EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2165

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2165 tad-9 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn (notifikata bid-dokument C(2020) 8599)

C/2020/8599

ĠU L 431, 21.12.2020, p. 61–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/2165/oj

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/61


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2165

tad-9 ta’ Diċembru 2020

dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn

(notifikata bid-dokument C(2020) 8599)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn fiha allerti dwar persuni għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul u soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ verifika tal-konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn, u b’hekk issaħħaħ il-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni u tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2)

Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kategoriji ta’ data li jistgħu jiddaħħlu fi twissija fis-SIS jinkludu ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika (din tal-aħħar tinkludi l-marki tas-swaba’ kif ukoll il-marki tal-pala tal-id). Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/1860, tali data jenħtieġ li tiddaħħal fis-SIS, jekk tkun disponibbli.

(3)

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861, li japplika wkoll għat-tħaddim tas-SIS fil-qasam tar-ritorn skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2018/1860, jistipula li ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika mdaħħla f’allert fis-SIS huma soġġetti għal verifika tal-kwalità sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u l-ħżin ta’ tali data fis-SIS.

(5)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jistabbilixxu biss il-livell tal-kwalità meħtieġ għad-dħul u l-ħżin tar-ritratti fis-SIS li għandhom jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 33(1) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-livell tal-kwalità meħtieġ biex jiddaħħlu u jinħażnu ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ fis-SIS biex jintużaw għall-identifikazzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 33(4) jiġi stabbilit fi stadju aktar tard, meta l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu jkunu ġew issodisfati.

(6)

Jenħtieġ li l-eu-LISA, f’konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv tas-SIS II, tiżviluppa u tiddokumenta d-dettalji tekniċi tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jiżviluppaw is-sistemi tagħhom f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dokumenti.

(7)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, minħabba li r-Regolament (UE) 2018/1861 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, fis-26 ta’ April 2019 innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1861 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE (11) u (UE) 2018/934 (12).

(14)

Fir-rigward tal-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 (13).

(15)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003.

(16)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Awwissu 2020.

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fruntieri SIS-SIRENE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dħul u l-ħżin ta’ ritratti u data dattiloskopika fis-SIS kif imsemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2018/1861, għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata:

(1)

lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

(2)

lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

YlvaJOHANSSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

STANDARDS MINIMI TAL-KWALITÀ TAD-DATA U SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-UŻU TA’ RITRATTI U DATA DATTILOSKOPIKA FIS-SIS

1.   Data dattiloskopika

1.1.   Kategoriji ta’ data dattiloskopika użati fis-SIS

Il-kategoriji li ġejjin ta’ data dattiloskopika jistgħu jintużaw fis-SIS:

(a)

marki tas-swaba’ ċatti, inklużi slaps tal-ibhma ċatti u slaps ta’ erbat iswaba’ ċatti;

(b)

marka tas-swaba’ rrolljati;

(c)

marki tal-pala tal-id.

1.2.   Formati ta’ data dattiloskopika permessi

L-Istati Membri jistgħu jittrażmettu lis-SIS Ċentrali:

(a)

data miġbura bl-użu ta’ apparati live-scan fil-livell nazzjonali li huma kapaċi jaqbdu u jissegmentaw sa għaxar marki tas-swaba’ individwali; irrolljati, ċatti, jew it-tnejn li huma;

(b)

marki tas-swaba’ u marki tal-pala tal-id “bil-linka”; irrolljati, ċatti jew it-tnejn li huma, li mbagħad jiġu skennjati diġitalment bil-kwalità u r-riżoluzzjoni rilevanti.

Is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ tas-SIS Ċentrali (CS-SIS AFIS), kif definita fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861, trid tkun kompatibbli u interoperabbli mal-formati tad-data dattiloskopika msemmija fil-punti (a) u (b).

1.3.   Standards minimi tal-kwalità tad-data u speċifikazzjonijiet tekniċi

1.3.1.   Format tal-fajl u tal-kompressjoni (“kontenitur dattiloskopiku”)

Il-format tal-input għat-trażmissjoni ta’ data dattiloskopika (“kontenitur dattiloskopiku”) lis-SIS irid ikun konformi mal-istandard SIS NIST ibbażat fuq il-format binarju ANSI/NIST (1).

Se jiġi stabbilit “ċekkjatur tas-SIS NIST” fil-livell tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS Ċentrali (CS-SIS) biex jivverifika l-konformità tal-kontenitur dattiloskopiku trażmess mal-istandard definit tas-SIS NIST.

Il-kontenituri dattiloskopiċi li ma jikkonformawx mal-istandard definit tas-SIS NIST jiġu rrifjutati mis-CS-SIS AFIS u ma jinħażnux fis-SIS Ċentrali. Jekk fajl mhux konformi jiġi rifjutat mis-CS-SIS AFIS, is-CS-SIS se tibgħat messaġġ ta’ errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data.

1.3.2.   Il-format u r-riżoluzzjoni tal-immaġni

L-immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tat-Taqsima 1.1, iridu jkunu ta’ riżoluzzjoni nominali ta’ 1 000 ppi jew ta’ 500 ppi b’256 livell ta’ griż sabiex jiġu pproċessati mis-CS-SIS. L-immaġnijiet b’500 ppi jridu jiddaħħlu billi jintuża l-format WSQ filwaqt li l-immaġnijiet b’1 000 ppi jridu jkunu fil-format JPEG2000 (JP2).

1.3.3.   Limiti minimi tal-kwalità għall-ħżin u l-użu ta’ immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id fis-CS-SIS AFIS.

L-immaġnijiet dattiloskopiċi jridu jikkonformaw mal-limiti minimi tal-kwalità stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati sabiex jinħażnu u jintużaw fis-CS-SIS AFIS.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità mal-limiti minimi tal-kwalità tal-immaġnijiet dattiloskopiċi qabel ma jittrażmettuhom lis-CS-SIS.

Il-kontenituri dattiloskopiċi konformi li jkun fihom immaġnijiet dattiloskopiċi tal-marki tas-swaba’ jew il-marki tal-pala tal-id taħt il-limiti minimi tal-kwalità mhux se jinħażnu fis-CS-SIS AFIS u mhux se jintużaw għal tfittxijiet bijometriċi. Il-kontenituri dattiloskopiċi li fihom immaġnijiet dattiloskopiċi rrifjutati mis-CS-SIS AFIS jistgħu jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861. Is-CS-SIS tibgħat messaġġ ta' errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data meta fajl ikun ġie rrifjutat mis-CS-SIS AFIS minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġnijiet.

1.4.   Tfittxijiet bijometriċi

Is-CS-SIS AFIS tipprovdi funzjonalità ta’ tiftix bijometriku għat-tipi kollha ta’ immaġnijiet dattiloskopiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fit-Taqsima 1.3.3.

Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-preċiżjoni bijometrika għall-kategoriji differenti ta’ tfittxijiet bijometriċi fis-CS-SIS AFIS huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati.

2.   Ritratti

Trid tintuża riżoluzzjoni minima ta’ 480 × 600 pixels b’colour depth ta’ 24 bits meta jiddaħħlu r-ritratti fis-SIS.


(1)  American National Standard for Information Systems/National Institute of Standards and Technology.


Top