Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0536

    Kawża C-536/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas- 16 ta' Ġunju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Upravno sodišče Republike Slovenije — Ir-Repubblika tas-Slovenja) — Marija Omejc vs Republika Slovenija (Politika Agrikola Komuni — Skemi ta’ għajnuna Komunitarja — Amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll — Regolament (KE) Nru 796/2004 — Fatt li tiġi prekluża verifika fuq il-post — Kunċett — Bidwi li ma jirrisjedix fl-azjenda — Rappreżentant tal-bidwi — Kunċett)

    ĠU C 232, 6.8.2011, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 232/7


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta' Ġunju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Upravno sodišče Republike Slovenije — Ir-Repubblika tas-Slovenja) — Marija Omejc vs Republika Slovenija

    (Kawża C-536/09) (1)

    (Politika Agrikola Komuni - Skemi ta’ għajnuna Komunitarja - Amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll - Regolament (KE) Nru 796/2004 - Fatt li tiġi prekluża verifika fuq il-post - Kunċett - Bidwi li ma jirrisjedix fl-azjenda - Rappreżentant tal-bidwi - Kunċett)

    (2011/C 232/11)

    Lingwa tal-kawża: is-Sloven

    Qorti tar-rinviju

    Upravno sodišče Republike Slovenije

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Marija Omejc

    Konvenuta: Republika Slovenija

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Upravno sodišče Republike Slovenije — Interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, [tad-29 ta’ Settembru 2003], li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243) — Kunċett ta’ prevenzjoni milli titwettaq verifika fuq il-post — Kunċett ta’ rappreżentant tal-bidwi meta l-bidwi ma jirrisjedix fl-azjenda

    Dispożittiv

    (1)

    Il-kliem “jipprevjeni milli titwettaq verifika fuq il-post”, li jinsabu fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, [tad-29 ta’ Settembru 2003], li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa, jikkorrispondu għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha fis-sens li jkopri, minbarra l-aġir intenzjonali, kull att jew kull ommissjoni attribwibbli għan-negliġenza tal-bidwi jew tar-rappreżentant tiegħu li kellhom bħala konsegwenza li jipprekludu t-twettiq tal-verifika fuq il-post fl-intier tagħha, meta dan il-bidwi jew ir-rappreżentant tiegħu ma jkunx adotta kull miżura li setgħet raġonevolment tkun meħtieġa min-naħa tiegħu sabiex jiggarantixxi li din il-verifika ssir fl-intier tagħha.

    (2)

    Iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ għajnuna kkonċernati, taħt l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004, ma tiddependix fuq jekk il-bidwi jew ir rappreżentant tiegħu ġiex informat b’mod xieraq dwar il-parti tal-verifika fuq il-post li tirrikjedi l-parteċipazzjoni tiegħu.

    (3)

    Il-kunċett ta’ “rappreżentant” imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha fis-sens li jkopri, meta jsiru l-verifiki fuq il-post, kull persuna adulta, li għandha kapaċità legali, li tirrisjedi fl-azjenda agrikola u li lilha tiġi fdata mill-inqas parti mill-amministrazzjoni ta’ din l-azjenda, sa fejn il-bidwi jkun esprima b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jagħtih mandat bil-għan li jirrappreżentah u, għaldaqstant, ikun impenja ruħu li jassumi l-atti u l-ommissjonijiet kollha ta’ din il-persuna.

    (4)

    L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bidwi, li ma jirrisjedix fl-azjenda agrikola li minnha huwa responsabbli, ma għandux l-obbligu li jaħtar rappreżentant li, bħala regola ġenerali, wieħed ikun jista’ jikkomunika miegħu f’kull mument fl-azjenda.


    (1)  ĠU C 63, 13.03.2010


    Top