Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0205

    Kawża C-205/11 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ April 2011 minn Fédération Internationale de Football Association (FIFA) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas- 17 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-68/08: Fédération Internationale de Football Association (FIFA) vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 232, 6.8.2011, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 232/13


    Appell ippreżentat fis-27 ta’ April 2011 minn Fédération Internationale de Football Association (FIFA) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-17 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-68/08: Fédération Internationale de Football Association (FIFA) vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-205/11 P)

    (2011/C 232/22)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Fédération internationale de football association (FIFA) (rappreżentanti: A. Barav, u D. Reymond, avukati)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    Talbiet tal-appellanti

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fis-17 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-68/08 fir-rigward tal-ammissibbiltà;

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fis-17 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-68/08 fir-rigward tal-mertu, sa fejn din tapprova l-inklużjoni ta’ partiti “mhux ta’ importanza primarja” tal-FIFA World Cup™ (Tazza tad-Dinja tal-FIFA) fil-lista ta’ avvenimenti tar-Renju Unit “ta’ importanza kbira għas-soċjetà” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva;

    tagħti deċiżjoni finali skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-FIFA li jirriżultaw mill-proċeduri fl-ewwel istanza u minn dan l-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    (1)   Żball ta’ liġi, ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE (1) kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE (2) u tad-dritt tal-Unjoni, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE (eċċess tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju, raġunament kontradittorju, introduzzjoni ta’ motivi mhux imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kategorizzazzjoni tal-FIFA World Cup™ u wasla għal konklużjonijiet legali żbaljati minnhom, inverżjoni tal-oneru tal-prova)

    L-appellanti tikkontendi li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi bbażat fuq motivi li ma jinstabux fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (3) sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni korettament ikkaratterizzat it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA bħala “min-natura tagħha, avveniment waħdieni” għall-għanijiet tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, billi bbażat fuq motivi kontradittorji u inkonsistenti, meta kkonstatat li ebda motivi speċifiċi ma għandhom jingħataw mill-Istati Membri biex jinkludu l-FIFA World Cup™ kollha fil-listi tagħhom ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira, u billi invertiet l-oneru tal-prova.

    (2)   Żball ta’ liġi, ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE (il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li l-lista tal-miżuri tar-Renju Unit kienet redatta “b’mod ċar u trasparenti”).

    L-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi kkonstatat li l-Kummissjoni legalment ikkunsidrat li l-lista ta’ avvenimenti tar-Renju Unit kienet redatta “b’mod ċar u trasparenti”, kif preskritt fid-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, minkejja l-fatt li l-inklużjoni tal- FIFA World Cup™ kollha f’dik il-lista kienet ġiet deċiża kontra parir kuntrarju unanimu u li din kienet ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, inter alia, abbażi ta’ motivi li ma kinux jeżistu fid-data li fiha din il-lista kienet redatta.

    (3)   Żball ta’ liġi, ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE, ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (karatterizzazzjoni żbaljata tal-FIFA World Cup™, eċċess tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju, ibbażar fuq kunsiderazzjonjiet li ma jinstabux fid-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti relatati ma’ partiti “mhux ta’ importanza primarja” u wasla għal konklużjonijiet legali żbaljati minnhom, konstatazzjoni li l-motivi mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjenti, nuqqas li tindirizza argumenti mqajma)

    L-appellanti tisħaq li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi kkonstatat li l-Kummissjoni legalment ikkonstatat u tat motivi suffiċjenti għall-konstatazzjoni tagħha li l-FIFA World Cup™ kollha hija avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u siltet konklużjonjiet legali żbaljati mill-fatti billi qablet mal-konstatazzjonijiet mhux motivati tal-Kummissjoni li l- FIFA World Cup™ kollha għandha “riżonanza ġenerali speċjali fir-Renju Unit”, li tradizzjonalment din ġiet imxandra fuq televiżjoni bla ħlas u li ġibdet lejha udjenzi kbar.

    (4)   Żball ta’ liġi, ksur tad-dritt tal-Unjoni, ksur tal-Artikolu 3a(1) u (2) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE, ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (nuqqas ta’ osservanza tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, billi kkonstatat li l-Kummissjoni korrettament ikkonstatat u tat motivi suffiċjenti għall-konstatazzjoni tagħha li l-miżuri nnotifikati tar-Renju Unit huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li r-restrizzjonijiet li dawn jinvolvu huma proporzjonati, interpretazzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt għal informazzjoni u tal-interess pubbliku għal aċċess wiesa’ għal avvenimenti mxandra ta’ importanza kbira għas-soċjetà).

    Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet:

    L-ewwel parti:: L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi kkunsidrat li l-Kummissjoni legalment ikkonstatat li l-miżuri nnotifikati tar-Renju Unit kienu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għalkemm ir-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ stabbiliment ma kinux indirizzati fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni wkoll billi kkunsidrat li r-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ stabbiliment kienu proporzjonati u billi kkunsidrat li l-Kummissjoni legalment ikkonstatat, u li tat motivi suffiċjenti għal-kunsiderazzjoni tagħha, li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kienu proporzjonati.

    It-tieni parti: L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi kkunsidrat li l-Kummissjoni legalment kkonstatat li l-miżuri nnotifikati tar-Renju Unit kienu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għalkemm ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ proprjetà tal-FIFA ma kinux indirizzati fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll id-dritt tal-Unjoni billi kkunsidrat li r-restrizzjonijiet għad-dritt tal-FIFA għal proprjetà kienu proporzjonati.

    It-tielet parti: L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi kkunsidrat li l-Kummissjoni legalment ikkonstatat, u li tat motivi suffiċjenti għall-konstatazzjoni tagħha, li l-miżuri nnotifikati tar-Renju Unit huma kompatabbli mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, abbażi tal-fatt li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kienu ġġustifikati. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll id-dritt tal-Unjoni billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex neċessità li tiddefinixxi s-suq rilevanti sabiex tevalwa r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni u li dawn il-miżuri ma kinux jinvolvu l-għoti ta’ drittijiet speċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(1) TFUE.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224).

    (2)  Id-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta Ġunju 1997, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321)

    (3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2007/730], tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 295, p. 12).


    Top