Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE2242

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali” — COM(2014) 86 final

    ĠU C 451, 16.12.2014, p. 64–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 451/64


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali”

    COM(2014) 86 final

    (2014/C 451/10)

    Relatur:

    is-Sur BARROS VALE

    Nhar is-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali

    COM(2014) 86 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

    Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'189 voti favur u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    IL-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din il-Komunikazzjoni, l-istess kif għamel għall-Komunikazzjonijiet preċedenti tal-2010 u l-2012, peress li fil-fehma tiegħu huma importanti l-inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-turiżmu marittimu u kostali.

    1.2

    Filwaqt li huwa konxju tal-limiti imposti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jappoġġja l-miżuri mressqin fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, xorta waħda jixtieq jagħmel xi rakkomandazzjonijiet u jagħti xi ftit twissijiet bil-għan li jikkontribwixxi għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tat-turiżmu kostali u marittimu, kif previst fl-Istrateġija Ewropa 2020.

    1.3

    Jeħtieġ li l-Ewropa tagħmel użu tajjeb mir-riżorsi naturali tagħha u tippromovi l-aqwa postijiet fejn in-natura u l-ġestjoni tat-territorju f'żoni kostali u marittimi jinsabu f'armonija. Peress li ż-żoni kostali għandhom importanza strateġika partikolari mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, is-soluzzjonijiet għall-problemi f'dawn l-oqsma għandhom jagħmlu parti minn politika integrata ta' żvilupp sostenibbli, fejn il-ġestjoni tat-territorju, il-bilanċ bejn l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-bqija tal-attivitajiet kostali u l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-ippjanar urban huma ta' importanza partikolari. It-tibdil fil-klima attwali u ġejjieni li qed jolqot, xi kultant b'mod negattiv, iż-żoni kostali b'linji tal-kosta li qed jitnaqqru ma għandux jiġi sottovalutat peress li jinvolvi adattazzjonijiet radikali li jieħdu fit-tul.

    1.4

    Kif diġà qal fil-passat, il-KESE jtenni l-idea li titwaqqaf aġenzija Ewropea tat-turiżmu, li fiha jipparteċipaw il-partijiet interessati kollha, bħall-konfederazzjonijiet tat-turiżmu, ir-reġjuni turistiċi, l-awtoritajiet tat-turiżmu u t-trejdjunjins tas-settur. It-twaqqif ta' tali korp jista' jixpruna l-promozzjoni tal-Ewropa fid-dinja.

    1.5

    Forsi wasal iż-żmien li tiġi kkunsidrata politika konġunta ġenwina għat-turiżmu li, filwaqt li tħares l-ispazju ta' libertà nazzjonali, tqis is-settur b'mod globali, billi toħloq sinerġiji u tikkoordina l-politiki ta' kull Stat Membru. Kull sena jkun hemm ideat frammentati li ma jwasslu mkien minħabba n-nuqqas ta' netwerking u ta' strateġija konġunta dwar it-turiżmu li tista' tippromovi marka Ewropea ta' destinazzjonijiet turistiċi tradizzjonali u mhumiex, wirt storiku u gastronomija u li, fl-istess ħin, tindirizza kwalunkwe pubbliċità negattiva li tinqala' minn żmien għal ieħor.

    1.6

    It-tkabbir tat-turiżmu tal-massa, megħjun bil-qawwa mill-emerġenza ta' linji tal-ajru li joffru prezzijiet irħas, għandu jiġi sfruttat, billi jinħolqu jew jiġu promossi netwerks tat-trasport li jikkollegaw żoni li jagħmlu użu minn ajruporti ma' żoni iżjed remoti, u b'hekk ir-reġjuni inkwistjoni jkunu jistgħu jinkludi fid-destinazzjonijiet turistiċi tagħhom żoni mbiegħda, u b'hekk isiru attraenti għat-turisti, u jsir possibbli li ż-żjarat lejn destinazzjonijiet urbani u kostali jiġu kkombinati fl-istess vjaġġ. Huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar il-konnessjonijiet eżistenti tkun disponibbli f'post wieħed bil-għan li titħeġġeġ il-mobbiltà. Il-KESE jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi riveduta l-leġislazzjoni dwar l-għoti tal-viżi, bil-għan li jkun iżjed faċli għat-turisti mhux Ewropej li jivvjaġġaw, b'mod partikolari għat-turisti miċ-Ċina u swieq emerġenti oħra.

    1.7

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni remoti, b'mod partikolari fit-Tramuntana tal-Ewropa, pereżempju, il-kundizzjonijiet ambjentali ta' eċċellenza, l-iffaċilitar tat-trasport, id-disponibbiltà ta' tagħmir, komunikazzjoni u netwerks tal-WiFi li jattiraw it-turiżmu u jikkontribwixxu biex il-popolazzjonijiet jibqgħu jgħixu b'mod permanenti f'dawn ir-reġjuni.

    1.8

    Hemm bżonn urġenti ta' ġestjoni ġenwina tal-portijiet turistiċi minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-eżistenza ta' marini u dwar kif il-portijiet huma konnessi ma' xulxin, li jagħmel l-aċċess għall-jottijiet u għall-bastimenti tal-kruċieri diffiċli. Il-fatt li l-portijiet ma jiġux ġestiti b'mod adegwat huwa ta' xkiel għall-iżvilupp tat-turiżmu u l-moviment tal-persuni u l-beni. Il-Kummissjoni tista' tindirizza din il-kwistjoni mill-angolu tas-suq uniku u l-politiki tal-moviment liberu, u għandha tħabrek biex issewwi n-nuqqasijiet eżistenti.

    1.9

    Iż-żieda esponenzjali fit-turiżmu tal-kruċieri qed toħloq sitwazzjonijiet ġodda li l-impatt tagħhom għad irid jiġi analizzat b'mod adegwat. Għalkemm il-fatt li iżjed turisti qed iżuru ċerti portijiet huwa importanti għall-iżvilupp taż-żoni kostali, huwa essenzjali li jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt dannuż li t-traffiku tat-turisti fl-iżjed staġuni popolari jisgħu jikkawżaw fiż-żoni li jżuru. Jinħtieġu preparattivi adatti biex jiġu trattati r-riskji tat-tniġġis tal-ilma u l-arja mill-karburant użat mill-bastimenti l-kbar tal-kruċieri u r-riskji ambjentali marbutin mal-eluf ta' persuni li jżuru d-destinazzjonijiet turistiċi. Hemm bżonn ukoll ta' sforz biex tiġi kkoordinata l-informazzjoni dwar il-portijiet ta' waqfa ta' dawn il-bastimenti mal-aġenziji tat-turiżmu lokali, sabiex jiġu evitati flussi ta' turisti minn bastimenti tal-kruċieri li jaslu fl-istess ħin bħal oħrajn, li jistgħu jorganizzaw iż-żjarat tagħhom f'ħinijiet differenti tal-ġurnata.

    1.10

    Il-miżura proposta li jsir stħarriġ dwar il-bżonnijiet ta' taħriġ u titwaqqaf sezzjoni ta' “impjiegi blu” fil-Portal tal-EURES hija importanti, iżda huwa essenzjali wkoll li l-Kummissjoni tippubliċizza dan b'mod massiv u tniedi kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri dwar il-bżonn li r-riżultati tal-istħarriġ jiġu inklużi fil-politiki interni tagħhom dwar it-taħriġ. Il-miżuri ta' taħriġ li għandhom jiġu appoġġjati, li għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn il-persunal tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet fil-qasam tat-turiżmu iżda wkoll lejn min iħaddem fis-settur, għandhom jinkludu, minbarra s-suġġetti li jsaħħu l-kwalità tas-servizz turistiku, suġġetti li jgħinu jippromovu l-Ewropa bħala destinazzjoni turistika. Għandu jiġi enfasizzat li s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tat-turiżmu, il-wirt Ewropew u l-ambjent għandha tibda sa mill-edukazzjoni obbligatorja bil-għan li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma dwar dan minn età żgħira.

    1.11

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni tat-turiżmu tal-kruċieri, l-Ewropa għandha ssegwi mill-qrib il-politiki tal-impjieg li jħaddnu l-kumpaniji tal-kruċieri. L-impjieg taż-żgħażagħ Ewropej jista' u għandu jiġi protett f'settur li qed jikber u li għandu potenzjal kbir ta' impjegabbiltà.

    1.12

    Il-KESE jtenni l-importanza ta' ċerti dispożizzjonijiet li jistgħu jegħlbu l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tat-turiżmu, u t-turiżmu kostali u marittimu b'mod partikolari, pereżempju:

    il-promozzjoni ta' pjattaforma Ewropea b'informazzjoni integrata dwar konnessjonijiet bit-triq, il-ferrovija, il-baħar u l-ajru – id-diffikultajiet ta' mobbiltà marbutin mal-flussi tat-turisti jxekklu l-iżvilupp ta' reġjuni mbiegħda b'potenzjal kbir għat-turiżmu, b'mod partikolari fit-Tramuntana tal-Ewropa, minħabba nuqqas ta' informazzjoni dwar it-trasport disponibbli, id-diffikultajiet relatati mal-koordinazzjoni tat-trasport jew saħansitra n-nuqqas tiegħu;

    il-promozzjoni tat-turiżmu ambjentali u sostenibbli, it-turiżmu soċjali, it-turiżmu marittimu, it-turiżmu kulturali u sportiv, l-ivvjaġġar għall-finijiet ta' negozju, it-turiżmu tal-“benesseri” jew terapewtiku, it-turiżmu storiku, kulturali, reliġjuż jew gastronomiku;

    inċentivi għat-turiżmu għaċ-ċittadini mdaħħlin fl-età u l-persuni b'diżabbiltà, mobbiltà mnaqqsa jew bżonnijiet speċjali;

    ir-rikonoxximent tal-wirt kulturali Ewropew u l-patrimonju uniku tagħha li jiddistingwina minn reġjuni oħra, u l-protezzjoni u l-promozzjoni tiegħu bħala destinazzjoni turistika ta' eċċellenza;

    enfasi fuq il-promozzjoni tas-sigurtà li l-Ewropa tista' toffri lill-viżitaturi meta jkunu qed jivvjaġġaw u matul iż-żjara tagħhom, u b'relazzjoni għall-kwalità tal-ilma u s-sikurezza tal-ikel, il-kura medika, farmaċewtika u dik ipprovduta l-isptar, is-sigurtà personali u r-rispett għall-persuni u d-drittijiet fundamentali tagħhom.

    1.13

    Il-KESE jaqbel li jsir studju dwar il-preferenzi tat-turisti li jżuru jew għandhom il-ħsieb li jżuru l-Ewropa, li juri x'għamlu u x'ma għoġobhomx, ir-raġunijiet għala kieku jerġgħu jmorru jew dawk li jimpedixxuhom milli jagħmlu dan, u għala forsi jippreferu destinazzjonijiet mhux Ewropej. Dan l-istudju, li għandu jitqassam mill-operaturi turistiċi, il-portijiet u l-marini, l-assoċjazzjonijiet u l-awtoritajiet tat-turiżmu, il-gvernijiet u l-awtoritajiet Ewropej differenti jagħmilha possibbli nitgħallmu dwar l-imġiba u l-karatteristiċi tat-turisti, bil-għan li jservi bħala appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għat-tfassil ta' strateġiji konġunti għall-iżvilupp tas-settur.

    1.14

    Il-KESE jitlob ukoll li, bħala parti minn dibattitu dwar it-turiżmu u l-miżuri li għandhom jittieħdu, issir rabta bejn it-turiżmu marittimu u kostali u t-turiżmu tax-xmajjar, u jittieħed vantaġġ minn dak li għandhom x'joffru x-xmajjar u l-estwarji, bħala komplement għall-attivitajiet taż-żoni kostali. L-opportunitajiet li jipprovdu x-xmajjar jagħmluha possibbli li jiġu żviluppati prodotti ġodda bħall-kruċieri gastronomiċi, it-turiżmu rurali u l-ekoturiżmu, filwaqt li ż-żoni estwarji joffru valur kbir f'dak li jirrigwarda l-pajsaġġi u l-edukazzjoni u huma ideali għall-osservazzjoni tal-għasafar u l-bijodiversità li jikkaratterizzaw lil dawn il-postijiet.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Din il-Komunikazzjoni, li ssegwi dik tal-2010 (1), li fiha tħabbret strateġija għal turiżmu kostali u marittimu sostenibbli, u dik tal-2012 dwar “It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (2), tittratta wieħed mill-ħames setturi tal-ekonomija l-blu identifikati għal intervent prijoritarju: it-turiżmu kostali u marittimu.

    2.2

    Is-settur tat-turiżmu diġà ġie identifikat bħala katina importanti ta' valur li għandu l-potenzjal jiġġenera tkabbir u impjieg b'mod sostenibbli. It-turiżmu kostali u marittimu jirrappreżenta l-ikbar attività marittima fl-Ewropa, u jimpjega kważi 3,2 miljun ruħ, li kważi nofshom huma żgħażagħ. Dan is-settur, li jiġġenera EUR 183 elf miljun ta' valur miżjud gross, huwa magħmul l-iżjed minn mikrointrapriżi u SMEs, u fih joperaw iżjed minn terz tal-intrapriżi kollha tal-Ewropa relatati mat-turiżmu.

    2.3

    Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-isfidi li jiffaċċja s-settur, jiġifieri: it-tħeġġiġ tal-prestazzjoni u l-kompetittività permezz tat-titjib tal-għarfien, l-indirizzar tal-volatilità tad-domanda u l-frammentazzjoni fis-settur; il-promozzjoni tal-ħiliet u l-innovazzjoni; it-tisħiħ tas-sostenibbiltà billi jiġu indirizzati l-pressjonijiet ambjentali, u tiġi promossa offerta innovattiva, sostenibbli u ta' kwalità għolja; u l-iskoperta ta' opportunitajiet fir-restrizzjonijiet ġeografiċi bħalma jirrappreżentaw il-gżejjer u ż-żoni ultraperiferiċi.

    2.4

    Hija tittratta wkoll kwistjonijiet relatati mal-użu tal-fondi tal-UE u l-integrazzjoni tal-politiki tal-UE li għandhom impatt fuq it-turiżmu kostali u marittimu.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    It-tkabbir blu, li jħaddan setturi tradizzjonali u setturi emerġenti u li qed jiżviluppaw, huwa sfida kumplessa u ambizzjuża li għandha tiġi indirizzata permezz ta' approċċ integrat. L-iżvilupp taż-żoni kostali għandu jqis l-interessi tad-diversi setturi involuti, mingħajr ma jitwarrbu kwistjonijiet ambjentali, u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ġestjoni tat-territorju u tal-qasam marittimu, li jiddeterminaw il-prodotti turistiċi offruti. Għandha tingħata attenzjoni lid-dimensjoni intersettorjali meħtieġa għal din il-kwistjoni, għax mingħajr il-protezzjoni tal-użu tal-art u l-ħarsien ambjentali la jista' jiġi żviluppat it-turiżmu kostali u lanqas kwalunkwe tip ieħor ta' turiżmu. Filwaqt li ċertament huwa importanti li tintuża enerġija rinnovabbli – li għandha tiġi promossa b'mod intensiv – għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-post fejn titqiegħed l-infrastruttura, b'mod li jkun possibbli l-iżvilupp ta' attivitajiet turistiċi marittimi. Għandu jiġi evitat li jitpoġġew impjanti tal-enerġija nukleari fiż-żoni ta' attrazzjonijiet turistiċi.

    Jeħtieġ li jkun hemm bilanċ dinamiku fiż-żoni kostali, peress li t-temp u l-attivitajiet tal-bniedem huma sorsi ta' tibdil kontinwu. Ir-riżorsi naturali jipprovdu s-sisien għall-ekonomiji u, flimkien mal-innovazzjoni, għandhom jitqiesu bħala pilastri għal tkabbir intelliġenti u soċjalment inklużiv.

    3.2

    Il-problemi ewlenin fil-qasam tat-turiżmu baqgħu l-istess matul is-snin: il-bżonn li jingħelbu l-isfidi tal-fluttwazzjonijiet staġjonali; l-impjieg prekarju bi ftit li xejn kwalifiki (l-iżjed fost iż-żgħażagħ); in-nuqqas ta' prodotti ġodda u innovattivi; u d-diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, Għalhekk, huwa kruċjali li jiġi stabbilit qafas politiku Ewropew għall-iżvilupp tat-turiżmu, politika Ewropea ġenwina dwar it-turiżmu, li torjenta l-istrateġiji konġunti ta' żvilupp filwaqt li tirrispetta l-libertà tal-Istati Membri li jiżviluppaw il-politika tagħhom fil-livell nazzjonali.

    3.3

    Il-ġlieda kontra l-fluttwazzjonijiet staġjonali fit-turiżmu marittimu u kostali għandu jinvolvi prodotti ġodda biex jitħajru konsumaturi ġodda, l-iżjed fl-istaġun batut. L-iżvilupp ta' prodotti ġodda għat-turiżmu tal-persuni mdaħħlin fl-età jew ta' gruppi żvantaġġati, l-isfruttar tal-potenzjal tat-turiżmu nawtiku, kemm jekk tbaħħir għal skopijiet ta' rikreazzjoni (bastimeni bil-qlugħ jew bil-mutur), sport nawtiku (tbaħħir bid-dinghy, windsurfing, kite-surfing, surfing, bodyboarding, qdif, qdif tal-kenuri, skijjar fuq l-ilma, power boating, sajd sportiv, kaċċa u għadis f'qiegħ il-baħar, inkluż ukoll għadis f'postijiet fejn hemm bastimenti nawfragati f'qiegħ il-baħar) jew vjaġġi jew kruċieri bil-bastimenti, u l-iżvilupp ta' turiżmu marbut mal-ispas jew il-golf u mat-turiżmu ambjentali huwa mod kif jista' jiżdied l-għadd ta' viżitaturi fl-istaġun batut, u b'hekk l-abitanti jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b'mod permanenti fir-reġjuni li jiddependu mit-turiżmu. Anke l-għajnuna għall-iżvilupp, l-iżjed fiż-żoni remoti, ta' industriji ġodda orjentati lejn it-turiżmu li jużaw prodotti minn żoni kostali u l-aċċess universali għal netwerks tal-broadband jistgħu jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-fluttwazzjonijiet staġjonali u jkunu fattur li jattira liż-żgħażagħ lejn dawn iż-żoni.

    3.4

    Xi wħud minn dawn l-attivitajiet nawtiċi inqas tradizzjonali diġà ġew żviluppati b'mod wiesa' minn klabbs sportivi lokali li l-għarfien espert tagħhom jista' jsir użu siewi minnu. L-appoġġ lit-turiżmu nawtiku għandu jiġi konkretizzat u għandu jiġi rregolat, u għandhom jinħolqu infrastrutturi ġodda u jiġu modernizzati dawk li diġà jeżistu, kif ukoll jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda biex tali attivitajiet ikunu jistgħu jsiru disponibbli, għaliex huma attraenti ħafna għall-gruppi inqas tradizzjonali tal-popolazzjoni.

    It-turiżmu marittimu u kostali huwa marbut, f'għadd ta' postijiet, mat-turiżmu tax-xmajjar. Ir-rabtiet mill-qrib bejn dawn iż-żewġ attivitajiet ma għandhomx jiġu injorati, u huwa rakkomandat li jiġu stabbiliti strateġiji komuni ta' żvilupp. It-tbaħħir ta' rikreazzjoni, minn din il-perspettiva, huwa attività li għandha tingħata spinta, bl-iżvilupp ta' prodotti ġodda li jikkombinaw il-potenzjal tal-attivitajiet tal-baħar u tax-xmajjar.

    3.5

    It-turiżmu ma jistax jiġi kkunsidrat b'mod separat, iżda pjuttost bħala settur milqut minn għadd ta' politiki tal-UE, b'mod partikolari t-trasport, l-impjieg, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-innovazzjoni, is-sikurezza u l-politiki tal-konsumatur, fost affarijiet oħra. Dawn il-problemi għandhom jiġu indirizzati permezz ta' approċċ integrat, peress li l-miżuri tal-politiki differenti jinfluwenzaw b'mod dirett il-prestazzjoni tas-settur.

    3.6

    Peress li ma għandhiex kompetenzi biex tintervjeni direttament fit-turiżmu, il-Kummissjoni tista' ssolvi wħud mill-problemi permezz ta' miżuri li huma fil-kompetenza tagħha rigward il-promozzjoni tas-suq uniku, jiġifieri b'relazzjoni għall-moviment liberu tal-persuni u l-beni, u għanijiet relatati mal-ħolqien tas-suq uniku, u tittratta kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tat-turiżmu u jolqtu oqsma oħra fejn, mhux biss hija possibbli li tittieħed azzjoni, iżda hija mixtieqa wkoll.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    L-informazzjoni dwar is-settur tat-turiżmu hija pjuttost frammentata, u dan jagħmilha diffiċli li jsiru studji u valutazzjonijiet, peress li jew hemm nuqqas ta' data inkella ta' indikaturi speċifiċi li jagħmlu possibbli li jsiru paraguni. Il-KESES jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni li dan in-nuqqas jissewwa, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minn mindu ġiet ippubblikata l-Komunikazzjoni fl-2010 li fiha ġiet identifikata din il-problema, ftit li xejn kien hemm progress f'dan ir-rigward.

    4.2

    L-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromovi t-turiżmu ta' kwalità għolja li l-Ewropa tista' toffri jista' jagħmel kontribut għat-tnaqqis tal-fluttwazzjonijiet staġjonali u l-problemi soċjali u ekonomiċi relatati ma' dan. L-Ewropa qed tiffaċċja kompetizzjoni minn destinazzjonijiet ġodda fil-pajjiżi emerġenti, li joffru prezzijiet baxxi li huma attraenti iżda mhux l-istess livell ta' sikurezza jew ġid kulturali. Il-promozzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika għandha tissejjes fuq il-kwalità bħala l-element li jiddistingwi lill-Ewropa u fuq l-akbar assi tal-Ewropa: il-wirt kulturali uniku, is-sikurezza, id-diversità tas-servizzi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-faċilitajiet ta' aċċess għall-persuni b'diżabbiltà u bżonnijiet speċjali, u d-disponibbiltà ta' telekomunikazzjoni u netwerks tal-WiFi. Jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u l-preservazzjoni tiegħu huwa fundamentali għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u inklużiv.

    4.3

    Għandha tingħta attenzjoni speċjali wkoll lit-turiżmu tal-persuni mdaħħlin fl-età. Fi żmien ta' tixjiħ demografiku, għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq it-turiżmu relatat mas-saħħa u fuq il-wirt kulturali u naturali meta jkunu qed jiġu żviluppati strateġiji għas-settur. Fl-aħħar nett, huma turisti ta' 'l fuq minn 50 sena li l-iżjed li jonfqu u huma ċ-ċittadini mdaħħlin fl-età li għandhom l-iżjed ħin biex jivvjaġġaw u li jippreferu jagħmlu dan fl-istaġun batut.

    4.4

    Is-suq tal-kruċieri kiber b'mod sostanzjali. Madankollu, l-impatt reali tal-portijiet ta' waqfa fuq l-attivitajiet kostali huwa żgħir, peress li waqfiet bħal dawn huma qosra u n-negozji lokali ma jiġux reklamati kif imiss. Il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-operaturi tal-kruċieri, il-portijiet u l-partijiet interessati fit-turiżmu kostali kif propost fil-Komunikazzjoni huwa importanti, u għandu jsir fil-qafas tal-iżvilupp ta' sħubijiet transnazzjonali u interreġjonali, netwerks, clusters u strateġiji bi speċjalizzazzjoni intelliġenti li jiġġieldu l-frammentazzjoni tas-settur. Huwa ġenwinament effettiv li ssir ħidma f'netwerk, u t-turiżmu għandu jagħmel użu minn din il-possibbiltà. Tali appoġġ jista' jiġi promoss bħala parti mill-attivitajiet tal-aġenzija Ewropea tat-turiżmu proposta hawn fuq, li sservi ta' pjattaforma għal dibattitu wiesa' dwar il-problemi tas-settur u bħala bażi għan-netwerks u l-kooperazzjoni.

    4.5

    It-taħriġ ta' persunal ikkwalifikat huwa kruċjali għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Is-settur tat-turiżmu qed jiffaċċja diffikultajiet partikolari biex isib ħaddiema kwalifikati, peress li jimpjega għadd kbir ta' żgħażagħ f'xogħol staġjonali u impjiegi prekarji, bi ftit li xejn opportunitajiet għal avvanz fil-karriera. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tas-sezzjoni “impjiegi blu” fil-portal tal-EURES u l-istħarriġ dwar il-bżonnijiet ta' taħriġ fis-settur tat-turiżmu. Huwa jirrakkomana li l-Istati Membri jintalbu jinkludu r-riżultati tal-istħarriġ meta jkunu qed jippromovu l-opportunitajiet ta' taħriġ iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew u sorsi privati oħra, u li jkun hemm inċentivi għall-iskejjel eżistenti biex jaħdmu flimkien f'netwerks u proġetti relatati mas-settur tat-turiżmu taħt il-programm Erasmus +. Dan għandu jinkludi wkoll it-taħriġ għal min iħaddem fis-settur li jiffamiljarizzahom ma' prattiki tajbin ta' ġestjoni li jistgħu jadottaw, taġġornahom dwar il-leġislazzjoni fis-seħħ u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tagħmilhom konxji tal-ambjent u kwistjonijiet speċifiċi fis-settur tat-turiżmu.

    4.6

    Rigward il-problema li l-Istati Membri jeħtieġu kompetenzi differenti għall-kaptani tal-bastimenti, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni mhijex ambizzjuża biżżejjed fil-proposti tagħha. Għalkemm ma hemm l-ebda dubju li s-setgħat tal-Kummissjoni huma limitati fil-qasam tat-turiżmu, ma nistgħux ngħidu l-istess f'dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-persuni u l-ħolqien tas-suq uniku, l-oqsma li jkopru din il-kwistjoni.

    4.7

    Għandu jkun hemm inċentivi għall-użu ta' sistemi ta' ġestjoni innovattivi permezz tal-portal ta' inizjattiva “ICT and Tourism Business”. Għandu jiġi osservat li dan il-portal, promoss mill-Kummissjoni, u bosta siti elettroniċi relatati mat-turiżmu bħall-Osservatorju Virtwali tat-Turiżmu, il-pjattaforma TourismLink u l-pjattaforma eCalypso, ma ġewx tradotti bil-lingwi kollha, liema fatt jista' jkun ta' xkiel jew ta' disinċentiv għall-utenti ta' ċerti pajjiżi.

    4.8

    Is-sostenibbiltà tat-turiżmu kostali u marittimu għandu jissejjes fuq ir-rispett sħiħ tal-ambjent, u ż-żoni terrestri u marittimi għandhom jitqiesu bħala li huma interkonnessi. It-tisħiħ tas-sostenibbiltà permezz tal-miżuri proposti huwa ta' importanza kbira għall-iżvilupp ta' prodotti ġodda, inkluż il-ġid patrimonjali Ewropew u r-rispett tal-ambjent. Għal darb'oħra, huwa ċar li l-miżuri f'oqsma oħra bħall-ambjent, il-baħar u t-trasport huma marbutin mat-turiżmu; għalhekk, fl-inizjattivi tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-konsegwenzi għas-settur tat-turiżmu.

    4.9

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tat-turiżmu fl-għanijiet speċifiċi tal-programm COSME għall-perjodu 2014-2020, u jqis dan bħala opportunità importanti għall-iżvilupp tas-settur billi tiġi appoġġjata l-promozzjoni ta' proġetti fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-adozzjoni ta' mudelli sostenibbli ta' żvilupp turistiku promossi mid-Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza. It-tħejjija ta' gwida onlajn bl-opportunitajiet prinċipali ta' finanzjament jistħoqqilha wkoll l-appoġġ tal-KESE, fid-dawl tan-natura trasversali potenzjali tal-inizjattivi fil-qasam tat-turiżmu. Għal darb'oħra, għandu jiġi osservat li l-ostakli lingwistiċi jistgħu jxekklu l-konsultazzjoni u l-interpretazzjoni tal-gwida onlajn.

    Brussell, 9 ta' Lulju 2014

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2010) 352 final – Opinjoni tal-KESE: ĠU C 376, 22.12.2011, p. 44

    (2)  COM(2012) 494 final – Opinjoni tal-KESE: ĠU C 161, 6.6.2013, p. 87


    Top