This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R2324
Commission Implementing Regulation (EU) 2015/2324 of 11 December 2015 amending Annex I to Council Regulation (EC) No 1342/2008 as regards the definition of gear groupings in certain geographical areas
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2324 tal-11 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill 1342/2008 rigward ir-raggruppamenti tal-irkaptu f'ċerti żoni ġeografiċi
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2324 tal-11 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill 1342/2008 rigward ir-raggruppamenti tal-irkaptu f'ċerti żoni ġeografiċi
ĠU L 328, 12.12.2015, p. 101–103
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 04/08/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0973
12.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/101 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2324
tal-11 ta' Diċembru 2015
li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill 1342/2008 rigward ir-raggruppamenti tal-irkaptu f'ċerti żoni ġeografiċi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Billi:
(1) |
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li jelimina l-prattika ħalja tar-rimi. L-obbligu tal-ħatt se jidħol ftit ftit fis-seħħ għal ċertu sajd demersali li bħalissa huwa kopert mir-reġim tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fir-Regolament (KE) Nru 1342/2008, sa mill-2016 u l-aktar tard sal-2019. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 jistipula li l-limiti tal-gruppi tal-isforz tas-sajd huma assenjati lil gruppi differenti ta' sforz iddefiniti skont ir-raggruppamenti tal-irkapti u skont iż-żoni ġeografiċi stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. |
(3) |
Minħabba l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt, tinħtieġ aktar flessibbiltà fir-reġim attwali tal-gruppi tal-isforz tas-sajd biex is-sajjieda jkunu jistgħu jużaw irkapti aktar selettivi b'malja ikbar. F'dan il-kuntest deher li kien hemm bżonn analiżi biex jiġi evalwat kemm l-istruttura attwali ta' raggruppamenti tal-gruppi tal-isforz kienu għadhom kosteffiċjenti f'termini ta' piż tal-ġestjoni mqabbel mal-bżonnijiet tal-konservazzjoni. |
(4) |
B'riżultat ta' dan, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd intalab parir dwar il-possibbiltà li jingħaqdu r-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 li jintużaw biex jiddefinixxu l-gruppi tal-isforz. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda (2) li hemm riskju ta' żieda fil-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd meta jingħaqdu r-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2, u li din l-għaqda, jekk issir biss fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u fil-Kanal tal-Lvant, twassal għal nuqqas ta' konsistenza ma' żoni ta' ġestjoni oħrajn. Ikkonkluda wkoll li r-raggruppament magħqud ġdid ikun aktar eteroġenju rigward l-istokkijiet bijoloġiċi li jinqabdu milli huma r-raggruppamenti separati tat-TR1 u t-TR2, u li x'aktarx li ma jkunx hemm aktar kosteffiċjenza, minħabba l-miżuri addizzjonali li jkollhom jitwettqu biex jopponu l-possibbiltà ta' żieda fil-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd. Madankollu, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda wkoll li jekk issir din l-għaqda, is-sajjieda jkunu jistgħu jistadu b'mod aktar selettiv. |
(5) |
Barra minn hekk, waqt evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li saret fl-2011 (3), il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd innota li l-mortalità tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana minħabba s-sajd fl-2010 kienet tlieta fil-mija biss inqas minn dik tal-2008. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li l-isforz ta' ġestjoni tal-istokk tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana ma rnexxilux inaqqas ir-rimi. |
(6) |
L-isforz allokat għar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 tnaqqas ħafna mill-introduzzjoni fl-2008 'l hawn tar-reġim tal-gruppi tal-isforz attwali tas-sajd. Għalhekk, il-kobor ta' kull impatt negattiv potenzjali tal-għaqda fuq il-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd huwa ħafna inqas milli kien ikun fil-passat. |
(7) |
Jekk issir għaqda, din tnaqqas ħafna l-ispejjeż tal-ġestjoni. Tnaqqis tar-raggruppamenti tal-irkapti tas-sajd iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali u għas-sajjieda, speċjalment billi ħafna sajjieda jużaw irkapti diversi, u b'hekk jiffurmaw parti minn diversi raggruppamenti tal-gruppi tal-isforz tas-sajd, u l-allokazzjoni tal-gruppi tal-isforzi tas-sajd korrispondenti twassal għal kalkoli kumplessi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-obbligu l-ġdid li jħottu l-qabdiet kollha se torbot ħafna mir-riżorsi umani fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li jekk ikun hemm żieda fil-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd, ma jfissirx bilfors li miżuri protettivi addizzjonali se jikkawżaw spejjeż amministrattivi sostanzjali. |
(8) |
Skont il-parir tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) (4), l-istatus ta' konservazzjoni tal-istokk ta' bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana fis-Sottotaqsima taż-Żona IV, fit-Taqsima tal-ICES VIId u fil-parti tal-Punent tat-Taqsima IIIa tal-ICES (Skagerrak) ittejjeb ħafna. |
(9) |
Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, wieħed jista' jasal għall-konklużjoni li l-introduzzjoni iktar ta' malajr tal-obbligu tal-ħatt tal-bakkaljaw tagħti iktar valur miżjud fit-tnaqqis tal-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd ikkawżati mill-qabdiet inċidentali milli jekk tinżamm is-sistema kurrenti obbligatorja tal-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz. |
(10) |
Għaldaqstant ma jixraqx li jinżammu separati r-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 fiż-żoni li jidhru hawn taħt: L-Iskagerrak, dik il-parti taż-żona ICES IIIa li mhix koperta minn Skagerrak u Kattegat; iż-żona tal-ICES IV u l-ilmijiet tal-KE taż-żona tal-ICES IIa, u ż-żona tal-ICES VIId Minħabba l-qagħda ħażina tal-istokkijiet tal-bakkaljaw fiż-żoni Kattegat, fiż-żona tal-ICES VIIa, fiż-żona tal-ICES VIa u fl-ilmijiet tal-KE taż-żona tal-ICES Vb, l-għaqda tar-raggruppamenti tal-irkapti tas-sajd ma għandhiex tapplika f'dawk iż-żoni. |
(11) |
Il-Kummissjoni se tissorvelja bir-reqqa l-effett fuq il-mortalità mis-sajd tal-bakkaljaw li se jkollha l-għaqda tar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 biex tkun tista' taddatta l-istruttura tar-raggruppamenti tal-irkapti skont ir-riżultati ta' din is-sorveljanza jekk tiżdied il-mortalità mis-sajd tal-bakkaljaw minħabba r-rimi. |
(12) |
Biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jissorveljaw kif se tevolvi din is-sitwazzjoni mingħajr ma jġarrbu spejjeż amministrattivi addizzjonali, jixraq li s-sistema ta' rappurtar attwali ma tinbidilx. |
(13) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandu jiġi emendat kif meħtieġ. |
(14) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 tinżied l-entrata li ġejja:
“3. |
B'deroga mill-punt 1, għall-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fiż-żona msemmija fil-punt 2(b), ir-raggruppamenti tal-irkapti TR2 u TR1 se jitqiesu bħala raggruppament wieħed b'malja ta' daqs ta' 70 mm jew ikbar. L-Istati Membri għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-użu tal-gruppi tal-isforz b'mod separat għar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 kif meħtieġ mill-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (*). |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.
(2) Scientific, Technical, and Economic Comimtee for Fisheries — 49th Plenary Meeting Report (PLEN-15-02),
(3) Evaluation of multi-annual plans for cod in Irish Sea, Kattegat, North Sea, and West of Scotland (STECF-11-07).
(4) ICES Advice on fishing opportunities, catch, and effort Greater North Sea and Celtic Seas Ecoregions: 6.3.4 Cod (Gadus morhua) in Subarea IV and Divisions VIId and IIIa West (North Sea, Eastern English Channel, Skagerrak).