This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0315
2013/315/EU: Council Decision of 21 June 2013 abrogating Decision 2004/918/EC on the existence of an excessive deficit in Hungary
2013/315/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ġunju 2013 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/918/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija
2013/315/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ġunju 2013 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/918/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija
ĠU L 173, 26.6.2013, p. 43–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
26.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ġunju 2013
li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/918/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija
(2013/315/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-5 ta’ Lulju 2004, taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 2004/918/KE (1), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fl-Ungerija u adotta Rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE bil-għan li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-aħħar tal-2008. |
(2) |
Fit-18 ta' Jannar 2005, f’konformità mal-Artikolu 104(8) tat-TKE, il-Kunsill qies l-Ungerija bħala li ma kinitx ħadet azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tiegħu u adotta Rakkomandazzjoni oħra taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE fit-8 ta' Marzu 2005, li fiha kkonferma l-iskadenza tal-2008 għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Fit-8 ta' Novembru 2005, il-Kunsill iddeċieda li, għat-tieni darba, l-Ungerija kienet naqset milli tikkonforma mar-Rakkomandazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE. Għaldaqstant, fl-10 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill indirizza lill-Ungerija t-tielet Rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE, li fiha ppospona d-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għall-2009. Fis-7 ta' Lulju 2009, il-Kunsill ikkonkluda li l-awtoritajiet Ungeriżi setgħu jitqiesu li ħadu azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2006 u, fl-isfond tad-deklin kbir fir-ritmu ekonomiku, ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE ("ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009"), li fiha reġa’ stabbilixxa data ta’ skadenza ġdida għall-korrezzjoni, jiġifieri l-2011. Fis-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija kienet ħadet azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009, li magħha l-Kunsill qabel fil-konklużjonijiet tiegħu fis-16 ta’ Frar 2010, iżda avża li kien hemm riskji konsiderevoli. |
(3) |
Taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill iddeċieda fl-24 ta’ Jannar 2012 li l-Ungerija ma kinetx ħadet azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 fil-perjodu stipulat f’dik ir-Rakkomandazzjoni. Filwaqt li fl-2011 ma kienx hemm ksur fir-rigward tal-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat, dan ma kienx ibbażat fuq korrezzjoni strutturali u sostenibbli, iżda kien imsejjes fuq dħul sostanzjali ta’ darba biss. Dan kien akkumpanjat b'deterjorament strutturali kumulattiv stmat għal aktar minn 2 % tal-PDG kemm fl-2010 kif ukoll fl-2011, meta mqabbel ma’ rakkomandazzjoni ta’ titjib fiskali kumulattiv ta’ 0,5 % tal-PDG. Barra minn hekk, filwaqt li fl-2012 l-awtoritajiet kienu qed jimplimentaw miżuri strutturali li kienu mistennija jikkumpensaw sew għad-deterjorament preċedenti, għal darb’oħra, il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat kien se jitħares biss bis-saħħa ta’ miżuri ta’ darba biss li jammontaw għal kważi 1 % tal-PDG fl-2012 u kien se jinkiser fl-2013. |
(4) |
Fit-13 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni ġdida taħt l-Artikolu 126(7) TFUE ("ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2012") għall-Ungerija biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-aħħar tal-2012. L-awtoritajiet Ungeriżi ntalbu jieħdu l-passi li ġejjin b’mod partikolari: (i) itemmu is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2012 b’mod kredibbli u sostenibbli; (ii) jagħmlu sforz fiskali addizzjonali ta’ mill-inqas ½% tal-PDG biex jiżguraw li l-mira ta' defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG għall-2012 tintlaħaq; u (iii) jieħdu l-miżuri addizzjonali ta' natura strutturali li huma meħtieġa biex jiżguraw li d-defiċit fl-2013 jibqa' ferm taħt il-limitu massimu ta' 3 % tal-PDG. Fl-istess waqt, ġie rrakkomandat li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern jerġa' jinġieb fit-triq tan-niżla mill-aktar fis possibbli sabiex jirrappreżenta progress suffiċjenti lejn konformità mal-limitu referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn. L-aġġustament baġitarju kien jeħtieġ ukoll li jkun appoġġat bit-titjib propost fil-qafas ta’ governanza fiskali. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tas-13 ta' Settembru 2012 għall-gvern Ungeriż biex jieħu azzjoni effikaċi. Fit-13 ta’ Marzu 2012 ukoll, il-Kunsill iddeċieda (2) li jissospendi parti mill-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-Ungerija għas-sena 2013. |
(5) |
Fit-30 ta’ Mejju 2012, abbażi tal-Programm ta’ Konverġenza għall-perjodu mill-2011 sa 2015 u ta' aktar speċifikazzjoni tal-miżuri ta’ tfaddil, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija kienet ħadet azzjoni effikaċi rigward il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. B'mod partikolari, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jilħaq it-2,5 % tal-PDG fl-2012 u baqa' ferm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG taħt it-Trattat fl-2013 kif irrakkomandat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2012. Barra minn hekk, ġie rikonoxxut li sar xi progress fit-titjib tal-qafas tal-governanza fiskali minkejja li f’dan il-qasam il-progress globali seta' jkun ikkunsidrat bħala wieħed kajman. F'dan l-isfond, fit-22 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill, konsegwentement għal proposta mill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2012, adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/323/UE (3) biex neħħa s-sospensjoni tal-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-Fond ta’ Koeżjoni. |
(6) |
Taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-dejta dwar id-defiċits u d-dejn tal-Gvern, u dwar fatturi varjabbli assoċjati oħrajn, darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4). |
(7) |
Meta jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat tul il-perjodu ta’ tbassir. |
(8) |
Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat), taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, konsegwentement għan-notifka mill-Ungerija qabel l-1 ta’ April 2013, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2013 u l-valutazzjoni ta’ miżuri korrettivi addizzjonali adottati fit-13 ta’ Mejju 2013 b’digriet tal-Gvern, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:
|
(9) |
Fir-rigward tal-governanza fiskali, il-Kunsill talab lill-awtoritajiet Ungeriżi jistabbilixxu qafas tassew vinkolanti għal terminu medju ta' żmien u jwessgħu l-mandat analitiku tal-Kunsill Fiskali fid-dawl tad-dritt tiegħu ta' veto fuq il-baġit annwali. Il-Programm ta’ Konverġenza għall-perjodu mill-2012 sa 2016 iħabbar l-intenzjoni li jsiru passi 'l quddiem f’dan il-qasam fil-ħarifa tal-2013. Il-progress se jibqa' jiġi mmonitorjat mill-qrib fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
(10) |
Mill-2013 'il quddiem, jiġifieri s-sena li taħbat wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-Ungerija għandha żżomm pożizzjoni fiskali li tkun konformi mal-objettiv baġitarju tagħha għal terminu medju ta' żmien, inkluż ir-rispett tal-valur referenzjarju tan-nefqa, u tagħmel progress suffiċjenti lejn il-konformità mal-kriterju ta' dejn f’konformità mal-Artikolu 2(1a) fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (5). |
(11) |
Taħt l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta fil-fehma tal-Kunsill id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie kkorreġut. |
(12) |
Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Ungerija ġie kkorreġut u d-Deċiżjoni 2004/918/KE għandha għalhekk tiġi revokata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija ġiet ikkorreġuta.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2004/918/KE hija b'dan revokata.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
M. NOONAN
(1) ĠU L 389, 30.12.2004, p. 27.
(2) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/156/UE tat-13 ta’ Marzu 2012 li tissospendi l-impenji mill-Fond tal-Koeżjoni għall-Ungerija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 (ĠU L 78, 17.3.2012, p. 19).
(3) ĠU L 165, 26.6.2012, p. 46.
(4) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.