EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0703

Kawża T-703/14: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Ottubru 2014 – Diktyo Amyntikon Biomichanion Net vs Il-Kummissjoni

ĠU C 448, 15.12.2014, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 448/30


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2014 – Diktyo Amyntikon Biomichanion Net vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-703/14)

(2014/C 448/39)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Diktyo Amyntikon Biomichanion Net (Kaisariani, il-Greċja) (rappreżentant: K. Damis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna perizja, sabiex jiġu eżaminati l-allegati riżultati tar-rapport ta’ awditu tal-kumpannija ta’ awditu KPMG AG, li b’riferiment għalih il-Kummissjoni Ewropea bi żball u illegalment irrikonoxxiet li hemm “nuqqas ta’ prova alternattiva biex tiġi kkonfermata t-talba tal-ispejjeż tal-persunal”. Dan il-fattur huwa kruċjali għall-eżitu tal-kawża, peress li l-ispejjeż tal-persunal jinkorporaw l-ispejjeż indiretti kollha. Ir-rikorrenti tenfasizza li r-rapport ta’ awditu tal-KPMG AB, li fir-rigward tiegħu DABNET AEBE ssottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub u talba għal eżami mill-ġdid billi pprovdiet provi konklużivi, ġie aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea mingħajr motivazzjoni suffiċjenti jew mingħajr risposta fir-rigward tal-prova; u

tirrikonoxxi, min-naħa, li n-nota ta’ debitu Nru 3241409008, li ntbagħtet lir-rikorrenti fil-31/07/2014 u li talbet il-ħlas mill-ġdid ta’ EUR 64  574,73, fir-rigward tal-ftehim dwar il-proġett FP7-SME-2007-222303 “FIREROB” fuq il-bażi tal-awditu 12-ΒΑ176-003, jikser l-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni u huwa bla bażi, u min-naħa l-oħra, li l-ispejjeż li r-rikorrenti ssottomettiet fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni huma spejjeż eliġibbli u, konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata toħriġ nota ta’ kreditu ta’ EUR 64  574,73.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq klawżola ta’ arbitraġġ. Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-provi prodotti juru bi sħiħ l-impjieg tal-impjegati tar-rikorrenti fil-proġett “FIREROB”; fit-tieni lok, fl-ebda punt tar-rapport ta’ awditu ma hemm imsemmi li l-persunal tar-rikorrenti ma wettaqx ix-xogħol li sar fil-kuntest tal-ftehim “FIREROB” jew li l-informazzjoni falza ġiet ipprovduta mir-rikorrenti, u fit-tielet lok, li r-rikorrenti impenja ruħu li joffri persunal għal 12.2-il persuna/xahar u li r-rikorrenti pprovdiet kumplessivament 21.92-il persuna/xahar mingħajr ma talbet li temenda l-baġit miftiehem.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq abbuż ta’ dritt. Ir-rikorrenti ssostni li t-talba tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura tas-somma ta’ EUR 64  574,73, jiġifieri somma li hija kważi ħames darbiet ikbar mis-sussidju dirett tar-rikorrenti (EUR 13  474,00) għal xogħol li twettaq b’mod effiċjenti mir-rikorrenti, hija sproporzjonata u tikser il-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti ssostni li ma ngħatatx id-dritt legali li tissottometti oġġezzjonijiet leġittimi direttament lill-awditur appuntat mill-Kummissjoni Ewropea u li tikkjarifika l-argumenti infondati tal-awtur tal-abbozz tar-rapport ta’ awditu.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti ssostni li l-klawżola II.24(1) tal-Anness II tal-kuntratt “FIREROB”, tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li ma titlobx il-ħlas għal dannu, peress li r-rikorrenti pproduċiet xogħol li ġie evalwat b’mod pożittiv u li, skont ir-Rapport Tekniku tal-Kummissjoni Ewropea, inkisbu riżultati xjentifiċi ta’ livell għoli ħafna.


Top