Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0201

    Kawża T-201/17: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2017 – Printeos vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 168, 29.5.2017, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 168/30


    Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2017 – Printeos vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-201/17)

    (2017/C 168/39)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Printeos, SA (Alcalá de Henares, Spanja) (rappreżentanti: H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    li, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, u, sussidjarjament, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266, l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’:

    (a)

    kumpens pekunjarju li l-ammont tiegħu jkun jikkorrispondi għall-interessi kumpensatorji fuq is-somma ta’ EUR 4 729 000 bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, biż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali, għall-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Frar 2017, li jwassal għall-ammont ta’ EUR 184 592,95, jew, inkella, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa; u

    (b)

    l-interessi moratorji fuq l-ammont tal-interessi kumpensatorji li jirriżultaw mill-punt preċedenti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2017 u d-data tal-ħlas effettiv mill-Kummissjoni tal-ammont mitlub fil-punt preċedenti b’eżekuzzjoni ta’ possibbli sentenza li tilqa’ dan ir-rikors, bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, biż-żieda ta’ tliet punti perċentwali, jew, inkella, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

    li sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2017, li tikkonsisti fir-rimbors biss tal-ammont prinċipali tal-multa mħallsa indebitament mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni “Envelops” bl-esklużjoni tal-interessi.

    li, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    F’din il-proċedura, ir-rikorrenti qegħda tippreżenta, prinċipalment, rikors għad-danni, bil-għan li jingħatalha kumpens pekunjarju ekwivalenti għall-interessi li l-Kummissjoni kellha tħallasha meta rrimborsatha l-ammont prinċipali tal-multa mħallsa indebitament b’eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni envelops”), wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2016, fil-Kawża T-95/15, Printeos S.A. et vs Il-Kummissjoni (iktar 'il quddiem is-“sentenza Printeos”). Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Jannar 2017, li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba tagħha għall-ħlas tal-imsemmija interessi.

    1.

    Insostenn tar-rikors għad-danni tagħha, ir-rikorrenti tallega li t-talba għal kumpens pekunjarju hija bbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni eżegwiet b’mod inkomplet l-imsemmija sentenza “Printeos”, meta naqset milli tħallasha l-interessi korrispondenti; jew, sussidjarjament, fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għad-dannu kkawżat mid-Deċiżjoni “Envelops” u l-eżekuzzjoni mhux kompluta tas-sentenza “Printeos”.

    F’dan ir-rigward hija ssostni li l-aġir illegali tal-Kummissjoni kien nieqes minn bażi legali għaliex ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), li bbażat ruħha fuqu l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ Jannar 2017, kien diġà ġie mħassar, u għaliex ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012 L 362, p. 1) għandu jitqies kuntrarju għall-Artikoli 266 u 340 TFUE u l-Artikoli 41(3) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    Insostenn tar-rikors għal annullament sussidjarju tagħha, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2017 hija bbażata fuq bażi legali li kienet ġiet imħassra, li ma kinitx applikabbli u li, fi kwalunkwe każ, kellha titqies illegali, filwaqt li tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità f’dan ir-rigward.


    Top