (31)  Il-karateristiċi bażiċi tas-suq finanzjarju tal-elettriku huma deskritti fuq il-websajts prinċipali ta' Nord Pool: http://www.nordpoolspot.com/en/PowerMaket/The-Nordic-model-for-a-liberalised-power-market/The-financial-market/.

    (32)  Inkluż il-ftehim ta' titwil, il-kuntratt huwa għal perjodu ta' kważi sitt snin. Madanakollu, l-Awtorità tassumi li l-kuntratt xorta waħda huwa aktar kumparabbli minn kuntratti oħra ta' bejn sena u ħames snin, peress li l-kuntratti kollha li huma għal perjodu ta' aktar minn ħames snin huma miġburin flimkien, li jinkludu kuntratti ta' dewmien twil ħafna (pe. ta' iżjed minn għoxrin sena.)

    (33)  Ara, bħala analoġija, id-dikjarazzjonijiet mill-Qorti tal-Ewwel Istanza f'każijiet li jappartjenu għall-bejgħ ta' proprjetà immobbli. Każ T-274/01 Valmont, [2004] ECR II-3145, paragrafu 45 u l-Każijiet konġunti T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Diputación Foral de Alava,[2002] ECR II-1275, paragrafu 85. (ma sar l-ebda appell dwar dan il-punt).


    Top