Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CA0233

Kawża C-233/08: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal- 14 ta’ Jannar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud — Ir-Repubblika Ċeka) — Milan Kyrian vs Celní úřad Tábor ( Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti — Direttiva 76/308/KEE — Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba — Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru — Natura regolari tan-notifika tat-titolu lid-debitur — Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx )

ĠU C 63, 13.3.2010, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Jannar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud — Ir-Repubblika Ċeka) — Milan Kyrian vs Celní úřad Tábor

(Kawża C-233/08) (1)

(“Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti - Direttiva 76/308/KEE - Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba - Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru - Natura regolari tan-notifika tat-titolu lid-debitur - Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx”)

2010/C 63/09

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Milan Kyrian

Konvenut: Celní úřad Tábor

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Nejvyšší správní soud (Ir-Repubblika Ċeka) — Interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt għal smigħ xieraq, ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Istat tad-dritt, kif ukoll tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 1), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 79/1071/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, li temenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar għajnuna reċiproka biex ikunu rkuprati talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 01, p. 299), kif ukoll bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001, li temenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru tal-pretensjonijiet [krediti] li jirriżultaw mill-ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema tal-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali u fir-rigward ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u ċertu dazji tas-sisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12 p. 27,) — Possibbiltà għall-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, li jistħarrġu, skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f’dan l-Istat, l-eżegwibbiltà u r-regolarità tan-notifika tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu — Titolu li ma fihx indikazzjoni tad-data tat-twelid tad-debitur, u miktub b’lingwa li huwa ma jifhimx u li mhijiex il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru mitlub

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola ġenerali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l-validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat-titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-imsemmi Stat Membru.

(2)

Fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, id-destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir-rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju.


(1)  ĠU C 209, 15.08.2008


Top