EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0314

2013/314/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ġunju 2013 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/286/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-Italja

ĠU L 173, 26.6.2013, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/314/oj

26.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ġunju 2013

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/286/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-Italja

(2013/314/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, konsegwentement għal rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 2010/286/UE (1), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fl-Italja. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazjzoni pubblika ppjanat għall-2009 kien ta’ 5,3 % tal-PDG, li kien ogħla mill-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG taħt it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ippjanat li jilħaq l-115,1 % tal-PDG fl-2009, b'hekk ogħla mill-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG taħt it-Trattat (2).

(2)

Fit-2 ta’ Diċembru 2009, taħt l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (3), il-Kunsill, fuq il-bażi ta' Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lill-Italja bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2012. Dik ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)

Taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dejta dwar id-defiċits u d-dejn tal-gvern u dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

(4)

Meta jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, Deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta’ previżjoni.

(5)

Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mill-Italja qabel l-1 ta’ April 2013, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2013, it-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2013, u l-valutazzjoni ta’ miżuri addizzjonali adottati fid-Digriet Leġislattiv 54 tal-21 ta’ Mejju 2013, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Wara li laħaq il-quċċata ta' 5,5 % tal-PDG fl-2009, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-Italja tnaqqas b'mod konsistenti u laħaq it-3,0 % tal-PDG fl-2012, li kienet l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. It-titjib kien xprunat minn konsolidazzjoni fiskali sinifikanti, filwaqt li fl-2012 in-nefqa f’imgħax kienet ta' 0,8 punt perċentwali tal-PDG ogħla milli fl-2009 u l-kompożizzjoni ta’ attività ekonomika kienet ifqar għat-taxxa.

Il-programm ta’ stabbiltà għall-perjodu 2013-17, adottat mill-Gvern Taljan fl-10 ta’ April 2013 u approvat mill-Parlament fis-7 ta’ Mejju, jippjana li d-defiċit jonqos ftit għal 2.9 % tal-PDG fl-2013 u konsegwentement jaqa’ għal 1,8 % tal-PDG fl-2014. Fuq il-bażi ta' preżunzjoni ta' ebda bidla politika, it-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2013 jipprevedi defiċit ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2013 u 2,5 % tal-PDG fl-2014. Kemm il-programm ta’ stabbiltà kif ukoll it-tbassir tar-rebbiegħa jinkludu l-impatt tad-Digriet Leġislattiv 35 tat-8 ta’ April 2013, li jipprevedi s-saldu tal-arretrati tad-dejn kummerċjali dovuti mis-settur tal-amministrazzjoni pubblika lil fornituri privati, għal ammont globali ta’ EUR 40 biljun (jew madwar 2,5 % tal-PDG) matul il-perjodu 2013-14. Filwaqt li dan l-ammont jirriżulta f’żieda korrispondenti tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, huwa jinċidi fuq id-defiċit biss għall-parti li hija marbuta man-nefqa kapitali. Id-Digriet Leġislattiv jistabbilixxi dawn il-pagamenti għal 0,5 % tal-PDG fl-2013, b’żieda korrispondenti fid-defiċit. Dan jinkludi wkoll klawżola ta’ salvagwardja li tawtorizza lill-Gvern biex jittardja s-saldu ta' arretrati ta' dejn kummerċjali li jżidu d-defiċit jew jadotta miżuri korrettivi oħrajn, sabiex ikun żgurat li tintlaħaq il-mira baġitarja tal-2013.

Il-Parlament Taljan approva formalment l-objettivi baġitarji ppreżentati fil-programm ta’ stabbiltà tal-2013 fis-7 ta’ Mejju. Fis-17 ta’ Mejju, jiġifieri wara t-tbassir tar-rebbiegħa, il-ġvern il-ġdid ħareġ dikjarazzjoni formali biex jikkonferma dawn l-impenji u jħabbar l-adozzjoni ta' miżuri ġodda fir-rispett sħiħ tal-objettivi baġitarji fil-programm ta’ stabbiltà. Id-Digriet Leġislattiv 54, adottat fl-istess data, jispeċifika miżuri ġodda. Dawn jinkludu:

is-sospensjoni tal-pagament ta’ Ġunju tat-taxxa fuq il-proprjetà fuq djar okkupati mis-sid — esklużi residenzi lussużi — kif ukoll tal-proprjetà agrikola, filwaqt li jimpenja lill-gvern għal tfassil mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni dwar it-tassazzjoni fuq il-proprjetà immobbli. Klawżola ta’ salvagwardja tiżgura li t-tfassil mill-ġdid għandu jsir f’rispett sħiħ tal-miri baġitarji f’termini primarji; barra minn hekk, jekk ir-riforma newtrali fir-rigward tal-baġit tonqos milli tkun approvata sal-aħħar ta’ Awwissu 2013, il-ħlas sospiż tat-taxxa fuq il-proprjetà jkollu jsir sas-16 ta’ Settembru.

l-estensjoni tal-iskema ta’ supplimentazzjoni tal-pagi għall-ħaddiema li mhumiex diġà koperti għas-sena 2013, b’allokazzjoni mill-ġdid ta’ riżorsi baġitarji disponibbli apparti dawk imwarrba bir-riforma tas-suq tax-xogħol tal-2012.

B’mod ġenerali, d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma vvalutati li ma għandhom l-ebda impatt sinifikanti fuq id-defiċit, jekk implimentati b’mod konsistenti. B’hekk id-defiċit għandu jibqa’ taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG bmod duratur.

Wara titjib bi kważi 2¾ punti perċentwali tal-PDG f’termini kumulattivi bejn l-2009 u l-2012, il-bilanċ strutturali, jiġifieri aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, huwa mbassar li jkompli jitjieb b’madwar 1,0 punt perċentwali fl-2013 (għal madwar -½ % tal-PDG) u jmur ftit għall-agħar fl-2014, fuq il-bażi ta' preżunzjoni ta' ebda bidla politika.

Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tela’ minn 10,6 punti perċentwali bejn l-2009 u l-2012, għal 127,0 %, anke minħabba l-kontribuzzjoni tal-Italja għal assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Minħabba li l-kundizzjonijiet ċikliċi jibqgħu negattivi, id-dejn gross tal-gvern huwa mbassar li jiżdied għal 131,4 % tal-PDG fl-2013 u 132,2 % fl-2014 anki minħabba is-saldu ta' 2,5 punti perċentwali tal-PGD tal-arretrati tad-dejn kummerċjali ppjanat matul il-perjodu 2013-14 u kontribuzzjonijiet ulterjuri għal assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(6)

Mill-2013, li hija s-sena wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-Italja għandha tipprogressa lejn l-objettiv baġitarju tagħha fuq perjodu ta’ żmien medju b’pass xieraq, anke bir-rispett tal-valur referenzjarju fir-rigward tal-infiq, u tagħmel progress suffiċjenti lejn konformità mal-kriterju tad-dejn f’konformità mal-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) 1467/97.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta d-defiċit eċċessiv tal-Istat Membru konċernat, fil-fehma tal-Kunsill ikun ġie kkorreġut.

(8)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Italja ġie kkorreġut u d-Deċiżjoni 2010/286/KE għandha għalhekk tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja ġiet ikkorreġġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/286/UE hija b’dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  ĠU L 125, 21.5.2010, p. 40.

(2)  Konsegwentement għad-Deċiżjoni 2010/286/UE, id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 ġew riveduti għal 5,5 % tal-PDG u 116,4 % tal-PDG rispettivament.

(3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.


Top