Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0537

Kawża C-537/21 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2021 minn PL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-586/19, PL vs Il-Kummissjoni

ĠU C 64, 7.2.2022, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/9


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2021 minn PL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-586/19, PL vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-537/21 P)

(2022/C 64/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: PL (rappreżentant: N. de Montigny, avocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

Tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

Tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tagħha, l-appellanti tqajjem, essenzjalment, l-aggravji u l-argumenti li ġejjin:

1.

Dwar ir-rifjut tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament:

Il-kelma “whistleblower”, użata mill-Qorti Ġenerali, ma tinsabx fir-Regolamenti tal-Persunal u timplika evalwazzjoni ppreġudikata u negattiva.

Billi qieset indispensabbli li tiġi stabbilita rabta bejn l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni kkontestat u d-denunzji li r-rikorrenti għamlet quddiem l-OLAF, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kkontradixxiet it-tagħlim li joħroġ mill-Kawża T-689/16.

Il-Qorti Ġenerali fehmet b’mod żbaljat il-kontenut tal-annessi tal-proċess kif ukoll il-portata tal-protezzjoni marbuta mal-istatus ta’ informatur u illegalment qalbet l-oneru tal-obbligi u tal-prova.

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi u ddeċidiet ultra petita meta ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx talbet lis-segretarju ġenerali jassumi r-rwol ta’ evalwatur tal-appell u lanqas talbet li l-Kumitat tar-Rapporti jiltaqa’.

2.

Dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament:

Il-Qorti Ġenerali illegalment iddeċidiet li huwa ammissibbli u affidabbli l-Anness D.7 prodott mill-Kummissjoni.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u ddeċidiet ultra petita meta kkritikat lir-rikorrenti li ma kkontestatx in-nomina ta’ F bħala evalwatur matul l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni. Hija kisret ukoll it-termini tal-Artikolu 3(3) tad-DĠI.

Huwa kuntrarju għall-elementi inklużi fil-proċess li l-Qorti Ġenerali qieset li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt kienet biss allegata filwaqt li din ma kinitx ikkontestata.

Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kinitx uriet li, mingħajr l-irregolarità ddenunzjata, l-evalwazzjoni setgħet kienet differenti.

3.

Fuq ir-rifjut tat-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors għal annullament:

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi l-kwistjoni tal-ammissibbiltà u tal-affidabbiltà tal-Anness D.7 filwaqt li hija bbażat ruħha fuq dan l-anness.

Il-Qorti Ġenerali fehmet b’mod ħażin il-protezzjoni mogħtija lill-istatus ta’ informatur u naqset milli tivverifika l-eżistenza ta’ parzjalità suġġettiva li tivvizzja l-proċedura ta’ evalwazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet minn qabel id-deċiżjoni potenzjali ta’ sentenza għal annullament u ddeċidiet ultra petita. Hija kisret ukoll il-prinċipju tal-kontradittorju.

Il-Qorti Ġenerali applikat ukoll b’mod żbaljat id-DĠI dwar l-evalwazzjoni.

4.

Dwar ir-rifjut tal-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors għal annullament:

Billi ddeċidiet li r-rapport kien ġie stabbilit fuq elementi preċiżi, affidabbli u vverifikati, il-Qorti Ġenerali fehmet b’mod żbaljat l-elementi fattwali u d-dokumenti prodotti mill-partijiet. Barra minn hekk, hija imponiet kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-motiv illegali u kisret ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ assenzi twal. Fl-aħħar nett, hija astjeniet illegalment milli tanalizza s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fuq il-mertu.

5.

Fuq ir-rifjut tat-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors għal annullament:

Il-Qorti Ġenerali fehmet b’mod żbaljat ir-regoli fil-qasam ta’ amministrazzjoni tal-prova u kisret il-prinċipju tal-kontradittorju u d-drittijiet tad-difiża.


Top