EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0724

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/724/ĠAI tas- 17 ta’ Settembru 2009 li tistabilixxi d-data għat-tlestija tal-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

ĠU L 257, 30.9.2009, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/724/oj

30.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/41


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI 2009/724/ĠAI

tas-17 ta’ Settembru 2009

li tistabilixxi d-data għat-tlestija tal-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha.

Billi:

(1)

L-Artikolu 11(2) tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI jipprovdi għall-migrazzjoni tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2009. Jekk ikun meħtieġ, din id-data tista’ tinbidel skont il-proċedura definita fl-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni.

(2)

Kwistjonijiet identifikati matul il-fażi ta’ ttestjar ta’ SIS II wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI, Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 u s-27 ta’ Frar 2009 iddikjaraw li, minħabba l-ħin meħtieġ biex jiġu riżolti l-kwistjonijiet pendenti, id-data għall-migrazzjoni minn SIS 1+ għal SIS II, stabbilita għal Settembru 2009, m'għadhiex realistika.

(3)

Fid-dawl tad-dewmien għall-migrazzjoni minn SIS I+ għal SIS II, id-data l-ġdida għat-tlestija tal-migrazzjoni għandha tiġi stabbilita biex tikkoinċidi mad-data ta’ skadenza finali tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI, li tippermetti l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet li jwasslu għall-bidu tal-operazzjonijiet ta’ SIS II sa dik id-data.

(4)

Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f'din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat UE u għat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000, rigward it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jieħdu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (2).

(5)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat UE u għat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda li tieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3).

(6)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Iżlanda u mar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (4), li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(7)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fl-ambitu indikat fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (6) dwar il-konklużjoni ta' dak il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea.

(8)

Fir-rigward ta' Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqa' fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/262/ĠAI tat-28 ta' Frar 2008 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7).

(9)

Il-miżuri li hemm provvediment għalihom f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf permezz tal-Artikolu 67(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/53’/ĠAI (8) u li hemm referenza għalih fl-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom ilestu l-migrazzjoni mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni, sad-data ta’ skadenza tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.

(2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p.31.

(6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

(7)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.

(8)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.


Top