Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2191

    Deċiżjoni tal-Kunsill(PESK)2019/2191 tad-19 ta’ Diċembru 2019 b’appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta’ devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom (iTrace IV)

    ST/14439/2019/INIT

    ĠU L 330, 20.12.2019, p. 53–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2191/oj

    20.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 330/53


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/2191

    tad-19 ta’ Diċembru 2019

    b’appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta’ devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom (“iTrace IV”)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    L-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE tal-2016 (l-“Strateġija Globali tal-UE”) tenfasizza li l-Unjoni ser tippromwovi l-paċi u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini u t-territorju tagħha u żżid il-kontributi tagħha għas-sigurtà kollettiva. Hija tappoġġa bis-sħiħ ukoll l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ trattati u reġimi multilaterali ta’ diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi u tappella għat-“traċċar transfruntier ta’ armi” filwaqt li tirrikonoxxi li s-sigurtà Ewropea tiddependi fuq valutazzjonijiet aħjar u kondiviżi ta’ theddid u sfidi interni u esterni.

    (2)

    L-Istrateġija tal-UE tad-19 ta’ Novembru 2018“Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini - Strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) tenfasizza li l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti (“SALW”) ikomplu jikkontribwixxu għall-instabbiltà u l-vjolenza fl-Unjoni, fil-viċinat immedjat tagħha, u fil-bqija tad-dinja. L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tistabbilixxi l-qafas għal azzjoni għall-Unjoni sabiex jiġu indirizzati dawk l-isfidi u tintrabat li tappoġġa sforzi ta’ riċerka mmirati lejn l-oriġini tas-SALW illeċiti f’żoni ta’ kunflitt, bħall-proġett iTrace imniedi mill-organizzazzjoni Conflict Armament Research .

    (3)

    Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 (2), tirrifletti d-determinazzjoni tal-Istati Membri li jindirizzaw, inter alia, ir-riskju li teknoloġija jew tagħmir militari jiġu esportati mill-ġdid lejn destinazzjonijiet mhux mixtieqa jew jiġu ddevjati lejn organizzazzjonijiet terroristiċi jew lil terroristi individwali.

    (4)

    L-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu tal-2005 tenfasizza t-theddida tal-akkwist ta’ armi minn gruppi terroristiċi, inkluż ta’SALW, u tappella lill-Istati Membri biex “jagħmlu l-aħjar użu” mill-attività ta’ riċerka fil-livell tal-Unjoni.

    (5)

    Il-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta’ armi u munizzjon konvenzjonali, u l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom iżidu n-nuqqas ta’ sigurtà fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha kif ukoll f’bosta reġjuni oħra tad-dinja, biex b’hekk jiggravaw il-kunflitt u jdgħajfu t-tiswir tal-paċi wara l-kunflitt u joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà Ewropea.

    (6)

    L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tiddikjara li l-Unjoni ser tappoġġa l-ħidma tal-bordijiet tan-NU li jimmonitorjaw l-embargi tal-armi, u li ser tikkunsidra modi kif ittejjeb l-aċċess għas-sejbiet tagħhom dwar id-devjazzjoni u dwar l-armi tan-nar u s-SALW illeċiti għal finijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.

    (7)

    Permezz tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“Programm ta’ Azzjoni tan-NU”), adottat fl-20 ta’ Lulju 2001, l-Istati Membri kollha tan-NU intrabtu li jipprevjenu t-traffikar illeċitu fis-SALW, jew id-devjazzjoni tagħhom lejn destinatarji mhux awtorizzati u, b’mod partikolari, biex jittieħed kont tar-riskju tad-devjazzjoni tas-SALW fil-kummerċ illegali waqt il-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni.

    (8)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Strument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli s-SALW Illeċiti.

    (9)

    Fit-Tielet Konferenza ta’ Rieżami tal-2018 dwar il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU, l-Istati Membri kollha tan-NU affermaw l-impenn tagħhom li jinkoraġġixxu lill-Istati biex meta jkunu qed jittraċċaw SALW illeċiti, inkluż dawk li jinstabu f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ wara kunflitt, jikkonsultaw rekords fi ħdan l-Istat fejn l-arma żgħira jew l-arma ħafifa tkun instabet u/jew jikkonsultaw mal-Istat ta’ manifattura ta’ dik l-arma.

    (10)

    Fl-24 ta’ Diċembru 2014, daħal fis-seħħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (“TKA”). L-għan tat-Trattat huwa li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolazzjoni jew it-titjib tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali, għall-prevenzjoni u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tagħhom. L-Unjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri kollha tan-NU fl-implimentazzjoni tal-kontrolli effettivi fuq it-trasferiment tal-armi sabiex jiġi żgurat li t-TKA jkun effettiv kemm jista’ jkun, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tiegħu.

    (11)

    L-Unjoni kienet preċedentement appoġġat lil iTrace bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/698/PESK (3), (PESK) 2015/1908 (4), u (PESK) 2017/2283 (5) (iTrace I, II, u III) u tixtieq tappoġġa l-iTrace IV, ir-raba’ fażi ta’ dan il-mekkaniżmu globali, ta’ rappurtar dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, kif mitlub mill-Istrateġija Globali tal-UE.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE, il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-attivitajiet tal-proġett li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom dawn l-objettivi speċifiċi:

    il-manutenzjoni kontinwa ta’ sistema globali ta’ ġestjoni tal-informazzjoni faċli għall-utent dwar armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom iddevjati jew traffikati (“iTrace”) dokumentati f’żoni milquta mill-kunflitt sabiex dawk li jfasslu l-politika, l-esperti dwar il-kontroll tal-armi konvenzjonali, u l-uffiċjali tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, ikollhom informazzjoni rilevanti biex jiżviluppaw strateġiji u proġetti effettivi u bbażati fuq evidenza kontra t-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom;

    it-taħriġ u l-mentoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali fi stati affettwati minn kunflitti għall-iżvilupp ta’ kapaċità nazzjonali sostenibbli ta’ identifikazzjoni u traċċar ta’ armi konvenzjonali illeċiti, għall-inkoraġġiment ta’ kooperazzjoni kontinwa mal-proġett iTrace, għall-identifikazzjoni aħjar tal-prijoritajiet tas-sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM), għall-artikolazzjoni b’mod aktar effettiv tal-ħtiġijiet nazzjonali fir-rigward tal-kontroll tal-armi u tal-assistenza fl-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari l-inizjattivi ffinanzjati mill-Unjoni, bħas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Reġistrar u t-Traċċar ta’ Armi Illeċiti tal-Interpol (iARMS), u l-attivitajiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), u t-tisħiħ tad-djalogu mal-missjonijiet u l-inizjattivi tal-UE;

    it-titjib tal-frekwenza u tat-tul tar-riċerka fuq il-post dwar l-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, li jiċċirkolaw illegalment fiż-żoni milquta minn kunflitt biex tiġi ġġenerata data għall-iTrace, bi tweġiba għat-talbiet ċari li saru mill-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni;

    l-appoġġ imfassal apposta lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u lill-persuni li jfasslu l-politika dwar il-kontroll tal-armi tal-Istati Membri , inkluż żjarat konsultattivi ripetuti mill-persunal tal-proġett iTrace fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri , help desk bil-lejl u bi nhar biex jagħti pariri instantanji dwar l-evalwazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji kontra d-diverżjoni, il-manutenzjoni ta’ desktop sigur u ta’ applikazzjonijiet ta’ dashboard mobbli biex jipprovdu notifika instantanja dwar diverżjoni wara l-esportazzjoni, u l-forniment lill-Istati Membri , fuq talba, ta’ verifika wara l-kunsinna mill-persunal tal-proġett iTrace;

    iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni dwar is-sejbiet tal-proġett, il-promozzjoni tal-iskop u tal-funzjonijiet disponibbli ta’ iTrace lil dawk li jfasslu l-politika internazzjonali u nazzjonali, l-esperti tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni tal-armi, u t-tisħiħ tal-kapaċità internazzjonali ta’ monitoraġġ tat-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom u ta’ materjal relatat kif ukoll l-assistenza lil dawk li jfasslu l-politika fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali u biex jitnaqqas ir-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom;

    il-forniment ta’ rapporti dwar kwistjonijiet ta’ politika ewlenin, meħuda mid-data ġġenerata minn investigazzjonijiet fuq il-post u ppreżentati fuq is-sistema iTrace, dwar oqsma speċifiċi li jistħoqqilhom attenzjoni internazzjonali, inklużi tendenzi maġġuri fit-traffikar tal-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, u d-distribuzzjoni reġjonali ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom traffikati, u materjal relatat; u

    it-traċċar kontinwu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u ta’ Stati mhux tal-UE, bħala l-aktar mezz effettiv biex jiġu stabbiliti u vverifikati, kemm jista’ jkun possibbli, il-mekkaniżmi wara d-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom lejn utenti mhux awtorizzati; it-traċċar ser jiġi ssupplimentat minn investigazzjonijiet ta’ segwitu ffukati fuq l-identifikazzjoni tan-netwerks umani, finanzjarji u loġistiċi moħbija wara t-trasferimenti illeċiti ta’ armi konvenzjonali.

    2.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn Conflict Armament Research Ltd. (“CAR”).

    3.   Il-CAR għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-CAR.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 5 490 981,87. Il-baġit stmat totali tal-proġett globali għandu jkun ta’ EUR 6 311 473,41, li għandu jiġi pprovdut permezz ta’ kofinanzjament mill-CAR u mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Affarijiet Barranin.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-CAR. Dak il-ftehim għandu jistipula li l-CAR għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.

    Artikolu 4

    1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ rapporti narrattivi regolari ta’ kull tliet xhur imħejjija mill-CAR. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Entità esterna għandha twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett biex tassisti lill-Kunsill fl-evalwazzjoni tiegħu tar-riżultati ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f’dak il-perijodu.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta’ Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/698/PESK tal-25 ta’ Novembru 2013 b’appoġġ għal mekkaniżmu globali ta’ rappurtar dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom (ĠU L 320, 30.11.2013, p. 34).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1908 tat-22 ta’ Ottubru 2015 b’appoġġ għal mekkaniżmu globali ta’ rappurtar dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjon illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom (“iTrace II”) (ĠU L 278, 23.10.2015, p. 15).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2283 tal-11 ta’ Ottubru 2017 b’appoġġ għal mekkaniżmu globali ta’ rappurtar dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjon illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom (“iTrace III”) (ĠU L 328, 12.12.2017, p. 20).


    ANNESS

    PROĠETT B’APPOĠĠ GĦAL MEKKANIŻMU TA’ RAPPURTAR GLOBALI DWAR ARMI KONVENZJONALI U L-MUNIZZJON ILLEĊITI TAGĦHOM BIEX JITNAQQAS IR-RISKJU TAD-DEVJAZZJONI U T-TRASFERIMENT ILLEĊITU TAGĦHOM

    (“iTrace IV”)

    1.   Informazzjoni ġenerali u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ tal-PESK

    1.1.

    Din id-Deċiżjoni tibni fuq Deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill fil-ġlieda kontra l-impatt destabbilizzanti tad-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom f’żoni milquta mill-kunflitt, b’mod partikolari d-Deċiżjonijiet 2013/698/PESK, (PESK) 2015/1908, u (PESK) 2017/2283, li stabbilixxew u tejbu l-mekkaniżmu ta’ rappurtar globali iTrace dwar armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom.

    Il-proliferazzjoni illeċita ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom hija fattur maġġuri li jdgħajjef l-istabbiltà tal-Istat u li jaggrava l-kunflitti, li joħloq theddida serja għall-paċi u s-sigurtà. Kif iddikjarat fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-armi tan-nar illeċiti u s-SALW qed ikomplu jikkontribwixxu għall-instabbiltà u l-vjolenza fl-Unjoni, fil‐viċinat immedjat tagħha, u fil-bqija tad-dinja. Armi ta’ kalibru żgħir illeċiti qed jistimulaw it‐terroriżmu u l-kunflitti madwar id-dinja, ifixklu l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Unjoni, kif ukoll sforzi umanitarji u ta’ stabilizzazzjoni f’partijiet fil-viċinat tal-Unjoni u fl-Afrika. Fi ħdan l-Unjoni, l-armi tan‐nar illeċiti għandhom impatt ċar fuq is-sigurtà interna, billi jistimulaw il-kriminalità organizzata u jipprovdu lit-terroristi bil-mezzi biex iwettqu attakki fit-territorju Ewropew. Sejbiet reċenti mill-proġett iTrace fl-Afganistan, l-Iraq, il-Jemen, il-Libja, is-Sirja u l-Ukrajna, u kunflitti oħra qrib il-fruntieri esterni tal-Unjoni, jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW.

    L-attivitajiet imwettqa skont id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1908 ikkonfermaw lil iTrace bħala inizjattiva ta’ monitoraġġ tal-armi fil-kunflitti globali. Il-Proġett iTrace opera f’aktar minn 40 stat affettwati mill-kunflitt, inkluż fl-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Asja Ċentrali, u n-Nofsinhar u l‐Lvant tal-Asja, u ħoloq l-akbar repożitorju pubbliku fid-dinja ta’ armi konvenzjonali ddevjati u l‐munizzjon tagħhom biex jappoġġa lill-Istati fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jindirizzaw id‐devjazzjoni skont l-impenji għall-Kriterju 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-Artikolu 11 tat-TKA . Huwa jipprevedi rappurtar preċiż dwar id-devjazzjoni ta’ armi u l-munizzjon tagħhom li tirriżulta minn ribelli armati u forzi terroristiċi li huma ta’ theddida għas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku u d-Daesh/Stat Iżlamiku, u jwissi b’mod kunfidenzjali u rapidu, lill‐awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-Istati Membri rigward ir-riskji tad‐devjazzjoni wara l-esportazzjoni, jipprovdi informazzjoni kritika u f’ħin reali dwar id-dinamika tat-traffikar tal-armi u tal-kunflitt lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri fir-reġjuni milquta mill-kunflitt. Huwa jintegra s-sensibilizzazzjoni tal-kontroll tal-armi u tal‐miżuri kontra d-devjazzjoni permezz ta’ impenn bilanċjat u responsabbli tal-media globali.

    1.2

    Il-proġett iTrace, madankollu, qed jaffaċċa talbiet sostnuti mill-Istati Membri biex jagħti informazzjoni diretta, wiċċ imb wiċċ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal‐armi (inkluż żjarat frekwenti fl-ibliet kapitali) u biex jagħti b’mod bilaterali firxa akbar ta’ riżorsi lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri.

    Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk l-għan li tkompli u ttejjeb il-ħidma tal-proġett fil-qafas tad‐Deċiżjoni (PESK) 2017/2283 billi tkompli tipprovdi lill-persuni li jfasslu l-politika tal-Unjoni, l-esperti tal-kontroll tal-armi u l-uffiċjali tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi informazzjoni sistematikament miġbura u rilevanti, li tappoġġahom fl-iżvilupp ta’ strateġiji effikaċi u bbażati fuq l-evidenza kontra d-devjazzjoni u t-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom sabiex titjieb is-sigurtà internazzjonali u reġjonali. B’hekk, hija ser tkompli tappoġġahom biex jikkombinaw strateġija reattiva ta’ suċċess ma’ azzjoni preventiva adegwata biex jiġu indirizzati l-forniment u d-domanda illegali, u biex jiġi żgurat il-kontroll effettiv ta’ armi konvenzjonali f’pajjiżi terzi.

    1.3.

    Din id-Deċiżjoni tipprevedi l-manutenzjoni kontinwa u aktar titjib tas-Sistema ta’ Rappurtar Globali iTrace dwar Armi aċċessibbli pubblikament. Il-proġetti elenkati fid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2283 ser jissaħħu permezz ta’: 1) il-frekwenza u t-tul ta’ żmien miżjuda tal-missjonijiet biex tinġabar data dwar provvisti illeċiti ta’ armi konvenzjonali f’reġjuni milquta mill-kunflitt; 2) pakketti ta’ appoġġ imfassla apposta pprovduti lill-Istati Membri li jinkludu konsultazzjoni diretta, data u rapporti personalizzati, help desk ta’ 24 siegħa, u l-għoti tal-kompitu tal-verifika ta’ wara t‐trasportazzjoni; u 3) it-taħriġ u l-mentoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati milquta mill-kunflitt biex jintraċċaw armi konvenzjonali illeċiti li nstabu jew li nqabdu fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom, biex jibnu kapaċità kontra d-devjazzjoni, inkluż kapaċitajiet ta’ traċċar fil-qafas tal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI), biex itejbu l-ġestjoni tal-armi, inkluż iż-żamma ta’ rekords, u biex jagħtu spinta lill-ġbir tad-data tal-iTrace.

    2.   Objettivi ġenerali

    L-Azzjoni deskritta fit-Taqsima 4 ser tappoġġa ulterjorment lill-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra l-impatt destabbilizzanti tad-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Hija ser tkompli tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti ta’ kontroll tal-armi u l‐uffiċjali ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi informazzjoni rilevanti, li tappoġġahom fl-iżvilupp ta’ strateġiji effikaċi u bbażati fuq l-evidenza kontra d-devjazzjoni u t-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom sabiex titjieb is-sigurtà internazzjonali u reġjonali. B’mod speċifiku, l-Azzjoni ser:

    (a)

    tipprovdi informazzjoni konkreta dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l‐munizzjon tagħhom, biex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, it-TKA, il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU u l-ITI;

    (b)

    tagħti appoġġ imfassal lill-Istati Membri biex tgħinhom fil-valutazzjoni u fil‐mitigazzjoni tar-riskju ta’ devjazzjoni;

    (c)

    tikxef rotot u entitajiet involuti fid-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom lejn ir-reġjuni milquta mill-kunflitt jew lill-organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali u biex tipprovdi evidenza ta’ gruppi u individwi attivi fil-kummerċ illeċitu, b’appoġġ tal-proċedimenti legali nazzjonali;

    (d)

    ittejjeb il-kooperazzjoni bejn organi, missjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti tan-NU, fil-qasam tat-traċċar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, u tal‐forniment ta’ informazzjoni direttament b’appoġġ għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti, inkluż l-iARMS tal-INTERPOL, u l-EUROPOL, fejn din tal-aħħar ikkonkludiet memorandum ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-CAR fl-2019;

    (e)

    tipprovdi informazzjoni rilevanti biex jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali fil-ġlieda effettiva kontra d-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, bħall-finanzjament għal proġetti fir-rigward tas-sigurtà ta’ ħażniet u/jew il-ġestjoni tal-fruntieri; u

    (f)

    toffri mekkaniżmu għall-assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA, speċifikament għall-identifikazzjoni tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali trasferiti kif ukoll għall-assistenza lill-gvernijiet fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ devjazzjoni qabel l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali, speċifikament ir-riskju ta’ devjazzjoni fil-pajjiż li jirċievi jew ta’ esportazzjoni mill-ġdid taħt kondizzjonijiet mhux mixtieqa.

    3.   Sostenibbiltà u eżiti tal-proġett fit-tul

    L-Azzjoni ser tipprovdi qafas sostenibbli għall-monitoraġġ sostnut tat-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Mistennija li ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-informazzjoni eżistenti relatata mal-armi u li tappoġġa b’mod sinifikanti l-iżvilupp immirat tal-kontroll effettiv tal‐armi konvenzjonali u l-linji ta’ politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. B’mod speċifiku, il‐proġett ser:

    (a)

    idaħħal aktar informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni li ser tiżgura l-ġbir u l‐analiżi fit-tul tad-data dwar armi konvenzjonali illeċiti;

    (b)

    jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika u lill-esperti għodda biex jiġu definiti strateġiji aktar effettivi u oqsma ta’ prijorità ta’ assistenza u kooperazzjoni, pereżempju, billi jiġu identifikati l‐kooperazzjoni subreġjonali jew reġjonali, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni li jeħtieġ li jiġu stabbiliti jew imsaħħa, billi jiġu identifikati ħażniet nazzjonali li mhumiex siguri, ġestjoni mhux adegwata ta’ inventarji, rotot ta’ trasferiment illegali, kontrolli dgħajfa tal-fruntieri, u kapaċitajiet insuffiċjenti tal-infurzar tal-liġi;

    (c)

    ikun fih il-flessibbiltà integrali biex jiġġenera l-informazzjoni rilevanti ta’ politika, irrispettivament mir-rekwiżiti ta’ politika li jinbidlu rapidament;

    (d)

    iżid sostanzjalment l-effikaċja ta’ organizzazzjonijiet u individwi internazzjonali li jimmonitorjaw l-armi billi jipprovdi mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni ta’ ambitu dejjem jespandi; u

    (e)

    isawwar kapaċità nazzjonali sostenibbli fl-Istati milquta mill-kunflitt fl-identifikazzjoni u t‐traċċar ta’ armi konvenzjonali illeċiti u jinvolvi ruħu b’mod aktar effikaċi fil-kontroll internazzjonali tal-armi u fil-proċessi tal-infurzar tal-liġi.

    4.   Deskrizzjoni tal-Azzjoni

    4.1.   Proġett 1: Taħriġ u mentoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali fl-istati milquta mill-kunflitt fl‐identifikazzjoni tal-armi u fit-traċċar internazzjonali.

    4.1.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali fl-istati milquta minn kunflitt il-metodi u l-ħiliet biex jagħmlu awtodijanjosi u jindirizzaw id-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali. It-taħriġ għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità li spiss tkun ineżistenti li jidentifikaw u jittraċċaw armi konvenzjonali illeċiti, filwaqt li l-mentoraġġ jippermetti lill-persunal tal-proġett iTrace jidentifika lakuni ta’ kapaċità kritiċi f’ħin reali u immedjatament ifassal soluzzjonijiet biex jindirizzawhom. Barra minn hekk, il-programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ konsulenza, jissudaw ir‐relazzjonijiet bejn il-proġett iTrace u l-awtoritajiet nazzjonali, li jippermetti li t-timijiet investigattivi tiegħu fuq il-post ikollhom aċċess akbar għal armi konvenzjonali maqbuda u rkuprati — biex b’hekk tissaħħaħ il-firxa sħiħa ta’ ġbir, analiżi u rappurtar tad-data tal-iTrace.

    4.1.2.   Benefiċċju għal inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi

    Il-programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ iwieġbu għal azzjonijiet indirizzati fl-Istrateġija tal‐UE dwar is-SALW - biex jappoġġaw il-kapaċitajiet nazzjonali għat-“traċċar u r‐rintraċċar tal-oriġini ta’ SALW illeċiti u munizzjon f’żoni ta’ kunflitt” - u direttament u indirettament isaħħu firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ta’ kontroll tal-armi appoġġati mill-Istat Membru. L-impatti diretti jinkludu l-appoġġ għall-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi biex jiġu traċċati s-SALW skont l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, it-titjib tal‐kapaċità nazzjonali biex tinġabar data dwar armi traċċati fil-qafas tal-indikatur 16.4.2 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), u l-appoġġ għal programmi ta’ ġestjoni ta’ armi u munizzjon fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri. L-impatti indiretti jinkludu l-“”ġbir lura“” tal-informazzjoni miġbura fuq il-post, bħat-twissija lill-Istati Membri dwar ir-riskji ta’ devjazzjoni li jiltaqgħu magħhom f’pajjiżi sħab u l-identifikazzjoni ta’ devjazzjoni minn ħażniet nazzjonali u l-għoti ta’ din l-informazzjoni lill-programmi ta’ PSSM) appoġġati mill-Unjoni.

    4.1.3.   Attivitajiet tal-proġett

    Fl-2018, il-CAR stabbiliet l-Unità ta’ Appoġġ Tekniku (TSU), unità ffurmata biex twassal attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ lill-awtoritajiet nazzjonali fl-istati milquta minn kunflitt li fihom jopera l-proġett iTrace. Dawk l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ huma mfassla biex jagħtu spinta lil inizjattivi nazzjonali kontra d-devjazzjoni fl-oqsma kollha billi jipprovdu żvilupp ta’ struzzjonijiet u kapaċitajiet dwar it-traċċar ta’ armi konvenzjonali, l-immarkar u ż-żamma ta’ rekords, li jsegwu l-proċeduri stabbiliti tal-ITI, ta’ armi konvenzjonali illeċiti maqbuda, u valutazzjonijiet tal‐PSSM li huma mfassla biex jidentifikaw u jindirizzaw ir-riskji ta’ devjazzjoni fis-sors. Il-CAR ser tipprovdi taħriġ speċjalizzat u bbażat fuq il-ħtiġijiet dwar l-ispettru sħiħ ta’ attivitajiet elenkati hawn fuq lis-sħab lokali u, fejn meħtieġ, lill-persunal ta’ appoġġ għall-paċi, inkluż il-Missjonijiet tan-NU u tal-UE u l-gruppi/panels ta’ monitoraġġ tas-sanzjonijiet tan-NU. F’dan ir-rigward, il‐Proġett iTrace ser ikompli jwieġeb direttament għall-azzjoni elenkata fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, li tappella għall-appoġġ tal-UE biex “bordijiet tan-NU li jimmonitorjaw l‐embargi tal-armi” u tikkunsidra ta’ “modi kif ittejjeb l-aċċess għas-sejbiet tagħhom dwar id‐devjazzjoni u l-armi tan-nar u s-SALW illeċiti għal finijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi”. It-taħriġ taħt il-Proġett iTrace ser jibni fuq firxa ta’ servizzi offruti mill-CAR mill-2014, li wera li kien kritiku fl-appoġġ tas-sħab lokali fi stati affettwati minn kunflitt, ta l-għajnuna lil bordijiet tan‐NU, kif ukoll żgura aċċess akbar għal timijiet investigattivi tal-iTrace fuq il-post. Il-proġett ser jibgħat persunal mit-timijiet investigattivi tiegħu fuq il-post u t-TSU biex jagħtu struzzjonijiet, f’livelli progressivament aktar tekniċi, fir-rigward ta’:

    (a)

    introduzzjoni għall-ġbir tad-data dwar l-armi konvenzjonali, b’referenza għal każijiet speċifiċi;

    (b)

    identifikazzjoni bażika ta’ armi konvenzjonali u tekniki ta’ dokumentazzjoni effettivi;

    (c)

    proċeduri operattivi standard għall-ġbir tad-data u l-katina evidenzjarja tal-kustodja;

    (d)

    ir-rekwiżiti tal-investigazzjonijiet fuq distanza twila, reġjonali u internazzjonali;

    (e)

    l-implimentazzjoni tal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar; fejn xieraq, l-awtoritajiet f’pajjiżi sħab ser jitħarrġu u jiġu mħeġġa jibdew talbiet ta’ traċċar;

    (f)

    it-traċċar internazzjonali tal-armi u s-sistemi tat-traċċar tal-armi (b’mod partikolari Interpol u Europol);

    (g)

    l-użu ta’ “big data” u tal-analiżi tax-xejriet; u

    (h)

    modi għall-assistenza teknika (internazzjonali) u l-intervent tal-infurzar tal-liġi.

    Dawk l-attivitajiet ser isiru flimkien mal-investigazzjonijiet fuq il-post ta’ iTrace — inkluż (il‐mentoraġġ) tal-investigazzjonijiet konġunti li jsiru mill-awtoritajiet tal-gvern nazzjonali.

    4.1.4.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu aċċess akbar lit-timijiet investigattivi tal‐iTrace fuq il-post, billi jirrispondu għal sejħiet ripetuti biex tiġi pprovduta kapaċità ta’ assistenza teknika u investigazzjoni konġunta u li jkun ekwivalenti għal żieda fil-kapaċità ta’ ġbir tad-data tal-iTrace;

    (b)

    jipprovdi assistenza konkreta għall-kapaċità lill-gvernijiet nazzjonali li, filwaqt li jsofru l‐impatti tad-devjazzjoni tal-armi konvenzjonali, huma nieqsa mill-għodod biex jidentifikaw u jirrappurtaw dwar armi konvenzjonali iddevjati; dan spiss ikun prekursur għal ġestjoni aktar effettiva tal-armi konvenzjonali domestiċi u, bħala tali, jappoġġa l-implimentazzjoni tat-TKA, tal-ITI, tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU, u tal-SDG 16.4.2 u tal-programmar u l-kollegament tal-PSSM mal-korpi internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-Interpol (iARMS) u l-Europol.

    (c)

    jappoġġa djalogu msaħħaħ, b’mod partikolari billi jidentifika partijiet ikkonċernati ewlenin għal inizjattivi oħra appoġġati mill-Unjoni, pereżempju r-relazzjonijiet tal-Missjonijiet tal-UE mal‐gvernijiet ospitanti, u jagħti bidu lil inizjattivi, bħall-ipprogrammar tal-PSSM, pereżempju proġetti appoġġati mill-Unjoni għall-ġestjoni tal-ħażniet.

    4.1.5.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

    Sa 40 żjara fuq il-post ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ, b’enfasi fuq żjarat ripetuti biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu appoġġati fil-bini ta’ kapaċità ta’ traċċar.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.1.6.   Benefiċjarji tal-proġett

    L-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ iTrace ser ikollhom benefiċċji diretti għall-partijiet nazzjonali kkonċernati fi stati milquta mill-kunflitt, inkluż korpi ta’ infurzar tal-liġi u prosekuturi. Il-programm ser joffri appoġġ indirett għad-djalogi nazzjonali ma’ inizjattivi ffinanzjati mill-Unjoni u dawk oħrajn ta’ kontroll tal-armi, li jinkoraġġixxu l-użu ta’ mekkaniżmi internazzjonali ta’ traċċar, inkluż is‐sistema iARMS tal-Interpol u l-Europol, u li jiffaċilitaw l-involviment ma’ proġetti appoġġati mill-Unjoni dwar il-ġestjoni ta’ ħażniet u proġetti oħra ta’ kontroll tas-SALW.

    4.2.   Proġett 2: Investigazzjonijiet imsaħħa fuq il-post meħtieġa biex ifornu aktar lis-sistema iTrace b’evidenza dokumentarja dak il-ħin dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali oħrajn u munizzjon, u informazzjoni rilevanti oħra.

    4.2.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett ser isaħħaħ il-frekwenza u d-durata tar-riċerka fuq il-post ta’ armi konvenzjonali oħra u munizzjon li jiċċirkolaw fiż-żoni milquta minn kunflitt. Il-proġett ser jagħti prijorità lill-pajjiżi ta’ tħassib partikolari għall-Istati Membri, inkluż, fost l-oħrajn, l-Afganistan, l-Iraq, il-Jemen, il-Libja, il‐Mali, is-Sirja, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel u l-Ukrajna. Dawn l-investigazzjonijiet fuq il‐post ser jipprovdu evidenza konkreta ta’ armi konvenzjonali ddevjati f’idejn forzi ribelli u terroristiċi, li inkella jkunu inviżibbli għall-osservaturi esterni (inkluż l-Istati Membri li jesportaw l-armi). Il-CAR ser titlob l-approvazzjoni minn qabel tal‐Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM) qabel ma jsir involviment sostantiv fil-pajjiżi kollha li preċedentement ma kinux soġġetti għal investigazzjonijiet iTrace fuq il-post jew programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ.

    Bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tekniki forensiċi avvanzati, il-CAR ser timplimenta firxa ta’ attivitajiet fuq il-post, inkluż dokumentazzjoni fotografika msaħħa, sfruttament forensiku, u rkupru ta’ marki mħassra. Il-CAR uriet li dawn il-metodi jiżvelaw informazzjoni traċċabbli dwar armi, munizzjon u materjal relatat li qabel ma kinux traċċabbli, li jippermettu investigazzjonijiet f’firxa dejjem akbar ta’ materjal illeċitu, li l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tiegħu tneħħiet biex tinħeba l-provenjenza.

    Id-data li tirriżulta ser ittejjeb il-fehim kollettiv tal-Istati Membri dwar id-devjazzjoni u t‐trasferimenti illeċiti, il-metodi użati mit-traffikanti biex jaħbuhom, u ttejjeb b’mod sostanzjali l‐kapaċitajiet tagħhom li jfixklu l-kummerċ illeċitu.

    4.2.2.   Benefiċċju għal inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi

    L-investigazzjonijiet iTrace fuq il-post jipprovdu linja bażi dinamika ta’ armi konvenzjonali ddevjati fi stati milquta mill-kunflitt. Din il-linja bażi tipprovdi kejl kontinwu tal-effikaċja tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u tal-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi li l-Istati Membri impenjaw ruħhom għalihom, fost l-oħrajn, it-TKA, il‐Programm ta’ Azzjoni tan-NU u l‐Istrateġija tal-UE dwar is-SALW . Id-dokumentazzjoni dettaljata ta’ armi ta’ kunflitt isservi wkoll bħala pjattaforma ta’ tnedija għal traċċi formali ta’ armi konvenzjonali u għal investigazzjonijiet komprensivi fil-finanzjament ta’ kunflitti u n-netwerks tal-provvista tal-armi.

    4.2.3.   Attivitajiet tal-proġett

    L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta’ dan il-proġett:

    (a)

    l-istazzjonament ta’ esperti kwalifikati tal-armi biex iwettqu analiżi fuq il-post ta’ armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom, irkuprati minn stati milquta mill-kunflitt;

    (b)

    l-analiżi, ir-rieżami u l-verifika ta’ evidenza dokumentata dwar l-armi konvenzjonali, il‐munizzjon tagħhom u l-utenti tagħhom, inkluż, fost l-oħrajn, id-dokumentazzjoni fotografika, l‐isfruttar forensiku, u l-irkupru ta’ marki mħassra ta’ armi, il-partijiet komponenti u l-immarkar intern u estern tagħhom, l-ippakkjar u d-dokumentazzjoni tat-trasport marittimu assoċjata, flimkien mar-riżultati ta’ investigazzjonijiet fuq il-post (l-utenti, il-fornituri u r-rotot ta’ trasferiment);

    (c)

    l-introduzzjoni tal-evidenza kollha miġbura u riveduta fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni iTrace u, ladarba tiġi verifikata, fil-portal tal-immappjar online tal-iTrace;

    (d)

    l-identifikazzjoni u l-appoġġ tas-sħab lokali biex tiġi żgurata l-ġabra sostnuta ta’ data b’appoġġ għall-iTrace matul u lil hinn mid-durata tal-Azzjoni proposta;

    (e)

    il-kuntatt li jitkompla mal-Gvernijiet tal-Istati Membri biex jintgħażlu punti ta’ kuntatt nazzjonali minn qabel, u mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni, sabiex jiġi ċċarat l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal‐CAR, u jittaffew kunflitti possibbli ta’ interess, qabel l-investigazzjonijiet tagħha.

    Il-proġett ser jiġi implimentat b’mod inkrementali matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.2.4.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    jiddokumenta, in situ, l-evidenza fiżika ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom iddevjati jew traffikati fir-reġjuni milquta minn kunflitt;

    (b)

    jivverifika u jiżviluppa każijiet ta’ traffikar illeċitu minn evidenza miġbura mill-CAR, minn organizzazzjonijiet li għandhom ftehimiet permanenti għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal‐CAR u, kif xieraq, minn organizzazzjonijiet oħrajn, dwar l-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom iddevjati jew traffikati fir-reġjuni kollha;

    (c)

    jipprovdi evidenza viżwali u fiżika konkreti ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjoni tagħhom iddevjati jew traffikati, inkluż ritratti ta’ oġġetti, numri ta’ serje, marki tal-fabbrika, kaxxi, listi tal-ippakkjar, dokumenti tat-trasport, u dokumentazzjoni u informazzjoni tal-utent finali u miksuba permezz ta’ sfruttament forensiku u rkupru ta’ marki mħassra;

    (d)

    jiġġenera rapporti testwali ta’ attività illeċita, inkluż ir-rotot ta’ traffikar, l-atturi u n-netwerks finanzjarji u ta’ appoġġ involuti fid-devjazzjoni jew it-trasferiment illeċitu u l-valutazzjonijiet ta’ fatturi kontribwenti (inkluż il-ġestjoni u s-sigurtà ineffettivi ta’ ħażniet u n-netwerks ta’ forniment illeċitu u deliberatament orkestrati mill-istat);

    (e)

    itella’ l-evidenza msemmija qabel fis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni tal-iTrace u, ladarba tiġi verifikata, fil-portal tal-immappjar online għad-disseminazzjoni sħiħa lill-pubbliku u lill‐Istati Membri permezz ta’ pjattaformi siguri għad-desktops u s-sistemi operatorji mobbli.

    4.2.5.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

    Sa 75 stazzjonament fuq il-post (inkluż stazzjonament estiż fejn meħtieġ) matul il-perijodu ta’ tliet snin biex tiġi ġġenerata evidenza li tittella’ fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni u l-portal tal‐immappjar online tal-iTrace.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.2.6.   Benefiċjarji tal-proġett

    L-iTrace ser ikompli jipprovdi informazzjoni dejjem aktar komprensiva mmirata espliċitament l‐ewwel u qabel kollox lejn dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi nazzjonali tal-UE, u l‐awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni ta’ armi kif ukoll l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u missjonijiet tal-Unjoni. Dawn il-benefiċċjarji tal-Unjoni ser ikollhom ukoll aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali permezz ta’ pjattaformi siguri għad-desktops u s-sistemi operatorji mobbli pprovduti minn iTrace.

    L-informazzjoni pubblika ser tkompli tkun aċċessibbli wkoll għall-benefiċjarji kollha tal-Unjoni, kif ukoll għall-benefiċjarji li mhumiex mill-Unjoni, bħal dawk li jfasslu l-politika dwar il-kontroll tal‐armi u l-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi f’pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet ta’ riċerka mhux governattivi, organizzazzjonijiet ta’ promozzjoni u l-mezzi tax-xandir tal-aħbarijiet internazzjonali.

    4.3.   Proġett 3: Appoġġ imfassal apposta lill-awtoritajiet għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi tal-Istati Membri.

    4.3.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett ser jipprovdi lill-Istati Membri appoġġ bilaterali konsistenti, inkluż żjarat wiċċ imb’ wiċċ regolari u rapportar personalizzat, li jitfassal skont l-oqsma ta’ interess speċifiċi għall‐kontroll tal-armi u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni ta’ kull Stat Membru. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri ser tiġi ttrattata bir-rispett u l-kunfidenzjalità dovuti. Il-CAR ser tkompli wkoll tkun f’kuntatt ma’ firxa ta’ awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. Dawn ir-relazzjonijiet ser jappoġġaw diversi aspetti kritiċi tal-isforzi internazzjonali biex jiġu indirizzati d-devjazzjoni u t‐traffikar ta’ armi konvenzjonali u ser isaħħu l-miżuri kontra d-devjazzjoni internazzjonali, inkluż:

    (a)

    l-għoti ta’ informazzjoni u evidenza dettaljata dwar devjazzjoni dokumentata lill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi; u

    (b)

    l-appoġġ jew l-għoti, fuq talba uffiċjali minn awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi nazzjonali tal-UE, il-kapaċità ta’ verifika wara t-trasportazzjoni/wara l-kunsinna lejn Stati Membri.

    4.3.2   Benefiċċju għal inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi

    Iż-żjarat regolari tat-Timijiet tal-Proġett iTrace fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri jippermettu diskussjonijiet bilaterali dwar suġġetti sensittivi (jiġifieri d-devjazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni), jippermettu lill-Istati Membri jagħtu kontribut dirett fit-tfassil tal-iTrace u r-riżultati tiegħu (id‐direzzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjonijiet u t-tipi ta’ rappurtar), u jgħinu fl‐iżvilupp ta’ miżuri tal-bini ta’ fiduċja (jiġifieri n-“notifika minn qabel” u d-“dritt ta’ tweġiba” tal‐iTrace). B’mod kritiku, il-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni tal-iTrace favur l-Istati Membri tipprovdi forum għal diskussjoni spiss sfumata dwar sfidi u opportunitajiet nazzjonali relatati mal-impenji taħt il-Kriterju 7 tal‐Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK u mal-impenji taħt l-Artikolu 11 tat-TKA. Skont il-Proġetti iTrace tal-passat (I, II u III), iż-żjarat ta’ ħidma ta’ sensibilizzazzjoni kienu kritiċi għal fehim tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Istati Membri, kemm ta’ natura ġenerali (jiġifieri ’x’inhi l-valutazzjoni ta’ theddida tiegħek rigward l-armi li jidħlu f’teatru partikolari ta kunflitt armat’”) kif ukoll dawk li huma speċifiċi għall-Proġett iTrace (jiġifieri ’neħtieġu tabella operattiva li twissina immedjatament dwar kull arma prodotta domestikament li jiddokumentaw it-timijiet tal‐iTrace fuq il-post”).

    4.3.3.   Attivitajiet tal-proġett

    L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta’ dan il-proġett:

    (a)

    it-timijiet tal-iTrace jintbagħtu fuq żjarat ripetuti għand l-awtoritajiet rilevanti fil-bliet kapitali tal-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kontra d‐devjazzjoni, u jirrappurtaw dwar l-investigazzjonijiet tagħhom;

    (b)

    it-tkomplija ta’ help desk ta’ 24 siegħa biex jagħti pariri immedjati dwar allegazzjonijiet fl‐istampa kontra d-devjazzjoni jew potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn rappurtar mhux verifikat ta’ partijiet terzi;

    (c)

    iż-żamma għall-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni ta’ dashboards online, li jagħmlu streaming ta’ data kriptata mis-sistema ta’ ġestjoni tad-data iTrace, billi jimmarkaw bi ’twissija ħamra’ l-partijiet bi storja ta’ devjazzjoni tal-armi konvenzjonali, ifasslu profili ta’ destinazzjonijiet ta’ riskju kbir, u jirrappurtaw, dak il-ħin, id-devjazzjoni ta’ armi mmanifatturati domestikament; u

    (d)

    l-appoġġ jew il-forniment, fuq talba uffiċjali mill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal‐armi tal-Istati Membri, tal-kontrolli tal-użu aħħari (verifika) wara l-kunsinna lill-Istati Membri minn timijiet investigattivi tal-iTrace fuq il-post.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.3.4.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    jassisti lill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istat Membru, fuq talba tagħhom fl‐identifikazzjoni ta’ devjazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni;

    (b)

    jipprovdi informazzjoni b’appoġġ għall-analiżi tar-riskju tad-devjazzjoni mill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istat Membru, f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u t-TKA, qabel ma jingħataw il-liċenzji ta’ esportazzjoni;

    (c)

    jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istat Membru b’kapaċità ta’ verifika ta’ wara l-kunsinna fuq talba tagħhom;

    (d)

    jappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi tal-Istat Membru b’informazzjoni dak il-ħin dwar id-devjazzjoni u x-xejriet tat-traffikar b’appoġġ għall-impenn nazzjonali fil-proċessi ta’ politika internazzjonali; u

    (e)

    jassisti lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fl-appoġġ ta’ investigazzjonijiet kriminali, fejn applikabbli u fuq talba tagħhom.

    4.3.5.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

    Iż-żamma ta’ dashboards apposta għad-desktops u s-sistemi operatorji mobbli, li ser jagħmlu streaming live tal-informazzjoni minn kompartimenti siguri fis-sistema iTrace lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri. Help desk, li ser ikun immexxi minn persunal tal-proġett iTrace, li jipprovdi appoġġ sħiħ lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u lill-persuni li jfasslu l-politika dwar il-kontroll tal-armi tal-Istati Membri. Sa 45 żjara fil-bliet kapitali tal‐Istati Membri fuq talba.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.3.6.   Benefiċjarji tal-proġett

    L-Istati Membri interessati kollha , bi żjarat fil-bliet kapitali u missjonijiet ta’ verifika ta’ wara l-kunsinna mwettqa fuq talba.

    4.4.   Proġett 4: Sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati u koordinazzjoni internazzjonali

    4.4.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett ser juri l-benefiċċji ta’ iTrace lil dawk li jfasslu l-politika internazzjonali u nazzjonali, l‐esperti ta’ kontroll ta’ armi konvenzjonali, u l-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni ta’ armi. Ser jitfasslu wkoll inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni għal aktar koordinazzjoni tal-qsim ta’ informazzjoni u l-bini ta’ sħubiji sostenibbli ma’ individwi u organizzazzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw informazzjoni li tista’ tittella’ fis-sistema iTrace.

    4.4.2.   Benefiċċju għal inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi

    Il-proġett ser juri, f’diversi konferenzi, avvenimenti u proċessi, appoġġ mill-Unjoni għall-Proġett iTrace u juri r-rwol tal-proġett fl-għoti ta’ informazzjoni konkreta b’appoġġ għal inizjattivi internazzjonali ta’ kontroll tal-armi. Proġetti suċċessivi tal-iTrace (I, II u III) urew li s-sensibilizzazzjoni internazzjonali taqdi rwol kritiku fi: 1) it-tiswir tal-aġenda internazzjonali rigward il-proċessi internazzjonali ta’ kontroll tal-armi; u 2) il-ħolqien ta’ opportunitajiet għal kooperazzjoni mill-Istat mhux tal-UE mal‐proġett iTrace u b’mod aktar ġenerali tal-inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi.

    4.4.3.   Attivitajiet tal-proġett

    L-attivitajiet li ġejjin, b’attenzjoni dovuta mogħtija biex tiġi evitata sovrapożizzjoni ma’ impriżi oħra pereżempju fuq il-komunikazzjoni tat-TKA, ser jitwettqu fil-qafas ta’ dan il-proġett:

    (a)

    preżentazzjonijiet mill-persunal tal-proġett iTRACE lil konferenzi internazzjonali rilevanti dwar il-kummerċ illeċitu f’armi konvenzjonali fl-aspetti kollha tiegħu. Il-preżentazzjonijiet tal‐persunal ser jitfasslu biex juru l-iTrace, b’enfasi fuq: 1) il-benefiċċji konkreti tagħha għall‐assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA, il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU , u strumenti internazzjonali rilevanti oħra; 2) l-utilità tagħha fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall‐assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali; u 3) l-utilità tagħha bħala mekkaniżmu ta’ tfassil ta’ profil ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni ta’ armi;

    (b)

    preżentazzjonijiet tal-persunal tal-proġett iTrace lil gvernijiet nazzjonali u operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi. Il-preżentazzjonijiet tal-persunal ser jitfasslu biex juru l-iTrace lil dipartimenti ta’ missjonijiet rilevanti, jinkoraġġixxu u jiżviluppaw ftehimiet formali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni li jistgħu jiġġeneraw informazzjoni li tista’ tiġi introdotta fis-sistema iTrace, kif ukoll biex jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall‐assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.4.4.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    juri l-utilità tal-iTrace u l-kunċett tad-dokumentazzjoni, il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data dwar id-devjazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu fl‐implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-kontroll ta’ armi konvenzjonali u l-kontroll tal‐esportazzjoni ta’ armi (it-TKA, il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU, u strumenti internazzjonali oħra rilevanti) u jappoġġaw l‐implimentazzjoni tagħhom;

    (b)

    jipprovdi informazzjoni rilevanti biex jassisti lil dawk li jfasslu l-politika u l-esperti ta’ kontroll ta’ armi fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali u fit-tfassil ta’ strateġiji effettivi kontra d-devjazzjoni;

    (c)

    jipprovdi lill-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni ta’ armi b’informazzjoni dettaljata dwar iTrace u l-utilità tagħha għall-valutazzjoni tar-riskju, minbarra li jipprovdi mezz għal aktar feedback u tisħiħ tas-sistema;

    (d)

    jiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn gvernijiet nazzjonali u operazzjonijiet għaż‐żamma tal-paċi u għall-monitoraġġ tas-sanzjonijiet tan-NU, inkluż l-ipproċessar tad-data u analiżi bl-użu tas-sistema tal-iTrace;

    (e)

    jiffaċilita n-networking fost grupp dejjem jikber ta’ esperti ta’ kontroll ta’ armi konvenzjonali involuti fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet in situ dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom;

    (f)

    itejjeb il-profil pubbliku tat-traċċar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom bħala mezz ta’ assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA, il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU, l-ITI u strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tal-kontroll ta’ armi u l-kontroll ta’ esportazzjoni ta’ armi.

    4.4.5.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

    Sa 30 konferenza ta’ sensibilizzazzjoni li attendew il-persunal tal-iTrace. Il-konferenzi kollha ser jinkludu preżentazzjonijiet tal-iTrace. L-aġendi u sommarji fil-qosor tal-konferenzi ser jiġu inklużi fir-rapport tan-narrattiva trimestrali.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.4.6.   Benefiċjarji tal-proġett

    Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.2.6 hawn fuq għal lista sħiħa ta’ benefiċjarji, li hija identika għall‐benefiċjarji ta’ dan il-proġett.

    4.5.   Proġett 5: rapporti ta’ politika tal-iTrace

    4.5.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett ser jipprovdi rapporti ta’ kwistjonijiet ta’ politika ewlenin, meħuda mid-data ġġenerata mill-investigazzjonijiet fuq il-post u ppreżentata fuq is-sistema iTrace. Ir-rapporti ser ikunu maħsuba biex jenfasizzaw oqsma speċifiċi ta’ interess internazzjonali, inklużi tendenzi maġġuri fit‐traffikar ta’ armi u munizzjon konvenzjonali, id-distribuzzjoni reġjonali ta’ armi konvenzjonali traffikati u l-munizzjon tagħhom, u oqsma ta’ prijorità għall-attenzjoni internazzjonali.

    4.5.2   Benefiċċju għal inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi

    Ir-rapporti ta’ politika tal-iTrace jiffokaw l-attenzjoni internazzjonali fuq il-komprensività tal‐inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi u l-impenji meħuda mill-Istati Membri biex jindirizzaw id-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Mill-2013 sa issa, dawn ir-rapporti kisbu kopertura importanti f’ħafna mill-kanali tal-aħbarijiet ewlenin fid-dinja, u wasslu għal azzjoni nazzjonali mill-gvernijiet, il-membri parlamentari u s-soċjetà ċivili. Minħabba li r‐rapporti tal-iTrace ma joqogħdux lura milli jidentifikaw armi konvenzjonali illeċiti li joriġinaw fl‐Unjoni, huma juru l-attitudni progressiva tal-Istati Membri lejn il-kontroll tal-armi. Dan, possibbilment, jinkoraġġixxi t-trasparenza u l-espansjoni tas-sħubija u l-universalizzazzjoni ta’ trattati u reġimi multilaterali ta’ diżarm, nonproliferazzjoni, u kontroll tal-armi mitluba fl-Istrateġija Globali tal-UE, jiġifieri l-prinċipju “immexxu bl-eżempju”.

    4.5.3.   Attivitajiet tal-proġett

    Analiżi fil-fond li twassal għall-ġbir, ir-rieżami, l-editjar u l-pubblikazzjoni, inkluż stampar u distribuzzjoni ta’ massimu ta’ 20 rapport ta’ politika tal-iTrace.

    4.5.4.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    jipproduċi massimu ta’ 20 rapport, kull wieħed bi profil ta’ kwistjoni separata ta’ interess internazzjonali;

    (b)

    jiżgura d-distribuzzjoni ta’ rapporti ta’ politika tal-iTrace lill-Istati Membri kollha;

    (c)

    ifassal strateġija ta’ sensibilizzazzjoni mmirata biex tiżgura kopertura globali massima;

    (d)

    isostni l-viżibbiltà tal-Azzjoni fl-arena politika u l-mezzi tax-xandir tal-aħbarijiet internazzjonali billi, fost affarijiet oħra, jippreżenta informazzjoni dwar armi konvenzjonali illeċiti ta’ interess topiku, jipprovdi analiżi rilevanti ta’ politika b’appoġġ għal proċessi li għaddejjin ta’ kontroll tal-armi, u jfassal rapporti li jipprovdu l-akbar interess għall-aħbarijiet tal-media internazzjonali.

    4.5.5.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

    Massimu ta’ 20 rapport online disponibbli għall-pubbliku dwar il-politika tal-iTrace, prodotti matul iż-żmien tal-Azzjoni proposta.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.5.6.   Benefiċjarji tal-proġett

    Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.2.6 hawn fuq għal lista sħiħa ta’ benefiċjarji, li hija identika għall‐benefiċjarji ta’ dan il-proġett.

    4.6.   Proġett 6: Traċċar u investigazzjoni msaħħa ta’ armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom

    4.6.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett ser ikompli jibgħat talbiet formali għat-traċċar lill-gvernijiet nazzjonali, għal armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom, li r-reazzjonijiet għalihom jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar il-ktajjen ta’ provvista tagħhom u jidentifikaw il-post u ċ-ċirkostanzi li fihom ġew iddevjati lejn utenti mhux awtorizzati. Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jistabbilixxu l‐mekkaniżmi tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, fuq bażi ta’ każ b’każ u bl-appoġġ tal-Istati esportaturi, b’mod partikolari l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal‐armi tal-Istati Membri. It-traċċi jagħtu informazzjoni dettaljata dwar netwerks ta’ provvista ta’ armi konvenzjonali illeċiti, jidentifikaw każijiet ta’ trasferiment mill-ġdid mhux awtorizzat bi ksur ta’ ftehim tal-utenti aħħarin, jissenjalaw ksur ta’ embargos fuq l-armi tan-NU u tal-Unjoni, u jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati għad-devjazzjoni wara l-esportazzjoni. Fuq kollox, minħabba li l-gvernijiet nazzjonali nfushom jipprovdu informazzjoni dwar it-traċċar, il-proċess tat-traċċar jipprovdi bażi għat-tfassil tal-politika dwar il-kontroll tal-armi.

    4.6.2   Benefiċċju għal inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi

    It-talbiet għat-traċċar ippermettew li l-proġett iTrace jipprovdi kontribut b’appoġġ għal diversi interventi ta’ infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri (u Stati mhux membri), li jinkludu l‐prosekuzzjoni u l-kundanna ta’ individwi involuti fit-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l‐munizzjon tagħhom, u materjal relatat.

    It-talbiet għat-traċċar jiġbdu l-attenzjoni wkoll tal-Istati Membri għal każijiet ta’ devjazzjoni wara l-esportazzjoni, u jipprovdu informazzjoni essenzjali għal valutazzjonijiet effettivi tar-riskju fl-għoti ta’ liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi. Bħala tali, l-iTrace jikkontribwixxi direttament informazzjoni li tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Kriterju 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-Artikolu 11 tat-TKA. L-informazzjoni miksuba permezz tal-proċess tat-traċċar tidentifika wkoll utenti aħħarin mhux awtorizzati, devjaturi ta’ armi konvenzjonali, partijiet illegali fil-katina ta’ provvista, u sorsi finanzjarji illeċiti. Dan jipprovdi lill‐Istati Membri data kritika b’rabta mal-profili tar-riskju tal-esportazzjoni.

    4.6.3.   Attivitajiet tal-proġett

    Sensiela kostanti ta’ talbiet ta’ traċċar, u komunikazzjonijiet assoċjati u investigazzjonijiet ta’ segwitu, tul iż-żmien kollu tal-proġett.

    4.6.4.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    jittraċċa armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom misjuba f’żoni milquta minn kunflitti b’rata mingħajr paragun. L-irfinar fil-proċeduri operattivi standard tal-CAR matul l-iTrace III, wara konsultazzjoni estensiva mal-Istati Membri, ser jiżgura li l‐informazzjoni miġbura mill-Unità tat-Traċċar tal-CAR ser tiġi eżaminata mill-gvernijiet nazzjonali qabel ma tiġi rilaxxata u tikkontribwixxi għall-ikbar ħażna fid-dinja ta’ armi ta’ kunflitt traċċati;

    (b)

    l-Unità tal-Investigazzjoni Msaħħa (EIU) li għadha kemm twaqqfet ser tieħu informazzjoni miġbura minn traċċi ta’ armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex tistabbilixxi b’mod aktar ċar il-“min, kif, xiex, meta u kif” tad-devjazzjoni u toħloq mappa tal-ktajjen ta’ provvista, iffukata fuq tliet pilastri ta’ investigazzjoni: netwerks umani, finanzjament ta’ armi illeċiti, u loġistika tal-provvista. L-EIU ser tkun tista’ titħaddem madwar id-dinja u taħdem biex tikseb testimonjanzi mhux pubbliċi, informazzjoni finanzjarja, u dokumenti ġewwa u barra ż‐żoni ta’ kunflitt; u

    (c)

    fl-aħħar mill-aħħar, l-EIU ser tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politiki firxa ġdida ta’ għażliet biex jindirizzaw trasferimenti illeċiti ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom u n-netwerks finanzjarji u loġistiċi warajhom, li jissupplimentaw miżuri bħal embargos fuq l-armi u kontrolli diretti fuq l-esportazzjoni, b’għażliet ta’ “tħarbit tan-netwerk” li jvarjaw minn diliġenza dovuta bankarja sa spezzjonijiet immirati ta’ kontejners, u twissijiet ħomor dwar intermedjarji kummerċjali.

    4.6.5.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

    Il-volum u s-suċċess tat-talbiet ta’ traċċar ser jiġu rreġistrati u vvalutati kontinwament matul iż‐żmien kollu tal-Azzjoni.

    Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.

    4.6.6.   Benefiċjarji tal-proġett

    Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.2.6 hawn fuq għal lista sħiħa ta’ benefiċjarji, li hija identika għall-benefiċjarji ta’ dan il-proġett.

    5.   Postijiet

    Il-proġetti 1, 2 u 6 ser jeħtieġu stazzjonament estensiv fuq il-post ta’ esperti ta’ armi konvenzjonali fir-reġjuni milquta minn kunflitt. Dawn l-istazzjonamenti ser jiġu vvalutati skont il-każ, b’referenza għas-sigurtà, l-aċċess u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni. Il-CAR diġà għandha kuntatti stabbiliti jew proġetti għaddejjin f’bosta mill-pajjiżi kkonċernati. Il-proġett 3 ser jitmexxa fil-bliet kapitali ta’ Stati Membri (bi vjaġġi oħrajn ġewwa l-pajjiżi soġġett għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri). Il‐proġett 4 ser jitwettaq f’konferenzi internazzjonali, u f’koordinament ma’ gvernijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet rilevanti, fid-dinja kollha biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-proġett. Il-proġett 5 ser jiġi kkompilat fil-Belġju, l-Italja, Franza u r-Renju Unit.

    6.   Tul ta’ żmien

    Iż-żmien totali għall-proġetti kollha f’daqqa huwa stmata li jkun ta’ 36 xahar.

    7.   Entità ta’ implimentazzjoni u viżibbiltà tal-Unjoni

    Il-CAR tqiegħed fil-post timijiet ta’ investigazzjoni żgħar mal-forzi lokali ta’ difiża u ta’ sigurtà, il-persunal taż-żamma tal-paċi/tal-appoġġ għall-paċi, u atturi oħra b’mandati ta’ sigurtà. Kull meta dawn il-forzi jew missjonijiet jassiguraw armi illeċiti jew siti ta’ ġbir tal-evidenza, it-timijiet tal‐CAR jirkupraw kull evidenza disponibbli dwarhom u dwar il-gruppi li jużawhom. Il-CAR imbagħad tipproċedi biex jittraċċa l-oġġetti kollha identifikabbli b’mod uniku u jwettaq investigazzjonijiet dwar it-trasferimenti illeċiti tagħhom, il-ktajjen ta’ provvista, u l-appoġġ lill‐partijiet li jheddu l-paċi u l-istabbiltà.

    Filwaqt li taħdem mal-awtoritajiet ta’ liċenzjar nazzjonali tal-esportazzjoni, il-CAR issib il-ktajjen ta’ provvista li huma responsabbli għall-forniment tal-armi fil-kunflitti armati, billi tidentifika l‐attività illeċita u d-devjazzjoni tal-armi mis-swieq legali għal dawk illeċiti. Il-CAR tirreġistra l‐informazzjoni miġbura fuq is-sistema iTrace tagħha ta’ monitoraġġ globali tal-armi, li b’aktar minn 500,000 arma ta’ kunflitt, munizzjon, u materjal relatat, hija l-akbar ħażna ta’ data ta’ armi ta’ kunflitt madwar id-dinja.

    Il-CAR tuża din l-informazzjoni biex: a) twissi lill-Istati Membri dwar id-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom; u b) tagħti lok għal inizjattivi mmirati kontra d-devjazzjoni, inkluż miżuri ta’ kontroll tal-esportazzjoni riveduti u azzjoni diplomatika internazzjonali.

    Din il-metodoloġija wriet bil-provi li tidentifika d-devjazzjonijiet kważi immedjatament, wara li t‐timijiet fuq il-post tal-CAR ikunu infurmaw lill-Istati Membri b’armi ddevjati waqt li jkunu għadhom stazzjonati f’żoni milquta minn konflitti, pereżempju filwaqt li jkunu fuq il-post f’Mosul, l-Iraq. F’xi każijiet, it-timijiet tal-CAR skoprew trasferimenti mill-ġdid mhux awtorizzati fi żmien xahrejn minn meta l-armi jkunu ħallew il-bieb tal-fabbrika.

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2283 tappoġġa lill-CAR biex tkompli u tkabbar il-proġett iTrace stabbilit bid-Deċiżjoni 2013/698/PESK u mġedda bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1908 5. Il-proġetti, imsejħa iTrace I, II u III, rispettivament, stabbilixxew sew lil iTrace bħala inizjattiva sinifikattiva ta’ monitoraġġ tal-armi ta’ konflitt madwar id-dinja u pprovdew appoġġ dirett lill‐awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni u dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi tal-UE.

    Barra minn hekk, fit-2 ta’ Diċembru 2015, pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi talab għal “estensjoni tal-użu tal-iTrace” u rrakkomanda li kwalunkwe awtorità nazzjonali tal-infurzar tal-liġi li tindividwa d-devjazzjoni ta’ armi u munizzjon tal-kontroll tivverifika dawn is-sejbiet mar-rekords fl-iTrace. Fl-2019, il-CAR ikkonkludiet memorandum ta’ qbil mal-Europol biex tassisti f’dawn l-attivitajiet. Barra minn hekk, il-CAR ipprovdiet data tal‐iTrace lis-sistema iARMS tal-Interpol u għenet lill-Interpol fl-identifikazzjoni ta’ armi mtella’ fl-iARMS mill-Istati Membri.

    Il-CAR ser tieħu l-miżuri kollha adatti biex tippubbliċizza l-fatt li l-Azzjoni ġiet iffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu skont il-Manwal dwar il-Komunikazzjoni u l‐Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea stipulat u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.

    B’dan il-mod, il-CAR ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni b’kummerċjalizzazzjoni u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni, kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta’ dan l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f’konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

    8.   Metodoloġija u salvagwardji għas-sħab nazzjonali tal-gvern

    L-Azzjoni iTrace ser iżżomm rappurtar politikament ibbilanċjat. F’konformità mal-prinċipji ċentrali tal-CAR, l-Azzjoni ser tirrapporta dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom, li timijiet ta’ investigazzjoni fil-post tal-CAR jiddokumentaw fi Stati milquta minn kunflitt, mingħajr preġudizzju għat-tip jew il-provenjenza tagħhom u irrispettivament mill-parti li jkollha dawk l-armi. Il-CAR tirrikonoxxi li l-Istati Membri li jiżvelaw informazzjoni fl-interess tat-trasparenza jistgħu jesponu l-esportazzjonijiet tagħhom tal-armi għal skrutinju pubbliku akbar. Għalhekk, sa fejn ikun fattibbli, il-CAR ser:

    (a)

    tirrikonoxxi, fir-rappurtar pubbliku tagħha, l-Istati Membri li pprovdew informazzjoni lill-Azzjoni iTrace fl-interess tat-trasparenza pubblika; u

    (b)

    tiżgura li r-rappurtar pubbliku tal-iTrace jiddifferenzja sew lill-Istati Membri msemmija fil-punt (a) minn stati li konsistentement ma jiżvelawx informazzjoni b’appoġġ għall-investigazzjonijiet tal-iTrace.

    8.1   Ċarezza operazzjonali

    Il-CAR ser titlob l-approvazzjoni minn qabel tal-COARM qabel ma jsir involviment sostantiv fil-pajjiżi kollha li preċedentement ma kinux soġġetti għal investigazzjonijiet iTrace fuq il-post jew programmi iTrace ta’ taħriġ u mentoraġġ. Kwalunkwe talba bħal din ser tippreżenta l-enfasi ġenerali tal‐investigazzjonijiet u l-metodoloġija prevista mill-CAR għall-pajjiż prospettiv. Fil-mument tal‐adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, programmi tal-iTrace kienu operaw preċedentement fil-pajjiżi li ġejjin: l-Afganistan; l-Arabja Sawdija; il-Bahrain; il-Benin; il-Burkina Faso; ir-Repubblika Ċentru‐Afrikana; iċ-Chad; l-Eġittu; l-Emirati Għarab Magħquda; l-Etjopja; il-Filippini; il-Ġordan; il-Gambja; il-Ghana; l-Indja; l-Iraq; Iżrael; il-Jemen; il-Kenja; ir-Repubblika tal-Kongo; il-Kosta tal-Avorju; il-Libanu; il-Libja; il-Mali; il-Marokk; il‐Mauritania; il-Myanmar; in-Nepal; in-Niġer; in-Niġerja; is-Senegal; is-Sirja; is-Somalja; is-Sudan; is-Sudan t’Isfel; it-Tuneżija; it‐Turkija; l-Uganda; u l-Ukrajna.

    8.2.   Mitigazzjoni tal-preġudizzju

    Il-CAR tirrikonoxxi li l-livell ta’ dettall ipprovdut mill-gvernijiet nazzjonali bi tweġiba għat-talbiet ta’ traċċar, li jvarja minn ebda rispons għall-iżvelar sħiħ u l-forniment ta’ dokumenti ta’ trasferiment, jista’ jirriżulta fi Stati Membri jġarrbu livelli differenti ta’ esponiment pubbliku. Il-CAR tintrabat li ttaffi kwalunkwe preġudizzju impliċitu li disparità bħal din fit‐tweġibiet dwar it-traċċar tista’ tintroduċi fir-rappurtar tal-iTrace, billi:

    (a)

    iżżid introduzzjoni espliċita testwali quddiem il-każijiet kollha rrappurtati mill-Azzjoni tal‐iTrace fejn l-Istati Membri jkunu wieġbu b’mod trasparenti għal talbiet ta’ traċċar b’mod li, fejn ikun applikabbli, tafferma mingħajr ambigwità l-legalità tat-trasferimenti soġġetti għal dawk it-talbiet tat-traċċar;

    (b)

    iżidu introduzzjoni espliċita testwali quddiem il-każijiet kollha rrappurtati mill-Azzjoni tal‐iTrace fejn l-Istati ma jkunux wieġbu għal talbiet ta’ traċċar, li tiddikjara li “minħabba n‐nuqqas ta’ tweġiba dwar it-traċċar, il-CAR ma tistax tippronunzja ruħha dwar il-legalità tat‐trasferiment inkwistjoni” (dan mhux ser japplika għal każijiet fejn l-Istati Membri jkunu pprovdew, bi tweġiba għal talbiet speċifiċi ta’ traċċar, raġunijiet li ma jħalluhomx iwieġbu minnufih jew b’mod sħiħ); u

    (c)

    l-għoti ta’ rapport skedat lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-każijiet kollha fejn il-CAR ma tkunx irċeviet mingħand l-Istati rikonoxximent tal-fatt li jkunu rċevew talba għat-traċċar fi żmien 28 jum minn meta jirċevuha. Il-CAR ser tirreġistra r-rikonoxximenti kollha li tirċievi fil-forma ta’ ittri, faksimili, posta elettronika, jew telefonati.

    8.3.   Il-proċess tat-traċċar

    L-Istati Membri jwieġbu għal talbiet ta’ traċċar maħruġa mill-CAR fil-qafas tal-Proġett iTrace kompletament għad-diskrezzjoni tagħhom, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il‐kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-kunfidenzjalità tad-data.

    Għall-bidu l-CAR tibgħat talbiet għat-traċċar elettronikament lil Missjoni Permanenti tal-gvern għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, għalkemm tħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali, għal raġunijiet amministrattivi, biex jassenjaw punt ta’ kuntatt fil-belt kapitali għal komunikazzjonijiet futuri mal‐Azzjoni tal-iTrace.

    Il-proċess ta’ traċċar isegwi l-proċedura operattiva standard interna tal-CAR 02.02 u jinkludi l-passi li ġejjin:

    (a)

    fil-mument tal-ġbir tad-data, timijiet ta’ investigazzjoni fuq il-post li jeħtieġ li jittraċċaw armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, jimmarkawhom għat-traċċar fis-Sistema Globali ta’ Rappurtar dwar l-Armi, iTrace;

    (b)

    l-Unità tat-Traċċar tal-CAR teżamina d-data l-oħra kollha miġbura fuq il-post u, flimkien mal‐Unità tal-Analitika tal-CAR, toħroġ kwalunkwe talba oħra li tista’ tqis rilevanti;

    (c)

    għal elementi magħżula għat-traċċar, is-sistema awtomatikament: i) tassenja numru tat-talba għat-traċċar għal kull element; ii) tħejji lista tat-talbiet għat-traċċar għal element wieħed jew aktar, li joriġinaw minn pajjiż wieħed, f’komunikazzjoni ta’ traċċar waħda; u iii) tassenja numru ta’ korrispondenza lil kull komunikazzjoni ta’ traċċar;

    (d)

    meta tintbagħat talba għat-traċċar jibda perijodu ta’ stennija ta’ 28 jum, li jqis il-proċeduri nazzjonali, pereżempju fl-Istati Membri. Matul il-perijodu ta’ stennija, l-element ma jista’ jiġi ppubblikat jew ikun hemm referenza għalih f’ebda produzzjoni mill-CAR;

    (e)

    jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ 28 jum, l-Unità tat-Traċċar ma tkunx irċeviet tweġiba għat-traċċar, hija tista’ toħroġ tfakkira (permezz ta’ email jew telefonata, filwaqt li żżomm noti tal-komunikazzjonijiet kollha). It-tfakkira ma tagħtix bidu għal perijodu ieħor ta’ 28 jum;

    (f)

    meta l-Unità tat-Traċċar tirċievi tweġiba għal xi talba ta’ traċċar, hija tinnotifika lill-persunal kollu rilevanti. Il-persunal rilevanti jiddiskuti t-tweġiba mal-Unità tat-Traċċar u jiddeċiedi x’azzjoni tittieħed (jiġifieri: il-parti rispondenti wieġbet il-mistoqsijiet tal-CAR? Jenħtieġ segwitu jew li tintalab kjarifika mill-CAR? Il-CAR tista’ toħroġ dritt ta’ tweġiba?);

    (g)

    ladarba jkunu waslu l-kjarifiki kollha, l-Unità tat-Traċċar tikkompila notifika ta’ dritt ta’ tweġiba. Dan huwa sommarju konċiż tal-informazzjoni pprovduta bħala tweġiba għat-talba tal‐CAR u jinkludi twissijiet li jirrispondu għal informazzjoni nieqsa jew inkonklużiva. It-test huwa mfassal biex jiġi replikat verbatim fl-iTrace u fi produzzjonijiet oħra tal-CAR u jrid jagħti l-informazzjoni kollha pprovduta mir-rispondent għat-talba ta’ traċċar. L-unità tat-Traċċar tibgħat l-abbozz tat-test lit-tim responsabbli biex jitlob it-traċċar biex jeżaminah. Mal‐aċċettazzjoni tat-test, it-tim jinnotifika lill-Unità tat-Traċċar bil-miktub u lill-Unità tat-Traċċar tibgħat id-dritt ta’ tweġiba;

    (h)

    meta jintbagħat dritt ta’ tweġiba jibda perijodu ta’ stennija ieħor ta’ 28 jum, li matulu l-CAR tistieden lill-parti rispondenti biex tissuġġerixxi żidiet jew emendi għat-test tad-dritt ta’ tweġiba;

    (i)

    jekk il-parti rispondenti tissuġġerixxi emendi għat-test tad-dritt ta’ tweġiba, il-CAR temenda t‐test u terġa’ toħroġ id-dritt ta’ tweġiba. Kull darba li l-Unità tat-Traċċar toħroġ mill-ġdid dritt ta’ tweġiba, jerġa’ jibda perijodu ieħor ta’ stennija ta’ 28 jum. Dan il-proċess jista’ jiġi ripetut sakemm il-CAR tqis li jkun ġie konkluż skambju kostruttiv. Il-CAR mhix marbuta li taċċetta emendi għad-dritt ta’ tweġiba ad infinitum;

    (j)

    il-proċess tad-dritt ta’ tweġiba jikkonkludi jew meta l-gvern ikkonċernat jinnotifika lill-CAR li t-test huwa aċċettabbli, jew inkella meta l-CAR tqis li modifiki ulterjuri ssuġġeriti mill-gvern ikkonċernat ikunu invalidi jew superfluwi. Jekk il-gvern jikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-CAR, u l-CAR tqis li l-punti mqajma jkunu invalidi jew superfluwi, il-CAR għandha tirreferi l-oġġezzjonijiet fit-test tad-dritt ta’ tweġiba;

    (k)

    f’każijiet fejn il-proċess tad-dritt ta’ tweġiba jkun għaddej u l-pubblikazzjoni tkun imminenti, ġimagħtejn qabel l-“imblukkar tat-test”, il-CAR tikkomunika lill-parti rispondenti li bidliet ulterjuri mhux ser jiddaħħlu fil-pubblikazzjoni rilevanti wara d-data tal-imblukkar tat-test;

    (l)

    meta l-Unità tat-Traċċar tkun inkorporat l-emendi u ż-żidiet kollha fit-test tad-dritt ta’ tweġiba, hija tibgħat l-abbozz tat-test lit-tim li kien responsabbli biex jitlob it-traċċa biex jeżaminaha. Mal-aċċettazzjoni tat-test, it-tim tal-CAR jinnotifika lill-Unità tat-Traċċar bil-miktub. Wara l‐approvazzjoni, it-test tad-dritt ta’ tweġiba jkun “imblukkat” u ma jkunx jista’ jsir aktar tibdil fit-test tad-dritt ta’ tweġiba. Minn hemm ’il quddiem, dan it-test irid jiġi replikat verbatim f’kull produzzjoni pubblika jew mhux pubblika li tirreferi għall-każ. Għalhekk, huwa imperattiv li l‐Unità tat-Traċċar u t-timijiet rilevanti jaqblu fuq test verbatim kollu kemm hu qabel ma joħorġu drittijiet ta’ tweġiba; u

    (m)

    jekk gvern, fit-tweġiba tiegħu għal talbiet ta’ traċċar tal-CAR, jidentifika l-punt li jmiss fil‐katina ta’ provvista, il-CAR toħroġ talba ġdida għal traċċar lil dik il-parti, u l-proċess tat‐traċċar jerġa’ jibda mill-punt (a).

    8.4.   Notifika bil-quddiem

    Il-CAR tibgħat notifika bil-quddiem lill-partijiet kollha li jkun hemm referenza sostantiva dwarhom f’pubblikazzjonijiet tal-iTrace. Din tieħu l-forma ta’ komunikazzjoni formali, li titħejja mill-awtur tal-pubblikazzjoni li jkun imiss u tintbagħat mill-Unità tat-Traċċar. In-notifika bil-quddiem tiddeskrivi kif ir-rapport ser jirreferi għar-relazzjoni bejn il-gvern jew entità oħra msemmija u l-każ ikkonċernat u tkun imfassla biex tiżgura li:

    (a)

    il-CAR wettqet id-diliġenza dovuta fuq kwalunkwe allegazzjoni jew referenza magħmula għal entitajiet fil-produzzjonijiet tagħha; u

    (b)

    l-informazzjoni ppreżentata fir-rapporti tal-CAR tkun preċiża u ġusta.

    Ladarba tintbagħat, notifika minn qabel tagħti bidu għal perijodu ta’ stennija ta’ 28 jum, li matulu l‐CAR tistieden lil min jirċeviha biex jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta u jippreżenta kwalunkwe oġġezzjoni. L-element ma jista’ jiġi ppubblikat jew ikun hemm referenza għalih f’ebda produzzjoni mill-CAR matul dan il-perijodu ta’ 28 jum.

    9.   Rappurtar

    Il-CAR ser tħejji rapporti narrattivi kull tliet xhur. Dawn ser jinkludu, fost affarijiet oħra, informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet imwettqa matul il-perijodu ta’ rappurtar, proġett bi proġett, inkluż id-dati u l-istituzzjonijiet nazzjonali. Ir-rappurtar ser ikopri wkoll l-għadd ta’ konsultazzjonijiet minn iTRACE mal-Istati Membri.

    L-ambitu ġeografiku tal-attivitajiet ta’ riċerka, l-ammont u l-kategorija tas-sejbiet, kif ukoll l-oriġini tagħhom ser ikunu disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-iTRACE fil-ħin reali.


    Top