This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022IP0265
European Parliament resolution of 23 June 2022 on the implementation of inclusion measures within Erasmus+ 2014-2020 (2021/2009(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' inklużjoni fil-qafas ta' Erasmus+ 2014-2020 (2021/2009(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' inklużjoni fil-qafas ta' Erasmus+ 2014-2020 (2021/2009(INI))
ĠU C 32, 27.1.2023, pp. 58–62
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 32, 27.1.2023, pp. 39–43
(GA)
|
27.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 32/58 |
P9_TA(2022)0265
Miżuri ta' inklużjoni fil-qafas ta' Erasmus+ 2014-2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' inklużjoni fil-qafas ta' Erasmus+ 2014-2020 (2021/2009(INI))
(2023/C 32/07)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 10, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2018 intitolat “Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020)” (COM(2018)0050), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f'Gothenburg, is-17 ta' Novembru 2017” (COM(2017)0673), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 intitolata “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698), li tibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 intitolata “Unjoni ta' ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025”(COM(2020)0565), li tfittex li taġġorna d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (4) (Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru iktar “ekoloġiċi” (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0158/2022), |
|
A. |
billi l-mobilità hija parti importanti ħafna mit-tagħlim diġitali u li jsir b'mod personali; billi l-għoti ta'opportunitajiet ugwali u inklużivi għal kulħadd huwa, u għandu jkompli jkun, inerenti għall-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi n-nies minn kull sfond u qasam tal-ħajja jridu jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ u b'mod ugwali minn Erasmus+; jenfasizza li Erasmus+ jibbenefika mhux biss lill-parteċipanti tiegħu iżda lil komunitajiet u soċjetajiet sħaħ u jissodisfa l-ambizzjonijiet tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 4 tan-NU; jinnota li dan iwassal għal soċjetajiet iktar demokratiċi, iktar b'saħħithom u iktar koeżivi u reżiljenti; |
|
B. |
billi r-Regolament dwar Erasmus+ 2014-2020 jitfa' enfasi fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta' nies bi bżonnijiet speċjali jew b'inqas opportunitajiet, kif definit fl-“Istrateġija ta' Inklużjoni u Diversità ta' Erasmus+”, u jinkludi persuni b'diżabilità, bi problemi ta' saħħa, b'diffikultajiet edukattivi, b'differenzi kulturali, u li jaffaċċjaw ostakli ekonomiċi, ġeografiċi u soċjali; jissottolinja li l-programm Erasmus+ attwali (2021-2027) jimxi id f'id ukoll mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; |
|
C. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq is-settur tal-edukazzjoni kollu kemm hu, u kompliet tiggrava l-inugwaljanzi eżistenti fl-aċċess għall-edukazzjoni u enfasizzat il-ħtieġa li jinżammu miżuri ta' inklużjoni f'Erasmus+ u li jsir kwalunkwe titjib meħtieġ; |
|
D. |
billi ma ġiet stabbilita l-ebda strateġija ta' inklużjoni armonizzata u obbligatorja fil-livell Ewropew għall-programm Erasmus+ 2014-2020, nuqqas li llimita l-impatt tal-miżuri ta' inklużjoni fi ħdan il-programm; |
|
E. |
billi l-mobilità fiżika tippermetti l-immersjoni f'kulturi oħra u interazzjoni ottimali magħhom, u billi l-iskambji u t-tagħlim virtwali huma komplement prezzjuż għall-mobilità fiżika, iżda ma joffrux l-istess kwalità ta' esperjenza u benefiċċji; |
|
F. |
billi l-pandemija aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali u enfasizzat l-importanza li jkun hemm ħiliet diġitali tajbin; jissottolinja l-fatt li Erasmus+ jista' jikkontribwixxi għat-titjib u t-taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet diġitali b'mod sinifikanti; |
|
G. |
billi l-esperjenza ta' mobilità offruta minn Erasmus+ tista' tkun esperjenza trasformattiva għall-parteċipanti, u tista' tinfluwenza b'mod pożittiv il-ħiliet ta' komunikazzjoni tagħhom, il-kunfidenza fihom infushom, l-aċċettazzjoni tagħhom, il-ħsieb kritiku, l-iżvilupp personali u professjonali, l-impjegabilità, il-benesseri tagħhom u l-fehim tal-benefiċċji ta' Ewropa magħquda billi tipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim inklużiv li jarrikkixxi ħajjithom u jippermettilhom jesperjenzaw il-wirt lingwistiku u kulturali tal-Ewropa filwaqt li jiksbu għarfien tul il-ħajja; |
|
H. |
billi l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ 2014-2020 ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2018 issottolinjat il-ħtieġa li jintlaħqu iktar persuni b'inqas opportunitajiet u organizzazzjonijiet iżgħar fir-reġjuni kollha; |
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon l-perċezzjoni pożittiva b'mod ġenerali dwar kif il-miżuri ta' inklużjoni żviluppaw matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ta' Erasmus+; |
|
2. |
Jenfasizza li Erasmus+ għandu jappoġġja l-pjanijiet ta' internazzjonalizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u tal-parteċipanti tal-programm li jikkontribwixxu biex jitneħħew l-ostakli fiżiċi, psikoloġiċi, soċjali, soċjoekonomiċi, lingwistiċi u tipi oħra ta' ostakli għall-mobilità fit-tagħlim u proġetti Ewropej u li joffru informazzjoni ċara u dettaljata u appoġġ kwalitattiv għall-parteċipanti minn gruppi sottorappreżentati u dawk bi bżonnijiet speċifiċi; |
|
3. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa kruċjali għal fondi u għotjiet imfassla apposta, bħall-prefinanzjament, l-għotijiet supplimentari, il-ħlas bil-quddiem u s-somom f'’daqqa, biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' nies b'inqas opportunitajiet jew minn sfondi żvantaġġati, hekk kif l-ostakli finanzjarji jibqgħu wieħed mill-ikbar ostakli fl-Erasmus+; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu applikati regoli flessibbli biex jipprovdu ammont finanzjarju suffiċjenti biex ikopri l-bżonnijiet tagħhom, speċjalment l-ispejjeż tal-ħajja tagħhom; |
|
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa għodod ta' finanzjament ta' Erasmus+ u tistabbilixxi sinerġiji ma' programmi oħra; |
|
5. |
Jisħaq li l-ammont ta' flus żborżati permezz ta' għotjiet ta' mobilità għadu insuffiċjenti f'xi każijiet, u jista' jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni soċjali għal dawk l-istudenti u l-familji li ma jaffordjawx il-mobilità; jitlob għal żieda fil-baġit 2023 għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta' inklużjoni f'Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; |
|
6. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-għodod diġitali eżistenti jaħdmu sew u fil-livell sħiħ tagħhom, u biex jiġu ttrattati mingħajr dewmien il-kwistjonijiet persistenti serji relatati mal-għodod tal-IT tal-Erasmus+, li qed ifixklu mhux biss il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet iżgħar, ta' persuni b'inqas opportunitajiet, ta' parteċipanti anzjani u persunal li jgħin fil-burokrazija amministrattiva, iżda wkoll il-parteċipazzjoni ta' kull tip ta' benefiċjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proċess għall-għodod tal-IT introdotti ġodda eħfef u aċċessibbli għall-gruppi kollha u biex tittestjahom fuq skala kbira biżżejjed qabel l-implimentazzjoni tagħhom; |
|
7. |
Jinnota li l-ostakli amministrattivi jipprevjenu ħafna studenti potenzjali milli jieħdu sehem fil-programm; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas il-burokrazija u tissimplifika l-proċeduri għall-aċċess tal-finanzjament bil-għan li tissimplifika l-proċess u tagħmilha iktar faċli biex jinftiehem u tagħmlu iktar aċċessibbli; jissottolinja li l-piż amministrattiv jikkostitwixxi ostaklu għall-aċċess għal kulħadd u jolqot l-iktar lil dawk b'inqas opportunitajiet jew bi bżonnijiet speċjali; jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti proċeduri ta' applikazzjoni fil-lingwi Ewropej kollha; |
|
8. |
Ifaħħar ir-rwol tal-għalliema, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet u l-persunal edukattiv bħala l-forzi li jmexxu l-istituzzjonijiet parteċipanti biex titqajjem il-kuxjenza dwar il-programm, billi jinfurmaw u jappoġġjaw lil studenti futuri u jidentifikaw il-persuni b'inqas opportunitajiet; jinnota li mingħajrhom, il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti, speċjalment dawk b'inqas opportunitajiet, ma jkunux jistgħu jieħdu sehem; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji nazzjonali biex jivvalutaw u jirrikonoxxu l-ħidma tagħhom li hija spiss volontarja, biex jappoġġjawhom billi jiffaċilitaw il-mobilità tagħhom stess u jipprovdulhom finanzjament u appoġġ adegwati, filwaqt li jakkumpanjaw lill-parteċipanti b'inqas opportunitajiet u joffrulhom taħriġ speċifiku adattat għall-bżonnijiet tagħhom; jinnota l-importanza li jiġu aġġornati diversi għodod li huma jużaw biex jidentifikaw il-parteċipanti possibbli u biex jippersonalizzaw aħjar l-esperjenza ta' Erasmus+ sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' kull parteċipant individwali; |
|
9. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut it-taħriġ u l-appoġġ xieraq lill-edukaturi biex jinnavigaw b'mod effettiv l-isfidi u l-opportunitajiet u li jitrawwem l-iskambju ta' prattiki tajba fil-qasam; |
|
10. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-aġenziji nazzjonali jiffaċilitaw iktar seminars edukattivi għall-persunal ta' Erasmus+ biex iwettaq il-proġetti, jiżviluppa metodi inklużivi u jesplora modi ġodda biex jilħqu l-benefiċjarji futuri tal-programm; |
|
11. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji nazzjonali jipprovdu appoġġ aħjar lill-organizzazzjonijiet ta' bażi fl-oqsma kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet immexxija mill-komunità u organizzazzjonijiet iżgħar, b'mod partikolari fir-reġjuni l-iktar imbiegħda, il-gżejjer u ż-żoni remoti, muntanjużi, rurali u inqas aċċessibbli, u jiżguraw li r-riżorsi u l-proġetti jiġu mqassma b'mod ġust f'kull Stat Membru; |
|
12. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u materjali aħjar lill-persunal, minbarra t-taħriġ ulterjuri u l-għarfien espert addizzjonali, sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom mal-parteċipanti u l-familji u l-benefiċjarji tagħhom, sabiex jitjiebu l-aċċess u t-tisħiħ tas-suċċess u l-impatt tal-proġetti, filwaqt li jiġi żgurat li l-mobilità u l-proġetti jimxu bla xkiel; jinnota li l-aġenziji nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna sinifikanti billi jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet f'dan il-qasam u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ; |
|
13. |
Jinnota l-effett pożittiv tal-mobilità tat-tfal tal-iskola fuq perjodu qasir biex jegħlbu ostakli mentali u psikosoċjali, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji nazzjonali jrawmu proġetti ta' mobilità mmirati lejn tfal u adolexxenti; |
|
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni mmirati, kemm online kif ukoll offline, biex iżidu l-kuxjenza u s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini dwar il-benefiċċji ta' Erasmus+ permezz ta' kooperazzjoni mal-midja u l-mezzi tal-midja soċjali f'faċilitajiet ta' tagħlim pubbliku bħal libreriji, skejjel u universitajiet; |
|
15. |
Jitlob lill-aġenziji nazzjonali kollha biex jaħtru uffiċjali dedikati għall-inklużjoni u d-diversità sabiex jilħqu direttament lil studenti bi bżonnijiet speċjali u/jew b'inqas opportunitajiet; jistieden, f'dan ir-rigward, lil dawk l-organizzazzjonijiet li ntgħażlu biex jimplimentaw azzjonijiet ta' Erasmus+ biex jaħtru persuni ta' kuntatt dedikati għal persuni b'inqas opportunitajiet, u jfakkar li l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' appoġġ għal persuni bi bżonnijiet speċjali għandha tkun ċara, aġġornata, kompluta; u faċli biex tkun aċċessata; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-linji gwida għall-politiki nazzjonali li se jippermettu l-parteċipazzjoni aħjar tal-istudenti li jiffaċċjaw problemi tas-saħħa, differenzi kulturali u ostakli ekonomiċi, ġeografiċi u soċjali, u biex tiskrutinizza u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom; |
|
17. |
Jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-UE li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti, bħall-applikazzjoni tal-mowbajl Erasmus+, “Erasmus mingħajr karti” u l-Kard Ewropea tal-Istudenti; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-qrib il-possibilità li tgħaqqad iktar mill-qrib l-Erasmus+ ma' programmi oħrajn u sabiex trawwem il-kooperazzjoni transettorjali, inkluż l-Interrail, sabiex jitrawmu iktar inklużjoni u ugwaljanza li se jtejbu l-aċċess għal għażliet ta' mobilità aħjar u iktar ekoloġiċi, b'mod partikolari għal dawk b'inqas opportunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ukoll l-inizjattiva DiscoverEU iktar inklużiva, u tippermetti li iktar nies jipparteċipaw; |
|
18. |
Jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kompetenzi lingwistiċi, speċjalment għall-parteċipanti b'inqas opportunitajiet; jitlob, għalhekk, appoġġ immirat u speċifiku għall-grupp għat-tagħlim tal-lingwi bi tħejjija għall-mobilità u jinsisti li dan l-appoġġ m'għandux ikun limitat għal korsijiet online; |
|
19. |
Jirrikonoxxi r-rwol importanti ta' “Support, Advanced Learning and Training Opportunities (SALTO) Inclusion & Diversity” għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' inklużjoni għat-taqsima Erasmus+ Youth, u jinnota li l-estensjoni tal-istrateġiji ta' inklużjoni għat-taqsima tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali se jkollha tiġi segwita mill-qrib, peress li l-gruppi fil-mira huma differenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-aġenziji nazzjonali jaħdmu iktar mill-qrib mal-aġenziji tal-impjiegi sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-istudenti adulti fil-programm Erasmus+ 2021-2027; |
|
20. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data – kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva – affidabbli dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'inqas opportunitajiet fil-programm Erasmus+; peress li tali data tista' tintuża biex tidentifika lejn liema gruppi għandhom ikunu mmirati l-miżuri ta' inklużjoni, jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati skemi ta' evalwazzjoni biex jipproduċu statistiċi ċari u jiġu vvalutati b'mod xieraq iktar kwistjonijiet problematiċi sabiex tinħoloq għodda ta' ġestjoni u tmexxija għall-miżuri ta' inklużjoni, bl-użu ta' metodi li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regolamenti dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u li ma jżidux piżijiet amministrattivi żejda għall-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal iktar bini ta' kapaċità għall-persunal fir-rigward ta' indikaturi u sistemi ta' monitoraġġ għall-inklużjoni; |
|
21. |
Jisħaq dwar l-importanza li jiġu ffinanzjati iktar riċerka u studji madwar l-UE kollha dwar l-inklużjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri meħuda mill-aġenziji nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fl-involviment ta' organizzazzjonijiet u nies b'inqas opportunitajiet; jenfasizza l-importanza li jinżammu rekords u statistiċi li għandhom iservu bħala bażi għal konsultazzjonijiet dwar programmi futuri; |
|
22. |
Jitlob li l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità jitqiesu sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm billi jiġu offruti mobilità ibrida bħala preparazzjoni għall-perjodu ta' mobilità, jingħataw l-oppportunità li jiġu akkumpanjati, u jingħataw akkomodazzjoni xierqa u aċċessibbli u servizzi ta' appoġġ speċjalizzat abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom; jisħaq dwar il-ħtieġa li tinġabar ir-reazzjoni tagħhom wara l-perjodu ta' mobilità sabiex titjieb il-parteċipazzjoni ta' benefiċjarji futuri; jissottolinja l-ħtieġa għal appoġġ, gwida u għodod speċifiċi li jippermettu lill-persuni b'diżabilità jirreġistraw u jipparteċipaw fil-programm Erasmus+; ifakkar fil-persuni li jakkumpanjawhom għandu jkollhom ukoll aċċess għal fondi u għotjiet sabiex jipparteċipaw fil-programm ta' mobilità; |
|
23. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-programm Erasmus+ fil-promozzjoni tal-valuri tat-tolleranza u d-diversità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sinerġiji bejn il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu u Erasmus+ sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet speċifiċi u jiġi miġġieled ir-razziżmu fil-forom kollha tiegħu; |
|
24. |
Jilqa' l-iżvilupp ta' proġetti ta' Erasmus+ relatati ma' u ffukati fuq it-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni tan-nisa fis-setturi kollha tal-edukazzjoni, speċjalment fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM), u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jagħtu viżibbiltà lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet tagħhom; |
|
25. |
Jilqa' l-proġetti li jippromwovu u jqajmu kuxjenza dwar id-diversità sesswali u jħeġġu r-rispett għall-persuni LGBTIQ+, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq rabtiet ġenwini bejn l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza LGBTIQ u l-programm Erasmus+; |
|
26. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjonijiet immirati u approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet għal opportunitajiet ta' mobilità relatati mat-tagħlim għal nies minn gruppi emarġinati sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm u jiġi żgurat li jiksbu appoġġ adegwat, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-ostakli finanzjarji u istituzzjonali jibqgħu wieħed mill-akbar ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom; |
|
27. |
Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha rigward Erasmus+ tkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari permezz ta' għodod online adattati u mingħajr ostakli fil-lingwi Ewropej kollha; ifakkar li l-proċessi ta' ppjanar u evalwazzjoni għandhom ikunu mingħajr ostakli; jilqa' t-twaqqif ta' “Erasmus Days” u jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-parteċipanti preċedenti tal-Erasmus+ u tan-networks ta' alumni fil-promozzjoni tal-programm b'mod wiesa' u li jservi bħala punt wieħed potenzjali għall-istudenti futuri kollha; |
|
28. |
Jitlob lill-Istati Membri biex jevalwaw il-politiki eżistenti tagħhom u jadottaw programmi u azzjonijiet immirati lejn studenti b'inqas opportunitajiet u bżonnijiet speċjali, mill-etajiet u sfondi kollha, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni f'Erasmus+, speċjalment f'termini ta' mobilità, u biex jitrawmu l-iskambji ta' prattiki tajba f'dan il-qasam; jinnota r-rwol ewlieni tal-aġenziji nazzjonali u l-organizzazzjonijiet volontarji biex jiffaċilitaw dan il-proċess; |
|
29. |
Jissottolinja l-impatt pożittiv tal-programm Erasmus+ f'pajjiżi terzi bħala fattur fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u fit-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa għal sħubijiet aħjar u iktar inklussività tal-proġetti ta' Erasmus+ f'pajjiżi assoċjati u pajjiżi oħra eliġibbli, notevolment fil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-konsultazzjoni internazzjonali – kemm diġitali kif ukoll b'mod personali – bejn l-aġenziji nazzjonali fl-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti bil-għan li jiġu skambjati prattiki tajba; jinnota li dan ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom u jippermettilhom jimplimentaw soluzzjonijiet, ideat u tagħlimiet ġodda fuq il-post li se jżidu n-numru ta' parteċipanti fil-programm Erasmus+; |
|
30. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata iktar flessibbiltà lill-programm Erasmus+ f'każ ta' kriżi, kif jidher mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna; jilqa' l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni li jippermettu lill-istudenti Ukreni u lill-persunal edukattiv milquta mill-gwerra jkomplu bl-edukazzjoni u l-attivitajiet professjonali tagħhom fl-Ukrajna u fi kwalunkwe Stat Membru; jitlob li l-istudenti Ukreni jingħataw iktar assistenza u li jingħata appoġġ addizzjonali biex isostnu l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-komunità akkademika tal-Ukrajna; |
|
31. |
Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ma jieħux sehem f'Erasmus+ għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi telf ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit; |
|
32. |
Jisħaq dwar l-importanza li titrawwem il-mobilità għall-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) sabiex jintlaħqu żgħażagħ minn kull sfond, u jinnota b'sodisfazzjon iż-żieda fl-opportunitajiet għall-mobilità fit-tul tagħhom maħluqa matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u l-avvenimenti relatati biex jippromwovu effettivament l-opportunitajiet offruti mill-programm Erasmus+, partikolarment għal dawk b'inqas opportunitajiet u dawk minn sfondi żvantaġġati, bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ ikollha impatt effettiv, speċjalment għall-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u l-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ; jiddispjaċih għall-fatt li l-baġit allokat għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ mhuwiex biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-inizjattiva; |
|
34. |
Ifakkar fl-importanza kbira li jiġi żgurat ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-perjodi ta' tagħlim fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bħala għodda kumplimentari biex il-miżuri ta' inklużjoni fi ħdan Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru kompletament effettivi; |
|
35. |
Jilqa' l-adozzjoni reċenti mill-Kummissjoni tal-qafas ta' miżuri 2021-2027 bl-għan li jiżdiedu d-diversità u l-inklużjoni fil-programmi attwali Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni nazzjonali futura ta' dan il-qafas u li jżomm lill-Parlament infurmat fuq bażi annwali; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa ta' qafas iddedikat ta' miżuri ta' inklużjoni tista' sservi bħala esperjenza utli u referenza għal programmi oħra tal-UE li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini bħall-Ewropa Kreattiva u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; |
|
36. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 347, 20.2.2013, p. 50.
(2) ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1.
(3) ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.