Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss — nikkumbattu l-impatt fuq l-ambjent
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Hija għandha l-għan li timpedixxi u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u li tippromwovi tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari mal-Unjoni Ewropea (UE) kollha billi tintroduċi miżuri differenti mfassla għall-prodotti koperti mid-direttiva, b’mod partikolari billi tassigura li prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss (SUP), u li għandhom alternattivi iktar sostenibbli li huma disponibbli u affordabbli, ma jkunux jistgħu jitqiegħdu fis-suq.
- Id-direttiva twettaq l-istrateġija tal-UE dwar il-plastiks, element importanti fit-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija ċirkolari.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Id-direttiva tapplika għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, prodotti magħmula minn plastik ossodegradabbli* kif ukoll irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Plastiks li jintużaw darba biss huma magħmula kollha jew parzjalment mill-plastik u huma tipikament maħsuba biex jintużaw darba jew għal perjodu qasir ta’ żmien qabel ma jiġu mormija.
Restrizzjoni ta’ tqegħid fis-suq
- Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li ġejjin ma jistgħux jitpoġġew fis-suq:
- pożati (frieket, skieken, imgħaref u chopsticks);
- platti;
- straws u stikek tal-cotton buds (minbarra dawk li jintużaw ma’ tagħmir li jiġi implantat attivament jew ma’ tagħmir mediku ieħor);
- stikek li tħawwad ix-xorb bihom;
- stikek li jiġu mwaħħlin ma’ u bħala appoġġ għall-bżieżaq u l-mekkaniżmu tagħhom, minbarra bżieżaq għal użu industrijali jew għal użu professjonali ieħor kif ukoll għal applikazzjonijiet li ma jiġux imqassma lill-konsumaturi;
- kontenituri tal-ikel magħmula minn polystyrene estiż (jiġifieri kaxex, flimkien ma’ jew mingħajr għatu) għal konsum immedjat mingħajr kwalunkwe preparazzjoni oħra, tipikament ikkunsumat mill-kontenitur jew lest biex jiġi kkunsumat mingħajr iktar preparazzjoni;
- prodotti magħmula minn plastik ossodegradabbli;
- kontenituri tax-xorb magħmula minn polystyrene estiż, inkluż it-tappijiet u l-għotjien; kif ukoll
- tazzi tax-xorb magħmula mill-poystyrene estiż, inkluż it-tappijiet u l-għotjien tagħhom.
Tnaqqis fil-konsum
- F’konformità mal-politika dwar l-iskart tal-UE, l-Istati Membri tal-UE għandhom:
- jieħdu miżuri biex inaqqsu l-konsum ta’ ċerti plastiks li jintużaw darba biss li għalihom m’hemmx alternattiva (tazzi għax-xorb inklużi l-għotjien u t-tappjijiet, u l-kontenituri ta’ ikel ippreparat għall-konsum immedjat); kif ukoll
- jimmonitorjaw il-konsum ta’ dawn il-prodotti li jintużaw darba biss, kif ukoll il-miżuri meħuda u jirrapportaw il-progress li għamlu lill-Kummissjoni Ewropea.
- Id-direttiva teħtieġ tnaqqis kwantitattiv ambizzjuż u sostnut fil-konsum ta’ dawn il-prodotti sal-2026 (imqabbel ma’ linja bażi tal-2022).
- Rigward it-tnaqqis fil-konsum, il-Kummissjoni adottat att ta’ implimentazzjoni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/162 fir-rigward tal-kalkolu, il-verifika u r-rapportar dwar it-tnaqqis fil-konsum ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiksbu tali tnaqqis.
Ġbir separat u rekwiżiti tad-disinn għall-fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss
- Id-direttiva tistabbilixxi mira ta’ ġbir ta’ 90 % għal riċiklaġġ għal fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss sal-2029 (b’mira interim ta’ 77 % sal-2025).
- Dawn il-fliexken għandu jkollhom tal-inqas 25 % ta’ plastik riċiklat fil-manifattura tagħhom sal-2025 (għall-fliexken tal-PET), u 30 % sal-2030 (għall-fliexken kollha).
- Dawk bl-għotjien u t-tappijiet magħmula mill-plastik jistgħu jitpoġġew fuq is-suq biss jekk l-għotjien u t-tappijiet jibgħqu imwaħħla mal-kontenituri waqt l-istadju meta l-prodott ikun intenzjonat għall-użu.
- Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1752 tistabbilixxi r-regoli fir-rigward tal-kalkolu, tal-verifika u tar-rapportar tad-data dwar il-ġbir separat tal-iskart ta’ fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss.
Immarkar obbligatorju
- Ċerti prodotti tal-plastik li jintremew li jitqiegħdu fis-suq għandu jkollhom immarkar viżibbli, li jinqara sew u li ma jitħassarx imwaħħal fuq l-imballaġġ tagħhom jew mal-prodott innifsu. Dawn il-prodotti jinkludu:
- prodotti sanitarji;
- srievet nidjin;
- prodotti tat-tabakk bil-filtri kif ukoll filtri ikkummerċjalizzati għall-użu flimkien ma’ prodotti tat-tabakk; u
- kikkri għax-xorb.
- Dawn it-tikketti għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi dwar:
- għażliet xierqa dwar ir-rimi tal-iskart għall-prodott jew x’tip ta’ rimi ta’ skart għandu jiġi evitat għall-prodott; u
- il-preżenza tal-plastiks fil-prodott kif ukoll l-impatt negattiv fuq l-ambjenta tar-rimi tal-iskart mal-art.
- Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2151 jinkludi r-regoli fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-immarkar għal dawn l-oġġetti.
Responsabbiltà estiża tal-produttur
- Id-direttiva tinkorpora l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Il-produtturi se jkollhom ikopru l-ispejjeż ta’:
- ġbir tal-iskart u tat-tindif tal-iskart mal-art;
- ġbir tad-data relatata mas-srievet nidjin, mal-bżieżaq kif ukoll mal-prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri ikkummerċjalizzati għall-użu flimkien ma’ prodotti tat-tabakk; u
- tqajjim ta’ kuxjenza dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li ġejjin:
- kontenituri tal-ikel u x-xorb,
- kontenituri tax-xorb,
- tazzi,
- pakketti u kisi tal-prodotti,
- basktijiet ħfief, u
- prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri ikkummerċjalizzati għall-użu flimkien ma’ prodotti tat-tabakk.
- Għal srievet nidjin u bżieżaq, se japplikaw dawn l-obbligi bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir.
- L-Istati Membri għandhom ukoll:
- jiżguraw li regoli dwar r-responsabbiltà estiża tal-produttur għal irkaptu tas-sajd li fih il-plastik qegħdin fis-seħħ; u
- jimmonitorjaw u jivvalutaw l-irkaptu tas-sajd bil-għan li jistabbilixxu miri tal-ġbir fl-UE kollha.
- Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/958 tistabbilixxi r-regoli dwar il-format kif id-data u l-informazzjoni rilevanti jiġu rappurtati, kif ukoll dwar il-format tar-rapport li jiċċekkja l-kwalità rigward l-irkaptu tas-sajd li jitpoġġa fis-suq u l-iskart tal-irkaptu tas-sajd miġbur fl-Istati Membri.
Sistemi ta’ informazzjoni u rappurtar
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2267 tistabbilixxi l-format dwar ir-rappurtar tad-data u tal-informazzjoni dwar il-ġbir tal-iskart tal-prodotti tat-tabakk bil-filtru wara l-konsum u tal-filtri kummerċjalizzati għall-użu flimkien ma’ prodotti tat-tabakk.
Sensibilizzazzjoni
L-Istati Membri tal-UE jridu wkoll jieħdu miżuri biex:
- jinfurmaw lill-konsumaturi u jinkoraġixxu mġiba responsabbli tal-konsumaturi sabiex inaqqsu r-rimi tal-iskart mal-art tal-prodotti elenkati hawn fuq; u
- jagħmlu lill-konsumaturi konxji dwar prodotti alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw u l-impatt ta’ rimi mhux xieraq ta’ skart ta’ plastik li jintuża darba biss fuq is-sistema tad-drenaġġ.
Il-linji gwida tal-Kummissjoni
- F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, biex tassigura li r-rekwiżiti tad-direttiva qed jiġu applikati korrettament u b’mod uniformi mal-UE kollha.
- Il-linji gwida jiċċaraw it-termini prinċipali użati fid-direttiva u jipprovdu eżempji ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jaqgħu fi ħdan jew barra mill-iskop tagħha.
META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?
- Id-direttiva kellha tiġi trasposta f’liġi nazzjonali sat-3 ta’ Lulju 2021.
- Ir-restrizzjonijiet tas-suq u l-immarkar tar-regoli tal-prodotti japplikaw mit-3 ta’ Lulju 2021, filwaqt li r-rekwiżiti tad-disinn tal-prodotti għall-għotjien u għat-tappijiet tal-kontenituri tax-xorb japplikaw mit-3 ta’ Lulju 2024.
- Il-miżuri estiżi tar-responsabbiltà tal-produttur għall-prodotti tat-tabakk bil-filtri u tal-filtri kummerċjalizzati għall-użu flimkien ma’ prodotti tat-tabakk japplikaw mill-5 ta’ Jannar 2023.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Plastik ossodegradabbli. Materjali tal-plastik li jinkludu addittivi li, permezz tal-ossidazzjoni, iwasslu għall-frammentazzjoni tal-materjal tal-plastik fi frammenti żgħar jew li jwasslu għad-dekompożizzjoni kimika.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1-19).
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/162 tal-4 ta’ Frar 2022 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu, il-verifika u r-rapportar tat-tnaqqis fil-konsum ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri biex jiksbu t-tali tnaqqis (ĠU L 26, 7.2.2022, pp. 19–35).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2267 tas-17 ta’ Diċembru 2021 li tistabbilixxi l-format għar-rapportar tad-data u l-informazzjoni dwar l-iskart miġbur wara l-konsum tal-prodotti tat-tabakk bil-filtru u tal-filtri kummerċjalizzati għall-użu flimkien mal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 455, 20.12.2021, pp. 32–36).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1752 tal-1 ta’ Ottubru 2021 li tistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu, tal-verifika u tar-rappurtar tad-data dwar il-ġbir separat tal-iskart ta’ fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss (ĠU L 349, 4.10.2021, pp. 19-30).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/958 tal-31 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-format għar-rapportar tad-data u l-informazzjoni dwar l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik imqiegħed fis-suq u l-iskart tal-irkaptu tas-sajd miġbur fl-Istati Membri u l-format għar-rapport tal-verifika ta’ kwalità f’konformità mal-Artikoli 13(1)(d) u 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 211, 15.6.2021, pp. 51–64).
L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/958 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2151 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli dwar l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati ta’ mmarkar għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti D tal-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 428, 18.12.2020, pp. 57–67).
Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, pp. 3-30).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, pp. 10-23).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 11.04.2022