EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0319

Kawża T-319/19: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2019 — Gollnisch vs Il-Parlament

ĠU C 255, 29.7.2019, p. 45–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/45


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2019 — Gollnisch vs Il-Parlament

(Kawża T-319/19)

(2019/C 255/58)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bruno Gollnisch (Villiers-le-Mahieu, Franza) (rappreżentant: B. Bonnefoy-Claudet, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018, flimkien mad-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2019 tal-President tal-Parlament Ewropew li tiċħad l-appell intern ippreżentat quddiemu kontra din id-deċiżjoni;

tiddikjara invalidi l-atti, l-emendi, in-notifiki, id-deċiżjonijiet u l-imposti kollha adottati b’konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni;

tagħti lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 6 500 fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-preparazzjoni ta’ dan ir-rikors;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27 tal-Istatut tal-Membri. Din id-dispożizzjoni timpedixxi lill-Bureau jippreġudika d-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu mill-parlamentari.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(3) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri. Skont ir-rikorrent, l-Artikolu 27 iċċitat iktar ’il fuq tal-Istatut tal-Membri għandu l-effett li jiggarantixxi d-dispożizzjonijiet kollha tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri relatati mal-fond ta’ pensjoni, filwaqt li jimpedixxi kull bidla fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 223(2) TUE u fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bureau, inkwantu l-Bureau stabbilixxa taxxa fuq il-ħlas tal-pensjonijiet tal-ex membri li huwa ma kellux id-dritt jistabbilixxi, peress li kull deċiżjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-parlamentari taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. L-att ikkontestat ittieħed bi ksur ta’ impenji u ta’ testi li jikkostitwixxu assigurazzjonijiet u garanziji affidabbli li mhux ser isiru iktar bidliet għall-iskema tal-fond ta’ pensjoni volontarja.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Parlament, l-uniku responsabbli għas-sitwazzjoni finanzjarja maħluqa, adotta miżuri insuffiċjenti u inġusti taħt l-iskuża li jsolviha.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Id-deċiżjoni kkontestata toħloq inugwaljanza fit-trattament bejn il-membri li jħallsu kontribuzzjonijiet u l-membri li ma jħallsux kontribuzzjonijiet, kif ukoll bejn il-membri diġà rtirati u dawk li ma humiex.


Top