Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0678

    Kawża T-678/414: Rikors ippreżentat fit- 22 ta’ Settembru 2014 – Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 448, 15.12.2014, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 448/27


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-678/414)

    (2014/C 448/36)

    Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Slovakka (rappreżentant: B. Ricziová, bħala aġent)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fl-ittra tal-15 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Slovakka li tagħmel disponibbli l-ammont li jikkorrispondu għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

    Skont ir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li taġixxi hekk kif għamlet fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li wara l-kwantifikazzjoni tal-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali fil-forma ta’ dazji ta’ importazzjoni mhux miġbura, tordna lil Stat Membru, li ma kienx responsabbli għall-kalkolu t għall-ġbir ta’ dawn id-dazji, li tagħmel disponibbli lill-Kummissjoni l-ammont iffissat minnha, li fil-fehma tal-Kummissjoni, jikkorrispondu għal-allegat telf.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur taċ-ċertezza legali

    Anki jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata (quod non), ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li hija, f’dan il-każ, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, l-obbligu li d-deċiżjoni kkontestata timponi fuq ir-Repubblika Slovakka ma kienx raġonevolment prevedibbli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq eżerċizzju irregolari tal-kompetenza tal-Kummissjoni

    Anki jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni, hija aġixxiet b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (quod non), ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha b’mod regolari. Minn naħa, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li tirrikjedi mingħand ir-Repubblika Slovakka l-ammont inkwistjoni minkejja l-fatt li ma kien hemm l-ebda telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali jew li dan it-telf ma mhuwiex ir-riżultat dirett tal-avvenimenti li l-Kummissjoni tattribwixxi lir-Repubblika Slovakka. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha diversi nuqqasijiet li jiġġustifikaw li tiġi kkunsidrata insuffiċjenti, li jikkostitwixxi l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u li jmur kontra r-rekwiżit ta’ ċertezza legali. Ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma indikatx l-bażi legali għad-deċiżjoni tagħha. Hija lanqas ma identifikat l-oriġini u l-fondatezza ta’ wħud mill-konklużjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’ċerti aspetti, ma hijiex ċara.


    Top