Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1263

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1263/2008 tas- 16 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 14 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 338, 17.12.2008, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1263/oj

    17.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 338/25


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1263/2008

    tas-16 ta' Diċembru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 14 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali li kienu fis-seħħ fl-15 ta’ Ottubru 2008.

    (2)

    Fil-5 ta' Lulju 2007, il-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) ippubblika Interpretazzjoni tal-IFRIC 14 IAS 19 – Il-Limitu fuq Assi ta' Benefiċċju Definit, ir-Rekwiżiti ta’ Finanzjament Minimu u l-Interazzjoni tagħhom, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “IFRIC 14”. L-IFRIC 14 jikkjarifika d-dispożizzjonijiet tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbilità (IAS) 19 rigward il-kejl ta' assi ta' benefiċċju definit fil-kuntest ta' pjanijiet ta' benefiċċju definit għal wara l-irtirar, meta jkun hemm rekwiżit ta' finanzjament minimu. Assi ta' benefiċċju definit huwa l-ammont żejjed tal-valur ġust ta' l-assi tal-pjan fuq il-valur preżenti tal-obbligu tal-benefiċċju definit. Il-kejl fl-IAS 19 huwa ristrett għall-valur preżenti tal-benefiċċji ekonomiċi disponibbli fil-forma ta' refużjonijiet mill-pjan jew ta' tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri għall-pjan, li jistgħu jiġu affettwati minn rekwiżiti ta' finanzjament minimu.

    (3)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (European Financial Reporting Advisory Group -EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 14 jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabbilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) [il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju] (3), il-Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabbilità qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-approvazzjoni u nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea li din hija bbilanċjata b'mod tajjeb kif ukoll oġġettiva

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Interpretazzjoni tal-IFRIC 14 IAS 19 – Il-Limitu fuq Assi ta' Benefiċċju Definit, ir-Rekwiżiti ta’ Finanzjament Minimu u l-Interazzjoni tagħho tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) hija mdaħħla kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 14 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta' Diċembru 2008.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


    ANNESS

    STANDARDS INTERNAZZJONALI TA' RAPPORTAĠĠ FINANZJARJU

    IFRIC 14

    L-Interpretazzjoni ta' l-IFRIC 14 IAS 19 – Il-Limitu fuq Assi ta' Benefiċċju Definit, ir-Rekwiżiti ta’ Finanzjament Minimu u l-Interazzjoni tagħhom

    Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org

    INTERPRETAZZJONI TA' L-IFRIC 14

    IAS 19—Il-Limitu fuq Assi ta' Benefiċċju Definit, ir-Rekwiżiti ta’ Finanzjament Minimu u l-Interazzjoni tagħhom

    REFERENZI

    IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji

    IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji

    IAS 19 Benefiċċji ta' l-Impjegati

    IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

    SFOND

    1

    Il-Paragrafu 58 ta' l-IAS 19 jillimita l-kejl ta' assi ta' benefiċċju definit għall-“valur preżenti ta' benefiċċji ekonomiċi disponibbli bħala rifużjonijiet mill-pjan jew tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri għall-pjan” flimkien ma' qligħ jew telf mhux rikonoxxuti. Saru mistoqsijiet dwar meta r-rifużjonijiet jew it-tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri għandhom jitqiesu li huma disponibbli, partikolarment fejn ikun hemm rekwiżit ta' finanzjament minimu.

    2

    Ir-rekwiżit ta’ finanzjament minimu jeżisti f'ħafna pajjiżi biex tittejjeb is-sigurtà tal-wegħda tal-benefiċċju ta' wara l-impjieg li tkun saret lil membri fi pjan ta' benefiċċji ta' l-impjegati. Dawn ir-rekwiżiti normalment jistipulaw l-ammont jew livell minimu ta' kontribuzzjonijiet li jridu jsiru lill-pjan fuq ċertu perjodu. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ finanzjament minimu jista' jillimita l-kapaċità ta' l-entità li tnaqqas il-kontribuzzjonijiet futuri.

    3

    Barra dan, il-limitu fuq il-kejl ta' assi ta' benefiċċju definit jista' jikkawża li rekwiżit ta’ finanzjament minimu jkun oneruż. Normalment, rekwiżit biex isiru kontribuzzjonijiet għall-pjan ma jaffettwax il-kejl ta' l-assi jew ta’ l-obbligazzjoni ta' benefiċċju definit. Dan għaliex il-kontribuzzjonijiet, ġaladarba mħallsin, isiru assi tal-pjan u għalhekk l-obbligazzjoni netta addizzjonali hija żero. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ finanzjament minimu jista' joħloq obbligazzjoni jekk il-kontribuzzjonijiet meħtieġa ma jkunux disponibbli għall-entità ġaladarba jkunu tħallsu.

    AMBITU

    4

    Din l-Interpretazzjoni tapplika għall-benefiċċji definiti kollha ta' wara l-impjieg u benefiċċji oħra definiti fit-tul ta' l-impjegati.

    5

    Għall-finijiet ta' din l-Interpretazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ finanzjament minimu huma kwalunkwe rekwiżit biex ikun iffinanzjat pjan ta' benefiċċji definiti ta' wara l-impjieg jew pjan ieħor ta' benefiċċji definiti fit-tul.

    TEMI

    6

    It-temi indirizzati f'din l-Interpretazzjoni huma:

    (a)

    meta rifużjonijiet jew tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri għandhom jitqiesu bħala disponibbli b'konformità mal-paragrafu 58 ta' l-IAS 19.

    (b)

    kif ir-rekwiżit ta’ finanzjament minimu jista' jaffettwa d-disponibilità ta' tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri.

    (ċ)

    fejn ir-rekwiżit ta’ finanzjament minimu jista' joħloq obbligazzjoni.

    KUNSENS

    Disponibilità ta' rifużjoni jew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet futuri

    7

    Entità għandha tiddetermina d-disponibilità ta' rifużjoni jew tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri b'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjan u kwalunkwe rekwiżit statutorju fil-ġurisdizzjoni tal-pjan.

    8

    Benefiċċju ekonomiku, fis-sura ta' rifużjoni jew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet futuri, hu disponibbli jekk l-entità tista' tirrealizzah f'xi punt matul il-ħajja tal-pjan jew meta l-obbligazzjonijiet tal-pjan ikunu ssetiljati. B'mod partikulari, tali benefiċċju ekonomiku jista' jkun disponibbli ukoll jekk ma jkunx realizzabbli immedjatament fid-data tal-karta tal-bilanċ.

    9

    Il-benefiċċju ekonomiku disponibbli ma jiddependix fuq kif l-entità għandha l-intenzjoni li tuża l-bilanċ favorevoli. Entità għandha tiddetermina l-benefiċċju ekonomiku massimu li jkun disponibbli mir-rifużjonijiet, mit-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet futuri jew għaqda tat-tnejn. Entità m'għandhiex tirrikonoxxi benefiċċji ekonomiċi minn tagħqid ta' rifużjonijiet u tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri bbażati fuq suppożizzjonijiet li jeskludu lil xulxin.

    10

    B'konformità ma' l-IAS 1, l-entità għandha tiddikjara informazzjoni dwar is-sorsi prinċipali ta' l-inċertezza fl-istimi magħmula fid-data tal-karta tal-bilanċ, li jkollhom riskju sinifikanti li jikkawżaw aġġustamenti materjali fl-ammont rikonoxxut ta' l-assi jew obbligazzjonijiet netti fil-karta tal-bilanċ. Dan jista' jinkludi żvelar ta' kwalunkwe restrizzjoni fuq ir-realizzabilità attwali tal-bilanċ favorevoli jew żvelar tal-bażi użata biex jiġi determinat l-ammont tal-benefiċċju ekonomiku disponibbli.

    Il-benefiċċju ekonomiku disponibbli bħala rifużjoni.

    Id-dritt għal rifużjoni

    11

    Rifużjoni tkun disponibbli għal entità biss jekk l-entità jkollha dritt mingħajr kundizzjonijiet għal rifużjoni:

    (a)

    matul il-ħajja tal-pjan, mingħajr ma wieħed jassumi li l-obbligazzjonijiet tal-pjan iridu jkunu ssetiljati biex tinkiseb ir-rifużjoni (eż. f'xi ġurisdizzjonijiet, l-entità jista' jkollha dritt għal rifużjoni matul il-ħajja tal-pjan, irrispettivament minn jekk l-obbligazzjonijiet tal-pjan ikunux issetiljati); jew

    (b)

    jekk wieħed jassumi l-issetiljar gradwali ta’ l-obbligazzjonijiet tal-pjan matul iż-żmien sakemm il-membri kollha jkunu ħarġu mill-pjan; jew

    (ċ)

    jekk wieħed jassumi l-issetiljar sħiħ ta’ l-obbligazzjonijiet tal-pjan f'avveniment wieħed (i.e. bħall-istralċjar tal-pjan).

    Dritt mingħajr kundizzjonijiet għal rifużjoni jista' jeżisti ikun x'ikun il-livell ta' finanzjament tal-pjan fid-data tal-karta tal-bilanċ.

    12

    Jekk id-dritt ta' l-entità għal rifużjoni ta' bilanċ favorevoli jiddependi fuq l-okkorrenza jew in-non-okkorrenza ta' xi avveniment jew avvenimenti inċerti fil-futur li ma jkunux għal kollox taħt il-kontroll tagħha, l-entità ma jkollhiex dritt mingħajr kundizzjonijiet u m'għandhiex tirrikonoxxi assi.

    13

    Entità għandha tkejjel il-benefiċċju ekonomiku disponibbli bħala rifużjoni, bħala l-ammont tal-bilanċ favorevoli fid-data tal-karta tal-bilanċ (li jkun il-valur ġust ta' l-assi tal-pjan, nieqes il-valur attwali ta' l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit) li l-entità jkollha dritt li tirċievi bħala rifużjoni, nieqes kwalunkwe spejjeż marbuta miegħu. Pereżempju, jekk rifużjoni tkun suġġetta għal taxxa barra t-taxxa fuq id-dħul, l-entità għandha tkejjel l-ammont tar-rifużjoni netta wara t-taxxa.

    14

    Meta entità tkejjel l-ammont ta' rifużjoni disponibbli ladarba l-pjan ikun stralċjat (il-paragrafu 11(ċ)), għandha tinkludi kemm l-ammont ta' l-ispejjeż li jiswew lill-pjan biex tissetilja l-obbligazzjonijiet tal-pjan u kemm biex tagħmel ir-rifużjoni. Pereżempju, entità għandha tnaqqas id-drittijiet professjonali jekk dawn jitħallsu mill-pjan u mhux mill-entità, u l-ispejjeż ta' kwalunkwe primjums ta' l-assigurazzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa biex jassiguraw l-obbligazzjoni meta jsir l-istralċjar.

    15

    Jekk l-ammont ta' rifużjoni jkun determinat bħala l-ammont sħiħ jew proporzjon tal-bilanċ favorevoli, u mhux bħala ammont fiss, entità m'għandha tagħmel l-ebda aġġustament għall-effett taż-żmien fuq il-valur tal-flus, ukoll jekk ir-rifużjoni tkun realizzabbli biss f'data fil-futur.

    Il-benefiċċju ekonomiku disponibbli bħala tnaqqis fil-kontribuzzjoni

    16

    Jekk ma jkun hemm l-ebda rekwiżit ta' finanzjament minimu, entità għandha tiddetermina l-benefiċċju ekonomiku disponibbli ta' tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet futuri bħala l-iktar baxx minn

    (a)

    il-bilanċ favorevoli fil-pjan jew

    (b)

    il-valur attwali ta' l-ispiża tas-servizz fil-futur lill-entità, i.e. li jeskludi kwalunkwe parti ta' l-ispiża fil-futur li ser tinġarr mill-impjegati, għal kull sena fuq l-inqas perjodu ta' żmien bejn il-ħajja mistennija tal-pjan u l-ħajja mistennija ta' l-entità.

    17

    Entità għandha tiddetermina l-ispejjeż tas-servizz futur billi tuża suppożizzjonijiet konsistenti ma' dawk użati biex tiddetermina l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit u mas-sitwazzjoni li teżisti fid-data tal-karta tal-bilanċ kif stabbilit fl-IAS 19. Għalhekk, entità m'għandha tassumi l-ebda tibdil fil-benefiċċji li għandhom jiġu pprovduti minn pjan fil-futur sakemm il-pjan ma jkunx emendat, u għandha tassumi element stabbli ta' ħaddiema fil-futur, sakemm, fid-data tal-karta tal-bilanċ, l-entità ma tkunx impenjata b'mod li jidher biex tnaqqas in-numru ta' impjegati li jkunu koperti mill-pjan. Fil-każ ta' l-aħħar, is-suppożizzjoni dwar il-ħaddiema fil-futur għandha tinkludi t-tnaqqis. Entità għandha tiddetermina l-valur preżenti ta' l-ispiża tas-servizz futur billi tuża l-istess rata ta' skont bħal dik użata fil-kalkolu ta' l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit fid-data tal-karta tal-bilanċ.

    L-effett tar-rekwiżit ta' finanzjament minimu fuq il-benefiċċju ekonomiku disponibbli bħala tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri

    18

    Entità għandha tanalizza kwalunkwe rekwiżit ta' finanzjament minimu f'data speċifika f'kontribuzzjonijiet li jkunu meħtieġa biex ikopru (a) kwalunkwe nuqqas eżistenti għal servizz fil-passat fuq il-bażi ta' finanzjament minimu u (b) l-akkumulazzjoni fil-ġejjieni tal-benefiċċji.

    19

    Kontribuzzjonijiet biex ikopru xi nuqqas eżistenti fuq il-bażi ta' finanzjament minimu fir-rigward ta' servizzi diġà riċevuti ma jaffettwawx il-kontribuzzjonijiet futuri għal servizz fil-futur. Dawn jistgħu joħolqu obbligazzjoni b'konformità mal-paragrafi 23–26.

    20

    Jekk ikun hemm rekwiżit ta' finanzjament minimu għal kontribuzzjonijiet marbuta ma' akkumulazzjoni fil-ġejjieni ta' benefiċċji, entità għandha tiddetermina l-benefiċċju ekonomiku disponibbli bħala tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet futuri bħala l-valur attwali ta':

    (a)

    l-istima ta' l-ispiża tas-servizz futur ta' kull sena b'konformità mal-paragrafi 16 u 17 nieqes

    (b)

    l-istima tal-kontribuzzjonijiet minimi ta' finanzjament meħtieġa fir-rigward ta' l-akkumulazzjoni fil-ġejjieni ta' benefiċċji f'dik is-sena.

    21

    Entità għandha tikkalkola il-kontribuzzjonijiet minimi futuri meħtieġa fir-rigward ta' l-akkumulazzjoni fil-ġejjieni tal-benefiċċji, billi jitqies l-effett ta' kwalunkwe bilanċ favorevoli eżistenti fuq il-bażi tar-rekwiżit ta’ finanzjament minimu. Entità għandha tuża s-suppożizzjonijiet meħtieġa bir-rekwiżit ta' finanzjament minimu u, għal kwalunkwe fattur mhux speċifikat bir-rekwiżit ta' finanzjament minimu, suppożizzjonijiet konsistenti ma' dawk użati biex tiddetermina l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit u mas-sitwazzjoni li teżisti fid-data tal-karta tal-bilanċ kif determinata mill-IAS 19. Il-kalkolu għandu jinkludi kwalunkwe tibdil mistenni li jirriżulta meta l-entità tħallas il-kontribuzzjonijiet minimi dovuti. Madankollu, il-kalkolu m'għandux jinkludi l-effett tat-tibdil mistenni li jkun hemm fit-termini u l-kundizzjonijiet tar-rekwiżit ta’ finanzjament minimu li ma jkunux ippromulgati sostantivament jew miftiehma kuntrattwalment fid-data tal-karta tal-bilanċ.

    22

    Jekk il-kontribuzzjoni minima fil-futur ta' finanzjament meħtieġa fir-rigward ta' l-akkumulazzjoni fil-ġejjieni ta' benefiċċji taqbeż l-ispiża tas-servizz fil-futur ta' l-IAS 19 fi kwalunkwe sena, il-valur attwali ta' dak l-eċċess inaqqas l-ammont ta' l-assi disponibbli bħala tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri fid-data tal-karta tal-bilanċ. Madankollu, l-ammont ta' l-assi disponibbli bħala tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri ma jista' jkun qatt inqas minn żero.

    Meta r-rekwiżit ta’ finanzjament minimu jista' joħloq obbligazzjoni

    23

    Jekk entità jkollha obbligu taħt rekwiżit ta’ finanzjament minimu biex tħallas kontribuzzjonijiet biex tkopri nuqqas eżistenti fuq il-bażi ta' finanzjament minimu fir-rigward ta' servizzi diġà riċevuti, l-entità għandha tiddetermina jekk il-kontribuzzjonijiet pagabbli humiex ser ikunu disponibbli bħala rifużjoni jew bħala tnaqqis f'kontribuzzjonijiet futuri wara li jitħallsu fil-pjan.

    24

    Sal-limitu fejn il-kontribuzzjonijiet pagabbli ma jkunux disponibbli wara li jitħallsu fil-pjan, l-entità għandha tirrikonoxxi obbligazzjoni meta jinħoloq l-obbligu. L-obbligazzjoni għandha tnaqqas l-assi ta' benefiċċju definit jew iżżid l-obbligazzjoni ta' benefiċċju definit biex b'hekk l-ebda qligħ jew telf ma jkun mistenni li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 58 ta' l-IAS 19 meta l-kontribuzzjonijiet jitħallsu.

    25

    Entità għandha tapplika l-paragrafu 58A ta' l-IAS 19 qabel tiddetermina l-obbligazzjoni b'konformità mal-paragrafu 24.

    26

    L-obbligazzjoni fir-rigward tar-rekwiżit ta' finanzjament minimu u kwalunkwe kejl mill-ġdid sussegwenti ta' dik l-obbligazzjoni għandhom ikunu rikonoxxuti immedjatament b'konformità mal-politika adottata mill-entità għar-rikonoxximent ta' l-effett tal-limitu fil-paragrafu 58 ta' l-IAS 19 dwar il-kejl ta' l-assi ta' benefiċċju definit. B’mod partikulari:

    (a)

    entità li tirrikonoxxi l-effett tal-limitu fil-paragrafu 58 fi qligħ jew telf, b'konformità mal-paragrafu 61(g) ta' l-IAS 19, għandha tirrikonoxxi l-aġġustament immedjatament fi qligħ jew telf.

    (b)

    entità li tirrikonoxxi l-effett tal-limitu fil-paragrafu 58 fid-dikjarazzjoni ta' dħul u nfiq rikonoxxuti, b'konformità mal-paragrafu 93C ta' l-IAS 19, għandha tirrikonoxxi immedjatament l-aġġustament fid-dikjarazzjoni ta' dħul u nfiq rikonoxxuti.

    DATA EFFETTIVA

    27

    Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2008 jew wara. Applikazzjoni iktar kmieni hija permessa.

    TRANŻIZZJONI

    28

    Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni mill-bidu ta' l-ewwel perjodu ppreżentat fl-ewwel dikjarazzjonijiet finanzjarji li għalihom tapplika l-Interpretazzjoni. Entità għandha tirrikonoxxi kwalunkwe aġġustament inizjali li jinħoloq mill-applikazzjoni ta' din l-Interpretazzjoni bħala qligħ imfaddal fil-bidu ta' dak il-perjodu.


    Top