Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0634

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 634/2014 tat- 13 ta' Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 21 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjoni tar-Rapportar Finanzjarju Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 175, 14.6.2014, pp. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/634/oj

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 634/2014

tat-13 ta' Ġunju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 21 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjoni tar-Rapportar Finanzjarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali li kienu jeżistu fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fl-20 ta' Mejju 2013 il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ħareġ Interpretazzjoni 21 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRIC) Imposti.

(3)

Fl-applikazzjoni tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 37 Dispożizzjonijiet, responsabbiltajiet kontinġenti u assi kontinġenti evolvew prattiki differenti rigward il-waqt ta' meta entità tirrikonoxxi obbligazzjoni li titħallas imposta.

(4)

L-għan ta' din l-Interpretazzjoni IFRIC 21 huwa li tipprovdi gwida dwar it-trattament xieraq tal-kontabilità ta' imposti li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 37, sabiex tiżdied il-komparabbiltà tar-rapporti finanzjarji għall-utenti.

(5)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti Tekniċi tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li Interpretazzjoni IFRIC 21 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Interpretazzjoni IFRIC 21 Imposti qed tiddaħħal kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-Interpretazzjoni IFRIC 21 Imposti, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda mis-17 ta' Ġunju 2014 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABBILTÀ

IFRIC 21   INTERPRETAZZJONI IFRIC 21 Imposti  (*1)

REFERENZI

IAS 1

Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji

IAS 8

Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabbiltà u l-Iżbalji

IAS 12

Taxxi fuq id-Dħul

IAS 20

Kontabbiltà għal Għotjiet mill-Gvernijiet u Divulgazzjoni ta' Assistenza Pubblika

IAS 24

Divulgazzjoni dwar Partijiet Relatati

IAS 34

Rapportar Finanzjarju Interim

IAS 37

Proveddimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

IFRIC 6

Obbligazzjonijiet li jinħolqu mill-Parteċipazzjoni f'Suq Speċifiku—Skart ta' Tagħmir Elettroniku u Elettriku

SFOND

1.

Gvern jista' jimponi imposta fuq entità. Il-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet tal-IFRS irċieva talbiet għall-gwida dwar il-kontabbiltà ta' imposti fir-rapporti finanzjarji tal-entità li tħallas l-imposta. Il-kwistjoni tirrigwarda meta għandha tiġi rikonoxxuta obbligazzjoni biex titħallas imposta li hija kontabbilizzata skont l-IAS 37 Proveddimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

2.

Din l-Interpretazzjoni tindirizza l-kontabbiltà għal obbligazzjoni biex titħallas imposta jekk dik l-obbligazzjoni tkun fil-kamp ta' applikazjoni tal-IAS 37. Din tindirizza wkoll il-kontabbiltà għal obbligazzjoni biex titħallas imposta li d-data u l-ammont tal-ħlas tagħha jkunu ċerti.

3.

Din l-Interpretazzjoni ma tindirizzax il-kontabbiltà għall-kostijiet li jirriżultaw meta tiġi rikonoxxuta obbligazzjoni biex titħallas imposta. L-entitajiet għandhom japplikaw Standards oħra biex jiddeċiedu jekk ir-rikonoxximent ta' obbligazzjoni biex titħallas imposta jagħtix lok għal ass jew spiża.

4.

Għall-għanijiet ta' din l-Interpretazzjoni, imposta hija ħruġ ta' riżorsi li jinkorporaw benefiċċji ekonomiċi li hija imposta mill-gvernijiet fuq entitajiet skont il-leġiżlazzjoni (jiġifieri l-liġijiet u/jew ir-regolamenti), ħlief:

(a)

dak il-ħruġ ta' riżorsi li huwa fil-kamp ta' applikazzjoni ta' Standards oħra (bħal taxxi fuq id-dħul li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul); u

(b)

multi jew penali oħra li huma imposti għal ksur tal-leġiżlazzjoni.

“Gvern” tirreferi għal gvern, aġenziji tal-gvern u korpi simili kemm jekk lokali, nazzjonali jew internazzjonali.

5.

Pagament imħallas minn entità għall-akkwist ta' ass, jew għall-forniment ta' servizzi taħt ftehim kuntrattwali ma' gvern, ma jissodisfax id-definizzjoni ta' imposta.

6.

Entità mhijiex meħtieġa li tapplika din l-Interpretazzjoni għall-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn skemi għan-negozjar ta' emissjonijiet.

KWISTJONIJIET

7.

Biex tikkjarifika l-kontabbiltà għal obbligazzjoni biex titħallas imposta, din l-Interpretazzjoni tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

x'inhu l-avveniment li jobbliga li jagħti lok għar-rikonoxximent ta' obbligazzjoni biex titħallas imposta?

(b)

l-isforz ekonomiku biex l-operat ikompli f'perjodu futur joħloq obbligazzjoni kostruttiva biex titħallas imposta li se titqanqal bl-operat f'dak il-perjodu futur?

(c)

is-suppożizzjoni tan-negozju avvjat timplika li entità għandha obbligazzjoni preżenti biex tħallas imposta li se titqanqal bl-operat f'perjodu futur?

(d)

ir-rikonoxximent ta' obbligazzjoni biex titħallas imposta iseħħ f'punt fiż-żmien jew f'ċerti ċirkostanzi, jirriżulta progressivament maż-żmien?

(e)

x'inhu l-avveniment li jobbliga li jagħti lok għar-rikonoxximent ta' obbligazzjoni biex titħallas imposta li jitqanqal jekk jintlaħaq limitu minimu?

(f)

il-prinċipji għar-rikonoxximent, fir-rapporti finanzjarji annwali u fir-rapport finanzjarju interim, ta' obbligazzjoni biex titħallas imposta huma l-istess?

KUNSENS

8.

L-avveniment li jobbliga li jagħti lok għal obbligazzjoni biex titħallas imposta hu l-attività li tikkaġuna l-ħlas tal-imposta, kif identifikat mil-leġiżlazzjoni. Pereżempju, jekk l-attività li tikkaġuna l-ħlas tal-imposta hija l-ġenerazzjoni tad-dħul fil-perjodu kurrenti u l-kalkolu ta' dik l-imposta hu bbażat fuq id-dħul li ġie ġġenerat f'perjodu preċedenti, l-avveniment li jobbliga għal dik l-imposta huwa l-ġenerazzjoni tad-dħul fil-perjodu kurrenti. Il-ġenerazzjoni tad-dħul fil-perjodu preċedenti hija neċessarja, iżda mhux biżżejjed, biex toħloq obbligazzjoni preżenti.

9.

Entità ma jkollhiex obbligazzjoni kostruttiva biex tħallas imposta li se tiġi kkaġunata bl-operat f'perjodu futur bħala riżultat tal-fatt li l-entità hija ekonomikament imġiegħla tkompli topera f'dak il-perjodu futur.

10.

It-tħejjija tar-rapporti finanzjarji taħt is-suppożizzjoni tan-negozju avvjat m'għandiex timplika li entità għandha obbligu preżenti biex tħallas pagament li se jitqanqal bl-operat f'perjodu futur.

11.

Ir-responsabbiltà li titħallas imposta hija rikonoxxuta progressivament jekk l-avveniment li jobbliga jseħħ fuq perjodu ta' żmien (jiġifieri jekk l-attività li tikkaġuna l-ħlas tal-imposta, kif identifikat mil-leġiżlazzjoni, isseħħ fuq perjodu ta' żmien). Pereżempju, jekk l-avveniment li jobbliga hu l-ġenerazzjoni ta' dħul matul perjodu ta' żmien, l-obbligazzjoni korrispondenti hija rikonoxxuta bħala l-entità li tiġġenera d-dħul.

12.

Jekk l-obbligu biex titħallas imposta titqanqal meta jintlaħaq il-limitu minimu, il-kontabilità għall-obbligazzjoni li tinħoloq minn dak l-obbligu tkun konsistenti mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 8–14 ta' din l-Interpretazzjoni (b'mod partikolari, il-paragrafi 8 u 11). Pereżempju, jekk l-avveniment li jobbliga hu l-ilħiq ta' limitu minimu ta' attività (bħal ammont minimu ta' dħul jew bejgħ iġġenerat jew ta' rizultati prodotti), l-obbligazzjoni korrispondenti hija rikonoxxuta meta jintlaħaq il-limitu minimu ta' attività.

13.

Entità tapplika l-istess prinċipji ta' rikonoxximent fir-rapport finanzjarju interim li tapplika fir-rapporti finanzjarji annwali. Bħala riżultat, fir-rapport finanzjarju interim, l-obbligazzjoni biex titħallas imposta:

(a)

ma tiġix rikonoxxuta jekk m'hemm l-ebda obbligazzjoni preżenti li titħallas imposta fit-tmiem ta' perjodu ta' rappurtar interim; u

(b)

tiġi rikonoxxuta jekk obbligazzjoni preżenti biex titħallas imposta teżisti fi tmiem il-perjodu ta' rappurtar interim.

14.

Entità għandha tirrikonoxxi ass jekk tkun ħallset imposta minn qabel iżda għad m'għandhiex obbligazzjoni preżenti biex tħallas dik l-imposta.

(*1)   “Riproduzzjoni awtorizzata fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal finijiet għal finijiet ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB fuq is-sit www.iasb.org”

Appendiċi A

Data effettiva u tranżizzjoni

Din l-appendiċi hija parti integrali mill-Interpretazzjoni u għandha l-istess awtorità bħall-partijiet l-oħrajn tal-Interpretazzjoni.

A1

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2014 jew wara. Hija permessal-applikazzjoni minn qabel. Jekk entità tapplika l-Interpretazzjoni għal perjodu aktar bikri, hija tiżvela dak il-fatt.

A2

Bidliet fil-politika tal-kontabilità li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din l-Interpretazzjoni se jitqiesu b'mod retrospettiv skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabbiltà u Żbalji.


Top