Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0297

    Kawża C-297/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Mejju 2017 – Bashar Ibrahim vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    ĠU C 309, 18.9.2017, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 309/20


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Mejju 2017 – Bashar Ibrahim vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (Kawża C-297/17)

    (2017/C 309/26)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesverwaltungsgericht

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Bashar Ibrahim

    Konvenuta: Ir Repubblika Federali tal Ġermanja

    Domandi preliminari

    1.

    Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE (1) tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fejn, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni, li hija iktar wiesgħa minn dik mogħtija preċedentement fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta l-applikant ingħata protezzjoni sussidjarja fl Stat Membru ieħor, sa fejn, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għall-applikazzjonijiet imressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015?

    Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jimplementaw l-awtorizzazzjoni iktar wiesgħa fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE b’mod retroattiv, sabiex anki l-applikazzjonijiet għall-ażil issottomessi qabel it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dik l-awtorizzazzjoni usa’, iżda li ma kinux għadhom ġew maqtugħa definittivament fil-mument tat-traspożizzjoni, huma inammissibbli?

    2.

    L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jagħżlu li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli għaliex taqa’ taħt responsabbiltà internazzjonali oħra (Regolament ta’ Dublin) jew taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE?

    3.

    Fil-każ li r-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv: id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba protezzjoni sussidjarja li ngħatat minn Stat Membru ieħor, meta

    a)

    l-applikant jitlob it-tisħiħ tal-protezzjoni sussidjarja li ngħatatlu fi Stat Membru ieħor (rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat) u li l-proċedura ta’ ażil fl-Istat Membru l-ieħor kienet u għada vvizzjata minn nuqqasijiet sistemiċi,

    b)

    il-mekkaniżmu tal-protezzjoni internazzjonali, u speċifikament il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, fl-Istat Membru l-ieħor li jkun diġà ta lill-applikant protezzjoni sussidjarja

    jikser l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 3 tal-KEDB, jew

    ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 et seq tad-Direttiva 2011/95/UE, iżda mingħajr ma jikser l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 3 tal-KEDB?

    4.

    Fil-każ li r-risposta għad-domanda 3(b) tkun fl-affermattiv, dan japplika wkoll meta l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ma jirċievu l-ebda allowance għall-għajxien, jew f’livell nettament inqas meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jkunu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni?

    5.

    Fil-każ li r-risposta għad-domanda 2 tkun fin-negattiv:

    a)

    Ir-Regolament Dublin III japplika fi proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet issottomessa qabel l-1 ta’ Jannar 2014, iżda t-talba għat-teħid lura tkun ġiet issottomessa wara din id-data u l-applikant ikun diġà kiseb qabel (fi Frar 2013) protezzjoni sussidjarja fl-Istat Membru mitlub?

    b)

    Ir-Regolamenti Dublin jġibu magħhom trasferiment – impliċitu – tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li jitlob għat-teħid lura ta’ applikant, meta l-Istat Membru resposabbli mitlub ikun ċaħad it-talba għat-teħid lura, imressqa fit-terminu previst, skont id-dispożizzjonijiet ta’ Dublin u minflok invoka ftehim internazzjonali ta’ riammissjoni?


    (1)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60).


    Top