EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H2169

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2169 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

ĠU L 431, 21.12.2020, p. 75–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/2169/oj

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/75


IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2169

tas-17 ta’ Diċembru 2020

li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77 (2) (b) u (e) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (1) (“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill”). Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052 tas-16 ta’ Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (2). Fit-30 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1144 tat-30 ta’ Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (3). Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1186 tas-7 ta’ Awwissu 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (4) Fit-22 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1551 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (5).

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta’ Lulju 2020 b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(3)

Minn dak iż-żmien ’l hawn saru diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE, dwar ir-rieżami tal-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u fl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Bħala riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I jenħtieġ li tiġi emendata. B’mod partikolari, l-Urugwaj jenħtieġ li jitneħħa mil-lista.

(4)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, mis-16 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif emendat b’din ir-Rakkomandazzjoni.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(8)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (8) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(9)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (10), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (11).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052, bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1144 u bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1186, dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni hija emendata kif ġej:

(1)

L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Mis-16 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri jenħtieġ li jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.”

(2)

L-Anness I għar-Rakkomandazzjoni huwa sostitwit b’dan li ġej:

Anness I

Pajjiżi terzi u Reġjuni Amministrattivi Speċjali, li r-residenti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE:

I.   STATI

1.

AWSTRALJA

2.

ĠAPPUN

3.

NEW ZEALAND

4.

RWANDA

5.

SINGAPORE

6.

KOREA T’ISFEL

7.

TAJLANDJA

8.

ĊINA (*1)

II.   REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SPEĊJALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

Hong Kong SAR (*1)

Macao SAR (*1)

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 208I, 1.7.2020, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 17.7.2020, p. 26.

(3)  ĠU L 248, 31.7.2020, p. 26.

(4)  ĠU L 261, 11.8.2020, p. 83.

(5)  ĠU L 354, 26.10.2020, p. 19.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(*1)  soġġett għall-konferma tar-reċiproċità


Top