EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2415

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2415 tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-approvazzjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku fl-ajruporti ta' Milan Malpensa, ta' Milan Linate u ta' Orio al Serio (Bergamo) (notifikata bid-dokument C(2015) 9177)

ĠU L 333, 19.12.2015, p. 124–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2415/oj

19.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/124


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2415

tas-17 ta' Diċembru 2015

dwar l-approvazzjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku fl-ajruporti ta' Milan Malpensa, ta' Milan Linate u ta' Orio al Serio (Bergamo)

(notifikata bid-dokument C(2015) 9177)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra tal-21 ta' April 2015, li waslet għand il-Kummissjoni fil-21 ta' April 2015, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, bid-Digriet Ministerjali Nru 395 tal-1 ta' Ottubru 2014 li jemenda d-Digriet Nru 15 tat-3 ta' Marzu 2000 dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku bl-ajru fis-sistema tal-ajruporti ta' Milan, kif emendat (2) (minn hawn 'il quddiem “Id-Digriet Lupi”). Permezz ta' ittri tal-5 ta' Novembru 2014 u tat-18 ta' Marzu 2015, l-awtoritajiet Taljani taw aktar tagħrif dwar id-Digriet Lupi. Il-Kummissjoni talbet għal aktar tagħrif permezz tal-ittra tal-5 ta' Settembru 2015 u l-awtoritajiet Taljani wieġbu bl-ittra tal-25 ta' Settembru 2015.

(2)

Is-sistema tal-ajruporti ta' Milan tinkludi l-ajruporti ta' Malpensa, Linate u Orio al Serio (Bergamo).

2.   SFOND U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   Id-Digrieti Bersani u Bersani 2

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2000 (3), il-Kummissjoni ddikkjarat ir-regoli ta' distribuzzjoni tat-traffiku għas-sistema tal-ajruporti ta' Milan stabbilita fid-Digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport tat-3 ta' Marzu 2000 (4) (minn hawn 'il quddiem id-“Digriet Bersani”) bħala li huma kompatibbli mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (5). Sussegwentement, dak ir-Regolament tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet soġġetta għal dawn ir-regoli li qed jiġu emendati kif indikat mill-awtoritajiet Taljani f'ittra tal-4 ta' Diċembru 2000. Din l-emenda seħħet permezz tad-Digriet tal-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport tal-5 ta' Jannar 2001 (6) (minn hawn 'il quddiem id-“Digriet Bersani 2”).

(4)

L-għan tad-Digriet Bersani u tad-Digriet Bersani 2 kien li tkun żgurata r-realizzazzjoni tal-potenzjal ta' żvilupp sħiħ tal-ajruport ta' Milan Malpensa bħala ċentru internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin jiddeskrivi l-ajruport ta' Milan Linate bħala faċilità għal servizzi minn punt sa punt. Għal dan l-għan, id-digriet Bersani u d-Digriet Bersani 2 kien fihom għadd ta' dispożizzjonijiet; b'mod partikolari huma imponew, fl-ajruport ta' Milan Linate, limitazzjonijiet fuq l-għadd ta' servizzi bir-ritorn kuljum lejn l-ajruporti tal-UE identifikati abbażi tal-volum ta' traffiku tal-passiġġieri, kif ġej:

Servizz bir-ritorn wieħed kuljum għal kull trasportatur għal rotot bi traffiku bejn it-350 000 u s-700 000 passiġġier;

Żewġ servizzi bir-ritorn kuljum għal kull trasportatur għal rotot bi traffiku bejn is-700 000 u l-1 400 000 passiġġier;

Tliet servizzi bir-ritorn kuljum għal kull trasportatur għal rotot bi traffiku bejn il-1 400 000 u ż-2 800 000 passiġġier;

L-ebda limitu għal rotot bi traffiku ta' aktar minn 2 800 000 passiġġier;

(5)

Minn Linate, it-trasportaturi tal-Komunità jistgħu, bl-arranġamenti stipulata hawn fuq, joperaw servizz bir-ritorn kuljum billi jużaw żewġ ħinijiet għas-sistemi tal-ajruporti jew ajruporti individwali li jinsabu f'reġjuni ta' “Objettiv 1” li tul is-sena kalendarja 1999 irreġistraw traffiku tal-passiġġieri ta' anqas minn 350 000 unità fis-sistemà tal-ajruporti ta' Milan.

(6)

Id-Digriet Bersani 2 jispeċifika li l-kapitali kollha Ewropej se jkollhom minn tal-anqas konnessjoni waħda bir-ritorn kuljum ma' Linate u li l-ajruporti tal-Komunità bi traffiku annwali li jaqbeż l-40 miljun passiġġier fl-1999 se jkunu konnessi ma' Linate b'minn tal-anqas żewġ vjaġġi bir-ritorn kuljum.

(7)

Id-Digriet Bersani u d-Digriet Bersani 2 jillimitaw ukoll l-ajruport ta' Milan Linate għal ajruplani b'korsija waħda għal konnessjonijiet bi skeda minn punt sa ieħor fl-UE.

2.2.   Id-Digriet Lupi

(8)

Id-Digriet Lupi jibdel id-Digriet Bersani u d-Digriet Bersani 2 billi jneħħi kwalunkwe limitazzjoni fuq l-għadd ta' servizzi bir-ritorn ta' kuljum lejn ajruporti tal-UE identifikati abbażi tal-volum ta' traffiku tal-passiġġieri imposti fl-ajruport ta' Milan Linate. Il-limitazzjonijiet l-oħra imposti f'Milan Linate (ajruplani b'korsija waħda, konnessjonijeit minn punt għall-ieħor skedati fl-UE) jibqgħu fis-seħħ.

(9)

L-awtoritajiet Taljani spjegaw li r-raġuni għal din il-bidla kienet il-ħtieġa li jiġu eliminati r-restrizzjonijiet ibbażati fuq kriterji li għadda żmienhom u li ma għadhomx f'lokhom u biex operaturi li għandhom ħinijiet fl-ajruport ta' Milan Linate jkunu jistgħu jużawhom b'mod kemm jista' jkun effiċċjenti. Dan għandu jikkontribwixxi sabiex is-sistemi tal-ajruporti tal-Italja u tal-Ewropa jsiru aktar effiċjenti kemm għan-negozji kif ukoll għall-passiġġieri.

(10)

Id-Digriet Lupi (Digriet Ministerjali Nru 395) ġie ffirmat fl-1 ta' Ottubru u kien ippubblikat fil-11 ta' Ottubru 2014, eżatt qabel il-bidu ta' perjodu ta' skedar tax-xitwa 2014-2015 tal-IATA, li beda fis-26 ta' Ottubru 2014. Id-Digriet Lupi japplika mill-bidu tal-istaġun tat-traffiku tax-xitwa 2014/2015.

(11)

L-Italja ma kkonsultatx mal-partijiet interessati qabel l-adozzjoni tad-Digriet Lupi.

3.   L-OSSERVAZZJONIJIET SOTTOMESSI LILL-KUMMISSJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(12)

Il-Kummissjoni ppubblikat sommarju tar-regoli modifikati tad-distribuzzjoni tat-traffiku nnotifikati mill-awtoritajiet Taljani f'“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7) u stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom.

(13)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati, li xtaqu jibqgħu anonimi. Il-Kummissjoni bagħtet sommarju tal-kummenti lill-awtoritajiet Taljani biex l-awtoritajiet Taljani jkunu jistgħu jikkummentaw.

3.1.   L-ewwel parti interessata

(14)

L-ewwel parti interessata ddikjarat li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ikkonsultaw lil-linji tal-ajru kollha kkonċernati dwar ir-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku modifikati qabel l-adozzjoni tagħhom. B'hekk, skont l-istess parti interessata, kienu biss ċerti linji tal-ajru li saru jafu bil-bidliet imminenti li setgħu jużaw il-flessibbiltà mdaħħla bid-Digriet il-ġdid u li jippjanaw skont dan fiż-żmien għall-bidu tal-istaġun ta' skedar tax-xitwa 2014/2015.

(15)

L-ewwel parti interessata nnutat ukoll li l-awtoritajiet Taljani ma rrispettawx l-obbligu tagħhom u r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li ma japplikawx bidliet għar-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku qabel l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(16)

Barra minn hekk, l-ewwel parti interessata qajmet ukoll il-kwistjoni tal-għoti tal-ħinijiet f'Milan Linate.

3.2.   It-tieni parti interessata

(17)

It-tieni parti interessata indikat li ż-żmien tal-adozzjoni tad-Digriet Lupi ppermetta li ċerti linji tal-ajru jintroduċu rotot ġodda minn Linate b'effett immedjat u mingħajr ebda konsultazzjoni xierqa tal-linji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-ajruport ta' Linate jew l-għoti ta' informazzjoni qabel dan seħħ.

(18)

It-tieni parti interessata enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni ġiet mgħarrfa bid-Digriet Lupi aktar minn 7 xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(19)

Barra minn hekk, it-tieni parti interessata qieset li d-Digriet Lupi jikkonċerna vantaġġ speċifiku lil Etihad, Alitalia u l-Imsieħba Ewropej ta' Ekwità tagħha hekk kif Alitalia għandha l-biċċa l-kbira tal-ħinijiet u d-Digriet Lupi għandu l-potenzjal li jfixkel il-kompetizzjoni b'mod qawwi favur Alitalia. It-tieni parti interessata talbet lill-Kummissjoni biex minnufih tirrevoka d-Digriet Lupi.

4.   IT-TERMINI TAL-ARTIKOLU 19 TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 1008/2008

(20)

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jipprevedi li Stat Membru, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, jista' jirregola, mingħajr dikriminazzjoni bejn destinazzjonijiet fil-Komunità jew abbażi tan-nazzjonalità jew tal-identità tat-trasportaturi tal-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn ajruporti li jaqdu lill-istess belt ta' konurbazzjoni. Kundizzjonijiet speċifiċi għad-distribuzzjoni tat-traffiku huma stabbiliti fl-istess paragrafu.

(21)

L-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jipprevedi li Stat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-ħsieb tiegħu li jirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru jew li jbiddel regola eżistenti tad-distribuzzjoni tat-traffiku. Dan jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) u, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istat Membru, u wara li tkun talbet lill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 għal opinjoni għandha tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax japplika l-miżuri. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri ma għandhomx jiġu applikati qabel il-pubblikazzjoni tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

5.   VALUTAZZJONI

(22)

Id-Digriet Lupi jimmodifika r-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għas-sistema tal-ajruport ta' Milan billi jneħħi l-limitazzjonijiet fl-ajruport ta' Linate fuq l-għadd ta' servizzi bir-ritorn ta' kuljum lejn l-ajruporti tal-UE identifikati abbażi tal-volum tat-traffiku tal-passiġġieri. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi bidla fir-regola tad-distribuzzjoni tat-traffiku eżistenti fit-tifsira tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(23)

L-awtoritajiet Taljani jqisu li d-Digriet Lupi ma jikkostitwixxix bidla fir-regoli ta' distribuzzjoni tat-traffiku eżistenti, peress li d-Digriet Lupi ma kienx meqjus bħala miżura mmirata lejn il-modifika tat-traffiku tal-ajru fis-sistema tal-ajruporti ta' Milan. Kull ma jagħmel id-Digriet Lupi huwa li jneħħi restrizzjoni għall-forniment ta' servizzi.

(24)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' dan l-argument. Il-limitazzjonijiet fuq l-għadd ta' servizzi bir-ritorn kuljum lejn l-ajruporti tal-UE identifikati abbażi tal-volum ta' traffiku tal-passiġġieri jifforma parti minn regola tad-distribuzzjoni tat-traffiku, maħsuba biex talloka servizzi tal-ajru barra l-limiti lejn ajruport ieħor tas-sistema tal-ajruporti ta' Milan. Il-Kummissjoni approvat din ir-regola tad-distribuzzjoni tat-traffiku fis-sena 2000. It-tneħħija ta' element wieħed ta' din ir-regola tad-distribuzzjoni tikkostitwixxi bidla għal dik ir-regola.

(25)

L-awtoritajiet Taljani ma kkonsultawx mal-partijiet interessati qabel l-adozzjoni tad-Digriet Lupi. Għaldaqstant naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jagħmlu dan, kif stabbilit fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(26)

L-awtoritajiet Taljani jqisu li ma kienx hemm il-ħtieġa li jikkonsultaw mal-partijiet terzi interessati hekk kif l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ikun jeħtieġ biss li jikkonsulta lill-partijiet interessati meta l-Istat Membru jkun biħsiebu “jirregola” it-traffiku, jiġifieri qabel joħloq regola tad-distribuzzjoni tat-traffiku, iżda mhux f'każ ta' emenda tagħha. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' dan l-argument. L-emenda ta' regola tad-distribuzzjoni tat-traffiku tfisser li r-regola wara l-emenda hija differenti minn dik applikabbli qabel. Wara li jitqies ir-raġunament tal-Artikolu 19, tali bidla (maħsuba) fis-sitwazzjoni legali mhijiex fundamentalment differenti mill-bidla li ġabet magħha l-introduzzjoni ta' regola ġdida. Din il-bidla fis-sitwazzjoni legali tikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni nfisha għad-dmir tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkonsultaw mal-partijiet interessati, bl-istess mod kif din hija l-pern tad-dmir tal-awtoritajiet li jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-każ. Għaldaqstant, it-terminu “jirregola” fl-Artikolu 19(2) għandu jinftiehem bħala li jinkludi wkoll l-emenda tar-regoli ta' distribuzzjoni tat-traffiku.

(27)

L-awtoritajiet Taljani jargumentaw li ma kinitx meħtieġa konsultazzjoni mil-lat sostanzjali peress li t-trasportaturi kollha tal-ajru li għandhom ħinijiet fl-ajruport ta' Linate gawdew bl-istess mod mid-Digriet Lupi. Il-Kummissjoni tinnota li dan l-argument jantiċipa il-konklużjonijiet possibbli li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-osservazzjonijiet li l-partijiet interessati huma intitolati li jagħmlu. Minnha nfisha, din ma tistax tegħleb l-obbligu tal-Italja li tikkonsulta mal-partijiet interessati l-ewwel, qabel tasal għal xi konklużjoni.

(28)

L-awtoritajiet Taljani indikaw li huma lesti li jwettqu konsultazzjonijiet issa. Madankollu, għall-fini taċ-ċarezza, għandu jiġi enfasizzat li konsultazzjoni bħal din tkun teħtieġ li tiġi segwita b'att ġdid, li għandu jittieħed fid-dawl tal-osservazzjonijiet imressqa. Tali att ġdid ikun indispensabbli anke jekk, wara l-konsultazzjoni, l-awtoritajiet Taljani kellhom ikomplu jikkunsidraw li r-regola kif emendat bid-Digriet Lupi hija xieraq.

6.   KONKLUŻJONI

(29)

Kuntrarjament għall-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jikkonsultaw lill-partijiet interessati qabel ma emendaw ir-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku għas-sistema tal-ajruporti ta' Milan.

(30)

Għaldaqstant, il-miżuri previsti fid-Digriet Ministerjali Nru 395, tal-1 ta' Ottubru 2014 li jemenda d-Digriet Nru 15 tat-3 ta' Marzu 2000 dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru fis-sistema tal-ajruporti ta' Milan, kif emendat, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fil-21 ta' April 2015, ma jistax jiġi approvat.

(31)

Din id-deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għaldaqstant, il-miżuri previsti fid-Digriet Ministerjali Nru 395, tal-1 ta' Ottubru 2014 li jemenda d-Digriet Nru 15 tat-3 ta' Marzu 2000 dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru fis-sistema tal-ajruporti ta' Milan, innotifikat lill-Kummissjoni fil-21 ta' April 2015, huwa miċħud.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(2)  Il-Gazzetta Uffiċjali Taljana Nru 237 tal-11 ta' Ottubru 2014.

(3)  ĠU L 58, 28.2.2001, p. 29.

(4)  Il-Gazzetta Uffiċjali Taljana Nru 60, 13 ta' Marzu 2000.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8). Fir-rigward ta' din ir-revoka, ara l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(6)  Il-Gazzetta Uffiċjali Taljana Nru 14, Il-Ħamis, 18 ta' Jannar 2001.

(7)  ĠU C 183, 4.6.2015, p. 4.


Top