EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0528

Kawża C-528/09: Rikors ippreżentat fis- 17 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja

ĠU C 63, 13.3.2010, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/26


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja

(Kawża C-528/09)

2010/C 63/44

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Marghelis u K. Saaremäel-Stoilov)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Estonja

Talbiet tal-parti ikorrenti

tiddikjara li r-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2002/96/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 Jannar 2003, dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, billi ma ttrasponietx b’mod korrett fid-dritt intern tagħha l-Artikolu 3(i)(iii), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 Jannar 2003, tirregola t-trattament ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Wara analiżi tal-miżuri li bihom din id-direttiva hija implementata fil-liġi Estonjana, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Repubblika tal-Estonja ma ttrasponietx b’mod korrett fid-dritt intern tagħha l-Artikolu 3(i)(iii), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva.

L-Artikolu 3(i)(iii) tad-Direttiva jiddefinixxi l-produttur ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Il-leġiżlazzjoni Estonjana dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fiha żewġ definizzjonijiet differenti ta’ produttur u dan jagħmel diffiċli l-komprensjoni u l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-trattament ta’ tagħmir elettroniku.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jipprovdi li l-ispejjeż ta’ ġbir, trattament u rimi/qerda b’mod ambjentali ma għandhomx jintwerew separatament lix-xerrejja fil-ħin tal-bejgħ ta’ prodotti ġodda. Ir-Repubblika tal-Estonja ma ttrasponietx dan ir-rekwiżit fid-dritt intern tagħha.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal perijodu tranżitorju ta’ tmien snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, il-produtturi jitħallew juru lix-xerrejja, fil-ħin tal-bejgħ ta’ prodotti ġodda, l-ispejjeż ta’ ġbir, trattament u rimi/qerda b’mod ambjentali, fejn l-ispejjeż imsemmija ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż attwalment miġbura. L-Estonja ma ttrasponietx dan l-obbligu fid-dritt intern tagħha.

Ir-Repubblika tal-Estonja rrikonoxxiet il-ksur imsemmi tal-Artikolu 3(i)(iii), tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva u fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni qablet li temenda l-liġi dwar l-iskart sabiex tirrimedja għal dan il-ksur. Billi sal-lum il-Kummissjoni għadha ma kkonstatatx li r-Repubblika tal-Estonja adottat l-emenda għal-liġi dwar l-iskart, jew għall-inqas ma kkomunikatilhiex, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva billi ma ttrasponietx b’mod korrett fid-dritt intern tagħha l-Artikolu 3(i)(iii), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 359


Top