Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0719

    Kawża C-719/21 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2021 minn Frédéric Jouvin mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-26 ta’ April 2021 fil-Kawża T-472/20 u T-472/20 AJ II, Jouvin vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 64, 7.2.2022, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 64/22


    Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2021 minn Frédéric Jouvin mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-26 ta’ April 2021 fil-Kawża T-472/20 u T-472/20 AJ II, Jouvin vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-719/21 P)

    (2022/C 64/34)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellant: Frédéric Jouvin (rappreżentant: L. Bôle-Richard, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ April 2021 fil-Kawża T-472/20 u T-472/20 AJ II, Jouvin vs Il-Kummissjoni, sa fejn jiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt;

    tilqa’ t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza u tibgħat lura l-fajl lill-Kummissjoni;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq kwalifika manifestament żbaljata tal-fatti magħmulha mill-Qorti Ġenerali, fuq żball tal-Qorti Ġenerali fil-konstatazzjoni tal-kontenut ta’ prova u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ. Skont ir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi billi tagħmel kwalifika legali żbaljata tal-fatti mressqa għall-kunsiderazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ssostni fil-fatt li n-numru għoli ta’ kontrafatturi ma jikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward l-assenza ta’ prova ta’ kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment tar-rikorrent. Issa, il-konstatazzjoni tan-numru għoli u esponenzjali ta’ kontrafatturi ma huwiex intiż li juri l-eżistenza ta’ kollużjoni, iżda jidher bħala konsegwenza ta’ dan tal-aħħar.

    Il-prova ta’ din il-kollużjoni tressqet mill-appellant li wera li l-impriżi li pparteċipaw fix-xogħlijiet ta’ normalizzazzjoni kienu ġew ikkuntattjati minn qabel sabiex jingħataw liċenzji fuq il-portafoll ta’ privattivi tiegħu. Wara li fallew in-negozzjati, l-impriżi kollha kkuntattjati pparteċipaw fix-xogħlijiet ta’ normalizzazzjoni mal-ISO u ebda waħda minnhom ma ssoddisfatt l-obbligi ta’ dikjarazzjoni tal-konoxxenza tal-privattivi kollha li jistgħu jkunu marbuta mal-istandard li kien qiegħed jiġi żviluppat. Dawn l-elementi jikkostitwixxi ksur tal-kollużjoni li wasslet għaż-żieda esponenzjali tan-numru ta’ kontrofatturi.

    L-appellant jinvoka wkoll il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ prova meħtieġ mill-Kummissjoni u wara mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tagħha sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-impriża msemmija.

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fatti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argumenti tal-appellant dwar tqassim ta’ swieq ma tqajmux matul il-proċedimenti amministrattivi. Madankollu, l-appellant effettivament qajjem dan l-argument matul il-proċedimenti amministrattivi, f’ittra tal-15 ta’ Mejju 2018 mibgħuta lill-Kummissjoni, jiġifieri iktar minn sentejn qabel id-deċiżjoni finali ta’ din tal-aħħar li tiċħad l-ilment tal-appellant. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata l-kontenut reali ta’ element ta’ prova mressaq quddiemha.

    Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fil-konstatazzjoni tal-kontenut ta’ prova. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-appellant jitlobha essenzjalment tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-appellant isostni li l-Kummissjoni billi evalwat fil-valur ġust tagħhom il-provi li kienu tressqu quddiemha matul il-proċedimenti amministrattivi, setgħet biss tikkonstata li kien hemm kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment u konsegwentement ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni sostnuta mill-appellant, l-appellant illimita ruħu fir-rikors tiegħu sabiex jiżviluppa l-argumenti diġà proposti fil-proċedimenti amministrattivi u sabiex jesponi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti mressqa mill-appellant. Billi sostniet li l-appellant ma ressaq ebda argument li jirrigwarda d-deċiżjoni manifestament ikkontestata, il-Qorti Ġenerali tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta l-argumenti kollha tal-appellant kienu intiżi sabiex juru l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

    Fir-rigward tal-karatterizzazzjoni ta’ kollużjoni, l-appellant jakkuża wkoll lill-Kummissjoni bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fl-ebda każ l-appellant ma talab lill-Qorti Ġenerali tikkonstata direttament ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda pjuttost li tikkonstata li l-analiżi tal-fatti mressqa quddiem il-Kummissjoni kellha twassal inkontestabbilment lil din tal-aħħar sabiex tikkonstata hija stess ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u ksur ċar tar-rakkomandazzjonijiet tagħha stess.


    Top