Ovaj je dokument isječak s web-mjesta EUR-Lex
Dokument 62011TN0299
Case T-299/11: Action brought on 6 June 2011 — European Dynamics Luxembourg and Others/OHIM
Kawża T-299/11: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Ġunju 2011 — European Dynamics Luxembourg et vs UASI
Kawża T-299/11: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Ġunju 2011 — European Dynamics Luxembourg et vs UASI
ĠU C 232, 6.8.2011., str. 37–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 232/37 |
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011 — European Dynamics Luxembourg et vs UASI
(Kawża T-299/11)
(2011/C 232/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu), Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) u European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: N. Korogiannakis and M. Dermitzakis, avukati)
Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-UASI li tagħżel l-offerta magħmula mir-rikorrenti għas-sejħa għal offerti miftuħa Nru AO/021/10 għal “Provvista ta’ servizzi esterni li jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ programmi u proġetti kif ukoll pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika (PMTC)” bħala t-tielet kuntrattur fis-sistema kaskata (cascade mechanism), kif innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2011, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha tal-UASI relatati mad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq, inklużi dawk li jagħtu l-kuntratt lill-ewwel u lit-tieni kuntratturi fil-kaskata; |
— |
tordna lill-UASI jħallas id-danni sostnuti mir-rikorrenti minħabba l-proċeduri tas-sejħa għal offerti inkwistjoni li jammontaw għal EUR 6 500 000; |
— |
barra minn hekk, tordna lill-UASI jħallas id-danni sostnuti mir-rikorrenti minħabba t-telf ta’ opportunità u d-danni għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħhom għall-ammont ta’ EUR 650 000; |
— |
tordna lill-UASI jħallas l-ispejjeż legali u spejjeż oħra tar-rikorrenti marbuta ma’ dan ir-rikors, anki f’każ li dan ir-rikors jiġi miċħud. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
(1) |
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 (1). Ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba r-rifjut li tingħata ġustifikazzjoni suffiċjenti jew spjegazzjoni lir-rikorrenti u minħabba l-oġġezzjoni li tingħata informazzjoni dwar il-merti tal-offerenti magħżula. |
(2) |
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti billi matul l-evalwazzjoni itteħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti li ma humiex imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti. |
(3) |
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti u kummenti vagi u mhux sostanzjati tal-kumitat tal-evalwazzjoni. |
(4) |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq trattament diskriminatorju tal-offerenti, nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ esklużjoni tal-offerenti magħżula, ksur tal-Artikoli 93(1)(f); 94 u 96 tar-Regolament Nru 1605/2002 u tal-Artikolu 133(a) u 134(b) tar-Regolament Nru 2343/2002 (2) kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Skont ir-rikorrenti, it-tieni offerent magħżul kellu jiġi eskluż. |
(1) Regolament tal-Kunsilll (KE, Euratom), Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).