Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0165

    Kawża C-165/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (L-Olanda) fl- 4 ta’ Mejju 2009 — Stichting Natuur en Milieu, Stichting Greenpeace Nederland, B. Meijer, E. Zwaag, F. Pals vs College van Gedeputeerde Staten van Groningen, derde belanghebbende: RWE Power AG

    ĠU C 193, 15.8.2009, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 193/2


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (L-Olanda) fl-4 ta’ Mejju 2009 — Stichting Natuur en Milieu, Stichting Greenpeace Nederland, B. Meijer, E. Zwaag, F. Pals vs College van Gedeputeerde Staten van Groningen, derde belanghebbende: RWE Power AG

    (Kawża C-165/09)

    2009/C 193/02

    Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Raad van State

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Il-fondazzjoni Stichting Natuur en Milieu et; Il-fondazzjoni Greenpeace Nederland; B. Meijer u l-konjuġi tiegħu; E. Zwaag u F. Pals.

    Konvenuti: Het college van gedeputeerde staten van Groningen (Gvern provinċjali tal-provinċja ta’ Groningen).

    Domandi preliminari

    1

    L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttiva jimplika li l-obbligi tad-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (attwalment id-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż), trasposti fil-Wet milieubeheer (liġi dwar l-amministrazzjoni tal-ambjent), jistgħu u għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jkollha tittieħed deċiżjoni fuq applikazzjoni għal permess ambjentali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-livell massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 tad-Direttiva 2001/81/KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva NEC”), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligi tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 96/61/KE, li attwalment saret id-Direttiva 2008/1/KE?

    2.a

    L-obbligu li Stat Membru għandu li jastjeni milli jadotta miżuri li jistgħu jikkompromettu b’mod serju t-twettiq tar-riżultat stabbilit minn direttiva, japplika wkoll għall-perijodu mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva NEC?

    2.b

    Matul il-perijodu mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, jeżistu obbligi pożittivi tal-Istati Membri kkonċernati, minbarra dan indipendentement mill-obbligu ta’ astensjoni tagħhom jew minfloku, peress illi jkun hemm qbiż tal-livell nazzjonali ta’ produzzjoni ta’ SO2, jew meta jkun hemm ir-riskju li din il-produzzjoni tinqabeż fi tmiem il-perijodu inkwistjoni?

    2.ċ

    Sabiex tingħata risposta għad-domandi 2.a u 2.b, huwa neċessarju li mill-applikazzjoni għal permess ambjentali, li jkun jirrigwarda installazzjonijiet li jikkontribwixxu jew li hemm riskju li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-livell nazzjonali massimu tal-emissjonijiet ta’ SO2 tad-Direttiva NEC, jkun jirriżulta li l-installazzjonijiet awtorizzati sejrin ikunu mħaddma mhux qabel l-2011?

    3.a

    L-obbligi msemmija fid-domanda 2 għandhom il-konsegwenza li l-Istat Membru kkonċernat għandu jiċħad il-permess ambjentali li ntalab jew għandu jinkludi fih preskrizzjonijiet jew restrizzjonijiet, jekk xejn ma jkun jippermetti li jiġi ggarantit li l-installazzjonijiet li għalihom il-permess ġie mitlub mhumiex ser jikkontribwixxu jew m’hemmx riskju li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 tad-Direttiva NEC? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn l-installazzjonijiet inkwistjoni ser jikkontribwixxu jew hemm riskju li jikkontribwixxu għal dan il-qbiż tal-livell?

    3.b

    Jew inkella, b’mod kuntrarju, jirriżulta mid-Direttiva NEC li Stat Membru, anki f’każ li jinqabeż jew f’riskju li jinqabeż il-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2, għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżgura li jintlaħqu l-għanijiet previsti mid-direttiva, u b’hekk jista’ ma jirrifjutax l-għoti tal-awtorizzazzjoni jew ma jinkludix fiha preskrizzjonijiet jew restrizzjonijiet, iżda minflok jadotta miżuri oħra, bħal miżuri ta’ kumpens?

    4.

    Individwu jista’, peress li huma imposti fuq l-Istati Membri l-obbligi msemmija fid-domandi 2 u 3, jinvoka l-osservanza tal-imsemmija obbligi quddiem il-qorti nazzjonali?

    5.a

    Individwu jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 4 tad-Direttiva NEC?

    5.b

    Jekk iva, dan l-individwu jista’ jinvoka dan l-Artikolu mis-27 ta’ Novembru 2002, jew sa mill-31 ta’ Diċembru 2010 biss? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li mill-applikazzjoni għal permess ambjentali jirriżulta li l-installazzjonijiet awtorizzati sejrin ikunu mħaddma mhux qabel l-2011?

    6.

    Individwu, b’mod partikolari, meta l-għoti ta’ permess ambjentali u/jew ta’ miżuri oħra li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet ta’ SO2 tad-Direttiva NEC, jew li hemm riskju li jikkontribwixxu għal dan il-qbiż, jista’jinvoka abbażi tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

    a.

    dritt ġenerali li jiġu adottati mill-Istat Membru kkonċernat, numru ta’ miżuri li permezz tagħhom, mhux iktar tard mill-2010, l-emissjonijiet nazzjonali annwali ta’ SO2 ma jilħqux livell ogħla minn dak tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet tad-Direttiva NEC jew, jekk dan ma jseħħx, numru ta’ miżuri li permezz tagħhom dawn l-emissjonijiet ikunu, fl-inqas żmien possibbli wara din id-data, limitati għal dan il-livell;

    b.

    dritt konkret sabiex jiġu adottati mill-Istat Membru kkonċernat, miżuri speċifiċi fir-rigward ta’ installazzjonijiet partikolari — pereżempju taħt forma ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ żieda ta’ preskrizzjonijiet jew restrizzjonijiet supplementari ma’ din l-awtorizzazzjoni — li jikkontribwixxu sabiex, sa mhux iktar tard mill-2010, l-emissjonijiet nazzjonali annwali ta’ SO2 ma jilħqux livell ogħla minn dak tal-livell nazzjonali massimu ta’ emissjonijiet tad-Direttiva NEC jew, jekk dan ma jseħħx, numru ta’ miżuri speċifiċi li jikkontribwixxu sabiex dawn l-emissjonijiet ikunu, fl-iqsar żmien possibbli wara din id-data, limitati għal dan il-livell?

    6.ċ

    Huwa neċessarju, sabiex tingħata risposta għad-domandi 6.a u 6.b, li jkun magħruf sa fejn l-installazzjonijiet inkwistjoni ser jikkontribwixxu għal dan il-qbiż jew għal dan ir-riskju ta’ qbiż?


    Top