Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1614

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1614 tas-26 ta' Settembru 2019 li tawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu għal derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE rigward il-patata, għajr il-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina mir-reġjuni ta' Akkar u Bekaa tal-Libanu (notifikata bid-dokument C(2019) 6819)

    C/2019/6819

    ĠU L 250, 30.9.2019, p. 85–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1614/oj

    30.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 250/85


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1614

    tas-26 ta' Settembru 2019

    li tawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu għal derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE rigward il-patata, għajr il-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina mir-reġjuni ta' Akkar u Bekaa tal-Libanu

    (notifikata bid-dokument C(2019) 6819)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt (12) tal-Parti A tal-Anness III tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprojbixxu l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-patata, għajr il-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina mil-Libanu. Madankollu, skont l-Artikolu 15(1) ta' dik id-Direttiva, jistgħu jingħataw derogi minn dik il-projbizzjoni jekk ma jkunx hemmx riskju li jinfirxu l-organiżmi ta' ħsara.

    (2)

    F'konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt 25.2 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprojbixxu l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-patata sakemm ma toriġinax minn pajjiżi magħrufa li huma ħielsa mill-Clavibacter michiganensis (Smith) Davis et al. ssp. sepedonicus (Spieckermann u Kotthoff) Davis et al. minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu speċifikat”, jew li japplikaw id-dispożizzjonijiet rikonoxxuti bħala ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni għall-ġlieda kontra dak l-organiżmu. Il-Libanu ma jissodisfa l-ebda minn dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, skont l-Artikolu 15(1) ta' dik id-Direttiva, jistgħu jingħataw derogi minn dik il-projbizzjoni jekk ma jkunx hemmx riskju li jinfirxu l-organiżmi ta' ħsara.

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/413/UE (2) li tawtorizza derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward tal-patata, għajr il-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina mir-reġjuni ta' Akkar u ta' Bekaa tal-Libanu skadiet fil-31 ta' Ottubru 2018.

    (4)

    Il-Libanu pprovda informazzjoni ġdida biex juri li l-patata, għajr dik il-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina mir-reġjuni ta' Akkar u Bekaa titkabbar f'kundizzjonijiet fitosanitarji adegwati biex tkun żgurata l-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni mill-organiżmu speċifikat.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' patata, barra mill-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina mir-reġjuni Akkar u Bekaa mil-Libanu tiġi permessa dment li din tissodisfa l-kundizzjonijiet li jassiguraw li l-organiżmu speċifikat ma jkunx preżenti fuq il-patata meta tiġi introdotta fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk il-kundizzjonijiet jikkonċernaw il-produzzjoni f'żoni ħielsa mill-organiżmu speċifikat, it-twettiq ta' stħarriġiet ta' dawk iż-żoni, il-produzzjoni minn żerriegħa tal-patata ċċertifikata, u r-rekwiżiti tal-immaniġġar, tal-ħżin, tal-imballaġġ u tat-tħejjija.

    (6)

    Jenħtieġ li l-patata tiġi introdotta fl-Unjoni minn punti tad-dħul magħżula, biex jiġu żgurati kontrolli effettivi u tnaqqis ta' kwalunkwe riskju fitosanitarju.

    (7)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ispezzjonijiet sabiex jiġu żgurati l-kontrolli tar-riskju fitosanitarju. Jenħtieġ li jiġi stabbilit li t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar iridu jitwettqu skont l-iskema eżistenti tal-ittestjar stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE (3).

    (8)

    Jenħtieġ li l-patata tiġi introdotta u trasportata biss fl-Unjoni jekk tkun tikkettata kif xieraq b'tali mod li jiġu indikati l-oriġini Libaniża u informazzjoni rilevanti oħra, bil-għan li din il-patata ma titħalliex titħawwel u biex ikunu żgurati l-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-patata.

    (9)

    Jenħtieġ li d-deroga tkun għal perjodu limitat.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-awtorizzazzjoni biex tingħata d-deroga

    B'deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt 12 tal-Parti A tal-Anness III ta' dik id-Direttiva, u mill-Artikolu 5(1) ta' dik id-Direttiva flimkien mal-punt 25.2 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom tal-patata, kif stabbilit fil-Punt 12 tal-Parti A tal-Anness III ta' dik id-Direttiva, (minn hawn 'il quddiem: “patata”) li toriġina mir-reġjuni ta' Akkar jew Bekaa tal-Libanu, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Ċertifikat fitosanitarju

    Iċ-ċertifikat fitosanitarju, kif stabbilit fl-Artikolu 13a(3) tad-Direttiva 2000/29/KE, għandu jinħareġ fil-Libanu. Taħt “Dikjarazzjoni addizzjonali”, dan iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    dikjarazzjoni “Skont ir-rekwiżiti tal-UE stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1614”;

    (b)

    in-numru tal-lott;

    (c)

    l-isem taż-żona ħielsa mill-pest fit-tifsira tal-punt (1) tal-Anness.

    Artikolu 3

    Punti tad-dħul

    1.   Il-patata koperta minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 1 tista' tiddaħħal biss fl-Unjoni minn punt tad-dħul weħed jew aktar, magħżula għal tali introduzzjoni mill-Istat Membru li fih ikun jinsab il-punt tad-dħul.

    2.   Il-punti tad-dħul u l-isem u l-indirizz tal-korp uffiċjali responsabbli msemmi fid-Direttiva 2000/29/KE inkarigat minn kull punt tad-dħul għandhom jiġu notifikati mill-Istat Membru lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u l-Libanu.

    Artikolu 4

    Spezzonijiet mill-Istati Membri

    1.   Minn kull lott tal-kunsinna, għandhom jittieħdu kampjuni għall-eżaminazzjoni uffiċjali fir-rigward tal-Clavibacter michiganensis (Smith) Davis et al. ssp. sepedonicus (Spieckermann and Kotthoff) Davis et al., minn hawn' il quddiem “l-organiżmu speċifikat”. Kull kampjun għandu jkun magħmul tal-anqas minn 200 tuberu. F'każ li lott jaqbeż il-25 tunnellata metrika, għandu jittieħed kampjun għal kull 25 tunnellata u, barra minn hekk, għall-parti li tibqa' tal-lott.

    2.   Il-korpi uffiċjali responsabbli għandhom jagħmlu eżami viżwali tal-kampjuni għal sintomi tal-organiżmu speċifikat fuq tuberu maqtugħ. Matul dak l-eżami, il-lottijiet kollha tal-kunsinna konċernata għandhom jibqgħu taħt kontroll uffiċjali u ma għandhomx jiġu mċaqilqa jew użati.

    3.   F'każ li s-sintomi tal-organiżmu speċifikat jiġu identifikati waqt l-eżami msemmi fil-paragrafu 2, għandhom jitwettqu testijiet, li jiddeterminaw jekk l-organiżmu speċifikat ikunx preżenti, skont il-punt 1.1 u l-punti 4 sa 10 tal-Anness I tad-Direttiva 93/85/KEE.

    Filwaqt li dawk it-testijiet jitwettqu, il-lottijiet kollha tal-kunsinna konċernata, u l-kunsinni l-oħrajn kollha li fihom lott li joriġina mill-istess żona ħielsa mill-pest u li jinsabu taħt il-kontroll tal-korp uffiċjali responsabbli konċernat, għandhom jibqgħu taħt il-kontroll uffiċjali, u ma għandhomx jiġu mċaqilqa jew użati.

    4.   F'każ li f'kampjun tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat skont il-paragrafu 3, kwalunkwe fdal tal-estratt tal-patata għandu jinżamm u jiġi kkonservat kif xieraq u l-lott konċernat ma għandux jiddaħħal fl-Unjoni.

    Il-kumplament tal-lottijiet kollha msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jiġi ttestjat skont il-punt 1.1 u l-punti 4 sa 10 tal-Anness I tad-Direttiva 93/85/KEE;

    5.   Fir-rigward ta' lottijiet li fil-kampjuni tagħhom ma jinstab l-ebda sintomu tal-organiżmu speċifikat matul l-eżami msemmi fil-paragrafu 2, għandhom jitwettqu testijiet għal infezzjoni moħbija fuq il-lottijiet kollha skont il-punt 1.2 u l-punti 3 sa 10 tal-Anness I tad-Direttiva 93/85/KEE.

    Matul l-ittestjar dak il-lott għandu jibqa' taħt il-kontroll uffiċjali u ma għandux jiġi mċaqlaq jew użat.

    F'każ li f'kampjun tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, kwalunkwe fdal tal-estratt tal-patata għandu jinżamm u jiġi kkonservat kif xieraq u l-lott konċernat ma għandux jiddaħħal fl-Unjoni.

    Artikolu 5

    Notifika ta' suspett ta' sejba jew sejbiet konfermati

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lil-Libanu bil-każijiet fejn tkun susspettata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat bħala riżultat ta' test ta' skrining rapidu, kif imsemmi fil-punt 1.1 tal-Anness I tad-Direttiva 93/85/KEE, jew it-test ta' skrining kif imsemmi fil-punt 1.2 tal-Anness I ta' dik id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lil-Libanu bil-każijiet fejn hija kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat skont il-punti 1.1 u 1.2 tal-Anness I tad-Direttiva 93/85/KEE.

    Artikolu 6

    Tikkettar

    1.   Il-patata għandha tiddaħħal u tiġi trasportata biss fl-Unjoni b'tikketta, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, li tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    indikazzjoni li toriġina mil-Libanu;

    (b)

    l-isem taż-żona ħielsa mill-pest;

    (c)

    l-isem u n-numru ta' identifikazzjoni tal-produttur;

    (d)

    in-numru tal-lott;

    2.   It-tikketta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinħareġ taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni Libaniża tal-protezzjoni tal-pjanti.

    Artikolu 7

    Rimi tal-iskart

    L-iskart li jirriżulta mill-imballaġġ jew mill-ipproċessar tal-patata fl-Unjoni għandu jintrema b'tali mod li jiġi żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jkunx jista' jistabbilixxi ruħu u jinfirex.

    Artikolu 8

    Obbligi tan-notifiki tal-importaturi

    1.   L-importatur għandu jgħarraf lill-korp uffiċjali responsabbli tal-punt tad-dħul fl-Istat Membru konċernat, suffiċjentement bil-quddiem, bl-intenzjoni tiegħu li jdaħħal il-kunsinna.

    2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-kwantità tal-kunsinna(i) konċernat(i);

    (b)

    id-data prevista tal-introduzzjoni;

    (c)

    l-isem u l-indirizz tal-importatur.

    Artikolu 9

    Data ta' skadenza

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-31 ta' Marzu 2023.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/413/UE tat-30 ta' Lulju 2013 li tawtorizza lill-Istati Membri li tipprevedi għal derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE rigward patata, barra l-patata maħsuba għat-tħawwil, li toriġina fir-reġjuni Akkar u Bekaa tal-Libanu (ĠU L 205, 1.8.2013, p. 13).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE tal-4 ta' Ottubru 1993 dwar il-kontroll tat-tħassir forma ta' ċirku tal-patata (ĠU L 259, 18.10.1993, p. 1).


    ANNESS

    IR-REKWIŻITI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 1

    Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika fir-rigward tal-patata li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (1) sa (9).

    (1)   Iż-żoni tal-produzzjoni

    Il-patata tiġi koltivata fir-reġjuni ta' Akkar jew Bekaa f'żoni li ġew uffiċjalment iddikjarati mill-organizzazzjoni Libaniża tal-protezzjoni tal-pjanti, skont l-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 4 dwar ir-rekwiżiti għall-istabbiliment ta' żoni ħielsa mill-pest (1), li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat (“żoni ħielsa mill-pest”) u kkomunikati mil-Libanu lill-Kummissjoni kull sena.

    (2)   L-istħarriġiet taż-żoni ħielsa mill-pest

    Iż-żoni ħielsa mill-pest huma suġġetti għal stħarriġiet annwali sistematiċi u rappreżentattivi biex jiġi identifikat l-organiżmu speċifikat, imsemmi fl-Artikolu 4(1), li jitwettaq mill-awtoritajiet Libaniżi, matul il-ħames snin ta' qabel il-produzzjoni u matulha.

    L-istħarriġiet iseħħu fuq l-għelieqi tal-patata li jinsabu f'żoni ħielsa mill-pest, u fuq il-patata maħsuda f'dawk iż-żoni.

    L-istħarriġiet għandhom jikkonsistu mill-elementi li ġejjin:

    (a)

    spezzjonijiet viżwali tal-għelieqi matul l-istaġun li fih tikber il-patata;

    (b)

    eżami viżwali tal-patata maħsuda għas-sintomi ta' organiżmu speċifikat fuq it-tuberi maqtugħin;

    (c)

    ittestjar fil-laboratorji fuq patata sintomatika u asintomatika.

    L-istħarriġiet ma juru l-ebda sejba tal-organiżmu speċifikat jew kwalunkwe evidenza oħra li tista' tindika li ż-żona mhix żona ħielsa mill-pest fit-tifsira tal-punt (1). Ir-riżultati tal-istħarriġiet jingħataw lill-Kummissjoni meta ssir talba għalihom.

    (3)   Il-produtturi

    Il-patata titkabbar minn produtturi reġistrati mill-organizzazzjoni Libaniża tal-protezzjoni tal-pjanti.

    (4)   Il-produzzjoni minn żerriegħa tal-patata ċċertifikata

    Il-patata tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    titkabbar minn żerriegħa tal-patata ċċertifikata fl-Unjoni u importata fil-Libanu minnha;

    (b)

    titkabbar minn żerriegħa tal-patata importata fil-Libanu minn pajjiż terz jew partijiet tiegħu, li għalihom, id-dħul fl-Unjoni taż-żerriegħa tal-patata mhux ipprojbit skont l-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE, u tiġi ċċertifikata f'dak il-pajjiż terz.

    (5)   L-għelieqi tal-produzzjoni

    Il-patata titkabbar f'għelieqi fejn l-ebda patata, minbarra dik imsemmija fil-punt (4), ma tkabbret matul il-ħames snin ta' qabel.

    (6)   L-immaniġġar

    Il-patata tiġi mmanniġġata bl-użu ta' makkinarju li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jintuża biss biex iqandel il-patata li tissodisfa l-punti (1) sa (5);

    (b)

    fil-każ li jkun intuża għal finijiet minbarra dawk imsemmijin fil-punt (a), li jkun tnaddaf u ġie diżinfettat b'mod xieraq qabel ma jiġi użat għall-finijiet imsemmija fil-punt (a).

    (7)   Il-ħżin

    Il-patata tinħażen f'faċilitajiet tal-ħżin li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jintużaw biss biex tinħażen il-patata li tissodisfa il-punti (1) sa (6);

    (b)

    fil-każ li jintużaw għal għanijiet oħra minn dawk imsemmija fil-punt (a), dawn ikunu suġġetti għal miżuri xierqa tal-iġjene qabel ma jintużaw għall-finijiet imsemmija fil-punt (a).

    (8)   L-imballaġġ

    Il-materjal tal-imballaġġ użat għall-patata huwa ġdid jew imnaddaf u diżinfettat.

    (9)   Il-preparazzjoni tal-patata u tal-lottijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni

    Il-patata tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-preparazzjoni tagħha:

    (a)

    tkun ħielsa minn ħamrija, weraq u fdal ieħor tal-pjanti;

    (b)

    tkun ippreżentata għall-introduzzjoni fl-Unjoni bħala lottijiet, kull lott ikun magħmul minn patata prodotta minn produttur wieħed u maħsuda f'żona unika kif speċifikat fil-punt (1); kif ukoll

    (c)

    tkun f'boroż, f'pakketti jew f'kontenituri oħrajn, li kull wieħed minnhom ikun tikkettat skont l-Artikolu 6.


    (1)  ISPM 4. 1995. Ir-rekwiżiti għall-istabbiliment ta' żoni ħielsa mill-pest. Ruma, l-IPPC, FAO.


    Top