EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0003

Kawża C-3/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Rossano (l-Italja) fil- 5 ta’ Jannar 2010 — Franco Affatato vs Azienda Sanitaria di Cosenza, Azienda Sanitaria n. 3 di Rossano

ĠU C 63, 13.3.2010, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/34


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Rossano (l-Italja) fil-5 ta’ Jannar 2010 — Franco Affatato vs Azienda Sanitaria di Cosenza, Azienda Sanitaria n. 3 di Rossano

(Kawża C-3/10)

2010/C 63/55

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Rossano

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Franco Affatato

Konvenuta: Azienda Sanitaria di Cosenza, Azienda Sanitaria n. 3 di Rossano.

Domandi preliminari

(1)

Il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas implementat bid-Direttiva 1999/70/KE (1) tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik prevista mill-Artikolu 8(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 468/97 u mill-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 81/00 għall-ħaddiema soċjalment utli/ħaddiema ta’ utilità pubblika, li, billi teskludi l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ impjieg fir-rigward tal-ħaddiema kkontemplati minnha, twassal sabiex teskludi l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni fuq ir-relazzjoniji ta’ impjieg għal żmien fiss, li timplementa d-Direttiva 1999/70KE?

(2)

Il-klawżola 2(2) tal-ftehim qafas implementat bid-Direttiva 1999/70/KE tippermetti li ħaddiema bħall-ħaddiema soċjalment utli/ħaddiema ta’ utilità pubblika, irregolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 468/97 u mil-Liġi Nru 81/00, jiġu inklużi fil-kamp ta’ nonapplikazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE?

(3)

Il-ħaddiema msemmija fid-domanda 2 huma koperti mid-definizzjoni pprovduta fil-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas implementat bid-Direttiva 1999/70/KE?

(4)

Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas implementat bid-Direttiva 1999/70/KE u l-prinċipju ta’ trattament ugwali/nondiskriminazzjoni jipprekludu leġiżlazzjoni għall-ħaddiema tas-settur tat-tagħlim [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999 u l-Artikolu 1(1)(a) tad-Digriet Ministerjali Nru 430/00] li tippermetti li ma tiġix indikata l-kawża tal-ewwel kuntratt għal żmien fiss, filwaqt li, bħala regola ġenerali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ dan fir-rigward ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg oħra għal żmien fiss, li tippermetti li l-kuntratti jiġġeddu indipendentement mill-eżistenza ta’ eżiġenzi permanenti u fit-tul, li ma tipprovdi la t-tul massimu totali tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien fiss, la n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazjonijiet u lanqas, normalment, l-ebda perijodu bejn it-tiġdid, jew fi kliem ieħor, fil-każ ta’ supplenzi annwali, il-perijodi li jikkorrispondu għall-vaganzi tas-sajf fejn l-attività skolastika tkun sospiża jew ridotta ħafna.

(5)

Il-corpus ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw is-settur tat-tagħlim, kif deskritt, jista’ jiġi kkunsidrat bħala grupp ta’ miżuri ekwivalenti legali intiżi sabiex jipprevjenu l-abużi?

(6)

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70/KE, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/01 u l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjoni li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien fiss fis-settur tat-tagħlim?

(7)

Persuna, li tippreżenta l-karatterisitiċi ta’ Poste Italiane SpA, jiġifieri:

persuna proprjetà tal-Istat;

suġġetta għall-kontroll tal-Istat;

fejn il-Ministeru tal-Komunikazzjonijiet jagħżel il-fornitur tas-servizz universali u, bħala regola ġenerali, jwettaq l-attivitajiet kollha ta’ verifika u stħarriġ materjali u ta’ kontabbiltà tal-persuna inkwistjoni, filwaqt li jistabbilixxi l-iskopijiet li jirrigwardaw is-servizz universali pprovdut;

li twettaq serviżż ta’ neċessità pubblika ta’ interess ġenerali ewlieni;

li l-baġit tagħha huwa marbut ma’ dak tal-Istat;

fejn l-ispejjeż tas-servizz ipprovdut huma ddeterminati mill-Istat li jħallas lill-persuna ammonti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż għola tas-servizz,

għandha tiġi kkunsidrata bħala korp tal-Istat, għall-finijiet tal-applikazzjoni diretta tad-dritt Komunitarju?

(8)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 7 tkun fl-affermattiv, skont il-klawżola 5, l-imsemmija kumpannija tista’ tikkostitwixxi settur, jiġifieri l-persunal kollu li jista’ jintuża minn din il-persuna, jew kategorija speċifika ta’ ħaddiema, għall-finijiet tad-differenzazzjoni tal-miżuri restrittivi?

(9)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 7 tkun fl-affermattiv, il-klawżola 5 tad-Direttiva 1999/70/KE waħedha, jew moqrija flimkien mal-klawżoli 2 u 4 u mal-prinċipju ta’ trattament ugwali/nondiskriminazzjoni, tipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 2(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/01, li tippermetti li l-perijodu ta’ kuntratt tax-xogħol fir-rigward ta’ persuna speċifika jiġi stabbilit mingħajr kawża, jew li, b’kuntrast mal-miżura restrittiva interna normalment prevista (Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/01), teżenta lill-din il-persuna mill-obbligu li tindika bil-miktub u tipprova, fil-każ ta’ kontestazzjoni, ir-raġunijiet tekniċi jew ir-raġunijiet relatati ma’ eżiġenzi ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni ta’ impjegati li ddeterminaw l-istabbiliment tal-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol, fid-dawl tal-fatt li huwa possibbli li tingħata estensjoni tal-kuntratt inizjali li tkun meħtieġa minħabba raġunijiet oġġettivi u fir-rigward tal-istess xogħol li għalih ġie konkluż il-kuntratt għal żmien fiss?

(10)

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/01 u l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01 jikkostitwixxu leġiżlazzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni tad-Direttiva1999/70/KE għall-persunal tal-Istat, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet għall-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali kif iddefiniti insegwitu għar-risposti għad-domandi 1 sa 9?

(11)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet sanzjonatorji fir-rigward tal-ħaddiema soċjalment utli/ta’ utilità pubblika u tal-ħaddiema fis-settur tat-tagħlim kif deskritti, id-Direttiva 1999/70/KE, u b’mod partikolari, il-klawżola 5(2)(b), tipprekludi l-applikazzjoni b’analoġija ta’ leġiżlazzjoni li hija sempliċement intiża li tirregola l-kumpens, bħal dik prevista fl-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01, jew fi kliem ieħor, il-Klawżola 5(2)(b) tistabbilixxi prinċipju ta’ preferenza sabiex il-kuntratti jew ir-relazjonijiet ta’ impjieg jitqiesu bħala konklużi għal żmien indefinit?

(12)

Il-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali/nondiskriminazzjoni, il-klawżola 4 u l-klawżola 5(1), jipprekludu differenzjazzjoni ta’ sistemi ta’ sanzjoni fis-settur tal-“persunal tal-korpi tal-Istat” fid-dawl tal-oriġini tar-relazzjoni ta’ impjieg, jew tal-persuna li tħaddem, jew saħansitra fis-settur tat-tagħlim?

(13)

Jekk jiġi kkunsidrat li l-kamp ta’ implementazzjoni intern tad-Direttiva 1999/70/KE fir-rigward tal-Isat jew tal-korpi assimilati mal-Istat ġie ddefinit insegwitu għar-risposti għad-domandi preċedenti, il-klawżola 5 tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01, li assolutament tipprojbixxi lill-Istat milli jikkonverti relazzjonijiet ta’ impjieg, jew fi kliem ieħor liema huma l-verifiki ulterjuri li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel għall-finijiet tan-nonapplikazzjoni tal-projbizzjoni li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indefinit mal-imsemmija awtoritajiet pubbliċi?

(14)

Id-Direttiva 1999/70/KE għandha topera integralment fir-rigward tal-Italja, jew, fi kliem ieħor, il-konverżjoni tar-relazzjonijiet ta’ impjieg f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni pubblika tmur kontra l-prinċipji fundamentali tas-sistema legali interna b’tali mod li hemm lok li l-klawżola 5 ma tiġix applikata f’dan ir-rigward peress li din tinvolvi effett li jmur kontra l-Artikolu 1-5 tat-Trattat ta’ Lisbona, billi ma tirrispettax l-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali, jew, fi kliem ieħor, il-funzjonijiet Statali essenzjali tal-Italja?

(15)

Il-klawżola 5 tad-Direttiva 1999/70/KE, peress li tipprovdi, fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ konverżjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, għan-neċessita ta’ miżura li toffri garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, meta mqabbla ma’ sitwazzjonijiet simili tad-dritt intern, sabiex jiġu debitament issanzjonati l-abbużi li jirriżultaw mill-ksur tal-imsemmija klawżola 5 u mxejna l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju, timponi t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala sitwazzjoni simili tad-dritt intern, tar-relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit mal-Istat, li kienet tirriżulta għall-ħaddiem fin-nuqqas tal-Artikolu 36, jew inkella ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit ma’ persuna privata, li fir-rigward tagħha r-relazzjoni ta’ impjieg kienet tkun ikkaratterizzata minn stabbiltà simili għal dik ta’ relazjoni ta’ impjieg mal-Istat?

(16)

Il-klawżola 5 tad-Direttiva 1999/70/KE, peress li tipprovdi, fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ konverżjoni tar-relazjoni ta’ impjieg, għan-neċessita ta’ miżura li toffri garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, meta mqabbla ma’ sitwazzjonijiet simili tad-dritt intern, sabiex jiġu debitament issanzjonati l-abbużi li jirriżultaw mill-ksur tal-imsemmija klawżola 5 u mxejna l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju, timponi t-teħid inkunsiderazzjoni, għas-sanzjoni:

(a)

taż-żmien neċessarju sabiex jinsab impjieg ġdid u tal-impossibbiltà ta’ aċċess għal-impjieg li għandu l-karatteristiċi msemmija fid-domanda 15;

(b)

jew, min-naħa l-oħra, tal-ammont ta’ remunerazzjoni li kien jinkiseb fil-każ li r-relazzjoni ta’ impjieg għal żmien fiss kellha tiġi konvertita għal relazjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368


Top