EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0134

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 286–291 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D1220(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/134(1)/oj

24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

286


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Frar 2007

li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/134/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea (1) għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (mill-2007 sa l-2013), u b'mod partikulari l-Artikoli 2 u 3 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: “Ideat” li jimplimenta s-Seba' Programm ta' Qafas (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(2) u (3) tagħha,

Billi:

(1)

Taħt is-Seba' Programm ta' Qafas, il-Programm Speċifiku “Ideat” għandu l-għan li jappoġġa r-riċerka “fuq il-fruntieri ta' l-għarfien” immexxija minn riċerkaturi f'kull qasam tax-xjenza, ta' l-inġinerija u tat-tagħlim, imwettqa f'temi magħżulin mir-riċerkaturi stess.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tistipula li l-Kummissjoni għandha twaqqaf Kunsill Ewropew tar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem “l-ERC”), li għandu jkun il-mezz għall-implimentar tal-Programm Speċifiku “Ideat”.

(3)

Skond l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE, l-ERC għandu jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti (minn hawn 'il quddiem “il-Kunsill Xjentifiku”), bl-appoġġ ta' struttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

(4)

Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun magħmul minn xjenzati, inġiniera u akkademiċi ta' l-aqwa preġju, maħturin mill-Kummissjoni, u li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, mingħajr irbit ma' interessi estranji. Għandu jaġixxi skond il-mandat ipprovdut għalih fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE, u esklużivament bil-għan li jikseb il-miri xjentifiċi, teknoloġiċi u akkademiċi tal-Programm Speċifiku “Ideat”.

(5)

Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħtar Segretarju Ġenerali b'mod indipendenti, li għandu jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Ġenerali ser jgħin lill-Kunsill Xjentifiku biex jiżgura l-interazzjoni effettiva tiegħu ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni u mal-Kummissjoni, kif ukoll biex jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġija u tal-pożizzjonijiet tiegħu kif imwettqa mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

(6)

Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħdem skond il-prinċipji ta' l-eċċellenza xjentifika, l-awtonomija, l-effiċjenza u t-trasparenza. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-awtonomija u l-integrità tal-Kunsill Xjentifiku, u għandha tiżgura l-funzjonament tajjeb tiegħu.

(7)

Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta' tagħrif minn membri tal-Kunsill Xjentifiku, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà stipulati fl-Anness mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (3).

(8)

Id-dejta personali kollha marbuta mal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandha tiġi pproċessata b'konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4).

(9)

Twaqqaf kumitat ta' esperti indipendenti u ta' livell għoli biex jagħżel il-membri fondaturi tal-Kunsill Xjentifiku. Wara konsultazzjoni wiesgħa fil-komunità xjentifika u akkademika, dan il-kumitat għamel rakkomandazzjonijiet, l-ewwelnett dwar il-fatturi u l-kriterji li għandhom ikunu applikati fl-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, u t-tieninett dwar il-membri fondaturi nfushom.

(10)

Għandha titwaqqaf struttura ddedikata ta' implimentazzjoni bħala struttura esterna f'forma ta' aġenzija eżekuttiva, stabbilita minn att separat skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (5).

(11)

Sakemm din l-aġenzija eżekuttiva titwaqqaf u tibda ħidmitha, il-kompiti tagħha ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu minn servizz iddedikat tal-Kummissjoni.

(12)

L-impatt ta' din id-Deċiżjoni fuq il-baġit għandu jitqies fit-teħid tad-deċiżjoni dwar il-finanzjament fil-qafas tal-Programm Speċifiku “Ideat”, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istruttura esterna.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

IL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA

Artikolu 1

Stabbiliment

Huwa hawnhekk imwaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, għall-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni sal-31 ta' Diċembru 2013, għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka se jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku u struttura ddedikata ta' implimentazzjoni, kif stipulat hawn isfel.

KAPITOLU 2

IL-KUNSILL XJENTIFIKU

Artikolu 2

Stabbiliment

B'dan huwa stabbilit il-Kunsill Xjentifiku.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Il-Kunsill Xjentifiku se jkun fdat bil-kompiti stipulati fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2006/972/KE.

2.   Fost l-oħrajn, il-Kunsill Xjentifiku se jfassal strateġija xjentifika globali, se jkollu awtorità sħiħa fuq deċiżjonijiet rigward it-tip ta' riċerka li għandu jkun iffinanzjat skond l-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni 2006/972/KE, u se jiggarantixxi l-kwalità ta' l-attivitajiet mill-perspettiva xjentifika. Il-kompiti tiegħu se jkopru, b'mod partikolari, it-tfassil tal-programm annwali ta' ħidma, l-istabbiliment ta' proċess ta' reviżjoni minn esperti ugwali fil-qasam, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku “Ideat”, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Sħubija

1.   Il-Kunsill Xjentifiku se jkun magħmul minn massimu ta' 22 membru.

2.   Il-Kunsill Xjentifiku se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-komunità xjentifika Ewropea li jkunu ta' l-aqwa preġju u li jkollhom l-għarfien espert xieraq, b'mod li tiġi żgurata diversità ta' oqsma ta' riċerka. Ir-rappreżentanti se jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, mingħajr irbit ma' interessi politiċi jew ta' tip ieħor.

3.   Il-membri fondaturi tal-Kunsill Xjentifiku, li ntgħażlu abbażi tal-fatturi u l-kriterji stipulati fl-Anness 1 u li jinsabu elenkati fl-Anness 2, b'dan huma maħturin.

4.   Il-membri futuri se jinħatru mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi u l-kriterji stipulati fl-Anness 1, u permezz ta' proċedura ta' identifikazzjoni indipendenti u trasparenti miftiehma mal-Kunsill Xjentifiku, li tinkludi konsultazzjoni mal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament u lill-Kunsill. Il-ħatra ta' membri futuri għandha tkun ippubblikata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

5.   Il-membri għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti minn kull influwenza esterna. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

6.   Il-membri se jinħatru għal perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba abbażi ta' sistema ta' rotazzjoni li tiżgura li l-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku tibqa' dejjem għaddejja. Madankollu, membru jista' jinħatar għal perjodu ta' inqas minn dak massimu, biex b'hekk ikun hemm rotazzjoni fis-sħubija li ssir f'fażijiet suċċessivi. Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru membri oħra minflokhom jew il-perjodu tal-mandat tagħhom jiskadi.

7.   Meta membru jirriżenja, jew meta perjodu ta' mandat li ma jistax jiġġedded ikun skada, il-Kummissjoni għandha taħtar membru ġdid.

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, sabiex tinżamm l-integrità u/jew il-kontinwità tal-Kunsill Xjentifiku, il-Kummissjoni tista' ttemm b'inizjattiva proprja l-perjodu ta' sħubija ta' membru.

9.   Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku mhumiex se jitħallsu tal-ħidmiet tagħhom.

Artikolu 5

Prinċipji u metodi

1.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħdem b'mod awtonomu u indipendenti.

2.   Fejn ikun xieraq, il-Kunsill Xjentifiku għandu jikkonsulta mal-komunità xjentifika, akkademika u ta' l-inġinerija.

3.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaġixxi esklużivament bil-għan li jikseb il-miri xjentifiċi, teknoloġiċi u akkademiċi tal-Programm Speċifiku “Ideat”. Għandu jaġixxi b'integrità u rettitudni, u għandu jwettaq xogħlu bl-effiċjenza u bl-akbar trasparenza possibbli.

4.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun responsabbli lejn il-Kummissjoni, għandu jżomm interazzjoni kontinwa fil-qrib magħha u ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni, u għandu jistabbilixxi kull arranġament li jista' jkun meħtieġ għal dan il-għan.

5.   It-tagħrif miksub matul il-ħidmiet m'għandux jinkixef jekk dak it-tagħrif, fil-fehma tal-Kummissjoni jew tal-President tal-Kunsill Xjentifiku, huwa marbut ma' kwistjonijiet kunfidenzjali.

6.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi t-tagħrif u l-għajnuna meħtieġa għall-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku, sabiex dan ikun jista' jaħdem f'kundizzjonijiet ta' awtonomija u indipendenza.

7.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jibgħat rapporti regolari lill-Kummissjoni, u jipprovdi t-tagħrif u l-assistenza meħtieġa għall-kompiti obbligatorji ta' rrappurtar min-naħa tal-Kummissjoni (jiġifieri r-Rapport Annwali, ir-Rapport Annwali ta' l-Attivitajiet).

Artikolu 6

Tmexxija

1.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jeleġġi, minn fost il-membri tiegħu, President u żewġ Viċi-Presidenti. Skond ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill Xjentifiku, dawn għandhom jirrappreżentaw lill-Kunsill Xjentifiku, iservu ta' gwida u jgħinuh fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu, inkluża t-tħejjija ta' l-aġenda u tad-dokumenti għal-laqgħat.

2.   Il-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku jistgħu jkunu, fl-istess ħin, il-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka rispettivament.

3.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaddotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati għall-elezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, kif ukoll kodiċi ta' kondotta biex ikunu ffaċċjati kunflitti potenzjali ta' interessi.

4.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jiltaqa' f'seduta plenarja bil-frekwenza meħtieġa minn ħidmitu.

5.   Il-President tal-Kunsill Xjentifiku jista' jiddeċiedi li jsejjaħ laqgħat ristretti.

Artikolu 7

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERC)

1.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaħtar Segretarju Ġenerali b'mod indipendenti, li għandu jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Ġenerali għandu jgħin lill-Kunsill Xjentifiku biex jiżgura l-interazzjoni effettiva tiegħu mal-Kummissjoni u ma' l-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

2.   Il-kompiti tas-Segretarju Ġenerali għandhom ikunu ddefiniti mill-Kunsill Xjentifiku.Dawn il-kompiti għandhom jinkludu l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġija u tal-pożizzjonijiet addottati mill-Kunsill Xjentifiku, kif imwettqa mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni.

3.   L-appoġġ għall-istabbilment u għall-attivitajiet tas-Segretarju Ġenerali għandu jkun żgurat mill-Programm Speċifiku “Ideat”.

4.   Il-mandat tas-Segretarju Ġenerali ma għandux ikun itwal minn perjodu ta' 30 xahar, u jista' jiġġedded darba.

Artikolu 8

L-Ispejjeż tal-laqgħat

1.   L-ispejjeż tal-vjaġġ, u, fejn meħtieġ, ta' l-għajxien, imħallsa mill-membri tal-Kunsill Xjentifiku biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, għandhom ikunu rrimborżati mill-Kummissjoni skond ir-regoli tagħha dwar ir-rimborż ta' spejjeż għal esperti esterni. L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-għajxien marbutin ma' laqgħat oħrajn li jkunu meħtieġa għall-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku jistgħu jitħallsu wkoll mill-Kummissjoni. Dan il-ħlas huwa soġġett għall-approvazzjoni tagħha minn qabel. Dan għandu japplika għal laqgħat bejn membri tal-Kunsill Xjentifiku u bejn esperti u partijiet interessati esterni.

2.   L-ispejjeż tal-laqgħat għandhom ikunu rrimborżati fuq il-bażi tat-talba annwali tal-Kunsill Xjentifiku, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

KAPITOLU 3

Artikolu 9

Struttura ddedikata ta' implimentazzjoni

L-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni għandha titwaqqaf bħala struttura eżekuttiva; sakemm l-istruttura eżekuttiva titwaqqaf u tibda ħidmitha, il-kompiti tagħha ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu minn servizz iddedikat tal-Kummissjoni.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta' Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243.

(3)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.


ANNESS 1

Il-fatturi u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku

Il-kompożizzjoni tal-Kunsill Xjentifiku għandha turi li l-Kunsill huwa kapaċi jipprovdi tmexxija xjentifika li tkun awtorevoli u totalment indipendenti, u li twaħħad l-għerf u l-esperjenza mal-viżjoni u l-immaġinazzjoni. Il-kredibbiltà tal-Kunsill Xjentifiku se tissejjes fuq il-bilanċ ta' karatteristiċi fost l-irġiel u n-nisa li l-Kunsill ikun magħmul minnhom. Dawn għandhom ikunu rifless kollettiv tal-firxa sħiħa tal-komunità tar-riċerka madwar l-Ewropa. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandu jkollhom, f'livell individwali, reputazzjoni inkontestabbli għall-kapaċità ta' tmexxija tagħhom fil-qasam tar-riċerka, kif ukoll għall-indipendenza tagħhom u għall-impenn tagħhom lejn ir-riċerka. Bħala regola ġenerali, għandhom ikunu riċerkaturi professjonali li qegħdin jagħmlu riċerka fil-preżent jew għamluha dan l-aħħar, jew riċerkaturi li wrew tmexxija xjentifika fil-livell Ewropew jew internazzjonali. Mexxejja aktar żgħażagħ tal-ġenerazzjoni li jmiss għandhom jitqiesu wkoll.

Il-membri għandhom jirriflettu l-ambitu wiesa' tad-dixxiplina tar-riċerka, billi jħaddnu x-xjenzi eżatti u l-inġinerija, kif ukoll ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Madankollu, ma għandhomx jitqiesu bħala rappreżentanti ta' dixxiplina waħda jew ta' linja partikulati ta' riċerka, u lanqas ma għandhom jaraw lilhom infushom b'tali mod; iżda għandu jkollhom viżjoni wiesgħa li tirrifletti bis-sħiħ fehim ta' l-iżviluppi importanti li jsiru fid-dinja tar-riċerka, inklużi r-riċerka interdixxiplinarja u dik multidixxiplinarja, kif ukoll fehim tal-ħtiġijiet ta' riċerka li jkun hemm fil-livell Ewropew.

Lil hinn mir-reputazzjoni ppruvata tagħhom bħala xjenzati u riċerkaturi, il-membri għandhom iġibu magħhom kollettivament firxa usa' ta' esperjenza, miksuba mhux biss madwar l-Ewropa iżda wkoll f'partijiet oħra tad-dinja magħrufin għar-riċerka. Din tista' tinkludi esperjenza f'oqsma bħall-appoġġ u l-promozzjoni tar-riċerka fundamentali; l-organizzazzjoni u t-tmexxija tar-riċerka u l-qsim ta' l-għarfien fl-universitajiet, fl-akkademji u fl-industrija; kif ukoll il-fehim ta' l-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' riċerka, ta' l-iskemi ta' ffinanzjar għar-riċerka relatati, u tal-kuntest politiku usa' li fih jinsab il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.

Il-membri għandhom ikunu mera tal-komponenti varji tal-komunità tar-riċerka, kif ukoll tal-firxa ta' istituzzjonijiet xjentifiċi li jagħmlu riċerka; fosthom iridu jkunu inklużi riċerkaturi b'esperjenza, pereżempju, f'universitajiet, f'istituzzjonijiet ta' riċerka, f'akkademji, f'entitajiet ta' finanzjament, fir-riċerka fin-negozju u fl-industrija, eċċ. Il-membri għandhom jinkludu riċerkaturi b'esperjenza f'aktar minn pajjiż wieħed, waqt li wħud mill-membri għandhom jiġu mill-komunità ta' riċerka mhix Ewropea.


ANNESS 2

Elenku tat-22 membru fondatur tal-Kunsill Xjentifiku

 

Dr. Claudio BORDIGNON, San Raffaele Scientific Institute, Milan

 

Prof. Manuel CASTELLS, Open University of Catalonia

 

Prof. Paul J. CRUTZEN, Max Planck Institute for Chemistry, Mainz

 

Prof. Mathias DEWATRIPONT, Université Libre de Bruxelles

 

Dr. Daniel ESTEVE, CEA Saclay

 

Prof. Pavel EXNER, Doppler Institute, Prague

 

Prof. Hans-Joachim FREUND, Fritz-Haber-Institute, Berlin

 

Prof. Wendy HALL, University of Southampton

 

Prof. Carl-Henrik HELDIN, Ludwig Institute for Cancer Research

 

Prof. Fotis C. KAFATOS, Imperial College London

 

Prof. Michal KLEIBER, Polish Academy of Sciences

 

Prof. Norbert KROO, Hungarian Academy of Sciences

 

Prof. Maria Teresa V.T. LAGO, University of Porto

 

Dr. Oscar MARIN PARRA, Instituto de Neurociencias de Alicante

 

Prof. Lord MAY, University of Oxford

 

Prof. Helga NOWOTNY, Wissenschaftszentrum, Wien

 

Prof. Christiane N-SSLEIN-VOLHARD, Max-Planck-Institute for Developmental Biology, Tübingen

 

Prof. Leena PELTONEN-PALOTIE, University of Helsinki & National Public Health Institute

 

Prof. Alain PEYRAUBE, CNRS, Paris

 

Dr. Jens R. ROSTRUP-NIELSEN, Haldor Topsoe A/S

 

Prof. Salvatore SETTIS, Scuola Normale Superiore, Pisa

 

Prof. Rolf M. ZINKERNAGEL, University of zurich


Top