EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2379

Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/37/2022/REV/1

ĠU L 315, 7.12.2022, p. 1–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2379/oj

7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/1


REGOLAMENT (UE) 2022/2379 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Novembru 2022

dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Hija meħtieġa bażi ta’ għarfien statistiku trasparenti, komprensiva u affidabbli għat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni ta’ politiki tal-Unjoni relatati mal-agrikoltura, b’mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni (“PAK”), inkluż miżuri tal-iżvilupp rurali, kif ukoll politiki tal-Unjoni relatati, fost l-oħrajn, mal-ambjent, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, l-użu tal-art, ir-reġjuni, is-saħħa pubblika, is-sikurezza alimentari, il-protezzjoni tal-pjanti, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, l-użu mediċinali veterinarju, u l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Dik l-istatistika tista’ tkun utli wkoll għall-finijiet ta’ monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt tal-agrikoltura fuq id-dakkara u l-organiżmi vitali tal-ħamrija.

(2)

Il-ġbir tad-data statistika, b’mod partikolari dwar l-input u l-output agrikoli, jenħtieġ li jkollu l-għan, fost l-oħrajn, li jinforma l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza b’data aġġornata, ta’ kwalità għolja u aċċessibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-iżvilupp ta’ indikaturi agroambjentali, u li tappoġġa u tevalwa l-progress tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija tal-Bijodiversità, il-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero u l-pjan ta’ azzjoni għall-produzzjoni organika fl-Unjoni relatati, u r-riformi futuri tal-PAK. Element ewlieni għall-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa t-tranżizzjoni lejn agrikoltura multifunzjonali li kapaċi tipproduċi ikel sikur u suffiċjenti filwaqt li tipprovdi outputs ambjentali pożittivi.

(3)

Data statistika armonizzata, koerenti u komparabbli ta’ kwalità għolja hi importanti għall-valutazzjoni tal-istat u x-xejriet tal-input u tal-output agrikoli fl-Unjoni sabiex tiġi pprovduta data sinifikanti u preċiża dwar l-impatt ambjentali u ekonomiku tal-agrikoltura u dwar il-pass tat-tranżizzjoni lejn prattiki agrikoli aktar sostenibbli. Id-data miġbura jenħtieġ li tirrelata wkoll għall-funzjonament tas-swieq, u s-sikurezza alimentari, sabiex jiġi żgurat aċċess għal ikel suffiċjenti u ta’ kwalità għolja, u għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà kif ukoll l-impatti u l-prestazzjoni ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-politiki tal-Unjoni u dawk nazzjonali, kif ukoll għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà u l-impatt tal-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju. Dik id-data tinkludi iżda mhix limitata għal statistika dwar il-bhejjem u l-laħam, il-produzzjoni u l-użu tal-bajd, u l-produzzjoni u l-użu tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. L-istatistika dwar l-erja, ir-rendiment u l-produzzjoni ta’ għelejjel li jinħartu, ħxejjex, għelejjel permanenti u mergħat u bilanċi ta’ komoditajiet hi importanti wkoll. Barra minn hekk, hija meħtieġa statistika dwar il-bejgħ u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fertilizzanti u prodotti mediċinali veterinarji, b’mod partikolari l-antibijotiċi fl-għalf.

(4)

Evalwazzjoni internazzjonali tal-istatistika agrikola wasslet għall-ħolqien ta’ strateġija globali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti għat-titjib tal-istatistika agrikola u rurali. Dik l-istrateġija globali ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2010. L-istatistika agrikola Ewropea jenħtieġ li, fejn xieraq, timxi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ dik l-istrateġija globali.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, abbażi ta’ prinċipji statistiċi komuni. Dak ir-Regolament jistipula kriterji ta’ kwalità u jirreferi għall-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż tar-rispons fuq ir-rispondenti tal-istħarriġ u li jingħata kontribut għall-għan aktar ġenerali tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

(6)

L-Istrateġija għall-Istatistika Agrikola għall-2020 u warajha, approvata mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (“ESSC”) f’Novembru 2015, tipprevedi l-adozzjoni ta’ żewġ regolamenti qafas li jkopru l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istatistika agrikola, bl-eċċezzjoni ta’ kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura (EAA). Dan ir-Regolament hu wieħed minn dawk iż-żewġ regolamenti qafas u jenħtieġ li jikkumplimenta r-regolament qafas li diġà ġie adottat, b’mod speċjali r-Regolament (UE) 2018/1091 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

L-istatistika Ewropea dwar l-input u l-output agrikoli bħalissa qed tinġabar, tiġi prodotta u mxerrda fuq il-bażi ta’ bosta atti legali. Il-qafas legali attwali ma jipprovdix konsistenza xierqa fost id-dominji differenti tal-istatistika, u lanqas ma jippromwovi approċċ integrat għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika agrikola, imfassal biex ikopri l-aspetti ekonomiċi u ambjentali tal-agrikoltura. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jissostitwixxi dawk l-atti legali għall-finijiet tal-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà tal-informazzjoni, u jiżgura l-konsistenza u l-koordinazzjoni fl-istatistika agrikola Ewropea kollha, jiffaċilita l-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċessi statistiċi korrispondenti, u jippermetti approċċ aktar olistiku. Għalhekk jeħtieġ jitħassru dawk l-atti legali, b’mod speċjali r-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008(15) (4), (KE) Nru 543/2009 (5) u (KE) Nru 1185/2009 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE (7). Il-bosta ftehimiet relatati tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u l-ftehimiet informali bejn l-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u l-Kummissjoni (il-Eurostat) dwar it-trażmissjoni tad-data jenħtieġ li jiġu integrati f’dan ir-Regolament fejn kien hemm evidenza li d-data tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti, li l-metodoloġija miftiehma taħdem u li d-data hi ta’ kwalità xierqa.

(8)

L-istatistika meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 (8) inġabret fi ħdan l-ESS, u din tissodisfa wħud mill-istandards tal-kwalità tagħha, iżda mhux kollha. Dik l-istatistika tappoġġa l-politiki tal-Unjoni u dawk nazzjonali fuq perjodu ta’ żmien fit-tul u jenħtieġ li tiġi integrata bħala statistika Ewropea biex tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data. Biex ikun evitat rappurtar doppju mill-Istati Membri, jenħtieġ li jitħassru r-rekwiżiti statistiċi skont dak ir-Regolament.

(9)

Parti kbira miż-żona agrikola fil-livell tal-Unjoni tikkonsisti f’mergħat. Fil-passat, il-produzzjoni ta’ dawk iż-żoni ma tqisitx importanti u għalhekk ma ġiet inkluża l-ebda data dwar il-produzzjoni fl-istatistika dwar l-għelejjel. Peress li l-impatt tal-mergħat u tar-ruminanti fuq l-ambjent sar aktar importanti minħabba t-tibdil fil-klima, issa hija meħtieġa statistika dwar il-produzzjoni tal-mergħat inkluż ir-ragħa tal-annimali.

(10)

Għall-finijiet tal-istatistika agrikola Ewropea, jenħtieġ li tiġi vvalutata l-fattibbiltà li jiġi massimizzat l-użu ta’ data preeżistenti miġbura skont l-obbligi tal-PAK, mingħajr ma jinħolqu obbligi ġodda u piż amministrattiv.

(11)

Għall-finijiet tal-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà tal-informazzjoni dwar l-input u l-output agrikoli b’informazzjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli u biex tkompli tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Istatistika Agrikola għall-2020 u wara, dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkumplimenta r-Regolament (UE) 2018/1091.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma jkoprix l-istatistika dwar il-prezzijiet agrikoli, iżda jenħtieġ li jkunu żgurati d-disponibbiltà u l-koerenza tagħha mal-EAA. Għalhekk, l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli jenħtieġ li tkun tkopri l-istatistika dwar il-prezzijiet tal-input agrikolu li hi koerenti mal-EAA. Sabiex ikunu jistgħu jsiru l-kalkoli tal-EAA u l-indiċijiet tal-prezzijiet komparabbli, jeħtieġ li d-data dwar il-prezzijiet tal-output agrikolu tkun disponibbli fl-Istati Membri.

(13)

Fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-PAK u l-objettiv li titnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi, huwa importanti li tiġi prevista statistika annwali ta’ kwalità għolja dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, tas-saħħa u ekonomiċi. In-nuqqas ta’ rekords elettroniċi tal-użu professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ statistika, fil-livell tal-Unjoni huwa ostaklu kbir biex tiżdied il-perjodiċità tal-ġbir tad-data dwar l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura minn darba kull ħames snin għal darba fis-sena. Sabiex l-NSIs jingħataw żmien jippreparaw għall-produzzjoni ta’ statistika annwali dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq bażi permanenti, f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi previst reġim tranżitorju.

(14)

Jenħtieġ li d-data dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-pestiċidi li trid tiġi ppreżentata skont id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) tintuża f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik id-Direttiva u ta’ dak ir-Regolament għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Id-data mxerrda dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jenħtieġ li tinkludi s-sustanzi attivi mqiegħda fis-suq u użati fl-attivitajiet agrikoli skont l-għelejjel u ż-żoni ttrattati relatati tagħhom.

(15)

Statistika komparabbli mill-Istati Membri kollha dwar l-input u l-output agrikoli hi importanti biex jiġi ddeterminat l-iżvilupp tal-PAK u tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-PAK permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi nazzjonali fid-dawl tal-kontribut tal-PAK għall-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għalhekk, għall-varjabbli, jenħtieġ li jintużaw klassifikazzjonijiet standard u definizzjonijiet komuni sa fejn dan ikun possibbli.

(16)

Il-koerenza, il-komparabbiltà u l-interoperabbiltà tad-data u l-uniformità tal-formati tar-rappurtar huma prerekwiżiti għat-tħejjija tal-istatistika agrikola Ewropea, b’mod partikulari rigward l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ ġbir, ipproċessar u tixrid u l-kwalità tar-riżultati.

(17)

Id-data meħtieġa għall-kompilazzjoni tal-istatistika jenħtieġ li tinġabar b’mod li jimminimizza l-kostijiet u l-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, inklużi l-bdiewa, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-Istati Membri. Għalhekk jeħtieġ jiġu identifikati sidien possibbli tas-sorsi tad-data meħtieġa u jkun żgurat li dawk is-sorsi jkunu jistgħu jintużaw għall-istatistika.

(18)

Is-settijiet tad-data li jridu jiġu trażmessi jkopru diversi dominji tal-istatistika. Biex jinżamm approċċ flessibbli li jippermetti li l-istatistika tiġi adattata meta jinbidlu r-rekwiżiti tad-data, jenħtieġ li jiġu speċifikati biss id-dominji, is-suġġetti u s-suġġetti dettaljati fir-regolament bażiku, bis-settijiet tad-data dettaljati li jiġu speċifikati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Il-ġbir tas-settijiet tad-data dettaljati jenħtieġ li ma jimponix spejjeż addizzjonali sinifikanti li jirriżultaw f’piż sproporzjonat u mhux ġustifikat fuq ir-rispondenti u fuq l-Istati Membri.

(19)

Varjabbli f’sett tad-data għall-istatistika Ewropea dwar l-input u l-output agrikolu jista’ jinkludi diversi dimensjonijiet, bħad-dimensjonijiet fil-livell ta’ biedja organika u dik reġjonali. Id-dimensjoni ta’ biedja organika tirreferi għall-produzzjoni u prodotti skont il-prinċipji stipulati fir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Id-dimensjoni fil-livell reġjonali jenħtieġ li tiġi pprovduta skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri meta jipprovdu d-data skont dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà fir-rigward ta’ liema data għandha tinġabar, is-suġġetti dettaljati u d-dimensjonijiet applikabbli jenħtieġ li jiġu speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. F’dak l-Anness, il-kelma “applikabbli” jenħtieġ li tiġi introdotta fir-rigward tas-suġġetti dettaljati li għalihom hija meħtieġa d-dimensjoni tal-biedja organika jew reġjonali, jew it-tnejn li huma.

(20)

Il-produzzjoni organika qed issir dejjem aktar importanti bħala indikatur ta’ sistemi tal-produzzjoni agrikola sostenibbli. Id-data statistika dwar il-produzzjoni organika hija essenzjali biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-pjan ta’ azzjoni għall-produzzjoni organika fl-Unjoni. Għalhekk jeħtieġ ikun żgurat li l-istatistika disponibbli dwar il-produzzjoni organika, inkluża d-data li tispeċifika żoni ta’ produzzjoni ċertifikati jew li jkunu qed jiġu kkonvertiti, tkun konsistenti ma’ statistika oħra dwar il-produzzjoni agrikola billi tiġi integrata fis-settijiet tad-data. Dik l-istatistika dwar il-produzzjoni organika jenħtieġ li tkun koerenti wkoll mad-data amministrattiva prodotta skont ir-Regolament (UE) 2018/848 u jenħtieġ li tużaha.

(21)

Il-bilanċ gross tan-nutrijenti huwa wieħed mill-aktar indikaturi agroambjentali użati b’mod wiesa’. Fil-metodoloġija komuni tal-Eurostat/OECD huwa deskritt bħala d-differenza kkalkulata bejn il-kwantità totali ta’ inputs tan-nutrijenti li jidħlu f’sistema agrikola u l-kwantità ta’ outputs tan-nutrijenti li jħallu dik is-sistema agrikola. Minkejja l-importanza tagħha, mhux l-Istati Membri kollha jipprovdu d-data dwar il-bilanċ gross tan-nutrijenti b’mod volontarju lill-Kummissjoni (il-Eurostat). Għalhekk huwa essenzjali li l-bilanċ gross tan-nutrijenti jiġi inkorporat f’dan ir-Regolament.

(22)

Il-prodotti mediċinali veterinarji huma input importanti għall-agrikoltura. Importanti li jiġi evitat ix-xogħol doppju u li jsir l-aħjar użu tal-informazzjoni eżistenti li tkun tista’ tintuża għall-finijiet ta’ statistika. Għal dak il-għan, u bil-ħsieb li tiġi pprovduta informazzjoni faċilment aċċessibbli u utli liċ-ċittadini tal-Unjoni u lil partijiet ikkonċernati oħra dwar il-bejgħ u l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji, inkluż l-użu ta’ prodotti mediċinali antimikrobiċi f’annimali li jipproduċu l-ikel, l-istatistika rilevanti disponibbli, skont ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jenħtieġ li titqassam mill-Kummissjoni (il-Eurostat). Għal dak il-għan, ftehimiet ta’ kooperazzjoni xierqa dwar l-attivitajiet tal-istatistika jenħtieġ li jiġu stabbiliti bejn il-Kummissjoni u entitajiet rilevanti, inkluż fil-livell internazzjonali.

(23)

Il-prodotti bijoċidali jikkostitwixxu kontribut importanti fl-agrikoltura, pereżempju fl-iġjene veterinarja u fl-għalf tal-annimali. Is-sustanzi attivi awtorizzati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti spiss jintużaw fil-prodotti bijoċidali. Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 diġà identifika l-ħtieġa li tinġabar statistika dwar il-prodotti bijoċidali għal politiki infurmati u bbażati fuq ix-xjenza fl-oqsma tal-agrikoltura, l-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari. Filwaqt li jitqies li l-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li jinsabu fil-prodotti bijoċidali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) għadu għaddej, b’35 % biss tal-ħidma relatata lesta, għadu prematur li l-prodotti bijoċidali jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Hekk kif jiġi ffinalizzat l-eżami tas-sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra li testendi l-kopertura ta’ dan ir-Regolament biex tinkludi prodotti bħal dawn.

(24)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003, l-unitajiet territorjali jenħtieġ li jiġu ddefiniti skont il-Klassifikazzjoni Komuni tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”). Sabiex il-piż fuq l-Istati Membri jiġi limitat, ir-rekwiżiti tad-data reġjonali jenħtieġ li ma jaqbżux ir-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni preċedenti sakemm ma jkunux fil-frattemp tfaċċaw livelli reġjonali ġodda. Konsegwentement, huwa xieraq li d-data statistika reġjonali għall-Ġermanja tiġi pprovduta għall-unitajiet territorjali NUTS 1 biss.

(25)

Jenħtieġ li jkun possibbli li tinġabar data dwar suġġetti ad hoc relatati mal-input u l-output agrikoli fi żmien speċifiku biex id-data miġbura fuq bażi regolari tiġi ssupplimentata b’data addizzjonali dwar suġġetti li jeħtieġu aktar informazzjoni, fenomeni emerġenti jew innovazzjonijiet. Il-ħtieġa għal tali data addizzjonali jenħtieġ li, madankollu, tiġi ġġustifikata kif xieraq.

(26)

Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li jkunu permessi eżenzjonijiet minn ċerti trażmissjonijiet regolari tad-data jekk il-kontribuzzjonijiet ta’ Stat Membru għat-total tal-UE għal dik id-data jkunu baxxi jew jekk il-fenomenu osservat ikun insinifikanti fir-rigward tal-produzzjoni totali f’dak l-Istat Membru partikolari.

(27)

Biex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni tal-istatistika fi ħdan l-ESS u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jużaw, minnufih u mingħajr ħlas, kull data amministrattiva li tkun meħtieġa għal finijiet pubbliċi, irrispettivament minn jekk tkunx miżmuma minn korpi pubbliċi, semipubbliċi jew privati. L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jintegraw dik id-data amministrattiva mal-istatistika, sakemm din id-data tkun meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika agrikola Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(28)

L-Istati Membri jew l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jimmodernizzaw kemm jista’ jkun il-modi tal-ġbir tad-data. Jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali u għodod ta’ monitoraġġ tal-art, bħall-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja tal-Unjoni Copernicus, u s-sensuri remoti. Id-data agrikola qed tiġi ġġenerata dejjem aktar permezz ta’ prattiki agrikoli diġitali, fejn il-bidwi jibqa’ s-sors ewlieni tad-data.

(29)

Biex tkun żgurata l-flessibbiltà u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, fuq l-NSIs u fuq awtoritajiet nazzjonali oħra, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jużaw stħarriġiet statistiċi, rekords amministrattivi u kwalunkwe sors, metodu jew approċċ innovattiv ieħor, inkluż metodi bbażati fuq ix-xjenza u dokumentati sew bħall-imputazzjoni, l-istima u l-immudellar. Jenħtieġ li l-kwalità, u b’mod partikolari l-preċiżjoni, it-tempestività u l-komparabbiltà tal-istatistika bbażata fuq dawk is-sorsi, ikunu żgurati dejjem.

(30)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tad-data mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (il-Eurostat) u dwar l-użu ta’ din id-data, inkluż dwar it-trażmissjoni u l-protezzjoni tad-data kunfidenzjali. Il-miżuri li jittieħdu skont dan ir-Regolament iridu jiżguraw li d-data kunfidenzjali tiġi trażmessa u użata esklussivament għall-finijiet tal-istatistika skont l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(31)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jipprevedi qafas ta’ referenza għall-istatistika Ewropea u jirrikjedi li l-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipji tal-istatistika u mal-kriterji tal-kwalità speċifikati f’dak ir-Regolament. Ir-rapporti ta’ kwalità huma essenzjali għall-valutazzjoni, it-titjib u l-komunikazzjoni tal-kwalità tal-istatistika Ewropea. L-ESSC approva l-istruttura unika integrata tal-metadata bħala l-istandard tal-ESS għar-rappurtar dwar il-kwalità, u b’hekk għen biex jiġu ssodisfati, permezz ta’ standards uniformi u metodi armonizzati, ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament. Dak l-istandard tal-ESS irid jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kwalità u r-rappurtar skont dan ir-Regolament

(32)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009, id-data miġbura u r-rapporti ta’ kwalità trażmessi mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jixxerrdu mill-Kummissjoni (il-Eurostat).

(33)

F’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u meta jkunu meħtieġa rekwiżiti ġodda tad-data jew titjib fis-settijiet tad-data koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà tagħhom billi tniedi studji ta’ fattibbiltà u studji pilota, fejn meħtieġ.

(34)

Fl-2016, saret valutazzjoni tal-impatt dwar l-Istrateġija għall-Istatistika Agrikola għall-2020 u warajha skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba biex il-programm statistiku stabbilit b’dan ir-Regolament jiffoka fuq il-ħtieġa għall-effettività fil-kisba tal-objettivi u biex jiġu inkorporati restrizzjonijiet baġitarji.

(35)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-produzzjoni sistematika tal-istatistika Ewropea dwar l-input u l-output agrikoli fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għax hemm bżonn approċċ ikkoordinat, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-konsistenza u l-komparabbiltà, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(36)

Sabiex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tad-data emerġenti li jirriżultaw prinċipalment minn żviluppi ġodda fl-agrikoltura, minn leġiżlazzjoni riveduta u minn bidliet fil-prijoritajiet ta’ politika, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-emendar tas-suġġetti dettaljati elenkati f’dan ir-Regolament, l-emendar tal-frekwenzi ta’ trażmissjoni, il-perjodi ta’ referenza u l-applikabbiltà tad-dimensjonijiet tas-suġġetti dettaljati, u l-ispeċifikar tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri fuq bażi ad hoc għall-ġbir tad-data ad hoc kif stabbilit f’dan ir-Regolament. Meta tadotta dawn l-atti delegati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis aspetti bħall-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi fuq ir-rispondenti u l-Istati Membri. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (16). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(37)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni bil-għan li tispeċifika r-rekwiżiti ta’ kopertura, is-settijiet tad-data marbuta mas-suġġetti u s-suġġetti dettaljati elenkati fl-Anness u l-elementi tekniċi tad-data li trid tiġi pprovduta, tistabbilixxi l-listi u d-deskrizzjonijiet tal-varjabbli u arranġamenti prattiċi oħra għall-ġbir tad-data ad hoc, u tispeċifika wkoll kull frekwenza ta’ trażmissjoni tas-settijiet tad-data, u tiddefinixxi l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data u l-frekwenzi tat-trażmissjonijiet ikkonċernati, il-varjabbli u l-limiti rilevanti li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jkunu eżenti milli jibagħtu data speċifika, u tispeċifika aktar il-perjodi ta’ referenza, tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għar-rapporti dwar il-kwalità u tistabbilixxi l-kontenut tagħhom, tispeċifika r-rekwiżiti ta’ kopertura rigward ir-reġim tranżizzjonali għad-data dwar is-suġġett dettaljat tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura, u tagħti derogi lill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Meta teżerċita dawk is-setgħat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis aspetti bħall-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi fuq ir-rispondenti u l-Istati Membri.

(38)

Meta l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun teħtieġ adattamenti kbar fis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’każijiet debitament ġustifikati u għal perjodu ta’ żmien limitat, tkun tista’ tagħti derogi lill-Istat Membru kkonċernat. Adattamenti maġġuri bħal dawn jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari mill-ħtieġa li s-sistemi tal-ġbir tad-data jiġu adattati biex jinkludu r-rekwiżiti ġodda tad-data, inkluż l-aċċess għal sorsi amministrattivi u sorsi rilevanti oħrajn.

(39)

Jenħtieġ li jkun meħtieġ finanzjament kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Unjoni sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet.

(40)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jitħarsu b’miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, inkluż il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, meta jkun xieraq, il-penali amministrattivi u finanzjarji.

(41)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u għar-Regolamenti (KE) Nru 1367/2006 (19) u (KE) Nru 1049/2001 (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u f’konformità mal-kunfidenzjalità statistika f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(42)

Il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-qafas tal-ESS jenħtieġ li jissaħħu biex ikunu żgurati l-koerenza u l-komparabbiltà tal-istatistika agrikola Ewropea prodotta skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 338(2) tat-TFUE. Id-data tinġabar ukoll minn korpi tal-Unjoni minbarra dawk imsemmija f’dan ir-Regolament u minn organizzazzjonijiet oħra. Għalhekk jenħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn il-korpi u l-organizzazzjonijiet u dawk involuti fl-ESS biex jittieħed vantaġġ mis-sinerġiji.

(43)

L-ESSC ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas integrat għall-istatistika Ewropea aggregata relatata mal-input u l-output tal-attivitajiet agrikoli, kif ukoll l-użu intermedju ta’ dan l-output fl-agrikoltura, u l-ġbir u l-ipproċessar tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “azjenda agrikola”, “unità agrikola tal-art komuni”, “unità ta’ bhejjem” u “erja agrikola utilizzata”, kif stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punti (a), (b), (d), u (e), tar-Regolament (UE) 2018/1091 rispettivament.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“attività agrikola” tfisser l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fl-agrikoltura bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-gruppi A.01.1, A.01.2, A.01.3, A.01.4, A.01.5 jew fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-“żamma tal-art agrikola f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba” tal-grupp A.01.6 fit-territorju ekonomiku tal-Unjoni, jew bħala l-attività primarja tagħha jew dik sekondarja; rigward l-attivitajiet tal-klassi A.01.49, huma inklużi biss l-attivitajiet ta’ “Trobbija u tnissil ta’ annimali semidomestiċi jew annimali ħajjin oħra” bl-eċċezzjoni tat-trobbija tal-insetti, u “Trobbija ta’ naħal u produzzjoni ta’ għasel u xemgħa tan-naħal”;

(2)

“intrapriża tal-ħalib” tfisser intrapriża jew azjenda agrikola li tixtri ħalib jew, f’ċerti każijiet, prodotti tal-ħalib, biex tibdilhom fi prodotti tal-ħalib; hija tinkludi wkoll intrapriżi li jiġbru l-ħalib jew il-krema biex jittrasferuhom kompletament jew parzjalment, mingħajr ipproċessar, lil intrapriżi oħra tal-ħalib;

(3)

“biċċerija” tfisser intrapriża rreġistrata u approvata uffiċjalment li għandha l-permess għall-qtil u t-tlestija tal-annimali, li l-laħam tagħhom hu maħsub għall-konsum mill-bniedem;

(4)

“mafqas” tfisser intrapriża għall-inkubazzjoni tal-bajd, għat-tifqis u għall-provvista tal-flieles;

(5)

“unità ta’ osservazzjoni” tfisser entità identifikabbli li dwarha tista’ tinkiseb data;

(6)

“dominju” tfisser sett jew ħafna settijiet tad-data li jkopru suġġetti partikolari;

(7)

“suġġett” tfisser il-kontenut tal-informazzjoni li trid tinġabar dwar l-unitajiet ta’ osservazzjoni; kull suġġett ikopri suġġett dettaljat wieħed jew aktar;

(8)

“suġġett dettaljat” tfisser il-kontenut dettaljat tal-informazzjoni li trid tinġabar dwar l-unitajiet ta’ osservazzjoni relatati ma’ suġġett; kull suġġett dettaljat ikopri varjabbli jew aktar minn wieħed;

(9)

“prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” tfisser prodotti, fil-forma li fiha jiġu fornuti lill-utent, li jikkonsistu minn, jew li fihom, sustanzi attivi, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, aġenti protettivi, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), il-punt (a) ta’ dak ir-Regolament, jew sustanzi sinerġiċi, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), il-punt (b) ta’ dak ir-Regolament, u maħsuba għal wieħed mill-użi deskritti fl-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament;

(10)

“sett tad-data” tfisser varjabbli aggregat wieħed jew ħafna organizzati f’forma strutturata;

(11)

“varjabbli” tfisser karatteristika ta’ unità ta’ osservazzjoni li tista’ tassumi aktar minn sett wieħed ta’ valuri;

(12)

data verifikata minn qabel” tfisser data verifikata mill-Istati Membri, abbażi ta’ regoli komuni miftiehma ta’ validazzjoni, kull meta disponibbli;

(13)

data ad hoc” tfisser data ta’ interess partikolari għall-utenti f’mument speċifiku iżda li mhix inkluża fis-settijiet tad-data regolari;

(14)

data amministrattiva” tfisser data ġġenerata minn sors mhux statistiku, li normalment tinżamm minn korp pubbliku jew privat, li l-għan ewlieni tagħha mhuwiex li tipprovdi statistika;

(15)

“metadata” tfisser informazzjoni li tkun meħtieġa biex tintuża u tiġi interpretata l-istatistika u li tiddeskrivi d-data b’mod strutturat;

(16)

“utent professjonali” tfisser kwalunkwe persuna li tuża prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti waqt it-twettiq tal-attivitajiet professjonali tagħha, inkluż operaturi, tekniċi, impjegaturi u persuni li jaħdmu għal rashom, fis-settur tal-biedja.

Artikolu 3

Popolazzjoni statistika u unitajiet ta’ osservazzjoni

1.   Il-popolazzjoni statistika li trid tiġi deskritta għandha tikkonsisti minn unitajiet statistiċi bħal azjendi agrikoli, unitajiet agrikoli tal-art komuni, intrapriżi li jipprovdu prodotti u servizzi relatati mal-attivitajiet agrikoli jew li jixtru jew jiġbru prodotti minn attivitajiet agrikoli, u intrapriżi li jipproċessaw dawk il-prodotti agrikoli, speċjalment imfaqas, intrapriżi tal-ħalib u biċċeriji.

2.   L-unitajiet ta’ osservazzjoni li jridu jiġu rrappreżentati fil-qafas statistiku għandhom ikunu l-unitajiet statistiċi msemmija fil-paragrafu 1 u, skont l-istatistika li trid tiġi rrappurtata, dawn li ġejjin:

(a)

art użata għal attività agrikola;

(b)

annimali użati għal attività agrikola;

(c)

importazzjonijiet u esportazzjonijiet ta’ prodotti minn attivitajiet agrikoli minn intrapriżi mhux agrikoli;

(d)

tranżazzjonijiet u flussi ta’ fatturi ta’ produzzjoni, prodotti u servizzi lejn u minn attivitajiet agrikoli.

Artikolu 4

Rekwiżiti ta’ kopertura

1.   L-istatistika għandha tkun rappreżentattiva tal-popolazzjoni statistika li tiddeskrivi.

2.   Għad-dominju tal-istatistika tal-produzzjoni tal-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), id-data għandha tkopri 95 % tal-unitajiet tal-bhejjem ta’ kull Stat Membru u l-attivitajiet jew l-outputs relatati.

3.   Għad-dominju tal-istatistika tal-produzzjoni tal-għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), id-data għandha tkopri 95 % tal-erja agrikola utilizzata totali, għajr il-ġonna kulinari, ta’ kull Stat Membru u l-volumi ta’ produzzjoni relatati.

4.   Għas-suġġett tan-nutrijenti fil-fertilizzanti għall-agrikoltura msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (d)(i), ta’ dan ir-Regolament, id-data għandha tkopri l-prodotti fertilizzanti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u 95 % tal-erja agrikola totali utilizzata, minbarra l-ġonna kulinari, ta’ kull Stat Membru u l-volumi ta’ produzzjoni relatati.

5.   Għad-dominju tal-istatistika dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (e), il-kopertura għandha tkun kif ġej:

(a)

għas-suġġett dettaljat tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq kif imsemmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-data għandha tkopri l-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 9, tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

(b)

għas-suġġett dettaljat tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura kif imsemmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-data għandha tkopri mill-inqas 85 % tal-użu f’attività agrikola minn utenti professjonali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/128/KE, f’kull Stat Membru. Id-data minn kull Stat Membru għandha tirrigwarda lista ta’ għelejjel li jkun fihom parti komuni għall-Istati Membri kollha. Dik il-parti komuni, flimkien mal-bwar permanenti, għandha tkopri mill-inqas 75 % tal-erja agrikola totali utilizzata fil-livell tal-Unjoni. Hekk kif issir applikabbli l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirrikjedi li l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jittrażmettu r-rekords tagħhom dwar l-użu ta’ tali prodotti f’format elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-kopertura tal-użu f’attività agrikola għandha tiżdied għal 95 %, li tibda mis-sena ta’ referenza wara d-data li fiha dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ssir applikabbli.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika aktar ir-rekwiżiti ta’ kopertura msemmija fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu. Fil-każ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu aġġornati, il-Kummissjoni għandha tqis ix-xejriet ekonomiċi u tekniċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza rilevanti.

Artikolu 5

Rekwiżiti tad-data regolari

1.   L-istatistika relatata mal-input u l-output tal-attivitajiet agrikoli għandha tkopri d-dominji u s-suġġetti li ġejjin:

(a)

statistika dwar il-produzzjoni tal-annimali

(i)

bhejjem u laħam,

(ii)

bajd u flieles,

(iii)

ħalib u prodotti tal-ħalib;

(b)

statistika dwar il-produzzjoni tal-għelejjel

(i)

erja tal-uċuħ tar-raba’ u produzzjoni,

(ii)

bilanċi tal-għelejjel,

(iii)

bwar;

(c)

statistika dwar il-prezzijiet agrikoli

(i)

indiċijiet tal-prezzijiet agrikoli,

(ii)

prezzijiet assoluti tal-input,

(iii)

prezzijiet u kirjiet tal-art agrikola;

(d)

statistika dwar in-nutrijenti

(i)

Nutrijenti fil-fertilizzanti għall-agrikoltura,

(ii)

bilanċi tan-nutrijenti;

(e)

statistika dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(i)

prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

2.   Is-suġġetti dettaljati, il-frekwenzi ta’ trażmissjoni u l-perjodi ta’ referenza korrispondenti tagħhom kif ukoll id-dimensjonijiet organiċi u reġjonali tagħhom għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness.

3.   Id-data għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (il-Eurostat) fil-forma ta’ settijiet tad-data aggregati.

4.   Id-data dwar il-produzzjoni u l-prodotti organiċi li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tiġi integrata fis-settijiet tad-data.

5.   Id-data reġjonali għandha tiġi pprovduta fil-livell ta’ NUTS2 kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003. Bħala eċċezzjoni dik id-data tista’ tiġi pprovduta biss mill-unitajiet territorjali NUTS 1 għall-Ġermanja.

6.   Meta varjabbli jkollu prevalenza baxxa jew żero fi Stat Membru, il-valuri ta’ dak il-varjabbli jistgħu jiġu esklużi mis-settijiet tad-data trażmessi, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun debitament iġġustifika l-esklużjoni tiegħu lill-Kummissjoni (il-Eurostat).

7.   L-informazzjoni rilevanti tal-prezzijiet tal-input u l-output agrikoli, inkluż il-karatteristiċi u l-piżijiet tal-prodotti u s-servizzi, għandha tinġabar mill-Istati Membri biex jiġu kkompilati indiċijiet tal-prezzijiet komparabbli u għall-varjabbli meħtieġa għall-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura koperti mir-Regolament (KE) Nru 138/2004.

8.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 li jemendaw, sabiex iżidu, iħassru jew jimmodifikaw, is-suġġetti dettaljati, inkluża d-deskrizzjoni tagħhom, kif stipulat fl-Anness.

Meta teżerċita s-setgħa tagħha li tadotta atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li:

(a)

l-atti delegati jkunu debitament ġustifikati u ma jimponux piż jew spejjeż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti;

(b)

fuq perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi, mhux aktar minn erba’ suġġetti dettaljati huma emendati, li minnhom mhux aktar minn wieħed huwa ġdid;

(c)

jitnedew, fejn meħtieġ, studji ta’ fattibbiltà kif stabbiliti fl-Artikolu 11 u r-riżultati tagħhom jitqiesu kif xieraq.

9.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 li jemendaw il-frekwenzi tat-trażmissjoni, il-perjodi ta’ referenza u l-applikabbiltà tad-dimensjonijiet tas-suġġetti dettaljati kif stipulat fl-Anness.

Meta teżerċita s-setgħa tagħha li tadotta atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li:

(a)

l-atti delegati jkunu debitament ġustifikati u ma jimponux piż jew spejjeż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti;

(b)

jitnedew studji ta’ fattibbiltà kif stipulat fl-Artikolu 11, u r-riżultati tagħhom jitqiesu kif xieraq.

10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi s-settijiet tad-data li jridu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni (il-Eurostat). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw l-elementi tekniċi li ġejjin tad-data li trid tiġi pprovduta, meta xieraq:

(a)

il-lista tal-varjabbli;

(b)

id-deskrizzjoni tal-varjabbli, inkluż:

(i)

il-karatteristiċi tal-unità ta’ osservazzjoni,

(ii)

l-unità ta’ kejl għall-karatteristiċi tal-unità ta’ osservazzjoni,

(iii)

id-dimensjonijiet organiċi u reġjonali għall-karatteristiċi tal-unità ta’ osservazzjoni;

varjabbli jingħadd bħala kombinazzjoni ta’ karatteristika ta’ unità ta’ osservazzjoni mal-unità ta’ kejl korrispondenti u waħda mid-dimensjonijiet tagħha;

(c)

l-unitajiet ta’ osservazzjoni;

(d)

ir-rekwiżiti tal-preċiżjoni;

(e)

ir-regoli metodoloġiċi;

(f)

l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data, filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ biex tkun prodotta data nazzjonali li tikkonforma mal-kriterji tal-kwalità definiti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-ħtieġa li jiġu minimizzati l-piż u l-ispejjeż amministrattivi fuq l-Istati Membri u fuq ir-rispondenti; l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data ma għandhomx jiġu modifikati qabel l-1 ta’ Jannar 2030.

Meta l-Kummissjoni tidentifika l-ħtieġa li timmodifika l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data, hija għandha tniedi studji ta’ fattibbiltà kif stipulat fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u r-riżultati ta’ dawk l-istudji ta’ fattibbiltà għandhom jitqiesu kif xieraq. Meta jiġu mmodifikati l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data, dawk l-iskadenzi ma għandhomx jitnaqqsu b’aktar minn 20 % tal-jiem li jisseparaw it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza mill-iskadenza għat-trażmissjoni tad-data kif stipulat fl-ewwel att ta’ implimentazzjoni adottat skont dan il-paragrafu, sakemm it-tnaqqis tal-iskadenza għat-trażmissjoni tad-data ma jkunx dovut biss għall-introduzzjoni ta’ approċċ innovattiv jew l-użu ta’ sorsi ta’ data diġitali ġodda, bħall-osservazzjoni tad-Dinja jew il-big data, disponibbli fl-Istati Membri kollha.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza rilevanti.

11.   Meta l-Kummissjoni tkun adottat att delegat skont il-paragrafu 8 jew 9, ħlief att delegat li jemenda d-dimensjoni organika, l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 10 jista’ jimmodifika, jissostitwixxi jew iżid total massimu ta’ 90 varjabbli fuq perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi. Madankollu, dak il-limitu massimu ma għandux japplika għal varjabbli relatati mad-dominju tal-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

12.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data verifikata minn qabel u l-metadata relatata b’format tekniku speċifikat mill-Kummissjoni (il-Eurostat) għal kull sett tad-data. Is-servizzi tal-punt uniku ta’ dħul għandhom jintużaw biex jittrażmettu d-data lill-Kummissjoni (il-Eurostat).

Artikolu 6

Rekwiżiti tad-data ad hoc

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jispeċifikaw l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri fuq bażi ad hoc, meta, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġbir ta’ informazzjoni addizzjonali jitqies neċessarju għall-fini li jiġu indirizzati ħtiġijiet statistiċi addizzjonali. Dawk l-atti delegati għandhom jispeċifikaw:

(a)

is-suġġetti u s-suġġetti dettaljati relatati mad-dominji speċifikati fl-Artikolu 5 li jridu jiġu pprovduti fil-ġbir tad-data ad hoc u r-raġunijiet għal dawn il-ħtiġijiet statistiċi addizzjonali;

(b)

il-perjodi ta’ referenza.

2.   Meta teżerċita s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika l-ħtiġijiet tad-data, tivvaluta l-fattibbiltà tal-ġbir tad-data meħtieġa, billi tuża l-input minn esperti rilevanti, u għandha tiżgura li ma jiġi impost l-ebda piż jew spiża addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1 li jibdew mis-sena ta’ referenza 2024 u b’minimu ta’ sentejn bejn kull ġbir ta’ data ad hoc, li jibdew mill-iskadenza għat-trażmissjoni tad-data tal-aħħar ġbir ta’ data ad hoc.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tipprovdi:

(a)

lista tal-varjabbli, li ma taqbiżx il-50 varjabbli;

(b)

id-deskrizzjoni tal-varjabbli, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

il-karatteristiċi tal-unità ta’ osservazzjoni,

(ii)

l-unità ta’ kejl għall-karatteristiċi tal-unità ta’ osservazzjoni,

(iii)

id-dimensjonijiet organiċi u reġjonali għall-karatteristiċi tal-unità ta’ osservazzjoni;

varjabbli jingħadd bħala kombinazzjoni ta’ karatteristika ta’ unità ta’ osservazzjoni mal-unità ta’ kejl korrispondenti u waħda mid-dimensjonijiet tagħha;

(c)

ir-rekwiżiti tal-preċiżjoni;

(d)

l-iskadenzi biex tiġi trażmessa d-data;

(e)

l-unitajiet ta’ osservazzjoni;

(f)

id-deskrizzjoni tal-perjodu ta’ referenza kif stipulat fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza rilevanti.

Artikolu 7

Frekwenza ta’ trażmissjoni tas-settijiet tad-data

1.   Il-frekwenza ta’ trażmissjoni tas-settijiet tad-data għandha tkun kif stipulat fl-Anness. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw kull frekwenza ta’ trażmissjoni f’aktar dettall.

2.   Stat Membru jista’ jiġi eżentat milli jibgħat data speċifika bil-frekwenzi ta’ trażmissjoni stabbiliti fl-Anness għal varjabbli predefiniti fil-każ li l-impatt tal-Istat Membru fuq it-total tal-UE ta’ dawk il-varjabbli jkun limitat.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data u l-frekwenzi ta’ trażmissjoni kkonċernati, il-varjabbli u l-limiti rilevanti li abbażi tagħhom jista’ jiġi applikat l-ewwel subparagrafu. Dawk il-limiti għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom ma tnaqqasx l-informazzjoni dwar it-total mistenni tal-UE tal-varjabbli korrispondenti b’aktar minn 5 %. Il-limiti għandhom jiġu riveduti mill-Kummissjoni (il-Eurostat) biex ikunu jikkorrispondu max-xejriet tat-totali tal-UE.

3.   Għall-istatistika tal-produzzjoni, Stat Membru jista’ jiġi eżentat mit-trażmissjonijiet ta’ data speċifika għal varjabbli predefiniti fil-każ li l-impatt tal-varjabbli jkun limitat fir-rigward tal-produzzjoni agrikola fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-limiti għal dawk il-varjabbli.

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza rilevanti.

Artikolu 8

Sorsi ta’ data u metodi

1.   Biex tinkiseb statistika relatata mal-input u l-output tal-attivitajiet agrikoli, l-Istati Membri għandhom jużaw wieħed jew aktar mis-sorsi jew il-metodi tad-data li ġejjin, sakemm id-data tippermetti l-produzzjoni ta’ statistika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 10:

(a)

stħarriġiet statistiċi jew metodi oħra tal-ġbir tad-data statistika;

(b)

is-sorsi ta’ data amministrattiva speċifikati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

sorsi ta’ data amministrattiva oħra bbażati fuq il-liġi nazzjonali, sorsi, metodi jew approċċi innovattivi oħra, bħal għodod diġitali u sensuri remoti.

2.   Fir-rigward tal-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe data mis-sorsi li ġejjin:

(a)

is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bovini stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), ir-reġistru tal-vinji implimentat skont l-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), u r-reġistri tal-biedja organika stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2018/848 jew kwalunkwe data amministrattiva rilevanti ta’ kwalità adegwata għall-finijiet ta’ statistika kif deskritt fl-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament, definit fil-liġi tal-Unjoni;

(b)

ir-reġistri miżmuma f’format elettroniku u kif imsemmi fl-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jew

(c)

kwalunkwe sors ta’ data amministrattiva rilevanti ieħor dment li tali data tippermetti l-produzzjoni ta’ statistika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw is-sorsi, il-metodi jew l-approċċi innovattivi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) tul is-sena ta’ qabel is-sena ta’ referenza li matulha se jintużaw is-sors, il-metodu jew l-approċċ innovattiv, u għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kwalità tad-data miksuba.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jkollhom id-dritt jaċċessaw u jużaw, minnufih u mingħajr ħlas, data, inkluż data individwali dwar intrapriżi u azjendi agrikoli f’rekords amministrattivi kkompilati fit-territorju nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. L-awtoritajiet nazzjonali u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa għal dan l-aċċess. Dak l-aċċess għandu jingħata wkoll meta l-awtorità kompetenti tkun iddelegat kompiti lil korpi privati jew semipubbliċi, li jridu jitwettqu f’isimha.

Artikolu 9

Perjodu ta’ referenza

1.   L-informazzjoni miġbura fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandha tirreferi għal perjodu ta’ referenza uniku li jkun komuni għall-Istati Membri kollha permezz ta’ referenza għas-sitwazzjoni tul perjodu taż-żmien speċifikat.

2.   Il-perjodu ta’ referenza għal kull suġġett dettaljat għandu jkun kif speċifikat fl-Anness. L-ewwel perjodi ta’ referenza għandhom jibdew fis-sena 2025.

3.   Għas-suġġett tal-indiċijiet tal-prezzijiet tal-agrikoltura msemmija fil-punt (c)(i) tal-Artikolu 5(1), l-Istati Membri għandhom, kull ħames snin, jibbażaw mill-ġdid l-indiċijiet billi jużaw bħala snin bażi s-snin li jintemmu b’0 jew 5.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-perjodi ta’ referenza f’aktar dettall. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza rilevanti.

Artikolu 10

Ir-rekwiżiti tal-kwalità u r-rappurtar tal-kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tad-data u l-metadata trażmessa.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miksuba bl-użu tas-sorsi u l-metodi stabbiliti fl-Artikolu 8 tagħti stimi preċiżi dwar il-popolazzjoni statistika definita fl-Artikolu 3 fil-livell nazzjonali, u, meta meħtieġ, fil-livell reġjonali.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw il-kriterji tal-kwalità definiti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

4.   Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data u l-metadata trażmessa lilha b’mod trasparenti u verifikabbli.

5.   Għall-fini tal-paragrafu 4, kull Stat Membru għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni (il-Eurostat), għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2028, u mbagħad kull tliet snin, rapporti ta’ kwalità li jiddeskrivi l-proċessi statistiċi għas-settijiet tad-data trażmessi tul il-perjodu, inkluż b’mod partikolari:

(a)

metadata li tiddeskrivi l-metodoloġija użata u kif inkisbu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’referenza għal dawk stabbiliti b’dan ir-Regolament;

(b)

informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kopertura kif stabbiliti fl-Artikolu 4, inkluż l-iżvilupp u l-aġġornament tagħhom.

6.   B’deroga mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, għas-suġġett tal-indiċijiet tal-prezzijiet agrikoli msemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (c) (i), ir-rapporti tal-kwalità għandhom jintbagħtu kull ħames snin flimkien mal-piżijiet u l-indiċijiet ibbażati mill-ġdid, kif ukoll ir-rapporti metodoloġiċi separati korrispondenti. L-ewwel trażmissjoni għar-rapport tal-kwalità dwar is-suġġett tal-indiċijiet tal-prezzijiet agrikoli ma għandhiex tkun qabel il-31 ta’ Diċembru 2028.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għar-rapporti dwar il-kwalità u l-kontenut tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) u ma għandhomx jimponu piż jew spejjeż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri.

8.   L-Istati Membri għandhom, meta meħtieġ, jinfurmaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) dwar kwalunkwe informazzjoni jew bidliet rilevanti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kwalità tad-data trażmessa.

9.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni (il-Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kjarifika addizzjonali meħtieġa biex tiġi evalwata l-kwalità tad-data tal-istatistika.

Artikolu 11

Studji ta’ fattibbiltà u studji pilota

1.   F’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u fejn jiġu identifikati rekwiżiti tad-data regolari ġodda jew il-ħtieġa għal titjib kbir fir-rekwiżiti tad-data regolari attwali, il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tniedi studji ta’ fattibbiltà sabiex tevalwa, fejn meħtieġ:

(a)

id-disponibbiltà u l-kwalità ta’ sorsi ta’ data ġodda xierqa;

(b)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ tekniki statistiċi ġodda;

(c)

l-impatt finanzjarju u l-piż fuq dawk li jwieġbu.

2.   F’kull studju ta’ fattibbiltà partikolari, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tivvaluta jekk l-istatistika l-ġdida tistax tiġi prodotta bl-użu tal-informazzjoni disponibbli fis-sorsi amministrattivi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u għandha ttejjeb l-użu ta’ data eżistenti f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

3.   Fi studju ta’ fattibbiltà partikolari, il-Kummissjoni (il-Eurostat) tista’, fejn meħtieġ, tniedi studji pilota, li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri. L-objettiv ta’ dawk l-istudji pilota għandu jkun li jittestjaw l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda fl-Istati Membri b’metodi differenti ta’ produzzjoni statistika billi jwettqu dik l-implimentazzjoni fuq skala iżgħar.

4.   Il-Kummissjoni (il-Eurostat), f’kooperazzjoni ma’ esperti mill-Istati Membri u l-utenti ewlenin tas-settijiet tad-data, għandha tevalwa r-riżultati tal-istudji tal-fattibbiltà u, fejn applikabbli, tal-istudji pilota, akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposti għall-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tad-data regolari ġodda jew titjib imsemmi fil-paragrafu 1. Wara dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar is-sejbiet tal-istudji ta’ fattibbiltà u dawk pilota. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu pubbliċi.

5.   Waqt it-tħejjija ta’ att delegat imsemmi fl-Artikolu 5(8) jew (9), il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq ir-riżultati tal-istudji ta’ fattibbiltà u dawk pilota, b’mod partikolari l-fattibbiltà tal-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda tad-data fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 12

Disseminazzjoni tar-riżultati

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha xxerred online u mingħajr ħlas id-data trażmessa lilha f’konformità mal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha xxerred, b’rispett sħiħ għall-kunfidenzjalità kummerċjali u statistika, statistika aggregata, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dwar prodotti mediċinali veterinarji derivati minn data prevista fl-Artikolu 55(2) u l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) 2019/6.

Artikolu 13

Kontribuzzjoni tal-Unjoni

1.   Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tagħti għotjiet mill-Programm tas-Suq Uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) u f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 biex:

(a)

jiġu koperti l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data ad hoc;

(b)

tinbena l-kapaċità għall-użu ta’ sorsi amministrattivi biex tinġabar statistika meħtieġa minn dan ir-Regolament;

(c)

jitwettaq stħarriġ kampjunarju biex tinġabar data dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura għas-sena ta’ referenza 2026;

(d)

jiġu żviluppati metodoloġiji u approċċi innovattivi biex jiġu adattati sistemi ta’ ġbir ta’ data, inklużi soluzzjonijiet ibbażati fuq id-diġitalizzazzjoni, għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(e)

jitwettqu tal-istudji ta’ fattibbiltà u pilota msemmija fl-Artikolu 11;

(f)

jiġu koperti l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ metodi biex jitnaqqsu l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex taqbeż il-95 % tal-kostijiet eliġibbli.

3.   L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont dan l-Artikolu għandu jiġi stabbilit skont ir-regoli tal-Programm tas-Suq Uniku bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament. L-awtorità baġitarja għandha tiddeċiedi l-approprjazzjoni disponibbli għal kull sena.

Artikolu 14

Reġim tranżizzjonali għal data dwar is-suġġett dettaljat tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura

1.   Għas-snin 2025, 2026 u 2027, ir-regoli tranżitorji li ġejjin għandhom japplikaw għas-suġġett dettaljat tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura kif imsemmi fl-Anness:

(a)

b’deroga mill-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 9(2), għandu jkun hemm trażmissjoni waħda biss ta’ data għas-sena ta’ referenza 2026;

(b)

b’deroga mill-Artikolu 4(5), il-punt (b), id-data għandha tkopri lista komuni ta’ għelejjel għall-Istati Membri kollha li tipprovdi informazzjoni dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’appoġġ għall-politiki rilevanti tal-Unjoni; dik il-lista komuni ta’ għelejjel għandha, flimkien mal-bwar permanenti, tkopri mill-inqas 75 % tal-erja agrikola utilizzata fil-livell tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika aktar ir-rekwiżiti ta’ kopertura msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2) mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza rilevanti.

2.   Mis-sena ta’ referenza 2028 ’il quddiem, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirrikjedi li l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jżommu rekords dwar l-użu ta’ tali prodotti f’format elettroniku, li huwa applikabbli 12-il xahar qabel il-bidu ta’ sena ta’ referenza li għaliha għandha tiġi trażmessa d-data, japplika dan li ġej:

(a)

b’deroga mill-Artikolu 7(1), il-frekwenza tat-trażmissjoni għandha tkun kull sentejn;

(b)

b’deroga mill-Artikolu 4(5), il-punt (b), ir-regoli tranżizzjonali msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu għandhom ikomplu japplikaw.

Artikolu 15

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti minn miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, meta jkun xieraq, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandhom ikollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta’ dokumenti u verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotja, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (30) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ xi ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjati mill-programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu t-tali awditi u investigazzjonijiet, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 16

Derogi

1.   Meta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati adottati skontu tkun teħtieġ adattamenti maġġuri ta’ sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu derogi lill-Istati Membri kkonċernati għal perjodu massimu ta’ tliet snin. M’għandha tingħata ebda deroga mir-regoli tranżizzjonali għas-suġġett dettaljat tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura kif imsemmi fl-Artikolu 14(1).

L-Istat Membru rilevanti għandu jippreżenta talba debitament motivata għal din id-deroga lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ikkonċernat, li tispjega liema adattamenti maġġuri huma meħtieġa għas-sistema nazzjonali tal-istatistika li jipprovdu kronoloġija stmata għal dawn l-adattamenti.

L-impatt tad-derogi mogħtija fl-ambitu ta’ dan l-Artkolu dwar il-komparabbiltà tad-data tal-Istati Membri jew fuq il-kalkolu tal-aggregati Ewropej fil-ħin u rappreżentattivi meħtieġa għandu jinżamm għal minimu. Fl-għoti tad-deroga għandu jitqies il-piż fuq ir-rispondenti u l-Istati Membri mill-Kummissjoni.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(8) u (9) u l-Artikolu 6(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-27 ta’ Diċembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(8) u (9) u fl-Artikolu 6(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(8) u (9) u Artikolu 6(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Rappurtar

Sal-31 ta’ Diċembru 2029 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 19

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 20

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 617/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 617/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 8, il-paragrafi 3, 4 u 5 huma mħassra;

(2)

l-Artikolu 11 huwa mħassar;

(3)

l-Annessi III u IV huma mħassra.

Artikolu 21

Tħassir

1.   Ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 u d-Direttiva 96/16/KE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025 mingħajr preġudizzju għall-obbligi stipulati f’dawk l-atti legali li jikkonċernaw it-trażmissjoni ta’ data u metadata, inklużi rapporti dwar il-kwalità, fir-rigward ta’ perjodi ta’ referenza li jaħbtu, kollha kemm huma jew parti minnhom, qabel dik id-data.

2.   Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Novembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2022.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1091 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar l-istatistika integrata tal-azjendi agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1166/2008 u (UE) Nru 1337/2011 (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1165/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE (ĠU L 321, 1.12.2008, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 543/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istatistika tal-għelejjel u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 837/90 u (KEE) Nru 959/93 (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi (ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE tad-19 ta’ Marzu 1996 fuq stħarriġ statistiku tal-ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU L 78, 28.3.1996, p. 27).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 tas-27 ta’ Ġunju 2008 dwar it-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li jikkonċerna n-normi għat-tqegħid fis-suq tal-bajd tat-tifqis u tal-flieles tat-tjur tal-irziezet (ĠU L 168, 28.6.2008, p. 5).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura fil-Komunità (ĠU L 33, 5.2.2004, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(16)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(18)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tal-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

(24)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, il-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).

(28)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(29)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

DOMINJI, SUĠĠETTI U SUĠĠETTI DETTALJATI, U FREKWENZI TAT-TRAŻMISSJONI, PERJODI TA’ REFERENZA U DIMENSJONIJIET GĦAL KULL SUĠĠETT DETTALJAT

(a)   Statistika dwar il-produzzjoni tal-annimali

Suġġett

Suġġetti dettaljati

Frekwenzi tat-trażmissjoni

Perjodi ta’ referenza

Dimensjonijiet

Biedja organika

Livell reġjonali

Bhejjem u laħam

Popolazzjoni tal-bhejjem

Id-data għandha tkopri l-għadd ta’ annimali miżmuma minn azjendi agrikoli fit-territorju ta’ Stat Membru fid-data ta’ referenza jew bħala medja matul il-perjodu ta’ referenza.

Darbtejn fis-sena

Data fil-perjodu Mejju/Ġunju

 

 

Data fil-perjodu Novembru/Diċembru

Applikabbli

Applikabbli

Kull sena

Data fil-perjodu Novembru/Diċembru

Applikabbli

Applikabbli

Sena

Applikabbli

Applikabbli

Tliet darbiet kull għaxar snin

Sena

 

 

Produzzjoni tal-laħam

Id-data għandha tkopri l-piżijiet tal-karkassi u n-numri tal-annimali maqtula fit-territorju ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza, kemm jekk fil-biċċeriji kif ukoll jekk le, u li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem.

Kull xahar

Xahar

 

 

Kull sena

Sena

Applikabbli

 

Konsenja tal-annimali

Id-data għandha tkopri t-tbassir tal-produzzjoni indiġena grossa (GIP), jiġifieri n-numru ta’ annimali mistennija li jiġu kkonsenjati mill-qafas ta’ azjendi agrikoli ta’ Stat Membru, jew barra mill-pajjiż jew lill-biċċeriji fl-Istat Membru.

Darbtejn fis-sena

Erba’ trimestri

 

 

Darbtejn fis-sena

Tliet nofs snin

 

 

Kull sena

Żewġ nofs snin

 

 

Bajd u flieles

Bajd għall-konsum

Id-data għandha tkopri l-għadd ta’ bajd għall-konsum miġbur fl-azjendi agrikoli fi Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza. Dak il-bajd jista’ jiġi kkonsenjat fiċ-ċentri tal-ippakkjar, mibjugħ direttament lill-konsumaturi jew lill-industrija agroalimentari, ikkonsmat fl-azjenda agrikola jew mitluf wara li jitlaq mill-azjenda agrikola.

Kull sena

Sena

Applikabbli

 

Tliet darbiet kull għaxar snin

Sena

Applikabbli

 

Bajd għat-tifqis u flieles tat-tjur tal-irziezet

Id-data għandha tkopri n-numru ta’ bajd imqiegħed fl-inkubazzjoni u n-numru ta’ flieles prodotti fl-imfaqas ta’ Stat Membru b’kapaċità ta’ aktar minn 1 000 bajda u matul il-perjodu ta’ referenza, kif ukoll in-numru ta’ flieles importati lejn jew esportati minn dak l-Istat Membru.

Kull xahar

Xahar

 

 

Struttura tal-imfaqas

Id-data għandha tkopri l-istruttura tal-imfaqas, deskritta min-numru ta’ imfaqas fi Stat Membru u l-kapaċità tagħhom imqassma skont il-klassijiet tal-kapaċità matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

 

 

Ħalib u prodotti tal-ħalib

Ħalib prodott u użat fl-azjendi agrikoli

Id-data għandha tkopri l-kwantità ta’ ħalib mill-baqar, in-ngħaġ, il-mogħoż u l-bufli prodotti, u l-kwantitajiet ta’ prodotti tal-ħalib użati direttament (mhux ikkonsenjati lil intrapriża tal-ħalib fl-Istat Membru), mill-azjendi agrikoli ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

Applikabbli

Applikabbli

Disponibbiltajiet tal-ħalib għas-settur tal-ħalib

Id-data għandha tkopri l-kwantità ta’ ħalib miġbura mill-impriżi tal-ħalib ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza minn azjendi agrikoli, kemm jekk jinsabu f’dak l-Istat Membru kif ukoll jekk le. Huma għandhom ikopru wkoll il-kwantità ta’ ħalib u materjali tal-ħalib disponibbli għas-settur tal-ħalib, bħall-kwantitajiet ta’ ħalib miġbur, ta’ ħalib u materjali tal-ħalib importati, u ta’ prodotti oħra tal-ħalib miġbura minn azjendi agrikoli, mill-intrapriżi tal-ħalib ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

Applikabbli

 

Użi ta’ ħalib u materjali tal-ħalib mis-settur tal-ħalib u prodotti li jirriżultaw minnhom

Id-data għandha tkopri l-kwantitajiet ta’ ħalib sħiħ u xkumat użati mill-intrapriżi tal-ħalib ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza għall-ipproċessar tad-diversi prodotti tal-ħalib jew, fil-każ ta’ materjal tal-ħalib, tal-kwantitajiet ta’ ħalib sħiħ u ekwivalenti ta’ ħalib xkumat. Dawk il-kwantitajiet jistgħu jitkejlu jew jiġu stmati direttament abbażi tal-kontenut ta’ xaħam tal-ħalib u ta’ proteini tal-ħalib tal-prodotti tal-ħalib (output) jew fuq il-kontenut ta’ xaħam tal-ħalib u ta’ proteini tal-ħalib tal-materjali tal-ħalib (input).

Kull sena

Sena

Applikabbli

 

Użi ta’ kull xahar ta’ ħalib tal-baqar mis-settur tal-ħalib

Id-data għandha tkopri l-kwantitajiet ta’ prodotti tal-ħalib (jew ta’ butir ekwivalenti, fil-każ ta’ butir totali u prodotti tal-ħalib sofor oħra) ipproċessati mill-ħalib tal-baqar li kienu prodotti mill-intrapriżi tal-ħalib fi Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza, esklużi l-materjali tal-ħalib.

Kull xahar

Xahar

 

 

Struttura tal-intrapriżi tal-ħalib

Id-data għandha tkopri l-għadd ta’ intrapriżi tal-ħalib fi Stat Membru li jopera fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ referenza, ikklassifikati skont il-volumi tal-prodotti rilevanti miġbura, ittrattati jew prodotti.

Tliet darbiet kull għaxar snin

Sena

 

 

(b)   Statistika dwar il-produzzjoni tal-għelejjel

Suġġett

Suġġetti dettaljati

Frekwenzi tat-trażmissjoni

Perjodi ta’ referenza

Dimensjonijiet

Biedja organika

Livell reġjonali

Erja tal-għelejjel u produzzjoni

Raba’ li jinħadem u bwar permanenti

Id-data għandha tkopri stimi bikrija u statistika finali dwar l-erjas, il-produzzjoni u r-rendiment tar-raba’ li jinħadem u tal-bwar permanenti, imkabbra biex jinħasdu prinċipalment fil-perjodu ta’ referenza, fl-azjendi agrikoli fl-Istati Membri.

Subannwali

Sena

 

 

Kull sena

Sena

Applikabbli

Applikabbli

Ortikultura għajr l-għelejjel permanenti

Id-data għandha tkopri stimi bikrija u statistika finali dwar l-erjas, il-produzzjoni u r-rendiment tal-għelejjel ortikulturali mkabbra biex jinħasdu fil-perjodu ta’ referenza fl-azjendi agrikoli fl-Istati Membri.

Subannwali

Sena

 

 

Kull sena

Sena

Applikabbli

 

Għelejjel permanenti

Id-data għandha tkopri stimi bikrija u statistika finali dwar l-erjas, il-produzzjoni u r-rendiment tal-għelejjel agrikoli permanenti mkabbra biex jinħasdu prinċipalment fil-perjodu ta’ referenza fl-azjendi agrikoli fl-Istati Membri.

Subannwali

Sena

 

 

Kull sena

Sena

Applikabbli

Applikabbli

Bilanċi tal-għelejjel

Bilanċi taċ-ċereali

Id-data għandha tkopri l-provvisti, l-użi u l-ħażniet taċ-ċereali ewlenin u l-ewwel livell tal-prodotti li jirriżultaw fl-Istati Membri matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

 

 

Bilanċi taż-żrieragħ taż-żejt

Id-data għandha tkopri l-provvisti, l-użi u l-ħażniet taż-żrieragħ taż-żejt ewlenin fl-Istati Membri matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

 

 

Mergħat

Ġestjoni ta’ mergħat

Id-data għandha tkopri l-erjas ta’ mergħat permanenti u temporanji klassifikati bl-età, il-kopertura u l-ġestjoni fl-Istati Membri matul il-perjodu ta’ referenza.

Tliet darbiet kull għaxar snin

Sena

 

 

(c)   Statistika dwar il-prezzijiet agrikoli

Suġġett

Suġġetti dettaljati

Frekwenzi tat-trażmissjoni

Perjodi ta’ referenza

Dimensjonijiet

Biedja organika

Livell reġjonali

Indiċijiet dwar il-prezzijiet agrikoli

Indiċijiet bikrin u miksuba

Id-data għandha tipprovdi l-indiċijiet tal-prezzijiet agrikoli li jirrappreżentaw il-bidliet fil-prezzijiet assoluti tal-prodotti agrikoli u l-inputs fl-Istat Membru matul il-perjodu ta’ referenza, meta mqabbla mas-sena bażi,.

Trimestrali

Trimestru

 

 

Kull sena

Sena

 

 

Ponderazzjonijiet u indiċijiet ibbażati mill-ġdid

Id-data meħtieġa biex l-indiċijiet bikrin u miksuba ikunu jistgħu jerġgħu jiġu bbażati

Kull ħames snin

Trimestru

 

 

Sena

 

 

 

 

 

 

 

Prezzijiet tal-input assoluti

Fertilizzanti

Is-sett tad-data għandu jkopri l-prezzijiet medji tax-xiri għall-prodotti fertilizzanti u l-valuri ta’ ponderazzjoni tal-pajjiż relatati.

Kull sena

Sena

 

 

Kull ħames snin (1)

Sena

 

 

Għalf

Is-sett tad-data għandu jkopri l-prezzijiet tax-xiri għall-prodotti fertilizzanti u l-valuri ta’ ponderazzjoni tal-pajjiż relatati.

Kull sena

Sena

 

 

Kull ħames snin (1)

Sena

 

 

Enerġija

Is-sett tad-data għandu jkopri l-prezzijiet tax-xiri għall-prodotti fertilizzanti u l-valuri ta’ ponderazzjoni tal-pajjiż relatati.

Kull sena

Sena

 

 

Kull ħames snin (1)

Sena

 

 

Prezzijiet u kirjiet tal-art agrikola

Prezzijiet tal-art agrikola

Is-sett tad-data għandu jkopri l-prezz medju tal-bejgħ tal-art agrikola kif rifless fit-tranżazzjonijiet fl-Istat Membru matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

 

 

Kirjiet tal-art agrikola

Is-sett tad-data għandu jkopri l-prezz medju tal-kera għall-art agrikola fl-Istat Membru matul il-perjodu ta’ referenza.

Kull sena

Sena

 

 

(d)   Statistika dwar in-nutrijenti

Suġġett

Suġġetti dettaljati

Frekwenzi tat-trażmissjoni

Perjodi ta’ referenza

Dimensjonijiet

Biedja organika

Livell reġjonali

Nutrijenti fil-fertilizzanti għall-agrikoltura

Fertilizzanti inorganiċi għall-agrikoltura

Id-data għandha tkopri l-kwantitajiet tan-nutrijenti fil-fertilizzanti inorganiċi użati fl-agrikoltura matul il-perjodu ta’ referenza fi Stat Membru.

Kull sena

Sena

 

 

Fertilizzanti organiċi għall-agrikoltura

Id-data għandha tkopri l-fertilizzanti organiċi (eskluż id-demel tal-annimali) użati fl-agrikoltura matul il-perjodu ta’ referenza fi Stat Membru u l-koeffiċjenti rispettivi tal-kontenut tan-nutrijenti.

Kull tliet snin

Sena

 

 

Bilanċi tan-nutrijenti

Koeffiċjenti tal-kontenuti tan-nutrijenti tal-għelejjel u tal-foraġġ

Id-data għandha tkopri l-koeffiċjenti tal-kontenut tan-nutrijenti li jirrappreżentaw l-ammont medju ta’ nutrijenti f’tunnellata ta’ prodott maħsud ta’ għalla.

Kull ħames snin

Sena

 

 

Volumi tar-residwi tal-għelejjel u koeffiċjenti tal-kontenut tan-nutrijenti

Id-data għandha tkopri l-kwantitajiet annwali medji tar-residwi tal-għelejjel u l-koeffiċjenti rispettivi tal-kontenut tan-nutrijenti.

Kull ħames snin

Sena

 

 

Koeffiċjenti tal-iffissar bijoloġiku tan-nitroġenu

Id-data għandha tkopri l-koeffiċjenti tal-iffissar tan-nitroġenu bijoloġiku għal għelejjel leguminużi u taħlit ta’ ħaxix tal-legumi.

Kull ħames snin

Sena

 

 

Koeffiċjenti tad-depożizzjoni tan-nitroġenu atmosferiku

Id-data għandha tkopri l-koeffiċjenti tad-depożizzjoni tan-nitroġenu atmosferiku għal kull ettaru ta’ erja agrikola utilizzata.

Kull ħames snin

Sena

 

 

Koeffiċjenti tal-kontenut tan-nutrijenti taż-żerriegħa

Id-data għandha tkopri l-koeffiċjenti tal-kontenut tan-nutrijenti fiż-żrieragħ għal kull ettaru ta’ żona mħawla.

Kull ħames snin

Sena

 

 

Koeffiċjenti tal-eskrement tan-nutrijenti tal-bhejjem

Id-data għandha tkopri l-koeffiċjenti tan-nutrijenti mneħħija mill-annimali użati għall-attività agrikola.

Kull ħames snin

Sena

 

 

Volumi tal-irtirar tad-demel tal-bhejjem u koeffiċjenti tal-kontenut tan-nutrijenti

Id-data għandha tkopri l-irtirar annwali medju tad-demel u l-koeffiċjenti rispettivi tal-kontenut tan-nutrijenti.

Kull ħames snin

Sena

 

 

(e)   Statistika dwar il-prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti

Suġġett

Suġġetti dettaljati

Frekwenzi tat-trażmissjoni

Perjodi ta’ referenza

Dimensjonijiet

Biedja organika

Livell reġjonali

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq

Id-data għandha tkopri s-sustanzi attivi kollha fil-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq fi Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza, inklużi dawk li jitqiegħdu fis-suq taħt permess kummerċjali parallel u/jew taħt awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza.

Kull sena

Sena

 

 

Użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura

Id-data għandha tkopri l-erjas tal-għelejjel f’azjendi agrikoli fi Stat Membru ttrattat bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-kwantitajiet tas-sustanzi attivi kollha użati matul il-perjodu ta’ referenza, inklużi dawk użati taħt awtorizzazzjoni ta’ emerġenza..

Kull sena

Sena

Applikabbli

 


(1)  Dan jirreferi għall-frekwenza tat-trażmissjoni tal-valuri ta’ ponderazzjoni tal-pajjiżi relatati.


Top