EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2163

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2163 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tar-regoli tal-oriġini li ġew stabbiliti fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni

C/2020/9297

ĠU L 431, 21.12.2020, p. 55–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2163/oj

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/55


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2163

tat-18 ta’ Diċembru 2020

dwar l-implimentazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tar-regoli tal-oriġini li ġew stabbiliti fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Protokoll”) itenni li l-Irlanda ta’ Fuq hija parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit, u li xejn fil-Protokoll ma jipprevjeni lir-Renju Unit milli jinkludi l-Irlanda ta’ Fuq fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Iskedi ta’ Konċessjonijiet tagħha annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“GATT 1994”). Għalhekk għall-fini tal-applikazzjoni tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali, il-pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġamenti kummerċjali preferenzjali ma jistgħux iqisu lill-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mill-Unjoni. B’mod partikolari, għall-fini tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumulazzjoni, il-merkanzija li toriġina jew li tiġu proċessata fl-Irlanda ta’ Fuq m’għandhiex titqies bħala merkanzija li toriġina jew li tiġi proċessata fl-Unjoni.

(3)

Madankollu, l-Artikolu 13(1) tal-Protokoll jipprevedi li kwalunkwe referenza għat-territorju doganali tal-Unjoni fil-Protokoll, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula applikabbli għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-Protokoll, tapplika għat-territorju tal-art tal-Irlanda ta’ Fuq. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 u obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, jew mill-Istati Membri tagħha b’ħidma konġunta, sakemm dawn ikollhom x’jaqsmu ma’ kummerċ f’merkanzija bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, japplikaw għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(4)

L-arranġamenti bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit taħt il-Protokoll ma jagħtux lok għal drittijiet u obbligi għal pajjiżi terzi oħra.

(5)

Skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 56(2)(d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-liġi doganali tal-Unjoni tinkludi miżuri ta’ tariffi preferenzjali skont l-arranġamenti li l-Unjoni kkonkludiet ma’ jew adottat b’mod unilaterali mir-rigward ta’ ċerti pajjiżi jew territorji barra t-territorju doganali tagħha jew gruppi ta’ pajjiżi jew territorji bħal dawn.

(6)

Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, sabiex jibbenefikaw min miżuri ta’ tariffi preferenzjali fl-Artikolu 56(2)(d) u (e) ta’ dak ir-Regolament, l-merkanzija jridu jikkonformaw mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali msemmija fl-Artikolu tiegħu 64(2) sa (5). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) jistabbilixxi regoli proċedurali, imsemmija fl-Artikolu 64(1) li jiffaċilitaw it-twaqqif tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija fl-Unjoni.

(7)

Meta titqies is-sitwazzjoni speċjali relatata mad-dwana tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, u biex japplikaw il-miżuri ta’ tariffi preferenzjali u biex tiġi żgurata konformità mar-regoli rilevanti ta’ oriġini wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, jeħtieġ li jiġu adottati regoli proċedurali speċifiċi biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment fl-Irlanda ta’ Fuq tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jirrigwardaw il-provi preferenzjali tal-oriġini li għandhom jintużaw għall-merkanzija importata fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, il-verifika tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija u l-kundizzjonijiet għall-għoti u s-sospensjoni tal-miżuri tariffarji preferenzjali.

(9)

Hekk kif il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal merkanzija importata fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fl-applikazzjoni tal-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 2

Applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini preferenzjali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

1.   Għall-fini tal-applikazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tal-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

2.   Referenzi magħmula lill-Unjoni jew lill-Istati Membri fir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, it-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq m’għandux jitqies bħala parti mill-Unjoni fil-pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi li l-Unjoni għandha ftehimiet kummerċjali preferenzjali għall-iskop tal-applikazzjoni, fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta Fuq, id-dispożizzjonijiet dwar kumulazzjoni f’dawk ir-regoli b’merkanzija li toriġina jew l-ipproċessar tagħha jsir fl-Unjoni.

Artikolu 3

Obbligi relatati ma’ provi ta’ oriġini skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali adottati b’mod unilaterali mill-Unjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, il-provi tal-oriġini għall-prodotti li għandhom jiġu importati fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom jinħarġu jew jitfasslu fil-pajjiżi terzi jew il-gruppi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, taħt l-istess kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-oriġini stabbiliti għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għall-importazzjoni ta’ tali prodotti fl-Unjoni.

Artikolu 4

Provi tal-oriġini

Il-provi tal-oriġini maħruġa jew magħmula f’pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1, għandhom jindikaw “ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq” għall-prodotti li għandhom jiġu importati fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali li fihom dawk il-miżuri.

Artikolu 5

Verifika skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali adottati unilateralment mill-Unjoni

L-oriġini tal-prodotti importati fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u li jibbenefikaw hemm mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandha titwettaq fil-pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi, fuq talba tal-awtoritajiet doganali kompetenti tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, taħt l-istess kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-oriġini stabbiliti għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għall-importazzjoni ta’ tali prodotti fl-Unjoni.

Artikolu 6

Għoti ta’ preferenzi skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali

1.   Miżuri tariffarji preferenzjali kif imsemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx jingħataw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq sakemm il-pajjiżi terzi jew il-gruppi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-miżuri tariffarju preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 ikunu ħadu l-miżuri biex jiżguraw il-konformità, u jinfurmaw lill-Kummissjoni kif xieraq, meta jesportaw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, b’;

(a)

ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali tal-prodotti;

(b)

ir-regoli għall-ħruġ jew it-tfassil tal-provi tal-oriġini;

(c)

ir-regoli dwar il-verifika tal-oriġini preferenzjali tal-prodotti;

(d)

il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali rilevanti.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni se tippubblika, fuq is-sit web tagħha, id-data li fiha l-pajjiżi terzi jew il-grupp ta’ pajjiżi terzi huma mifhuma li ħadu miżuri biex jiżguraw il-konformità.

Artikolu 7

Sospensjoni tal-preferenzi skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali

1.   Il-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx jingħataw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fejn każijiet ta’ frodi, irregolaritajiet jew falliment sistematiku għal konformità ma’ jew biex tiġi żgurata konformità mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali tal-prodotti u bil-proċeduri relatati ġew stabbiliti f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

2.   Fejn hemm dubji raġjonevoli dwar l-eżistenza ta’ frodi, irregolaritajiet jew falliment sistematiku fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew li jiddikjara l-bażi li wasslet għal dawn id-dubji.

3.   Jekk il-frodi, l-irregolaritajiet jew il-falliment sistematiku identifikati ma jiġux indirizzati fi żmien 6-il xahar mill-pubblikazzjoni tal-avviż, il-miżuri tariffarji preferenzjali ma jistgħux jiġu applikati fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, fuq is-sit web tagħha, id-data li fiha l-miżuri tariffarji preferenzjali ma japplikawx fl-Irlanda ta’ Fuq.

4.   Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

5.   Il-miżuri tariffarji preferenzjali jistgħu jerġgħu japplikaw jekk, skont l-Artikolu 6, il-pajjiż terz jew grupp ta’ pajjiżi terzi involut ikun ħa miżuri biex jiżgura l-konformità.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


Top