Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IP0152

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' April 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2006/2207(INI))

ĠU C 74E, 20.3.2008, p. 653–658 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

52007IP0152

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' April 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2006/2207(INI))

Official Journal 074 E , 20/03/2008 P. 0653 - 0658


P6_TA(2007)0152

Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l- 25 ta' April 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2006/2207(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Azzjonijiet ta' Riżarċiment tad-Danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2005)0672) (Green Paper dwar id-Danni),

- wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004 (SEC(2005)0805),

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 15 ta' Novembru 1961 [1], bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill tal-Ministri tal-KEE li l-Parlament jiġi kkonsultat fir-rigward tal-proposta għal regolament inizjali ta' implimentazzjoni dwar l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KEE,

- wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni fl-ittrattament ta' każijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE [2],

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat- 23 u l- 24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ta' Gothenburg tal- 15 u s- 16 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill Ewropew ta' Laeken ta' l- 14 u l- 15 ta' Diċembru 2001, il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal- 15 u s- 16 ta' Marzu 2002, u l-Kunsilli Ewropej ta' Brussell ta' l- 20 u l- 21 ta' Marzu 2003, tal- 25 u s- 26 ta' Marzu 2004, tat- 22 u t- 23 ta' Marzu 2005 u tat- 23 u l- 24 ta' Marzu 2006,

- wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat f'Novembru 2004 mill-Grupp ta' Livell Għoli, bit-titolu "Niffaċċjaw l-isfida — L-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi",

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas- 16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [3], ir-Regolament tal- Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas- 7 ta' April 2004 dwar il-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE [4] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l- 20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi [5],

- wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jirrikonoxxu d-dritt għal ħarsien effettiv ġudizzjarju, u b'mod partikulari d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll ilprotokolli tagħhom,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l- Libertajiet Fundamentali u l-protokolli tagħha,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea [6],

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0133/2007),

A. billi l-politika tal-kompetizzjoni kienet tifforma parti mill-esperiment ta' integrazzjoni ta' l-Ewropa sa mill-bidu, u hija element ewlieni tal-proċess tal-bini ta' l-Unjoni Ewropea,

B. billi l-kompetizzjoni ħielsa u mingħajr tfixkil hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u Göteborg, il-vitalità tas-suq intern, l-eċċellenza imprenditorjali, l-interessi tal-konsumatur u lgħanijiet ta' l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-aġir anti-kompetittiv jagħmel ħsara lil dawn l-objettivi,

C. billi l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE huma dispożizzjonijiet tal-politika pubblika li għandhom effetti diretti u li għandhom jiġu applikati b'mod awtomatiku mill-awtoritajiet kompetenti; billi dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu drittijiet bejn individwi, li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw b'mod effettiv b'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, inkluża l-kawża 26/62 [7] (Van Gend & Loos), li hija notevoli partikolarment għaliex hija prekursur ta' kawżi suċċessivi,

D. billi fl-Istati Membri, il-liġi dwar il-kompetizzjoni hija primarjament infurzata permezz tal-kanali tal-liġi pubblika u fil-livell ta' l-Istati Membri jeżistu differenzi u ostakli konsiderevoli li jistgħu jżommu lil dawk li jistgħu jagħmlu t-talba milli jfittxu kumpens,

E. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsidraikkonsidra li, fin-nuqqas ta' regoli Komunitarji li jirregolaw id-dritt tal-vittmi li jippreżentaw talba għal danni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali hija s-sistema legali domestika ta' kull Stat Membru li trid tindika l-qrati u t-tribunali li jkollhom ġuriżdizzjoni u li tistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet li individwi jiksbu b'mod dirett mil-liġi Komunitarja, sakemm tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (b'konformità mal-prinċipju ta' l-ekwivalenza), u sakemm huma ma jagħmlux l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mil-liġi Komunitarja (b'konformità mal-prinċipju ta' effettività) prattikament impossibbli jew diffiċli wisq,

F. billi l-użu rari u eċċezzjonali ta' azzjonijiet privati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, kif jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 1/2003, jindika li hemm bżonn ta' miżuri biex jiffaċilitaw it-talbiet għal azzjoni kontra danni; billi miżuri bħal dawn għandhom iżidu l-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-regoli ta' proċedura u ta' evidenza differenti fl-Istati Membri; billi dan m'għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn intrapriżi li jaġixxu ekonomikament b'mod legali jitpoġġew f'riskju żejjed li jħallsu għal talbiet mhux ġustifikati, jew li jbiddlu l-pożizzjoni tagħhombiex jevitaw il-litigazzjoni, li tqum ħafna flus.

G. billi l-konsumaturi u n-negozji li sofrew danni bħala riżultat ta' ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għandu jkollhom dritt għal kumpens,

H. billi żviluppi fir-regoli tal-ġustizzja ċivili ta' l-UE, b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-ġustizzja, ma' żammewx il-pass ma' żviluppi riċenti fil-liġi tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern,

I. billi fil-Kawża C-453/99 [8] il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikun żgurat li l-Artikolu 81 tat- Trattat ikun effettiv għal kollox, individwi u kumpaniji jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu li jkun sarilhom minnħabba kuntratt jew b'imġiba li tillimita jew tgħawweġ il-kompetizzjoni,

J. billi l-mekkaniżmi ta' riparazzjoni għal ksur tar-regoli antitrust fil-livell Ewropew ma jiggarantux l-effettività sħiħa ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat, b'mod partikolari fir-rigward tal-vittmi,

K. billi ħafna Stati Membri qed jeżaminaw metodi sabiex jipproteġu aħjar lill-konsumaturi billi jippermettu azzjonijiet kollettivi, u billi azzjonijiet differenti jistgħu jwasslu għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern,

L. billi kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni f'oqsma li għalihom il-Kummissjoni ma għandiex kompetenza esklussiva trid, skond it-trattat, tikkonforma mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

1. Jinnota li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità se jbatu minn nuqqas ta' effett dissważiv, u l-effettività tagħhom ser tkun kompromessa, jekk kwalunkwe persuna li taġixxi b'mod proskritt tkun tista' tgawdi vantaġġi fis-suq jew immunità fir-rigward tal-ksur tagħhom minħabba ostakoli għal talbiet sħaħ għal riżarċiment tad-danni; jikkonsidra li għandhom ikunu faċilitati l-metodi biex jittieħdu azzjonijiet legali mir-rappreżentanti ta' l-interess pubbliku u mill-vittmi;

2. Jikkonsidra li ċ-ċittadini jew in-negozji li jsofru danni bħala riżultat ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għandu jkollhom l-opportunità li jitolbu kumpens għat-telf tagħhom;

3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt tal-vittmi li sofrew telf bħala riżultat ta' mġieba anti-kompetittiva biex iressru azzjonijiet legali "indipendenti" jew "ta' segwitu" biex jieħdukumpens; jilqa' għalhekk il-Green Paper dwar id-danni kif ukoll il-ħidma ta' preparazzjoni marbuta magħha;

4. Jitlob, bil-għan li tiġi promossa l-kompetizzjoni aktar milli l-litigazzjoni, għall-promozzjoni ta' arranġamenti extra-ġudizzjarji amikevoli u b'ħeffa, u l-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar l-eċċezzjonijiet li jistgħu jinġiebu f'talbiet għal danni li jirriżultaw minn aġir anti-kompetittiv, u jinnota li fil-każ li l-parti li allegatament tiġi akkużata li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tiddikjara u tagħti prova li ngħata kumpens għad-danni qabel il-konklużjoni tal-proċeduri, dan jista' jitqies bħala fattur mitiganti fid-deċiżjoni biex jiġi stabbilit lammont ta' kumpens li għandu jingħata; jilqa' wkoll b'sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea jistgħu, sa ċertu punt, jassumu l-irwol ta' instituzzjoni ta' arbitraġġ billi jamministraw proċeduri ta' arbitraġġ, inkluża n-nomina ta' arbitru fuq talba tal-partijiet;

5. Jikkonsidra, għalhekk, li s-sistemi legali ta' l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri effettivi ta' liġi ċivili li permezz tagħhom ikun ji sta' jintalab kumpens għal danni li jirriżultaw minn ksur tal-liġitalkompetizzjoni;

6. Huwa tal-fehma li l-istituzzjoni ta' azzjonijiet privati għandu jkun kumplimentari għal u kompatibilli ma' l-infurzar pubbliku, li, min-naħa tiegħu, jista' jsir aktar strateġiku u selettiv fin-natura tiegħu, billi jiffoka fuq il-kwistjonijiet l-aktar importanti u sinifikattivi; jikkonsidra, madankollu, li tali bidla fl-enfasi m'għandiex tfisser ġustifikazzjoni għan-nuqqas fir-riżorsi li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti;

7. Jitlob li l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jiġu implimentati b'mod uniformi, irrispettivament min-natura amministrattiva jew ġudizzjarja ta' l-awtorità li tadotta d-deċiżjoni; huwa tal-fehma li deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu konsistenti u għandhom jirriflettu prinċipji komuni ta' sigurtà u effettività li jevitaw it-tagħwiġ u l-inkonsistenza fi ħdan l-Unjoni; jikkonsidra li l-objettiv għandu jkun li wieħed jasal għal proċeduri u sitwazzjoni fejn deċiżjoni finali li tkun diġà ngħatat minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCA) jew awtorità nazzjonali ġudizzjarja tkun torbot lill-Istati Membri kollha sakemm il-partijiet u ċirkostanzi tal-każ ikunu l-istess;

8. Jenfasizza li huwa kruċjali li l-awtoritajiet ġudizzjarji jiġu pprovduti b'taħriġ fil-liġi tal-kompetizzjoni sabiex jiżguraw il-kwalità tas-sentenzi tagħhom, u biex jirrispettaw l-importanza essenzjali li l-proċeduri jiġu mmaniġġjati minn korpi speċjalizzati jew kwalifikati ħafna;

9. Isostni li sabiex jiġu mħarsa l-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-vittmi, l-awtoritajiet ġudizzjarji kollha li jimplimentaw ir-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni għandhom ikunu jistgħu jadottaw miżuri proviżorji, jordnaw miżuri ta' inkjesta u jagħmlu użu mill-poteri ta' investigazzjoni tagħhom fejn hu neċessarju;

10. Jenfasizza li, għall-iskopijiet biex jiġu stabbiliti l-fatti relevanti għall-applikazzjoni ta' Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom igawdu setgħat komparabbli ma' dawk mogħtija lill-NCAs, u li, biex tiġi żgurata l-konsistenza, hemm ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-NCAs u lqrati nazzjonali u wkoll fost l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali;

11. Jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità għandhom ikollhom kriterji uniformi għall-istabbiliment tal-piż tal-prova; jinnota li jista' jkun meħtieġ li tkun ikkunsidrata l-asimettrija ta' l-informazzjoni disponibbli għal-partijiet; jissuġġerixxi li fil-proċeduri legali, ilfatti għandhom ikunu meqjusa stabbiliti meta l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun sodisfatta mill-eżistenza ta' ksur u dannu b'rabta kawżali;

12. Jitlob li l-awtoritajiet ġudizzjali responsabbli mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni jingħataw issetgħa li jordnaw aċċess għall-informazzjoni relevanti għar-riżultat finali tal-proċess għad-danni, suġġett għal smigħ minn qabel tal-parti l-oħra ħlief f'każijiet urġenti, permezz ta' miżuri proporzjonati taħt is-superviżjoni tagħhom; jiġbed l-attenzjoni li fl-aċċess ta' informazzjoni rilevanti għar-riżultat finali tal-proċess ikunu rispettati l-leġittimità tas-sigriet professjonali fir-relazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, is-sigrieti tan-negozju ta' l-operaturi ekonomiċi u l-leġiżlazzjoni dwar sigrieti uffiċjali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex malajr kemm jista' jkun, tfassal komunikazzjoni dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali millawtoritajiet li japplikaw il-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jaċċettaw li sejbien ta' ksur li tkun waslet għalih l-NCA, ladarba jkun finali u, fejn ikun xieraq, ikkonfermat fl-appell, ikun jikkostitwixxi awtomatikament prova prima facie ta' nuqqas fi proċeduri ċivili li jinvolvu l-istess kwistjonijiet, sakemm il-konvenut kellu opportunità xierqa li jiddefendi lilu nnifsu fil-proċeduri amministrattivi;

14. Jikkonsidra ukoll li mhuwiex neċessarju li jiddiskuti u jippreskrivi fil-livell ta' Komunità l-bżonn li jinħatru esperti;

15. Jikkonsidra li r-Regolament propost dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali (Rome II) għandu jipprovdi soluzzjoni sodisfaċenti ħlief fejn l-aġir antikompetittiv jaffettwa l-kompetizzjoni f'iktar minn Stat Membru wieħed, u li għalhekk għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' regola speċifika relatata ma każijiet bħal dawn;

16. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali sabiex jikkoperaw għall-ħarsien ta' l-informazzjoni kunfidenzjali u għall-effettività tal-programmi ta' klemenza; jikkonsidra li fil-każ ta' kunflitt relatat mal-kwistjonijiet ta' l-aċċess u l-ipproċessar ta' informazzjoni bħal din li tkun disponibbli għall-membri tan-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN), dan il-kunflitt għandu jiġu riżolt fid-dawl ta' l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja mill-Qorti tal-Ġustizzja;

17. Jenfasizza li l-ħlasijiet mogħtija lill-kwerelanti għandhom jkunu kompensatorji u m'għandhomx jeċċedu d-danni reali (damnum emergens) u t-telf (lucrum cessans) li jkunu ġarrbu, sabiex jiġi evitat l-arrikkiment inġust (indebiti solutio), u sabiex tkun tqieset il-ħila tal-vittma li jimmitiga d-danni u t-telf; jissuġġerixxi, madankollu, li, fil-każ ta' kartels, li l-ewwel applikanti li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi programmi ta' klemenza m'għandhomx ikunu responsabbli flimkien u separatament mal-persuni l-oħra li jkunu kisru r-regoli, u li l-interessi għandhom jiġu kkalkolati mid-data tar-reat;

18. Jikkonsidra li kwalunkwe miżura proposta trid tirrispetta kompletament il-politika pubblika ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' danni punittivi;

19. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-fatt li l-possibilità li jinvokaw difiża "passingon" jista' jkollha effett negattiv fuq il-kalkolu tad-danni u fuq ir-rabta kawżali;

20. Jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-vittmi kollha għandhom ikunu jistgħu jressqu azzjoni legali; huwa tal-fehma li Stati Membri li jipprovdu għal azzjonijiet għal telf indirett għandhom joffru lill-konvenut il-possibilità li jargumenta li l-profitti kollha jew parti mill-profitti li għamel bħala riżultat tarreat ġew mgħoddija lill-partijiet terzi (id-difiża passing-on), sabiex tiġi evitata l-possibilità ta' arrikkiment inġust; jinnota li, għaldaqstant, huwa essenzjali li jkun hemm mekkaniżmu għat-talbiet multipli żgħar;

21. Huwa tal-fehma li, fl-interessi tal-ġustizzja u għal raġunijiet ta' ekonomija, ħeffa u konsistenza, ilvittmi għandhom ikunu jistgħu b'mod voluntarju jressqu azzjonijiet kollettivi, sew b'mod dirett sew permezz ta' organizzazzjonijiet li l-istatut tagħhom għandu dan l-objettiv;

22. Jinnota li f'diversi każi, se jkun hemm asimettrija ta' riżorsi bejn il-kwerelant u l-konvenut fil-proċeduri legali għad-danni li ġejjin minn imġieba anti-kompetittiva u f'dawn il-każijiet, il-kwerelanti m'għandhomx jiġu mxekkla milli jieħu azzjonijiet ta' riżarċiment ta' danni, li jkollhom bażi soda, minħabba l-biża' li jkollhom iħallsu spejjeż legali eċċessivi inklużi l-ispejjeż tal-konvenut jekk l-azzjoni ma jkollhiex suċċess; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu jistgħu jikkunsidraw is-sitwazzjonijiet ekonomiċi differenti tal-partijiet u fejn ikun xieraq għandhom jagħmlu evalwazzjoni fil-ftuħ tal-proċeduri; jikkonsidra li l-livell ta' l-ispejjeż għandu jkun ibbażat fuq kriterji raġonevoli u oġġettivi, b'kont meħud tannatura tal-proċess, u għandu jinkludi l-ispejjeż kollha li joħolqu l-proċeduri legali;

23. Jirrakkomanda li fil-qafas ta' programmi ta' għajnuniet pubbliċi li jistgħu jkunu adottati b'mod leġittimu sabiex ikunu ffaċilitati l-azzjonijiet privati ta' riżarċiment ta' danni u telf minħabba mġiba mhux kompettitiva, ikunu stipulati kundizzjonijiet ċari fir-rigward tas-sorveljanza tal-proċedimenti u r-rimborż ta' lgħajnuniet ta' dan it-tip, speċjalment fejn il-każ ikun deċiż u l-kontravventur jiġi ordnat li jħallas l-ispejjeż;

24. Jikkonsidra li l-perjodi nazzjonali ta' preskrizzjoni għall-azzjonijiet minħabba ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-Komunità għandhom jippermettu li jitressqu azzjonijiet fi żmien sena minn deċiżjoni tal-Kummissjoni jew minn sejbien ta' NCA li tistabbilixxi l-ksur tar-regoli msemmija (jew fil-każ ta' appell, sena minn meta jinqata' l-appell); Jikkonsidra li, meta ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni ta' dan it-tip, għandu jkun possibbli li jitressqu azzjonijiet għar-riżarċiment ta' danni b'riżultat ta' ksur ta' l-Artikoli 81 u 82 tat- Trattat jew tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità fi kwalunkwe ħin fil-perjodu li matulu l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni li timponi multa minħabba t-tali ksur; jikkunsidra li ż-żmien għandu jiġi sospiż waqt il-perjodu ddedikat għad-diskussjonijiet formali kollha jew għall-medjazzjoni bejn il-partijiet;

25. Jissuġġerixxi li ż-żmien ta' preskrizzjoni li japplika għad-dritt li jintalab kumpens fil-każ ta' ksur talliġi dwar il-kompetizzjoni għandu jiġi sospiż miż-żmien meta l-Kummissjoni jew l-NCA fi Stat Membru jew aktar jiftħu investigazzjoni dwar dan il-ksur;

26. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li t-tressiq ta' azzjonijiet privati għar-riżarċiment ta' danni ma jaffetwax is-setgħat jew ir-responsabilitajiet fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, li ngħataw lill-Kummissjoni permezz tat-Trattat;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, kemm jista' jkun malajr, tadotta linji gwida għall-forniment ta' assistenza għall-partijiet sabiex jiġu kwantifikati d-danni li jkunu ġarrbu u tiġi stabbilita r-rabta kawżali; jitlob ukoll li tingħata prijorità lit-tfassil ta' komunikazzjoni dwar it-tressiq ta' azzjonijiet legali indipendenti, liema komunikazzjoni tkun tinkludi rakkomandazzjonijiet għall-preżentata ta' talbiet u eżempji għall-aktar każi frekwenti;

28. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprepara White Paper bi proposti dettaljati biex jiġi ffaċilitat ittressiq ta' azzjonijiet privati "indipendenti" u "ta' segwitu" għar-riżarċiment ta' danni minħabba mġiba li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità, li, b'mod komprensiv, tindirizza l-kwistjonijiet mqajma f'din ir-Riżoluzzjoni u li, fejn hu xieraq, tikkonsidra qafas legali adatt; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tinkludi fiha proposti għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha responsabbli biex japplikaw ir-regoli Komunitarji dwaril-kompetizzjoni;

29. Jikkonsidra li kwalunkwe inizjattiva tal-Kummissjoni li tirregola d-dritt tal-vittmi li jfittxu għad-danni fl-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali trid tkun akkumpanjata minn studju ta' impatt;

30. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jitnaqqsu kwalunkwe ostakli transkonfinali li ma jħallux liċ-ċittadini u n-negozji ta' l-UE jippreżentaw talbiet għal danni transkonfinali f'każi ta' ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni fl-Istati Membri; jikkonsidra li, jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni legali sabiex tneħħi ostakli ta' dan it-tip;

31. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li fihom iċ-ċittadini u n-negozji għad m'għandhomx dritt effettiv ta' dan it-tip li jitolbu kumpens sabiex jadattaw il-liġi proċedurali ċivili tagħhom;

32. Jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu rwol ko-leġiżlattiv fil-qasam tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u li għandu jinżamm infurmat b'mod regolari dwar l-azzjonijiet legali privati mressqa;

33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali.

[1] ĠU 61, 15.11.1961, p. 1409.

[2] ĠU C 313, 15.10.1997, p. 3.

[3] ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

[4] ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

[5] ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

[6] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

[7] Kawża 26/62, NV Algemene Transport-en Expeditie Onderneming van Gend en Loos v Dipartiment tat-Taxxi Interni ta'l- Olanda [1963] ECR-1.

[8] Kawża C-453/99, Courage Ltd v Crehan [2001] ECR I-6297 u s-sentenza tat- 13 ta' Lulju 2006 fil-kawżi konġunti C- 295/04 sa 298/04, Manfredi et v Lloyd Adriatico Assicurazioni SpA et, għandhom mhux ippublikati fir-Rapporti tal- Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 2006 pI 6619.

--------------------------------------------------

Top