Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0400

    Kawża C-400/19: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2019 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    ĠU C 255, 29.7.2019, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/25


    Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2019 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    (Kawża C-400/19)

    (2019/C 255/34)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Sipos, A. Lewis u E. Manhaeve, aġenti)

    Konvenuta: L-Ungerija

    Talbiet

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li billi llimitat l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u tal-ikel, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(u) tal-mezőgazdasági és élelmiszeripari termékek vonatkozásában a beszállítókkal szemben alkalmazott tisztességtelen forgalmazói magatartás tilalmáról szóló, 2009. évi XCV. Törvény (il-Liġi XCV tal-2009 li tipprojbixxi prattiki kummerċjali żleali minn fornituri fir-rigward ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (1).

    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Liġi XCV tal-2009 li tipprojbixxi prattiki kummerċjali żleali minn fornituri fir-rigward ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel (iktar ’il quddiem it-“Tfmtv”) introduċiet dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur b’rabta mal-iffissar tal-prezzijiet bl-imnut tal-prodotti inkwistjoni.

    Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 3(2)(u) tat-Tfmtv ma jagħmilx riferiment għall-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u tal-ikel iżda biss għall-modalitajiet ta’ bejgħ tagħhom, fejn għalhekk għandha titqies bħala dispożizzjoni li tirreferi għal modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, Kawżi magħquda C-267/91 u C-268/91, EU:C:1993:905). Fl-analiżi tal-effetti ta’ din il-miżura, jista’ jiġi kkonstatat li din hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq il-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, fil-verità l-Artikolu 3(2)(u) tat-Tfmtv ma jaffettwax bl-istess mod il-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali u importati, u la huwa miżura adegwata u lanqas proporzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe għan leġittimu marbut magħha.


    (1)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671 u r-rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261 u fil-ĠU 2016, L 130, p. 8).


    Top