EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0065

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-miżuri standard ta' sigurtà u l-istati ta' twissija tal-Kummissjoni u li temenda r-Regoli tagħha ta' Proċedura dwar il-proċeduri operattivi għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi

ĠU L 32, 6.2.2007, p. 144–160 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 157–173 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/06/2016; Imħassar b' 32016D0883

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/65(1)/oj

24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

157


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Diċembru 2006

li tistabbilixxi l-miżuri standard ta' sigurtà u l-istati ta' twissija tal-Kummissjoni u li temenda r-Regoli tagħha ta' Proċedura dwar il-proċeduri operattivi għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi

(2007/65/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u b'mod partikolari l-Artikolu 131 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri operattivi u miżuri għall-ġestjoni ta' kriżijiet u emerġenzi (minn issa 'l quddiem imsejħa “sitwazzjonijiet ta' kriżi”), u, b'mod partikolari, tassigura li d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa jistgħu jittieħdu bl-aktar mod effiċjenti u rapidu possibbli, filwaqt li tassigura li jibqgħu suġġetti għall-kontroll politiku.

(2)

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi struttura operattiva għall-ġestjoni ta' kriżi.

(3)

Il-proċeduri u l-miżuri għandhom, inter alia, jiġu stabbiliti biex jimmaniġġjaw l-aspetti ta' sigurtà ta' sitwazzjoni ta' kriżi. Fl-interessi taċ-ċarezza, il-proċeduri u l-miżuri li għandhom jintużaw f'kundizzjonijiet ta' sigurtà normali għandhom jiġu speċifikati wkoll.

(4)

L-immaniġġjar tajjeb ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi tinvolvi l-possibbiltà li tintbagħat twissija rapida lill-personnel dwar in-natura tat-theddida u l-miżuri protettivi li għandhom jittieħdu.

(5)

Il-prattika attwali fl-Istati Membri u f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra turi li t-twaqqif ta' sistema ta' stati ta' twissija huwa l-aktar mod effiċjenti biex jassigura li l-miżuri xierqa u proprozjonati ta' sigurtà qed jittieħdu b'rispons għall-livell evalwat ta' riskju. Sistema li tinkludi miżuri standard ta' sigurtà u tliet stati ta' twissija għandha għalhekk tiġi mwaqqfa. Din għandha tapplika għall-bini kollu tal-Kummissjoni.

(6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà annessi mar-Regoli interni tagħha ta' Proċedura bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (1) jistipulaw li membru tal-Kummissjoni ikun responsabbli għal kwistjonijiet ta' sigurtà u għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà tal-Kummissjoni.

(7)

Il-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-taqsima 2 ta' l-Anness ma' dawk id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà jistabbilixxu prinċipji ġenerali ta' legalità, trasparenza, responsabbiltà u sussidjarjetà (proporzjonalità) li japplikaw għall-immaniġġjar ta' kriżi.

(8)

L-għoti ta' awtorità fi ħdan il-Kummissjoni u s-sitwazzjoni partikolari tad-delegazzjonijiet tal-Komunità f'pajjiżi terzi jeħtieġu proċeduri speċifiċi u modi distinti ta' azzjoni, skond il-miżuri ta' sigurtà jikkonċernawx il-bini tal-Kummissjoni fl-Istati Membri jew f'pajjiżi terzi.

(9)

Skond il-prinċipju ta' kontinwità tas-servizz pubbliku, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi li twettaq ix-xogħol tagħha fiċ-ċirkostanzi kollha kif stabbilit fit-Trattati. Għalhekk, fil-każ ta' ġrajjiet eċċezzjonali u imprevedibbli li jagħmluha impossibbli għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet bħala Kulleġġ bi proċedura bil-miktub jew orali kif ipprovdut fir-Regoli tagħha ta' Proċedura (2), il-President tal-Kummissjoni għandu jkollu poteri straordinarji biex jieħu kull miżura li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni speċifika, hija kkunsidrata urġenti u meħtieġa.

(10)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri operattivi għall-imaniġġjar ta' kriżijiet, kif anness mar-Regoli interni tagħha ta' Proċedura bid-Deċiżjoni 2003/246/KE, Euratom (3), għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq. Għal raġunijiet ta' ċarezza, għandhom ikunu mibdula b'din id-Deċiżjoni.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Is-sistema ta' kriżi għandha tkun immaniġġjat minn Grupp ta' Tmexxija, skond paragrafu 2. Għandha tkun appoġġjata minn Skwadra Operattiva u Skwadra ta' Monitoraġġ, stabbiliti mid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

2.   Il-Grupp ta' Tmexxija għandu jiltaqa' taħt il-presidenza tad-Deputat Segretarju-Ġenerali. Għandu jikkonsisti f'Membru tal-Kabinett tal-President u fil-Membru tal-Kummissjoni li huwa responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà, fid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, fid-Diretturi Ġenerali tas-Servizz Legali, tal-Personnel u l-Amministrazzjoni, tal-Baġit, tal-Komunikazzjoni, tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, tar-Relazzjonijiet Esterni, ta' l-Informatika u persuni oħra li d-Deputat Segretarju-Ġenerali jikkonsidra li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi.

3.   Jekk tinqala' sitwazzjoni ta' kriżi barra l-Unjoni Ewropea, membru tal-kabinett tal-Kummissarju responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni għandu jiġi mistieden biex jattendi l-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija.

4.   Il-Grupp ta' Tmexxija għandu jkun responsabbli li jagħti pariri lill-Kummissjoni u b'mod partikolari lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà dwar miżuri xierqa li għandhom jittieħdu għall-protezzjoni ta' l-impjegati u ta' l-assi tal-Kummissjoni, u jiżgura l-effettività operattiva f'sitwazzjoni ta' kriżi.

5.   Il-President, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjoniiet ta' sigurtà u kull Membru tal-Kummissjoni involut fis-sitwazzjoni ta' kriżi għandu jiġi infurmat bl-iżviluppi mill-President tal-Grupp ta' Tmexxija.

6.   Servizz għal dak li jista' jinqala' li jkopri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa għandu jitħaddem, fuq il-bażi ta' preżenza kostanti ta' mhux inqas minn żewġ uffiċjali, biex id-Direttorat tas-Sigurtà jista' jonora r-responsabbiltajiet tiegħu.

Artkolu 2

1.   Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet tas-sigurtà jista' fi kwalunkwe ħin jordna lid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni biex jibda jopera s-sistema ta' l-immaniġġjar ta' kriżi.

2.   Jekk tinqala' sitwazzjoni ta' kriżi barra l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni biex tibda topera sistema ta' immaniġġjar ta' kriżi għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Membri tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni u għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà.

Artikolu 3

1.   Sabiex id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu b'ħeffa biżżejjed sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta' l-impjegati tal-Kummissjoni (inkluża l-protezzjoni ta' saħħithom fil-post tax-xogħol), it-tagħrif, il-bini u assi oħra minn kull theddida u biex jiżguraw il-kapaċità operattiva, f'sitwazzjonijiet fejn l-urġenza ma tippermettix l-użu tal-proċeduri normali tat-teħid ta' deċiżjonijiet, paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw.

2.   Jekk tinqala' sitwazzjoni ta' kriżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà jista' jieħu kull deċiżjoni li huwa jaħseb li tkun xierqa għall-protezzjoni ta' l-impjegati u ta' l-assi tal-Kummissjoni minn theddida bħal din.

F'sitwazzjonijiet ta' urġenza estrema d-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jieħu deċiżjonijiet simili għal dawk provduti fl-ewwel sottoparagrafu, u jaġġixxi fejn huwa possibbli f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Tmexxija. Kull użu ta' dawn il-poteri għandu jiġi immedjatament rappurtat lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà, għall-evalwazzjoni, u fejn huwa xieraq għall-approvazzjoni, għall-emendar jew għar-revoka. Il-president tal-Grupp ta' Tmexxija għandu jiġi infurmat fl-istess ħin mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà.

3.   Jekk tinqala' sitwazzjoni ta' kriżi barra l-Unjoni Ewropea, f'sitwazzjonijiet ta' urġenza estrema il-Kap ta' missjoni tal-Kummissjoni jew delegazzjoni tal-Komunità jista' jieħu deċiżjonijiet simili għal dawk maħsuba fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2. Kull użu ta' dawn il-poteri għandu jiġi rrappurtat lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni li għandu immedjatament jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu evalwati b'mod konġunt miż-żewġ Membri, u fejn xieraq approvati, emendati jew revokati. Il-president tal-Grupp ta' Tmexxija għandu jiġi infurmat fl-istess ħin mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà.

4.   Kull deċiżjoni meħuda skond dan l-artikolu għandha tiġi sottomessa lill-laqgħa li jmiss tal-Kulleġġ għall-evalwazzjoni u, fejn huwa xieraq għall-approvazzjoni, għall-emendar jew għar-revoka.

Artikolu 4

1.   Fil-każ ta' ġrajjiet eċċezzjonali u imprevedibbli li jagħmluha impossibbli li l-Kummissjoni tiddeċiedi bħala Kulleġġ bi proċedura miktuba jew orali kif stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regoli tagħha ta' Proċedura, il-President tal-Kummissjoni jista', f'isem il-Kummissjoni u taħt ir-responsabbiltà tagħha, jadotta kull miżura li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni speċifika ta' kriżi, hija kkunsidrata urġenti u meħtieġa biex tħares l-interess pubblika tal-Komunità, biex tissodisfa l-obbligi legali tal-Komunità jew biex tevita ħsarat li jistgħu jiġu evitati lill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità, Stati Membri jew liċ-ċittadini u l-intrapriżi ta' l-Unjoni.

2.   Il-President għandu jaġixxi, sakemm huwa prattikabbli, wara konsultazzjoni mad-dipartimenti b'interess leġittimu u mal-membri tal-Kummissjoni li jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

3.   Kull deċiżjoni meħuda skond dan l-artikolu għandha tiġi sottomessa lill-Kulleġġ għall-evalwazzjoni u, fejn xieraq, għall-approvazzjoni, emendar jew revoka meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tal-Kulleġġ huma fis-seħħ.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet dwar delegar stipulati fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni u r-Regoli li jagħmluhom effettivi għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-deċiżjoni preżenti.

Artikolu 6

Twaqqfet sistema li tinkludi miżuri standard ta' sigurtà u tliet Stati ta' Twissija. Is-sistema u l-miżuri korrispondenti ta' sigurtà għandhom ikunu kif stipulati fl-Anness. Dan għandu japplika għall-bini kollu tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri operattivi għall-imaniġġjar ta' kriżijiet, kif anness mar-Regoli tagħha ta' Proċedura bid-Deċiżjoni 2003/246/KE, Euratom, għandhom jitħassru.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni li twaqqaf is-sistema ta' twissija ġenerali ARGUS annessa mar-Regoli tagħha ta' Proċedura b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/25/KE, Euratom (4).

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha.

Għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(2)  ĠU L 347, 30.12.2005, p. 83.

(3)  ĠU L 92, 9.4.2003, p. 14.

(4)  ĠU L 19, 24.1.2006, p. 20.


ANNESS

MIŻURI STANDARD TA' SIGURTÀ U STATI TA' TWISSIJA

Sezzjoni 1

Sistema ta' sigurtà li tinkludi Miżuri Standard ta' Sigurtà u tliet Stati ta' Twissija li jikkorrispondu għall-eżistenza ta' theddida tapplika fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Miżuri Standard ta' Sigurtà u l-Istati ta' Twissija, mil-livell wieħed sal-livell tlieta, li jikkorrispondu għal livelli jiżdiedu ta' theddida, imfissra fl-Appendiċi 1, huma identifikati bil-kodiċi tal-kuluri “ABJAD”, “ISFAR”, “ORANĠJO” u “AĦMAR”.

Sezzjoni 2

Il-Miżuri Standard ta' Sigurtà, identifikati mill-kulur “ABJAD”, imniżżla fl-Appendiċi 2A u 2B japplikaw fejn ma ġiet identifikata ebda theddida partikolari għas-sigurtà.

Il-Miżuri Standard ta' Sigurtà imniżżla fl-Appendiċi 2A għall-Anness preżenti japplikaw fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea li jinsab fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Miżuri Standard ta' Sigurtà imniżżla fl-Appendiċi 2B għall-Anness preżenti japplikaw fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea li jinsabu f'pajjiżi terzi.

Sezzjoni 3

1.

Fi ħdan l-UE, id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni huwa awtorizzat li jimmodifika l-applikazzjoni tal-Miżuri Standard ta' Sigurtà “ABJAD” biex jiġu kkunsidrati evalwazzjonijiet lokali jew temporanji ta' theddida. Huwa għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà, u l-president tal-Grupp ta' Tmexxija bl-azzjonijiet tiegħu, u r-raġunijiet għalihom.

Mingħajr preġudizzju għas-sezzjoni 4(3)(a), il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà għandu

(a)

Jiddeċiedi li jżid il-livell ta' sigurtà għall-Istati ta' Twissija “ISFAR”, “ORANĠJO” jew “AĦMAR”, li jnaqqas l-Istat ta' Twissija jew imur lura għall-Miżuri Standard ta' Sigurtà “ABJAD”.

(b)

Jiddeċiedi liema miżura speċifika ta' l-Istati ta' Twissija għandha tiġi implimentata fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta' sigurtà. Fit-teħid ta' dawn id-deċiżjonijiet, għandu jqis il-parir tad-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

F'sitwazzjonijiet ta' urġenza estrema fejn is-sitwazzjoni ta' sigurtà teħtieġ bidla immedjata għall-Istat ta' Twissija, id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-paragrafu preċedenti. Huwa għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà, u l-president tal-Grupp ta' Tmexxija bl-azzjonijiet tiegħu, u r-raġunijiet għalihom. Fejn possibbli, id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jikkonsulta mal-Grupp ta' Tmexxija kif stipulat fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni preżenti.

2.

Barra l-UE, id-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni huwa awtorizzat li jimmodifika l-applikazzjoni tal-Miżuri Standard ta' Sigurtà “ABJAD” skond is-sitwazzjonijiet lokali. Huwa għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni li għandu immedjatament jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà u l-president tal-Grupp ta' Tmexxija bl-azzjonijiet meħuda u r-raġunijiet għalihom.

Mingħajr preġudizzju għas-sezzjoni 4(3)(a), il-Membri tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni u għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà għandhom jiddeċiedu b'mod konġunt:

(a)

Li jżidu l-livell ta' sigurtà għall-Istati ta' Twissija “ISFAR”, “ORANĠJO” jew “AĦMAR”, li jnaqqsu l-Istat ta' Twissija jew imorru lura għall-Miżuri Standard ta' Sigurtà “ABJAD”.

(b)

Liema miżura speċifika ta' l-Istati ta' Twissija għandha tiġi implimentata fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta' sigurtà. Fit-teħid ta' dawn id-deċiżjonijiet, għandhom iqisu l-parir tad-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

F'sitwazzjonijiet ta' urġenza estrema fejn is-sitwazzjoni ta' sigurtà teħtieġ bidla immedjata għall-Istat ta' Twissija, il-Kap tal-missjoni tal-Kummissjoni jew tad-Delegazzjoni KE għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-paragrafu 2. Huwa għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni li għandu immedjatament jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà u l-president tal-Grupp ta' Tmexxija bl-azzjonijiet meħuda u r-raġunijiet għalihom.

Sezzjoni 4

1.   Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentanzi Reġjonali u l-Missjonijiet ta' l-UE fl-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fl-Istati Membri

(a)

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jipprepara linji gwida, li għandhom jiġu segwiti mir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanzi Reġjonali. Dawn il-linji gwida għandhom jiġu żviluppati mad-DG COMM u d-DG RELEX rispettivament u għandhom iqisu kull evalwazzjoni ta' theddida magħmula mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Id-DG COMM u d-DG RELEX rispettaviment għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni, l-operat u l-infurzar tal-miżuri rilevanti ta' sigurtà.

(b)

Jekk il-Kap ta' Rappreżentanza tal-Kummissjoni jew Rappreżentanza Reġjonali fl-Istati Membri jikkunsidra li hija meħtieġa bidla fl-Istat ta' Twissija, għandu jissottometti talba lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, b'kopja lid-DG COMM jew lid-DG RELEX rispettivament, li għandhom janalizzaw is-sitwazzjoni u jibagħtu t-talba lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà għall-konsiderazzjoni.

(ċ)

F'sitwazzjonijiet ta' emerġenza estrema, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni jew ir-Rappreżentanza Reġjonali fl-Istati Membri jista' jieħu kull deċiżjoni meqjusa meħtieġa biex jipproteġi l-istaff u l-assi mit-theddida. Kull użu ta' dawn il-poteri għandu jiġu immedjatament irrappurtat lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, b'kopja lid-DG COMM u d-DG RELEX rispettivament, li għandhom jirrappurtaw lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà għall-evalwazzjoni u, fejn xieraq, għall-approvazzjoni, emendar jew revoka. Il-president tal-Grupp ta' Tmexxija għandu jiġi infurmat fl-istess ħin mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà.

2.   Iċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta

(a)

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jipprepara linji gwida, li għandhom jiġu segwiti fiċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni. Dawn il-linji gwida għandhom jiġu żviluppati maċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta u għandhom iqisu kull evalwazzjoni ta' theddida magħmula mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Iċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunt għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni, l-operat u l-infurzar tal-miżuri rilevanti ta' sigurtà.

(b)

Jekk il-Kap taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunt tal-Kummissjoni jikkunsidra li hija meħtieġa bidla fl-Istat ta' Twissija, għandu jissottometti talba lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni li janalizza s-sitwazzjoni u jibgħat it-talba lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà għall-konsiderazzjoni.

(ċ)

F'sitwazzjonijiet ta' emerġenza estrema, il-Kap taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jista' jieħu kull deċiżjoni li jqis meħtieġa biex jipproteġi l-istaff u l-assi mit-theddida. Kull użu ta' dawn il-poteri għandu jiġi immedjatament irrappurtat lil-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà, għall-evalwazzjoni, u fejn huwa xieraq għall-approvazzjoni, emendar jew revoka. Il-president tal-Grupp ta' Tmexxija għandu jiġi infurmat fl-istess ħin mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà.

3.   Id-Delegazzjonijiet KE tal-Kummissjoni u l-Missjonijiet f'Pajjiżi mhux ta' l-UE

(a)

F'pajjiżi mhux ta' l-UE, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni għandu jiddeċiedi b'mod konġunt mal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà dwar l-Istat ta' Twissija għal kull Delegazzjoni tal-KE.

(b)

F'sitwazzjonjiet ta' emerġenza estrema, jew fejn is-sitwazzjoni ma tippermettix konsultazzjoni, il-Kap tad-Delegazzjoni KE tal-Kummisjoni jista' jieħu kull deċiżjoni meqjusa meħtieġa biex jipproteġi l-istaff u l-assi mit-theddida, inkluz li jagħmel bidliet temportanji fl-Istat ta' Twissija. Kull użu ta' dawn il-poteri u kull bidla fl-Istat ta' Twissija, għandu, mingħajr dewmien, jiġi notifikat lill-Kap tad-Delegazzjoni KE lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni li għandu immedjatament jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà bl-azzjonijiet meħuda u r-raġunijiet għalihom. Il-president tal-Grupp ta' Tmexxija għandu jiġi infurmat fl-istess ħin mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà.

(ċ)

F'sitwazzjonijiet oħra ħlief dawk koperti mill-paragrafu preċedenti, jekk il-Kap tal-missjoni tal-Kummissjoni jew Delegazzjoni KE jikkunsidra li hija meħtieġa bidla fl-Istat ta' Twissija, għandha ssir talba lid-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni, li għandu jirraporta lid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. L-awtorizzazzjoni biex isir hekk għandha tingħata b'mod konġunt mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà.

Appendiċi 1

STATI TA' TWISSIJA TAS-SIGURTÀ FIL-KUMMISSJONI

Introduzzjoni

Stat ta' Twissija huwa sensiela ta' miżuri ta' sigurtà maħsub biex jipprovdi livell speċifiku ta' protezzjoni lill-istaff tal-Kummissjoni, l-informazzjoni, il-bini u assi oħra tal-Kummissjoni minn kull theddida u biex jassigura l-kapċità operattiva tiegħu. Dawn il-miżuri ta' sigurtà huma implimentati u jitwaqqfu b'mod ġenerali u selettiv, hekk kif jiżdied jew jonqos il-livell tat-theddida.

Stat ta' Twissija jeħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri dettaljati li għandhom jiġu implimentati mid-Direttorat tas-Sigurtà jew mill-Kap tad-Delegazzjoni kkonċernata mis-sitwazzjoni ta' kriżi skond in-natura tat-theddida. Sensiela ta' miżuri huma elenkati f'deċiżjoni separata.

Il-miżuri standard ta' sigurtà “ABJAD”

Il-Miżuri Standard ta' Sigurtà bil-kodiċi “ABJAD” jintużaw meta ma tiġi identifikata ebda theddida sinifikanti għas-sigurtà. Dawn il-Miżuri Standard ta' Sigurtà japplikaw fuq bażi ta' kuljum. Jindikaw sitwazzjoni normali ta' sigurtà u jipprovdu livell minimu aċċettabbli ta' sigurtà. Jiffurmaw il-bażi ta' miżuri ta' sigurtà applikati fil-bini tal-Kummissjoni.

L-istat ta' twissija “ISFAR”

L-Istat ta' Twissija “ISFAR” jidħol fis-seħħ meta jsir theddid jew jiġru ġrajjiet eċċezzjonali li jpoġġu fil-periklu l-integrità ta' l-istaff, l-informazzjoni, il-bini u assi oħra u li possibbilment jistgħu ikollhom effett ħażin fuq il-Kummissjoni Ewropea jew il-mod kif taħdem.

L-istat ta' twissija “ORANĠJO”

L-Istat ta' Twissija “ORANĠJO” jidħol fis-seħħ meta jsir theddid jew jiġru ġrajjiet eċċezzjonali li jpoġġu fil-periklu l-integrità ta' l-istaff, l-informazzjoni, il-bini u assi oħra u li huma immirati lejn il-Kummissjoni Ewropea jew il-mod kif taħdem, anki jekk ma jiġi identifikat ebda oġġett, mira jew ħin ta' l-attakk definit.

L-istat ta' twissija “AĦMAR”

L-Istat ta' Twissija “AĦMAR” jidħol fis-seħħ meta l-Kummissjoni Ewropea jew il-mod kif taħdem issir il-mira ta' theddid jew ġrajjiet eċċezzjonali li jpoġġu fil-periklu l-integrità ta' l-istaff, l-informazzjoni, il-bini u assi oħra. Dan it-theddid huwa ċar u definit u jista' jseħħ f'kull mument.

Appendiċi 2A

IL-MIŻURI STANDARD TA' SIGURTÀ LI JAPPLIKAW FIL-BINI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA LI JINSAB FL-ISTATI MEMBRI TA' L-UNJONI EWROPEA

Introduzzjoni

Il-Miżuri ta' Sigurtà Standard jiġu stabbiliti f'termini ġenerali u, meta japplikaw, ikunu akkumpanjati ma' struzzjonijiet dettaljati lis-servizzi li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-ħolqien ta' dawn l-istruzzjonijiet dettaljati, u s-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni tagħhom, għandu jsir mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

1.   Termini ta' applikazzjoni:

Dawn il-Miżuri Standard ta' Sigurtà japplikaw b'mod ġenerali. Jipprovdu livell ta' sigurtà skond is-sitwazzjoni fejn m'hemm l-ebda livell elevat ta' theddid. Din is-sitwazzjoni ser tkun identifikata bil-kodiċi tal-kulur “ABJAD”. Jiffurmaw il-bażi ta' miżuri ta' sigurtà applikati fil-bini tal-Kummissjoni.

2.   Komunikazzjonijiet barra l-Kummissjoni

a.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi u jżomm kuntatti ma' servizzi tal-pulizija lokali u federali fi Stati Membri b'mod partikolari fil-Belġju u l-Lussemburgu. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi punti ta' kuntatt għall-iskambju regolari ta' informazzjoni ta' interess reċiproku l-aktar fir-rigward tal-miżuri tas-sigurtà. Jekk u meta meħtieġ, għandhom jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni.

b.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi u jżomm kuntatti ma' servizzi tas-sigurtà ta' l-Istati Membri. Għandu jistabbilixxi skambju regolari ta' informazzjoni ta' interess reċiproku bejn il-punti ta' kuntatt. Jekk u meta meħtieġ, għandu jagħmel laqgħat ta' koordinazzjoni.

ċ.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi u jżomm kuntatti ma' servizzi tas-sigurtà ta' l-Istituzzjonijiet oħra tal-Komunità. Għandu jistabbilixxi skambju regolari ta' informazzjoni ta' interess reċiproku bejn il-punti ta' kuntatt. Jekk u meta meħtieġ, għandu jagħmel laqgħat ta' koordinazzjoni.

3.   Komunikazzjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jinforma lill-istaff kollu ġdid, inkluż l-istaff temporanju, l-esperti nazzjonali u l-aġenti kuntrattwali bil-Miżuri Standard ta' Sigurtà li japplikaw għall-bini tal-Kummissjoni. It-tkattir ta' l-għarfien għandu jenfasizza għall-inqas ir-responsabbiltà individwali ta' l-uffiċjali tal-Kummissjoni fl-oqsma li ġejjin: l-aċċess għall-bini tal-Kummissjoni, il-viżitaturi, ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-laqgħat, l-użu tas-sistema tal-posta, l-użu tal-posta elettronika, l-aspetti ta' sigurtà tal-komunikazzjonijiet bit-telefon u l-ġestjoni u l-użu ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

4.   Protezzjoni Fiżika/Kontroll ta' aċċess

4.1.   Prinċipji tal-kontroll ta' l-aċċess

a.

Dħul fil-bini tal-Kummissjoni għandu jkun strettament fuq bażi ta' “bżonn ta' aċċess”. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi l-prinċipji operattivi li permezz tagħhom l-aċċess għall-bini tal-Kummissjoni Ewropea jew partijiet minnu għandu jiġi kkontrollat.

b.

Il-persuni kollha li jidħlu f'bini tal-Kummissjoni għandhom ikollhom pass ta' aċċess validu rikonoxxut mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Il-persuni kollha li jidħlu f'bini tal-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jirrispettaw l-istruzzjonijiet kollha ta' sigurtà mogħtija mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jew minn membru tas-servizz tal-gwardja.

ċ.

Il-pass ta' aċċess validu għandu jkun muri f'kull ħin mill-persuni kollha ġewwa l-bini tal-Kummissjoni.

d.

L-iskeda għall-aċċess fil-bini tal-Kummissjoni mill-kategoriji differenti ta' impjegati għandha tiġi stabbilita b'kooperazzjoni mad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

e.

Barra mill-iskeda li saret referenza għaliha hawn fuq, u inklużi tmiem il-ġimgħa u l-vaganzi, persuni li għandhom kard ta' servizz tal-Kummissjoni għandhom iniżżlu isimhom fir-reġistru pprovdut fir-reception tal-bini. Kull impjegat ieħor għandu juri, barra milli jniżżel l-identifikazzjoni tiegħu fir-reġistru, awtorizzazzjoni valida li tippermetti l-aċċess f'bini tal-Kummissjoni. Din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni wara talba mis-servizz responsabbli u għandha tiġi trażmessa skond il-proċeduri eżistenti lir-reception ikkonċernata.

4.2.   Passes ta' aċċess validi

a.

Kards tas-servizz għandhom jinħarġu lill-Kummissarji u lill-istaff tal-Kummissjoni jiġifieri persuni koperti mir-Regolamenti ta' l-Istaff jew bil-Kundizzjonijiet ta' impjieg ta' ħaddiema tal-Komunitajiet Ewropej u esperti nazzjonali ssekondati u fejn meqjus neċessarju anki lill-istaff ta' istituzzjonijiet oħra, aġenziji u korpi oħra li jinsabu fil-bini tal-Kummissjoni. Kards tas-servizz minn istituzzjonijiet oħra ta' l-UE għandhom jiġu aċċettati fuq il-bażi ta' ftehim ma' l-istituzzjoni kkonċernata.

b.

Kards ta' aċċess għandhom jinħarġu lill-impjegati l-oħra kollha li għandhom bżonn aċċess għall-bini tal-Kummissjoni biex jaqdu l-obbligi kuntrattwali mas-servizzi tal-Kummissjoni. Kards għall-impjegati b'kuntratt limitat fiż-żmien m'għandhomx jestendu lil hinn minn dan il-limitu ta' żmien jekk mhux awtorizzati mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Il-perjodu ta' validità ta' kard ta' aċċess għal persuni bħal dawn m'għandu qatt jestendi lil hinn mit-tmiem tas-sena kurrenti. Fejn Membru tal-Parlament Ewropew jixtieq jidħol f'bini tal-Kummissjoni, jista' jagħmel dan billi jippreżenta l-kard ta' aċċess tiegħu maħruġa mill-Parlament Ewropew lill-gwardja tas-sigurtà li jkun xogħol, mingħajr ħtieġa li jgħaddi mill-kontroll addizzjonali ta' sigurtà meħtieġa għall-viżitaturi esterni.

ċ.

Passes Laissez-passer għandhom jinħarġu mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għal raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-aċċess f'bini tal-Kummissjoni.

d.

Passes għall-membri ta' l-istampa: It-talba għall-akkreditazzjoni mill-ġurnalisti hija pproċessata mid-DG COMM, b'kooperazzjoni mal-Kunsill u s-servizzi nazzjonali. Jekk talba għall-akkreditazzjoni tiġi approvata, id-DG COMM jitlob lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni biex joħroġ pass.

e.

Passes ta' aċċess għall-viżitaturi jew passes ta aċċess għall-viżitaturi mill-kuntrattur għandhom jinħarġu temporanjament lill-viżitaturi fil-punt tar-reception tal-bini tal-Kummissjoni wara verifika ta' identifikazzjoni bona fide.

f.

Dawk biss li għandhom kard ta' servizz jistgħu jistiednu viżitaturi f'bini tal-Kummissjoni. Fejn id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli minn dawk li għandhom passes oħra validi ta' aċċess jixtieq jistieden viżitaturi, jista' jagħmel talba bil-motivazzjoni lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

g.

Membri tal-familja ta' uffiċjali tal-Kummissjoni li jitolbu aċċess fiż-żoni amministrattivi għandhom jiġu ttratati bħala viżitaturi.

h.

Il-kards tas-servizz u l-passes ta' aċċess kollha jibqgħu proprjetà tal-Kummissjoni u għandhom jingħataw lura meta mitluba lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni li talbu lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għall-ħruġ ta' passes ta' aċċess validi għandhom jassiguraw li l-pass jintradd lura lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jew fi tmiem il-kuntratt jew jekk il-bażi li fuqha nħareġ il-pass m'għadhiex aktar valida.

4.3.   Tip ta' viżitaturi fil-bini tal-Kummissjoni

a.

Viżitaturi individwali fiż-żoni amministrattivi tal-Kummissjoni għandhom jiġu akkumpanjati minn persuna li għandha kard tas-servizz tal-Kummissjoni. Żoni amministrattivi huma dawk il-partijiet tal-bini tal-Kummissjoni li m'humiex ta' interess ġenerali u jikkonċernaw it-tħaddim tal-Kummissjoni. Il-viżitaturi għandhom jiġu milqugħa fiż-żona ta' reception u, fi tmiem iż-żjara, għandhom jiġu akkumpanjati lura f'din iż-żona. Viżitaturi individwali m'għandhomx jitħallew jiċċaqilqu mingħajr ma jkunu akkumpanjati fi ħdan bini tal-Kummissjoni.

b.

Viżitaturi li jieħdu sehem f'laqgħat u avvenimenti. Id-Direttorat ġenerali, il-kabinett jew servizz responsabbli għall-laqgħat u avvenimenti għandu jistabbilixxi fiż-żona ta' reception fejn ser isir l-avveniment il-mezzi neċessarji għall-ħruġ ta' badges għall-viżitaturi parteċipanti Dawn għandhom ikunu viżibilment murija mill-parteċipant matul il-preżenza tiegħu fil-bini tal-Kummssjoni fejn qed isir l-avveniment.

ċ.

Viżitaturi ta kuntrattur għandhom jingħataw aċċess biss għal raġuni speċifikata u jirċievu pass temporanju wara verifika ta' identifikazzjoni bona fide. Il-proċeduri li jirregolaw l-aċċess u r-reġistrazzjoni tal-viżitaturi għandhom jiġu osservati qabel ma jsir kull aċċess għall-bini tal-Kummissjoni.

d.

Kontroll fuq l-aċċess għandu jsir kull ħin, anki f'każ ta' evakwazzjoni tal-bini jew f'sitwazzjoni ta' emerġenza.

e.

Is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandu jagħti avviż bil-quddiem ta' kull eżerċizzju ta' evakwazzjoni lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni biex jiġi assigurat kontroll ta' aċċess matul u wara l-eżerċizzju.

f.

Kuntratturi li qed iwasslu kunsinna f'bini tal-Kummissjoni għandhom jippreżentaw manifest tal-merkanzija bir-raġuni tal-kunsinna. Kull ksur ta' din il-proċedura għandu jiġi immedjatament notifikat lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

g.

Jekk persuna ma titħalliex tidħol f'bini jew iktar minn bini wieħed tal-Kummissjoni, din l-informazzjoni għandha tintbagħat lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni li għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji.

h.

Viżitaturi f'bini tal-Kummissjoni u l-oġġetti personali tagħhom jistgħu jgħaddu minn kontrolli tekniċi bħal m'huma tfittxijiet u spezzjonijiet tal-bagalji.

4.4.   Żjarat tal-VIP

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti ta' sigurtà kollha li jsiru f'bini tal-Kummissjoni jew f'żoni assoċjati. Dawn għandhom jinkludu żjarat minn VIPs li ż-żjara tagħhom fil-Kummissjoni teħtieġ li jsiru arranġamenti addizzjonali ta' sigurtà. Is-servizz tal-Kummissjoni li jorganizza ż-żjara għandu jinnotifika lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni bid-dettalji kollha neċessarji hekk kif isiru magħrufa. Is-servizz ikkonċernat għandu jżomm lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni infurmat b'kull żvilupp ġdid jew tibdil fil-programm notifikat.

4.5.   Aċċess ristrett għal bini tal-Kummissjoni

a.

Servizzi tal-pulizija tal-pajjiż ospitanti m'għandhomx dritt ta' aċċess għal bini tal-Kummissjoni skond il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 19 tiegħu, ħlief għal talba u awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kummissjoni. Jekk jingħata l-aċċess, impjegati tal-Kummissjoni għandhom jassistu lill-pulizija jekk u meta meħtieġ.

b.

Talbiet dettaljati ta' aċċess għall-pajjiżi ospitanti jistgħu jiġu stipulati fi ftehimiet speċifiċi.

ċ.

Persuni armati m'ghandhomx jidħlu jew jiċċaqilqu f'bini tal-Kummissjoni ħlief permezz ta' awtorizzazzjoni preċedenti bil-miktub mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

d.

Ma jitħallewx annimali f'bini tal-Kummissjoni ħlief għal klieb li jintużaw għall-kontrolli tal-bini tal-Kummissjoni mitluba mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, klieb ta' l-għassa li jintużaw għas-sigurtà tal-bini tal-Kummissjoni u klieb li jiggwidaw lill-għomja u lit-torox.

e.

Ħlief għall-ħtiġijiet tas-servizz, l-ebda fotografija, iffilmjar jew rekordjar fil-format awdjo ma jitħalla jsir f'bini tal-Kummissjoni mingħajr kunsens minn qabel tas-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għall-Komunikazzjoni u d-Direttorat tas-Sigurtà.

4.6.   Aċċess għall-garaxxijiet u ż-żoni ta' parkeġġ

a.

Dawk is-sewwieqa biss li għandhom pass validu ta' aċċess għall-vettura u kard tas-servizz valida, kard ta' aċċess jew laisseż-passer jistgħu idaħħlu karozza fil-garaxxijiet jew żoni ta' parkeġġ tal-Kummissjoni. Il-passiġġieri l-oħra kollha fil-karozza għandhom ikollhom pass ta' aċċess validu għall-bini tal-Kummissjoni. Kards tas-servizz u aċċess għandhom jintwerew fuq talba tal-gwardja li tkun xogħol jew lill-impjegati tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

b.

Il-vetturi kollha li jagħmlu talba għall-aċċess fil-garaxxijiet u ż-żoni ta' parkeġġ tal-Kummissjoni, ħlief għall-vetturi tas-servizz tal-Kummissjoni li għandhom marka apposta, għandhom ikollhom pass ta' aċċess validu għall-vettura li jidher b'mod ċar f'kull ħin fil-garaxx jew fiż-żona ta' parkeġġ

ċ.

Uffiċjal tal-Kummissjoni li jitlob aċċess għall-vettura għandu jingħata pass wieħed biss ta' aċċess għall-vettura. Dan il-pass għandu jingħata lura mill-uffiċjal biex jinħareġ ieħor ġdid. Ebda pass ġdid m'għandu jinħareġ jekk ma jingħatax lura il-qadim. Jekk pass jinsteraq jew jintilef, trid issir stqarrija formali lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

d.

Barra mill-ħinijiet ta' l-uffiċċju, il-vetturi jistgħu jitħallew fil-garaxx tal-Kummissjoni jew iż-żona ta' parkeġġ fejn l-uffiċjal tal-Kummissjoni ikkonċernat qed jaqdi l-funzjoni tiegħu. Barra minn hekk, dan jeħtieġ ftehim minn qabel mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

e.

Aċċess għall-garaxxijiet jew żoni ta' parkeġġ tal-Kummissjoni jista' jiġi rifjutat minħabba raġunijiet ta' sigurtà mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jiġġustifikaw li jsir hekk.

f.

Miżuri urġenti u speċifiċi jistgħu jittieħdu dwar sigurtà jew ħarsien rigward il-vetturi kollha pparkjati fil-garaxxijiet, fiż-żoni ta' parkeġġ jew fiż-żona ta' madwar il-bini tal-Kummissjoni.

4.7.   Twassil ta' posta u pakketti

a.

Kull posta kollha esterna li dieħla inklużi l-pakketti għandhom jgħaddu miċ-ċentru rilevanti li jirċievi l-posta tal-Kummissjoni. Jekk u meta meħtieġ, posta mhux tas-soltu u/jew suspettuża għandhom isirulha iktar kontrolli ta' sigurtà.

b.

Ħlief għall-każijiet notifikati lil, u approvati minn, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, ebda oġġett postali estern li jitwassal bl-idejn m'għandu jiġi ppreżentat direttament f'bini tal-Kummissjoni.

4.8.   Oġġetti ta' valur

Staff tal-Kummissjoni responsabbli għall-proprjetà tal-Kummissjoni għandu jieħu l-prekawzjonijiet xierqa kollha biex jassigura l-użu u l-hażna tajba ta' din il-proprjetà u biex tiġi evitata ħsara, telfien jew aċċess mhux awtorizzat.

4.9.   Sigurtà madwar bini tal-Kummissjoni

a.

Kull persuna li taħdem f'bini tal-Kummissjoni għandha tirrapporta lid-Direttorat tas-Sigurtà każijiet ta' persuni li qed jippruvaw jidħlu b'mod klandestin f'bini tal-Kummissjoni. Għandhom immedjatament jirrappurtaw kull vettura jew oġġett suspettuż misjub ħdejn il-bini tal-Kummissjoni lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

b.

Qabel il-ħruġ mill-bini tal-Kummissjoni bil-lejl, qabel tmiem il-ġimgħa u l-vaganzi, għandhom isiru sforzi partikolari mill-persuni kollha li jaħdmu fil-bini tal-Kummissjoni biex jiċċekkjaw li t-twieqi huma magħluqa u, fejn japplika, il-bibien magħluqa u d-dwal mitfija.

ċ.

Meta d-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jirċievi informazzjoni dwar xi ġrajja b'implikazzjoni potenzjali ta' sigurtà jew inċidenti li jseħħu barra jew viċin bini tal-Kummissjoni għandu immedjatament jieħu l-miżuri ta' sigurtà neċessarji biex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat minn persuni jew vetturi. Jekk meħtieġ, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jikkuntattja s-servizzi ta' sigurtà jew emerġenza tal-pajjiż ospitanti.

4.10.   Sigurtà fil-bini tal-Kummissjoni

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jiddefinixxi l-istandards ta' sigurtà li għandhom jiġu rispettati mill-persuni kollha fil-postijiet kollha tal-Kummissjoni.

4.11.   Azzjonijiet li għandhom jittieħdu mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni fil-każ ta' inċidenti ta' sigurtà

a.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jinkorpora s-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u iġjene fuq ix-xogħol.

b.

Il-hotline intern ta' emerġenza jitmexxa mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Jekk meħtieġ, id-dipartiment tat-tifi tan-nar tal-pajjiż ospitanti u/jew is-servizzi mediċi ta' emerġenza għandhom jiġu avżati, wara l-istruzzjonijiet ta' emerġenza fis-seħħ.

ċ.

Meta d-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jiġi infurmat b'inċident ta' sigurtà bħal xi ġrajja medika serja, nar, ħruġ tal-gass, qtugh ta' l-elettriku, għargħar jew problemi strutturali gravi f'bini tal-Kummissjoni, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu javża lill-impjegati tas-servizzi li jokkupaw il-bini, kif ukoll is-servizz tekniku.

d.

Jekk meħtieġ, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni huwa responsabbli li jieħu miżuri xierqa għall-evakwazzjoni ta' persuni preżenti fil-bini tal-Kummissjoni.

e.

Jekk jinqala' inċident li jinvolvi korriment personali serju, xi membru ta' l-istaff għandu jċempel lis-servizzi mediċi ta' emerġenza tal-pajjiż ospitanti. Il-persuna li ċċempel lis-servizzi ta' emerġenza għandha immedjatament tinforma lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jassigura li tittieħed azzjoni xierqa biex il-bini tal-Kummissjoni ma jitħalliex mingħajr sorveljanza.

4.12.   Azzjoni li għandha tittieħed f'każ ta' dimostrazzjoni barra l-Bini tal-Kummissjoni

a.

Fil-każ ta' dimostrazzjoni eżatt barra l-bini tal-Kummissjoni, l-istaff fiż-żoni tar-reception u l-garaxx għandu jinforma lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, li għandu jieħu l-miżuri protettivi u joħroġ ordnijiet dwar is-sigurtà tal-bini.

b.

Fejn hemm indikazzjonijiet li aktarx isir attakk fuq il-bini tal-Kummissjoni, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jagħti ordnijiet speċifiċi lis-servizzi kollha kkonċernati u lill-istaff tal-Kummissjoni. Skond in-natura tat-theddida, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jieħu kull miżura meħtieġa biex jindirizza l-problema u jimplimenta l-miżuri stipulati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' sistema ta' Stati ta' Twissija ta' sigurtà.

4.13.   Ksur ta' integrità tal-bini tal-Kummissjoni

a.

Il-persuni kollha awtorizzati li jridu jkunu preżenti fil-bini tal-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jilbsu kard tas-servizz viżibbli jew pass ta' aċċess validu. Il-persuni kollha mingħajr kard tas-servizz jew pass ta' aċċess validu jistgħu jkollhom iħallu l-bini tal-Kummissjoni immedjatament fuq talba ta' l-istaff inkarigat mill-kontroll ta' aċċess jew ta' uffiċjal li jiġi identifikat mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

b.

Fejn persuni qed jippruvaw jiksbu aċċess kontra l-liġi fil-bini tal-Kummissjoni, uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom l-ewwel jieħdu ħsieb li jagħlqu l-uffiċċji, kaxxaforti u serraturi, sakemm il-protezzjoni fiżika tagħhom m'hijiex f'riskju. Għandhom jirrappurtaw immedjatament l-inċident lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Fejn id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jirċievi informazzjoni dwar dawn l-inċidenti għandu joħroġ struzzjonijiet dwar l-azzjoni li trid tittieħed u s-servizzi adegwati jiġu avżati.

ċ.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jieħu kull miżura meħtieġa biex jindirizza l-problema u jimplimenta l-miżuri stipulati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' sistema ta' Stati ta' Twissija ta' sigurtà.

4.14.   Preżenza ta' persuni suspettużi fil-bini tal-Kummissjoni

a.

Biex tinżamm protezzjoni ta' sigurtà aċċettabbli għall-persuni li jaħdmu fil-bini tal-Kummissjoni u għall-proprjetà tal-Kummissjoni, il-membri kollha ta' l-istaff tal-Kummissjoni għandhom jirrappurtaw kull persuna b'imġieba stramba jew suspettuża. L-istaff tal-Kummissjoni għandu d-dmir li jirrapporta dawn il-persuni lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

b.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu immedjatament jiġi infurmat b'kull persuna suspettuża jew mhux awtorizzata fil-bini tal-Kummissjoni. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu f'kull ħin, u mingħajr dewmien, joħroġ struzzjonijiet dwar l-azzjoni li trid tittieħed u s-servizzi adegwati jiġu avżati.

4.15.   Theddida ta' bomba

a.

Jekk persuna li taħdem fil-bini tal-Kummissjoni tirċievi theddida ta' bomba, dik il-persuna għandha immedjatament tinforma lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jipprova jikseb l-informazzjoni kollha possibbli mill-persuna li ċċempel jew mill-messaġġ li jirċievi.

b.

Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jagħti struzzjonijiet dwar l-azzjoni li trid tittieħed u s-servizzi adegwati li għandhom jiġu avżati f'kull ħin tal-ġurnata u l-lejl inkluża l-evakwazzjoni fejn xierqa.

4.16.   Sejba ta' pakkett suspettuż jew oġġett ieħor

a.

Kull uffiċjal jew membru ta' l-istaff xogħol fil-Kummissjoni għandu immedjatament jinforma lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni bis-sejba ta' pakkett suspettuż jew oġġett ieħor. Fejn jinstab pakkett jew oġġett ieħor suspettuż, għandu jitwaqqaf perimetru ta' sigurtà madwaru, jew mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jew mis-servizz lokali tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Ebda persuna m'għandha tmiss jew tbagħbas il-pakkett suspettuż jew oġġett ieħor. L-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni mingħajr fili għandu jkun ipprojbit fil-viċinanzi tal-post ta' l-inċident. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jopera f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizz lokali tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol fl-interventi deskritti hawn fuq.

b.

Wara li ssir evalwazzjoni tat-theddida u ċ-ċirkostanzi, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jikkuntattja lis-servizz lokali tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet ma' servizzi oħra tal-Kummissjoni u tal-pajjiż ospitanti.

4.17.   Kisba ta' provi

Fil-każ ta' mġiba ħażina jew xi offiża fi ħdan il-bini tal-Kummissjoni, xhieda tal-ġrajjiet għandhom jikkuntattjaw lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni li għandu jieħu l-miżuri xierqa. Ix-xhieda m'għandhomx ibagħbsu mal-provi.

Appendiċi 2B

MIŻURI STANDARD TA' SIGURTÀ LI JAPPLIKAW FIL-BINI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA LI JINSAB F'PAJJIŻI OĦRA BARRA DAWK INKLUŻI F'APPENDIĊI 2A.

Introduzzjoni

Barra l-Unjoni Ewropea, il-Miżuri Standard ta' Sigurtà u l-istruzzjonijiet dettaljati tagħhom huma implimentati taħt l-awtorità tal-Kap tad-Delegazzjoni KE tal-Kummissjoni Ewropea. Id-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni iżomm lid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni infurmat f'kull ħin.

Meta Delegazzjoni KE hija ospitata fiż-żona diplomatika ta' Stat Membru jew organizzazzjoni Internazzjonali, ir-regoli ta' sigurtà mill-anqas ekwivalenti għal dawk fid-Deċiżjoni preżenti huma stipulati fil-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kummisjoni Ewropea u l-Istat Membru, pajjiż ospitanti jew organizzazzjoni.

1.   Termini ta' applikazzjoni:

Dawn il-Miżuri Standard ta' Sigurtà japplikaw b'mod ġenerali. Jipprovdu livell ta' sigurtà skond is-sitwazzjoni fejn m'hemm ebda livell elevat ta' theddid. Din is-sitwazzjoni ser tkun identifikata bil-kodiċi tal-kulur “ABJAD”. Jiffurmaw il-bażi ta' miżuri ta' sigurtà applikati fil-bini tal-Kummissjoni.

Jekk meħtieġ, dawn il-miżuri Standard ta' Sigurtà għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet lokali speċifiċi.

2.   Komunikazzjonijiet barra d-Delegazzjoni KE

a.

Il-Kap tad-Delegazzjoni KE għandu fuq bażi regolari u jekk possibbli jistabbilixxi u jżomm il-kuntatti fil-qasam tas-sigurtà ma' l-awtoritajiet xierqa tal-pajjiż ospitanti. Jekk u meta meħtieġ, għandhom jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni.

b.

Il-Kap tad-Delegazzjoni KE għandu jistabbilixxi punti ta' kuntatt ma' l-ambaxxati ta' l-Istati Membri l-oħra għall-iskambju regolari ta' informazzjoni ta' interess reċiproku speċjalment rigward miżuri ta' sigurtà. Jekk u meta meħtieġ, għandhom jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni.

ċ.

Meta meħtieġ, kuntatti bħal dawn jistgħu ukoll jiġu stabbiliti ma' Organizzazzjonijiet Internazzjonali fuq il-post.

3.   Komunikazzjonijiet fi ħdan id-Delegazzjoni KE

Il-Kap tad-Delegazzjoni KE għandu jgħarraf lill-istaff il-ġdid kollu, inkluż l-istaff temporanju, esperti nazzjonali sekondati u aġenti kuntrattwali bil-Miżuri Standard ta' Sigurtà li japplikaw għalbini tad-Delegazzjoni KE. It-tkattir tat-taħriġ għandu jenfasizza għall-inqas ir-responsabbiltà individwali ta' l-uffiċjali tal-Kummissjoni fl-oqsma li ġejjin: l-aċċess għall-bini tal-Kummissjoni, il-viżitaturi, ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-laqgħat, l-użu tas-sistema tal-posta, l-użu tal-posta elettronika, l-aspetti ta' sigurtà tal-komunikazzjonijiet bit-telefon u l-ġestjoni u l-użu ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

4.   Protezzjoni Fiżika/Kontroll ta' aċċess

4.1.   Prinċipji tal-kontroll ta' l-aċċess

a.

Dħul fil-bini tal-Kummissjoni għandu jkun strettament fuq bażi ta' “bżonn ta' aċċess”. Il-Kap tad-Delegazzjoni KE, b'kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali tas-Servizz Estern għandu jistabbilixxi l-prinċipji operattivi li permezz tagħhom l-aċċess għall-bini tad-Delegazzjoni KE għandu jiġi kkontrollat.

b.

Il-persuni kollha li jidħlu f'bini tad-Delegazzjoni KE għandhom ikollhom pass ta' aċċess validu tal-Kummissjoni maħruġ mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jew pass ta' aċċess validu maħruġ mill-Kap tad-Delegazzjoni KE skond in-normi u l-istandards li jridu jiġu stabbiliti mid-Direttorat tas-Sigurtà. Il-persuni kollha li jidħlu f'bini tal-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jirrispettaw kull struzzjoni ta' sigurtà mogħtija mill-Kap tad-Delegazzjoni KE.

ċ.

Il-pass ta' aċċess validu għandu jkun f'kull ħin muri mill-persuni kollha ġewwa l-bini tad-Delegazzjoni KE.

4.2.   Passes ta' aċċess validi

a.

Kards tas-Servizz għandhom jinħarġu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jiġifieri, persuni koperti mir-Regolamenti ta' l-Istaff ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew bil-Kundizzjonijiet ta' impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej u esperti nazzjonali ssekondati u fejn meqjus neċessarju anki lill-istaff ta' istituzzjonijiet oħra, aġenziji u korpi oħra li jinsabu fil-bini tad-Delegazzjoni KE.

b.

Kards ta' aċċess għandhom jinħarġu lill-istaff l-ieħor kollu li għandu bżonn aċċess fil-bini tad-Delegazzjoni KE biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali mas-servizzi tal-Kummissjoni. Kards għall-istaff b'kuntratt limitat fiż-żmien m'għandhomx jestendu lil hinn minn dan il-limitu ta' żmien. Il-perjodu ta' validità ta' kard ta' aċċess m'għandu qatt jestendi lil hinn mit-tmiem tas-sena kurrenti.

ċ.

Passes laissez-passer għandhom jinħarġu mill-Kap tad-Delegazzjoni KE għal raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw aċċess f'bini tad-Delegazzjoni KE.

d.

Passes ta' aċċess għall-viżitaturi jew passes ta aċċess għall-viżitaturi mill-kuntrattur għandhom jinħarġu temporanjament lill-viżitaturi fil-punt tar-reception tal-bini tad-Delegazzjoni KE wara verifika ta' identifikazzjoni bona fide.

e.

Membri tal-familja ta' uffiċjali tad-Delegazzjoni KE li jitolbu aċċess fiż-żoni amministrattivi għandhom jiġu ttrattati bħala viżitaturi.

f.

Dawk biss li għandhom kard ta' servizz jistgħu jistiednu viżitaturi f'bini tad-Delegazzjoni KE.

g.

Il-kards tas-servizz u l-passes ta' aċċess kollha jibqgħu proprjetà tal-Kummissjoni u għandhom jingħataw lura meta mitluba lill-Kap tad-Delegazzjoni KE. Is-servizzi li joħorġu l-passes ta' aċċess validi għandhom jassiguraw li l-pass jiġi ritornat lura jew fi tmiem il-kuntratt jew jekk il-bażi li fuqu l-pass inħareġ m'għadux iktar validu.

4.3.   Tip ta' viżitaturi fil-bini tal-Kummissjoni

a.

Viżitaturi individwali fiż-żoni amministrattivi tad-Delegazzjoni KE għandhom jiġu akkumpanjati minn persuna li għandha kard tas-servizz tal-Kummissjoni. Żoni amministrattivi huma dawk il-partijiet tal-bini tad-Delegazzjoni KE li m'humiex ta' interess ġenerali u jikkonċernaw it-tħaddim tal-Kummissjoni. Il-viżitaturi għandhom jiġu milqugħa fiż-żona ta' reception u, fi tmiem iż-żjara, għandhom jiġu akkumpanjati lura f'din iż-żona. Viżitaturi individwali m'għandhomx jitħallew jiċċaqilqu mingħajr ma jkunu akkumpanjati fi ħdan il-bini tad-Delegazzjoi KE.

b.

Għall-viżitaturi li jieħdu sehem f'laqgħat u avvenimenti soċjali, il-Kap tad-Delegazzjoni KE għandu jistabbilixxi fiż-żona ta' reception fejn l-avveniment ser isir il-mezzi neċessarji għall-ħruġ tal-badges ta' viżitaturi parteċipanti tal-laqgħa u l-avvenimenti speċifiċi. Dawn għandhom ikunu viżibilment murija mill-parteċipant matul il-preżenza tiegħu fil-bini tad-Delegazzjoni KE fejn qed isir l-avveniment.

ċ.

Viżitaturi ta kuntrattur għandhom jingħataw aċċess biss għal raġuni speċifikata u jirċievu pass temporanju wara verifika ta' identifikazzjoni bona fide. Il-proċeduri li jirregolaw l-aċċess u r-reġistrazzjoni tal-viżitaturi għandhom jiġu osservati qabel ma jsir kull aċċess għall-bini tad-Delegazzjoni KE.

d.

Kontroll fuq l-aċċess għandu jsir kull ħin, anki, jekk possibbli, f'każ ta' evakwazzjoni tal-bini jew f'sitwazzjoni ta' emerġenza.

e.

Is-sigħat tal-ftuħ tad-Delegazzjoni KE huma ffissati mill-Kap tad-Delegazzjoni KE. Barra l-ħinijiet tal-ftuħ li saret referenza għalihom hawn fuq, u inklużi tmiem il-ġimgħa u l-vaganzi, persuni li għandhom kard tas-servizz tal-Kummissjoni u li jidħlu fid-Delegazzjoni KE, għandhom iniżżlu isimhom fir-reġistru pprovdut fir-reception tal-bini,

f.

Il-viżitaturi kollha għandhom ikunu reġistrati fir-reception tad-Delegazzjoni KE. Għandhom jipprovdu, barra milli jniżżlu l-identifikazzjoni tagħhom fir-reġistru, awtorizzazzjoni valida li tippermetti l-aċċess fid-Delegazzjoni KE.

g.

Kuntratturi li qed iwasslu kunsinna f'bini tad-Delegazzjoni KE għandhom jippreżentaw manifest tal-merkanzija bir-raġuni tal-kunsinna. Kull ksur ta' din il-proċedura għandu jiġi immedjatament notifikat lid-Direttorat Ġenerali tas-Servizz Estern.

h.

Viżitaturi f'bini tal-Kummissjoni u l-oġġetti personali tagħhom jistgħu jgħaddu minn kontrolli tekniċi bħal m'huma tfittxijiet u spezzjonijiet tal-bagalji.

4.4.   Żjarat tal-VIP

Il-Kap tad-Delegazzjoni KE għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti ta' sigurtà għaż-żjarat uffiċjali kollha li jsiru f'bini tad-Delegazzjoni KE jew f'żoni assoċjati.

4.5.   Aċċess ristrett għall-bini tad-Delegazzjoni KE

a.

Aċċess għall-bini tad-Delegazzjoni KE huwa rregolat minn:

il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar relazzjonijiet diplomatiċi u protokolli fakoltattivi magħmula fit-18 ta' April 1961,

it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet adotatti fuq il-bażi ta' Artikolu 218 tiegħu, u l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 19 tiegħu, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(1998) 2528/1 tat-12.08.1998 dwar il-ħatra ta' awtorità inkarigata mit-tneħħija ta' l-invjolabilità tal-postijiet tal-Kummissjoni, bini u arkivji,

il-ftehimiet ta' stabbiliment konklużi mill-Kummissjoni Ewropea mal-Pajjiżi Terzi.

b.

Kwistjonijiet dettaljati ta' aċċess għall-pajjiżi ospitanti għandhom jitniżżlu fi ftehimiet speċifiċi li jiddikjaraw li, sakemm il-Kap tad-Delegazzjoni KE ma jirrifjutax l-aċċess, is-servizzi ta' emerġenza tal-pajjiż ospitanti jistgħu jidħlu f'bini tad-Delegazzjoni KE f'każ ta' periklu immedjat għas-sigurtà jew is-saħħa ta' l-istaff li jeħtieġ intervent immedjat. Id-Direttur Ġenerali tad-Relazzjonijiet Esterni għandu jiġi immedjatament infurmat b'dawn l-interventi.

Servizzi tal-pulizija tal-pajjiż ospitanti m'għandhomx dritt ta' l-aċċess għall-bini tad-Delegazzjoni KE, ħlief fuq talba tal-Kap tad-Delegazzjoni KE. Jekk jingħata l-aċċess, impjegati tad-Delegazzjoni KE għandhom jassistu lill-pulizija jekk u meta meħtieġ.

ċ.

Persuni armati m'għandhomx jidħlu jew jiċċaqilqu f'bini tad-Delegazzjoni KE ħlief jekk mhux bi ftehim bil-miktub mal-Kap tad-Delegazzjoni KE.

d.

Ma jitħallewx annimali f'bini tad-Delegazzjoni KE ħlief għall-klieb li jintużaw għall-kontrolli fil-bini tad-Delegazzjoni KE, klieb ta' l-għassa li jintużaw għas-sigurtà u klieb li jiggwidaw lill-għomja u lit-torox.

e.

Ħlief għall-ħtiġijiet tas-servizz, l-ebda fotografija, iffilmjar jew rekordjar fil-format awdjo ma jitħalla jsir f'bini tad-Delegazzjoni KE mingħajr kunsens minn qabel tal-Kap tad-Deletgazzjoni KE.

4.6.   Aċċess għall-garaxxijiet u żoni ta' parkeġġ

a.

Dawk is-sewwieqa biss li għandhom pass validu ta' aċċess għall-vettura u kard tas-servizz valida, kard ta' aċċess jew laisseż-passer jistgħu idaħħlu karozza fil-garaxxijiet jew żoni ta' parkeġġ tad-Delegazzjoni KE. Il-passiġġieri l-oħra kollha fil-karozza għandhom ikollhom pass ta' aċċess validu għall-bini tad-Delegazzjoni KE. Kards ta' aċċess u servizz għandhom jintwerew meta mitluba.

b.

Il-vetturi kollha li jagħmlu talba għall-aċċess fil-garaxxijiet u ż-żoni ta' parkeġġ tad-Delegazzjoni KE, ħlief għall-vetturi tas-servizz tal-Kummissjoni li għandhom marka apposta, għandhom ikollhom pass ta' aċċess validu għall-vettura li jidher b'mod ċar mhux biss fid-dħul fil-bini imma anki matul iż-żjara fil-garaxx jew fiż-żona ta' parkeġġ

ċ.

Uffiċjal tal-Kummissjoni li jitlob aċċess għall-vettura għandu jingħata pass wieħed biss ta' aċċess għall-vettura. Dan il-pass għandu jingħata lura mill-uffiċjal biex jinħareġ ieħor ġdid. Ebda pass ġdid m'għandu jinħareġ jekk ma jingħatax lura il-qadim. Jekk il-pass jintilef jew jinsteraq, għandha ssir stqarrija formali lill-Kap tad-Delegazzjoni KE.

d.

Aċċess għall-garaxxijiet jew żoni ta' parkeġġ tad-Delegazzjoni KE jista' jiġi rifjutat għal raġunijiet ta' sigurtà mill-Kap tad-Delegazzjoni KE.

e.

Miżuri urġenti u speċifiċi jistgħu jittieħdu dwar sigurtà jew ħarsien rigward il-vetturi kollha pparkjati fil-garaxxijiet, fiż-żoni ta' parkeġġ jew fiż-żona ta' madwar il-bini tad-Delegazzjoni KE.

4.7.   Twassil ta' posta u pakketti

a.

Ħlief għall-posta diplomatika, il-posta esterna kollha li dieħla inklużi l-pakketti għandha, meta tkun mhux tas-soltu jew suspettuża, tgħaddi minn aktar kontrolli ta' sigurtà.

b.

Ħlief għall-każijiet notifikati lil, u approvati minn, il-Kap tad-Delegazzjoni KE, ebda oġġett postali estern li jitwassal bl-idejn m'għandu jiġi ppreżentat direttament f'bini tad-Delegazzjoni KE.

4.8.   Oġġetti ta' valur

Staff tad-Delegazzjoni KE responsabbli għall-proprjetà tal-Kummissjoni għandu jieħu l-prekawzjonijiet xierqa kollha biex jassigura l-użu u l-hażna tajba ta' din il-proprjetà u biex tiġi evitata ħsara, telfien jew aċċess mhux awtorizzat.

4.9.   Sigurtà madwar il-bini tad-Delegazzjoni KE

a.

Kull persuna li taħdem f'bini tad-Delegazzjoni KE għandha tirrapporta persuni li qed josservaw jew qed jippruvaw jidħlu b'mod klandestin fil-bini tad-Delegazzjoni KE. Għandhom jirrappurtaw kull vettura, oġġett jew persuna suspettuża li jinstabu biswit jew viċinbini tad-Delegazzjoni KE lill-Kap tad-Delegazzjoni KE.

b.

Qabel il-ħruġ mill-bini tad-Delegazzjoni bil-lejl, qabel tmiem il-ġimgħa u l-vaganzi, għandhom isiru sforzi partikolari mill-persuni kollha li jaħdmu fil-bini tad-Delegazzjoni KE biex jiċċekkjaw li t-twieqi huma magħluqa u, fejn japplika, il-bibien magħluqa u d-dwal mitfija.

ċ.

Meta d-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni jirċievi informazzjoni dwar xi avvenimenti b'implikazzjoni potenzjali ta' sigurtà jew inċidenti li jseħħu barra jew qrib bini tad-Delegazzjoni KE, għandu immedjatament jinforma lill-Kap tad-Delegazzjoni KE li għandu minnufih jieħu l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa biex jevita kull aċċess mhux awtorizzat minn persuni jew vetturi. Jekk hemm bżonn, għandu jikkuntattja lill-awtorità xierqa tal-pajjiż ospitanti.

4.10.   Sigurtà fi ħdan bini tad-Delegazzjoni KE

Il-Kap tad-Delegazzjoni KE għandu jiddefinixxi l-istandards li għandhom jiġu rrispettati fl-arranġamenti, ħidmiet u struzzjonijiet ta' sigurtà li japplikaw għall-persuni kollha fil-bini jew iż-żoni ta' madwar id-Delegazzjoni KE.

4.11.   Azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kap tad-Delegazzjoni KE fil-każ ta' inċidenti ta' sigurtà

a.

Jekk jiġi rrappurtat inċident li jinvolvi korriment personali serju, xi membru ta' l-istaff għandu jċempel lis-servizzi mediċi ta' emerġenza lokali.

b.

Għandha tittieħed azzjoni xierqa biex il-bini tad-Delegazzjoni KE ma jitħalliex mingħajr sorveljanza.

4.12.   Azzjoni li għandha tittieħed f'każ ta' dimostrazzjoni barra l-Bini tad-Delegazzjoni KE

a.

Fil-każ ta' dimostrazzjoni eżatt barra l-bini tad-Delegazzjoni tal-KE, l-istaff fiż-żoni tar-reception u l-garaxx għandu jinforma lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE, li għandu jieħu l-miżuri protettivi u joħroġ ordnijiet dwar is-sigurtà tal-bini.

b.

Fejn hemm indikazzjoni li attakk fuq il-bini tad-Delegazzjoni tal-KE huwa possibbli, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE għandu joħroġ ordnijiet speċifiċi lis-servizzi kollha kkonċernati u lill-istaff tad-Delegazzjoni tal-KE u jinforma immedjatament lid-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni, li jinforma lid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Skond in-natura tat-theddida, jittieħdu l-miżuri xierqa.

4.13.   Ksur ta' integrità tal-bini tad-Delegazzjoni tal-KE

a.

Il-persuni kollha awtorizzati li jridu jkunu preżenti fil-bini tad-Delegazzjoni tal-KE għandhom l-obbligu li jilbsu pass viżibbli ta' aċċess validu jew kard tas-servizz. Il-persuni kollha mingħajr pass ta' aċċess validu jew kard tas-servizz jistgħu jkollhom iħallu l-bini tad-Delegazzjoni tal-KE immedjatament fuq talba ta' l-istaff inkarigat mill-kontroll ta' aċċess jew ta' uffiċjal li jiġi identifikat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE.

b.

Fejn persuni qed jippruvaw jiksbu aċċess kontra l-liġi fil-bini tad-Delegazzjoni tal-KE, uffiċjali tal-KE għandhom l-ewwel jieħdu ħsieb li jagħlqu l-uffiċċji, kaxxaforti u serraturi, sakemm il-protezzjoni fiżika tagħhom m'hijiex f'riskju. Għandhom jinfurmaw immedjatament lid-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni u jitolbu struzzjonijiet dwar it-tip ta' azzjoni li għandhom jieħdu u s-servizzi xierqa li għandhom jiġu avżati.

ċ.

Id-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni għandu jieħu l-miżuri xierqa b'kooperazzjoni mad-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni biex isolvi l-problema. Huwa jista' jikkuntattja lill-awtoritajiet xierqa tal-pajjiż ospitanti biex jitlob l-għajnuna tagħhom inklużi l-qawwiet tal-pulizija.

4.14.   Preżenza ta' individwi suspettużi fil-bini tad-Delegazzjoni tal-KE

a.

Biex tinżamm protezzjoni ta' sigurtà aċċettabbli għall-persuni li jaħdmu fil-bini tad-Delegazzjoni tal-KE u għall-proprjetà tal-Kummissjoni, il-membri kollha tad-Delegazzjoni tal-KE għandhom jirrappurtaw kull persuna b'imġiba stramba jew suspettuża. L-istaff tad-Delegazzjoni tal-KE għandu d-dmir li jirrapporta dawn il-persuni lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE.

b.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE għandu jiġi immedjatament infurmat bl-intrużjonijiet kollha suspettużi jew mhux awtorizzati fil-bini tal-Kummissjoni. Id-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni għandu f'kull ħin, u mingħajr dewmien, joħroġ struzzjonijiet dwar l-azzjoni li trid tittieħed u jiġu avżati s-servizzi adegwati.

4.15.   Theddida ta' bomba

a.

Jekk persuna li taħdem fid-Delegazzjoni tal-KE tirċievi theddida ta' bomba, dik il-persuna għandha immedjatament tinforma lid-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni. Din il-persuna għandha tipprova tikseb l-informazzjoni kollha possibbli mill-persuna li ċċempel jew mill-messaġġ li tirċievi.

b.

Id-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni għandu jagħti struzzjonijiet dwar l-azzjoni li trid tittieħed u, mingħajr dewmien, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni li min-naħa tiegħu jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet tas-sigurtà.

ċ.

Fuq talba ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ospitanti (jiġifieri s-servizzi ta' l-emerġenza), il-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE jista' jiddeċiedi li jevakwa l-bini tad-Delegazzjoni tal-KE. Id-Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni għandu jiġi infurmat b'dan.

4.16.   Sejba ta' pakkett suspettuż jew oġġett ieħor

a.

Kull uffiċjal jew membru ta' l-istaff xogħol tad-Delegazzjoni tal-KE għandu immedjatament jinforma lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE bis-sejba ta' pakkett suspettuż jew oġġett ieħor. Meta jinstab pakkett suspettuż jew xi oġġett ieħor suspettuż, għandu jitwaqqaf perimetru xieraq ta' sigurtà madwaru. Ebda persuna m'għandha tmiss jew tbagħbas il-pakkett suspettuż jew oġġett ieħor. L-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni mingħajr fili għandu jkun ipprojbit fil-viċinanzi tal-post ta' l-inċident.

b.

Wara evalwazzjoni tat-theddida u taċ-ċirkostanzi, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet xierqa tal-pajjiż ospitanti.

4.17.   Kisba ta' provi

Fil-każ ta' mġiba ħażina jew xi offiża fi ħdan il-bini tad-Delegazzjoni tal-KE, xhieda tal-ġrajjiet għandhom jikkuntattjaw lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE li għandu jieħu l-miżuri xierqa. Ix-xhieda m'għandhomx ibagħbsu mal-provi.


Top