EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1181

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1181/2013 tad- 19 ta’ Novembru 2013 dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 u li jirrevoka r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2013

ĠU L 313, 22.11.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1181/oj

22.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/13


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1181/2013

tad-19 ta’ Novembru 2013

dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 u li jirrevoka r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2013

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1) fir-rigward tas-sena kalendarja 2013. Ladarba l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma kinux iddeterminaw dan l-aġġustament sat-30 ta’ Ġunju 2013, kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (2), stabbilixxiet hi stess dak l-aġġustament fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2013 (3).

(2)

Il-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u n-nefqa relatata mas-suq tal-Ittra ta’ Emenda tal-Kummissjoni Nru 2 tal-Abbozz tal-Baġit għall-2014 juru l-ħtieġa li jiġi adattat l-ammont ta’ dixxiplina finanzjarja li tqies fl-Abbozz tal-Baġit għall-2014. Dik l-Ittra ta’ Emenda ġiet stabbilita billi tqis l-ammont ta’ dixxiplina finanzjarja ta’ EUR 902,9 miljun, inkluż l-ammont għar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu.

(3)

Fis-16 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill biex tiġi ffissata rata ta’ aġġustament oħra għall-pagamenti diretti, fir-rigward tas-sena kalendarja 2013, abbażi tal-Artikolu 18(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(4)

L-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi dawk l-aġġustamenti u intuża mill-Kummissjoni bħala bażi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2013.

(5)

L-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jipprevedi li sal-1 ta’ Diċembru, abbażi ta’ informazzjoni ġdida fil-pussess tiegħu, il-Kunsill huwa kapaċi jadatta r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti. Madankollu, b’kont meħud tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2008 fil-Kawża C-133/06 (4), dik il-bażi legali derivata ma tistax tintuża aktar leġittimament.

(6)

L-Artikolu 43(3) TFUE jippermetti li l-Kunsill jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-għajnuna. Għalhekk, fil-qafas tad-dixxiplina finanzjarja, ir-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti li għandhom jingħataw lil bidwi għal applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi ffissata fuq dik il-bażi legali.

(7)

Bħala regola ġenerali, bdiewa li jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f’perijodu fiss ta’ pagament li jaqa’ taħt is-sena finanzjarja (N + 1). Madanakollu, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħmlu pagamenti tardivi, sa ċertu limitu, lill-bdiewa lil hinn minn dan il-perijodu ta’ pagament mingħajr ebda limiti ta’ żmien. Tali pagamenti tardivi jistgħu jaqgħu f’sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata f’sena kalendarja partikolari, ir-rata ta’ aġġustament ma għandhiex tiġi applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu ġew sottomessi fis-snin kalendarji għajr dik li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi stipulat li r-rata ta’ aġġustament għandha tapplika biss għall-pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu ġew sottomessi fis-sena kalendarja li għaliha d-dixxiplina finanzjarja hi applikata, irrispettivament minn meta jsiru l-ħlasijiet lill-bdiewa.

(8)

Fil-ftehim politiku dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni tas-26 ta’ Ġunju 2013, ġie deċiż li d-dixxiplina finanzjarja ser tapplika għall-pagamenti diretti li jkunu aktar minn EUR 2 000. Barra minn hekk, kien hemm ukoll ftehim li r-rimborż ta’ approprjazzjonijiet mhux użati (jekk ikun hemm) fi tmiem ta’ sena finanzjarja jitħallas lill-bdiewa fis-sena ta’ wara skont id-dixxiplina finanzjarja. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza, huwa xieraq li jiġi ffissat l-istess limitu matul is-snin. Id-dixxiplina finanzjarja għandha tiġi applikata b’mod simili għas-sena kalendarja 2013 biex tkun konsistenti ma’ dak li ġie miftiehem li jiġi applikat fil-futur; għaldaqstant, huwa xieraq li l-applikazzjoni tar-rata ta’ aġġustament tiġi prevista biss għal ammonti aktar minn EUR 2 000.

(9)

L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprevedi li fil-qafas tal-applikazzjoni tal-iskeda taż-żidiet provduta fl-Artikolu 121 ta’ dak ir-Regolament għall-pagamenti diretti kollha li ngħataw fl-Istati Membri l-ġodda fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ dak ir-Regolament, id-dixxiplina finanzjarja ma għandhiex tapplika għall-Istati Membri l-ġodda qabel il-bidu tas-sena kalendarja li fir-rigward tagħha l-livell tal-pagamenti diretti li japplika fl-Istati Membri l-ġodda jkun tal-anqas ugwali għal dak li kien il-livell applikabbli għal tali pagamenti fl-Istati Membri l-oħra. Peress li l-pagamenti diretti għadhom soġġetti għall-applikazzjoni tal-iskeda ta’ żidiet fis-sena kalendarja 2013 fil-Bulgarija u r-Rumanija, ir-rata ta’ aġġustament li għandha tiġi determinata permezz ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tapplika għall-pagamenti lill-bdiewa f’dawn l-Istati Membri.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ġie emendat permezz tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja. Peress li l-Kroazja hija soġġetta għall-applikazzjoni tal-iskeda ta’ żidiet previsti fl-Artikolu 121 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fis-sena kalendarja 2013, ir-rata ta’ aġġustament li għandha tiġi determinata permezz ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tapplika għall-pagamenti lill-bdiewa fil-Kroazja.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li r-rata li ġiet adattata tkun applikabbli mid-data prevista fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 rigward meta għandhom jibdew il-ħlasijiet lill-bidwi, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2013.

(12)

Ir-rata l-ġdida ta’ aġġustament għandha titqies għall-kalkolu tal-ħlasijiet kollha li għandhom jingħataw lil bidwi għal applikazzjoni għall-għajnuna li tressqet fir-rigward tas-sena kalendarja 2013. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2013 għandu għaldaqstant jiġi rrevokat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-ammonti tal-pagamenti diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 li għandhom jingħataw lil bidwi li jkunu aktar minn EUR 2 000 għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 għandhom jitnaqqsu b’2,453658 %.

2.   It-tnaqqis stipulat fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2013 huwa rrevokat.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2013 tad-9 ta’ Ottubru 2013 dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 (ĠU L 268, 10.10.2013, p. 5).

(4)  Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2008, Każ C-133/06 Parlament Ewropew v Kunsill [2008] ECR I-3189.


Top