Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0333

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat- 28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti ta' l-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 204–213 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/04/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/333/oj

29.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

204


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 333/2007

tat-28 ta' Marzu 2007

li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti ta' l-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta’ l-annimali u r-regoli tal-benessri ta’ l-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-kontaminanti fl-ikel (2) jipprovdi li l-livelli massimi għandhom jiġu stabbiliti għal ċerti kontaminanti fl-ikel sabiex titħares is-saħħa pubblika.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jistipula l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel (3) jistabbilixxi l-livelli massimi għaċ-ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene f'ċerti oġġetti ta' l-ikel.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula prinċipji ġenerali għall-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel. Madankollu f'ċerti każijiet aktar dispożizzjonijiet speċifiċi huma meħtieġa biex ikun żgurat li l-kontrolli uffiċjali jiwettqu b'mod armonizzat fil-Komunità.

(4)

Il-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi li għandhom jintużaw għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene f'ċerti oġġetti ta' l-ikel huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/22/KE tat-8 ta' Marzu 2001 li tistipula l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, u 3-MCPD fl-oġġetti ta' l-ikel (4), fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/16/KE tat-12 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' landa fl-ikel tal-bottijiet (5) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/10/KE ta' l-4 ta' Frar 2005 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' benzo(a)pyrene f'oġġetti ta' l-ikel (6), rispettivament.

(5)

Bosta dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontrolli uffiċjali tal-livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene f'oġġetti ta' l-ikel huma simili. Għalhekk, fl-interess taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni, huwa xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet jingħ aqdu f'att leġiżlattiv wieħed.

(6)

Id-Direttivi 2001/22/KE, 2004/16/KE u 2005/10/KE għandhom għalhekk jiġu revokati u mibdula b'Regolament ġdid.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene elenkati fit-taqsima 3,4 u 6 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 għandhom jitwettqu f'konformità ma' l-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika mingħajr pre ġudizzju għad-dispożizzjonjiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 2

Id-Direttivi 2001/22/KE, 2004/16/KE u 2005/10/KE huma revokati.

Ir-referenzi għad-Direttivi revokati għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1, verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1. Ir-regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(4)  ĠU L 77, 16.3.2001, p. 14. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/4/KE (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 50).

(5)  ĠU L 42, 13.2.2004, p. 16.

(6)  ĠU L 34, 8.2.2005, p. 15.


ANNESS

PARTI A

DEFINIZZJONIJIET

Għall-għanijiet ta' dan l-Anness għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Lott”

:

kwantità identifikabbli ta’ ikel fornita f’waqt wieħed u ddeterminata mill-uffiċċjal li għandha karatteristiċi komuni, [bħalma huma l-oriġini, il-varjetà, it-tip ta’ ppakkjar, ta’ minn jippakkja, il-fornitur jew l-immarkar]. Fil-każ ta' ħut, id-daqs tal-ħut ukoll għandu jkun komparabbli;

“sublott”

:

parti magħżula ta’ lott kbir sabiex jiġi applikat il-metodu ta' teħid ta' kampjuni fuq dik il-parti magħżula. Kull sublott għandu jkun fiżikament separat u identifikabbli;

“kampjun inkrimentali”

:

kwanità ta' materjal meħuda minn post wieħed fil-lott jew fis-sublott;

“kampjun kollettiv”

:

it-total kollettiv tal-kampjuni inkrimentali kollha meħuda mil-lott jew is-sublott; kampjuni kollettivi għandhom jiġu kkunsidrati bħala rappreżentattivi tal-lotts u s-sublottijiet li ttieħdu minnhom;

“kampjun tal-laboratorju”

:

kampjun maħsub għal-laboratorju.

PARTI B

METODI TA' TEĦID TAL-KAMPJUNI

B.1.   DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

B.1.1.   Il-Persunal

It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir minn persuna awtorizzata kif nominata mill-Istat Membru.

B.1.2.   Il-Materjal li minnu għandu jittieħed kampjun

Kull lott jew sublott, li għandu jiġi eżaminat, għandu jittieħed kampjun minnu separatament.

B.1.3.   Prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu

Waqt it-teħid ta' kampjuni, għandhom jittieħdu prekawzjonijiet biex tiġi evitata kwalunkwe bidla li taffettwa l-livelli ta' kontaminanti, jew li taffettwa d-determinazzjoni analitika b’mod negattiv jew inkella twassal biex il-kampjuni kollettivi ma jibqgħux rappreżentattivi.

B.1.4.   Kampjuni inkrimentali

Safejn hu possibbli l-kampjuni inkrimentali għandhom jittieħdu f'postijiet differenti mifruxa madwar il-lott jew is-sublott kollu. Differenzi minn din il-proċedura għandhom jiġu rreġistrati fl-arkivju previst skond il-punt B.1.8 ta’ dan l-Anness.

B.1.5.   It-tħejjija tal-kampjun kollettiv

Il-kampjun kollettiv għandu jkun magħmul billi jingħaqdu flimkien il-kampjuni inkrementali.

B.1.6.   Kampjuni għal raġunijiet ta' infurzar, difiża u arbitraġġ

Il-kampjuni għal raġunijiet ta’ infurzar, difiża u arbitraġġ għandhom jittieħdu mill-kampjun kollettiv omoġenizzat, sakemm dan ma jkunx ta' kunflitt mar-regoli ta’ l-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel.

B.1.7.   Ippakkjar u twassil tal-kampjuni

Kull wieħed mill-kampjuni għandu jitpoġġa f’kontenitur nadif u wieqaf li joffri protezzjoni xierqa kontra l-kontaminazzjoni, kontra telf ta’ materjal li għandu jiġi analizzat minħabba aderenza mall-ħitan interni tal-kontenitur u kontra l-ħsara waqt it-trasport. Għandhom jittieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex tkun evitata kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni tal-kampjun li tista’ sseħħ waqt it-trasport jew il-ħażna.

B.1.8.   L-issiġillar u twaħħil tat-tikketti tal-kampjuni

Kull kampjun meħud għal użu uffiċjali għandu jiġi ssiġillat fil-post tat-teħid ta’ kampjuni u identifikat skond ir-regoli ta’ l-Istati Membri.

Għandu jinżamm reġistru b'kull kampjun, li jippermetti li kull lott jew sublott jiġi identifikat mingħajr ambigwità (għandha tingħata r-referenza għan-numru tal-lott) kif ukoll id-data u l-post li fih ikun ittieħed il-kampjun flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li probabbli tkun ta’ għajnuna għal minn iwettaq l-analiżi.

B.2.   PJANIJIET TA’ TEĦID TA’ KAMPJUNI

Lottijiet kbar għandhom jitqassmu f’sublottijiet bil-kundizzjoni li s-sublott ikun jista’ jiġi separat fiżikament. Għall-prodotti li jinbiegħu f’konsennji bl-ingrossa (eż ċereali) għandha tapplika t-Tabella 1. Għall-prodotti l-oħrajn għandha tapplika t-Tabella 2. Jekk jitqies li l-piż tal-lott mhux dejjem ikun multiplu eżatt tal-piż tas-sublottijiet, il-piż tas-sublott jista’ jaqbeż il-piż imsemmi b’massimu ta’ 20 %.

Il-kampjun kollettiv għandu jkun ta’ mill-inqas 1 kg jew litru wieħed ħlief fejn dan mhux possibbli, eż. meta l-kampjun jikkonsisti f'pakkett jew unità waħda.

L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrimentali li għandhom jittieħdu mil-lott jew is-sublott għandu jkun kif mogħti fit-Tabella 3.

Fil-każ ta’ prodotti likwidi bl-ingrossa, il-lott jew is-sublott għandu jitħallat sew sakemm huwa possibbli u sakemm ma tiġix affettwata l-kwalità tal-prodott, jew permezz ta’ mezzi manwali inkella permezz ta' mezzi mekkaniċi immedjatament qabel it-teħid tal-kampjuni. F’dan il-każ, wieħed jassumi tqassim omoġenju ta’ l-aġenti ta’ kontaminazzjoni fi ħdan il-lott jew s-sublott kkonċernat. Huwa għalhekk biżżejjed li jittieħdu tliet kampjuni inkrimentali minn lott jew sublott sabiex jiffurmaw kampjun kollettiv.

Il-kampjuni inkrimentali għandhom ikunu simili fil-piż. Il-piż ta’ kampjun inkrimentali għandu jkun ta’ mill-inqas 100 gramma jew 100 millilitru, li jirriżulta f’kampjun kollettiv ta’ mill-inqas madwar 1 kg jew litru. Diskrepanzi minn dan il-metodu għandhom jiġu rreġistrati f'reġistru previst taħt il-parti B.1.8 ta’ dan l-Anness.

Tabella 1

Tqassim tal-lottijiet f’sublottijiet għal prodotti nnegozjati f'konsenji bl-ingrossa

Piż tal-lott (f'tunnellati)

Piż jew għadd ta’ sublottijiet

≥ 1 500

500 tunnellata

> 300 u < 1 500

3 sublottijiet

≥ 100 u ≤ 300

100 tunnellata

< 100


Tabella 2

Tqassim tal-lottijiet f’sublottijiet għal prodotti oħra

Piż tal-lott (f'tunnellati)

Piż jew għadd ta’ sublottijiet

≥ 15

15-30 tunnellata

< 15


Tabella 3

Għadd ta’ kampjuni inkrimentali li għandhom jittieħdu mill-lott jew mis-sublott

Piż jew volum tal-lott/sublott (f’kg jew f'litri)

L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali li għandhom jittieħdu

< 50

3

≥ 50 u ≤ 500

5

> 500

10

Jekk il-lott jew is-sublott jikkonsisti f’pakketti jew unitajiet individwali, l-għadd ta’ pakketti jew unitajiet, li għandhom jittieħdu mill-kampjun kollettiv, jinsab fit-Tabella 4.

Tabella 4

Għadd ta’ pakketti jew unitajiet (kampjuni inkrimentali) li għandhom jittieħdu sabiex jifformaw kampjun kollettiv jekk il-lott jew is-sublott jikkonsisti f’pakketti jew unitajiet individwali

Għadd ta’ pakketti jew unitajiet fil-lott/sublott

L-għadd ta’ pakketti jew unitajiet li għandhom jittieħdu

≤ 25

mhux inqas minn pakkett wieħed jew unità

26-100

madwar 5 %, mill-inqas 2 pakketti jew unitajiet

> 100

madwar 5 %, massimu ta’ 10 pakketti jew unitajiet

Il-livelli massimi għal-landa inorganika japplikaw għall-kontenut ta' kull bott, iżda għal raġunijiet prattiċi jeħtieġ li tintuża strateġija ta' teħid kollettiv ta' kampjuni. Jekk ir-riżultat tat-test għall-kampjun kollettiv ikun anqas minn iżda qrib il-livell massimu ta' landa inorganika u jekk ikun issuspettat li xi bottijiet individwali jistgħu jaqbżu l-livell massimu, allura jista' jkun meħtieġ li jisru aktar investigazzjonijiet.

B.3.   TEĦID TA' KAMPJUNI FL-ISTADJU TAL-BEJGĦ BL-IMNUT

It-teħid ta’ kampjuni ta' l-oġġetti ta' l-ikel fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għandu jsir meta dan ikun possibbli skond id-dispożizzjonijiet tat-teħid ta' kampjuni stipulati fil-punti B.1 u B.2 ta' dan l-Anness.

Meta dan ma jkunx possibbli, metodu alternattiv ta’ ksib ta’ kampjuni fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut jista' jintuża bil-kundizzjoni li jiżgura biżżejjed rappreżentanza għal-lott jew għas-sublott li minnhom ittieħdu l-kampjuni.

PARTI C

TĦEJJIJA U ANALIŻI TAL-KAMPJUNI

C.1.   STANDARDS TA’ KWALITA’ GĦAL-LABORATORJI.

Il-laboratorji għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (1).

Il-laboratorji għandhom jipparteċipaw fi skemi ta' ttestjar tal-profiċjenza adattati li jikkonformaw mal-“Protokoll Internazzjonali Armonizzat għall-Ittestjar ta' Profiċjenza ta' Laboratoji Analitiċi (Kimiċi)” (2) kif żviluppati taħt l-awspiċi ta' l-IUPAC/ISO/AOAC.

Il-laboratorji għandhom ikunu kapaċi juru li għandhom lesti proċeduri għall-kontroll intern tal-kwalità. Eżempju ta' dawn huma l-“Linji Gwida ISO/AOAC/IUPAC dwar il-Kontroll Intern ta' Kwalità f'Laboratorji Analitiċi tal-Kimika” (3).

Meta jkun possibbli, għandha titwettaq stima ta' l-awtentiċità ta' l-analiżi permezz ta' l-inklużjoni ta' materjali xierqa ta' referenza ċċertifikati fl-analiżi.

C.2.   TĦEJJIJA TAL-KAMPJUN

C.2.1.   Prekawzjonijiet u kunsiderazzjonijiet ġenerali

Il-ħtieġa bażika hija li jinkiseb kampjun tal-laboratorju rappreżentattiv u omoġenju mingħajr l-introduzzjoni ta' kontaminazzjoni sekondarja.

Il-materjal kollu tal-kampjuni li wasal għand il-laboratorju għandu jintuża għat-tħejjija tal-kampjun tal-laboratorju.

Il-konformità mal-livelli massimi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-livelli stabbiliti fil-kampjuni tal-laboratorju.

C.2.2.   Proċeduri speċifiċi għat-tħejjija tal-kampjuni

C.2.2.1.   Proċeduri speċifiċi għaċ-ċomb, kadmju, merkurju u landa inorganika

L-analista għandu jiżgura li l-kampjuni ma jiġux ikkontaminati matul it-tħejjija tal-kampjun. Meta jkun possibbli, l-apparat u t-tagħmir li jiġi f'kuntatt mal-kampjun ma għandux ikun fih dawk il-metalli li jridu jiġu determinati u magħmula minn materjali inerti per eżempju plastik bħal polypropylene, polytetrafluoroethylene (PTFE) eċċ. Dawn għandhom jitnaddfu bl-aċtu biex jitnaqqas ir-riskju ta' kontaminazzjoni. Azzar li ma jsaddadx ta' kwalità għolja jista' jintuża għax-xfafar.

Hemm ħafna proċeduri sodisfaċenti ta' tħejjija tal-kampjuni li jistgħu jintużaw għall-prodotti kkonċernati. Dawk deskritti fl-Istandard CEN “Oġġetti ta' l-ikel — Determinazzjoni ta' elementi fi traċċa — Kriterji ta' prestazzjoni, kunsiderazzjonijiet ġenerali u tħejjija tal-kampjun” (4) instabu li kienu sodisfaċenti iżda oħrajn jistgħu jkunu validi daqstant ieħor.

Fil-każ ta' landa inorganika, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-materjal kollu jittieħed f'soluzzjoni minħabba li huwa magħruf li faċilment isir telf, partikolarment minħabba l-varjetà ta' idrolisi għal idrat ossidu Sn(IV) li ma jinħallx.

C.2.2.2.   Proċeduri speċifiċi għall-benzo(a)pyrene

L-analista għandu jiżgura li l-kampjuni ma jiġux ikkontaminati waqt it-tħejjija tal-kampjuni. Il-kontenituri għandhom jinħaslu b'acetone jew hexane ta' purità għolja qabel l-użu biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta' kontaminazzjoni. Kull fejn hu possibbli, l-apparat u t-tagħmir li jiġi f’kuntatt mal-kampjun għandu jkun magħmul minn materjali inerti bħal aluminju, ħġieġ jew azzar illustrat li ma jissaddadx. Plastiks bħall-polypropylene jew PTFE għandhom jiġu evitati minħabba li l-analit jista’ jiġi assorbit minn dawn il-materjali.

C.2.3.   Trattament tal-kampjun kif jasal fil-laboratorju

Il-kampjun kollettiv sħiħ għandu jiġi mitħun b’mod fin (fejn rilevanti) u mħallat sew bl-użu ta' proċess li ntwera li jikseb omoġenizzazzjoni sħiħa.

C.2.4.   Kampjuni għal skopijiet ta' infurzar, difiża u arbitraġġ

Il-kampjuni għal skopijiet ta' infurzar, difiża u arbitraġġ għandhom jittieħdu mill-materjal omoġenizzat sakemm dan ma jkunx ta' kunflitt mar-regoli tal-kampjuni ta’ l-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel.

C.3.   METODI TA'ANALIŻI

C.3.1.   Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

“r”

=

Ir-Ripetibilità, il-valur li taħtu d-differenza assoluta bejn ir-riżultati ta’ testijiet waħdanija li nkisbu taħt kundizzjonijiet ta’ ripetibilità (jiġifieri l-istess kampjun, l-istess operatur, l-istess apparat, l-istess laboratorju, u intervall qasir ta’ ħin) mistenni li jaqa’ fi ħdan probabbiltà speċifika (tipikament 95 %) u għalhekk r = 2,8 × sr.

“sr

=

Devjazzjoni standard, ikkalkulata mir-riżultati ġġenerati taħt kundizzjonijiet ta' ripetibilità.

“RSDr

=

Devjazzjoni standard relattiva, ikkalkulata minn riżultati li ġew iġġenerati taħt kundizzjonijiet ta' ripetibilità [(sr/

Image

) × 100].

“R”

=

Ir-riproduċibilità, il-valur ta' taħt li d-differenza assoluta bejn riżultati ta’ testijiet waħdanija miksuba taħt kundizzjonijiet ta’ riproduċibilità, (jiġifieri fuq materjal identiku miksub minn operaturi f’laboratorji differenti, bl-użu tal-metodu standardizzat tat-test), hija mistennija li taqa’ fi ħdan ċerta probabilità (tipikament 95 %); R = 2,8 × sR.

“sR

=

Devjazzjoni standard, ikkalkulata minn riżultati taħt kundizzjonijiet ta’ riproduċibilità.

“RSDR

=

Devjazzjoni standard relattiva, ikkalkulata minn riżultati li ġew iġġenerati taħt kundizzjonijiet ta’ riproduċibilità [(sR/

Image

) × 100].

“LOD”

=

Il-limitu ta' rivelazzjoni, l-iżgħar kontenut imkejjel li minnu huwa possibbli li tiġi inferita l-preżenza ta’ l-analit b’ċertezza statistika raġonevoli. Il-limitu tar-rivelazzjoni huwa numerikament simili għal tliet darbiet id-devjazzjoni standard tal-medja tal-konklużjonijiet bla siwi (n>20).

“LOQ”

=

Il-limitu ta' kwantifikazzjoni, l-aktar kontenut baxx ta’ l-analit li jista’ jitkejjel b’ċertezza statistika raġonevoli. Jekk kemm l-eżattezza kif ukoll il-preċiżjoni huma kostanti matul konċentrazzjoni ta’ firxa madwar il-limitu ta’ rivelazzjoni, allura l-limitu ta’ kwantifikazzjoni huwa numerikament simili għal sitt darbiet jew għaxar darbiet id-devjazzjoni standard tal-medja tal-konklużjonijiet bla siwi (n>20).

“HORRATr

=

L-RSDr osservat diviż bil-valur RSDr stmat mill-ekwazzjoni Horwitz (5) bl-użu ta' l-assunzjoni r = 0,66R.

“HORRATR

=

Il-valur RSDR osservat diviż bil-valur RSDR ikkalkulat mill-ekwazzjoni Horwitz.

“u”

=

Inċertezza tal-kejl standard.

“U”

=

L-inċertezza tal-kejl estiża, li tuża fattur ta' kopertura ta' 2 li jagħti livell ta’ fiduċja ta’ madwar 95 % (U = 2u).

“Uf”

=

Inċertezza massima tal-kejl standard

C.3.2.   Rekwiżiti ġenerali

Il-metodi ta’ analiżi użati għal raġunijiet ta’ kontroll ta’ l-ikel għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 u 2 ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Il-metodi ta' analiżi għal-landa totali huma adattati għall-kontroll uffiċjali dwar il-livelli ta' landa inorganika.

Għall-analiżi taċ-ċomb fl-inbid, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2676/90 (6) jistipula fil-Kapitlu 35 ta' l-Anness tiegħu l-metodu li għandu jintuża.

C.3.3.   Rekwiżiti speċifiċi

C.3.3.1.   Kriterji ta’ rendiment

Meta ebda metodu speċifiku għad-determinazzjoni tal-kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel ma huwa stabbilit fil-livell tal-Komunità, il-laboratorji jistgħu jagħżlu kwalunkwe metodu ta' validazzjoni ta' analiżi (fejn possibbli, il-validazzjoni għandha tinkludi materjal ta' referenza ċċertifikat) bil-kundizzjoni li l-metodu ta' għażla jilħaq il-kriterji speċifiċi ta' rendiment stipulati fit-Tabella 5-7.

Tabella 5

Kriterji ta' prestazzjoni għall-metodi ta' analiżi għaċ-ċomb, il-kadmju, il-merkurju u l-landa inorganika

Parametru

Valur/Kumment

Applikabilità

Ikel speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006

LOD

Għal-landa inorganika anqas minn 5 mg/kg.

Għal elementi oħra li huma anqas minn 1/10 tal-livell massimu fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006, apparti jekk il-livell massimu għaċ-ċomb ikun anqas minn 100 µg/kg. Għal dan ta' l-aħħar, anqas minn 1/5 tal-livell massimu.

LOQ

Għal-landa inorganika anqas minn 10 mg/kg.

Għal elementi oħra li huma anqas minn 1/5 tal-livell massimu fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006, apparti jekk il-livell massimu għaċ-ċomb ikun anqas minn 100 µg/kg. Għal dan ta' l-aħħar, anqas minn 2/5 tal-livell massimu.

Preċiżjoni

valuri HORRATr jew HORRATR ta' anqas minn 2

Irkupru

Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punt D.1.2

Speċifiċità

Ħieles mill-matrix u l-interferenzi spettrali


Tabella 6

Kriterji ta' rendiment għall-metodi ta' analiżi għall-3-MCPD

Kriterji

Valur Rakkomandat

Konċentrazzjoni

Field blanks

Anqas mil-LOD

Irkupru

75-110 %

kollha

LOD:

5 µg/kg (jew anqas) fuq sustanza xotta

 

LOQ

10 µg/kg (jew anqas) fuq sustanza xotta

Preċiżjoni

< 4 µg/kg

20 µg/kg

< 6 µg/kg

30 µg/kg

< 7 µg/kg

40 µg/kg

< 8 µg/kg

50 µg/kg

< 15 µg/kg

100 µg/kg


Tabella 7

Kriterji ta' prestazzjoni għall-metodi ta' analiżi għall-benzo(a)pyrene

Parametru

Valur/Kumment

Applikabilità

Ikel speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006

LOD:

Anqas minn 0,3 µg/kg

LOQ

Anqas minn 0,9 µg/kg

Preċiżjoni

HORRATr jew HORRATR valuri ta' anqas minn 2

Irkupru

50-120 %

Speċifiċità

Ħieles mill-interferenzi ta' matriċi jew dawk spettrali, verifika ta' rivelazzjoni pożittiva

C.3.3.2.   Il-metodu “adegwatezza għall-għan”

Meta jkun diġà jeżisti għadd limitat ta' metodi totalment validati ta' analiżi, jista' jintuża bħala alternattiva l-metodu adegwatezza għall-fini biex jivvaluta jekk il-metodu ta' analiżi huwiex adattat. Metodi adattati għall-kontroll uffiċjali għandhom jipproduċu riżultati b'miżuri ta' inċertezza standard anqas mill-miżuri massimi ta' inċertezza standard ikkalkulati bl-użu tal-formula hawn taħt:

Formula

fejn:

 

Uf hija l-inċertezza massima tal-kejl standard (µg/kg);

 

LOD hija l-limitu ta’ rivelazzjoni tal-metodu (µg/kg);

 

C hija l-konċentrazzjoni ta’ interess (µg/kg);

 

-α hija fattur numeriku li għandu jintuża skond il-valur ta’ C. Il-valuri li għandhom jintużaw huma stabbiliti fit-Tabella 8.

Tabella 8

Il-valuri numeriċi li għandhom jintużaw għal α bħala kwantità kostanti fil-formula stabbilita f’dan il-punt, skond il-konċentrazzjoni ta’ interess

C (µg/kg)

α

≤ 50

0,2

51-500

0,18

501-1 000

0,15

1 001 -10 000

0,12

> 10 000

0,1

PARTI D

RAPPURTAR U INTERPRETAZZJONI TAR-RIŻULTATI

D.1.   IR-RAPPURTAR

D.1.1.   L-espressjoni tar-riżultati

Ir-riżultati għandhom jiġu espressi bl-istess unitajiet ta’ kejl u bl-istess għadd ta’ ċifri sinjifikanti bħalma huma tal-livelli massimi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006.

D.1.2.   Kalkoli ta' l-irkupru

Jekk jiġi applikat proċess ta' estrazzjoni fil-metodu analitiku, ir-riżultat analitiku għandu jiġi aġġustat għall-irkupru. F'dan il-każ il-livell ta' rkupru għandu jiġi rrappurtat.

Fil-każ li ebda proċess ta' estrazzjoni ma jiġi applikat fil-metodu analitiku (eż. fil-każ ta' metalli), ir-riżultat jista' jiġi rrappurtat mingħajr aġġustament għall-irkupru jekk l-evidenza tiġi pprovduta billi idealment isir użu ta' materjali ta' referenza ċċertifikati xierqa li l-konċentrazzjoni ċċertifikata li tippermetti li jinkiseb il-kejl ta' inċertezza). Fil-każ li r-riżultat jiġi rrappurtat mhux aġġustat għall-irkupru dan għandu jissemma.

D.1.3.   Inċertezza tal-kejl

Ir-riżultat analitiku jrid jiġi rrappurtat bħala × +/- U fejn × huwa r-riżultat analitiku u U -inċertezza tal-kejl estiża, bl-użu ta' fattur ta' kopertura ta' 2 li jagħti livell fiduċjarju ta' bejn wieħed u ieħor 95 % (U = 2u).

L-analista għandu jieħu nota tar-“Rapport dwar r-relazzjoni bejn ir-riżultati analitiċi, l-inċertezza tal-kejl, il-fatturi ta' rkupru u d-dispożizzjonjiet fil-leġiżlazzjoni ta' l-ikel u l-għalf” (7).

D.2.   INTERPRETAZZJONI TAR-RISULTATI

D.2.1.   Aċċettazzjoni tal-lott/sublott

Il-lott jew is-sublott jiġi aċċettat jekk ir-riżultat analitiku tal-kampjun tal-laboratorju ma jaqbiżx il-livell massimu rispettiv kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 meta tqis l-inċertezza tal-kejl estiża u l-aġġustament tar-riżultat għall-irkupru jekk ikun ġie applikat proċess ta' estrazzjoni fil-metodu analitiku użat.

D.2.2.   Rifjut ta' lott/sublott

Il-lott jew sublott jiġi rrifjutat jekk ir-riżultat analitiku tal-kampjun tal-laboratorju jaqbeż mingħajr dubju raġjonevoli l-livell massimu rispettiv kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 meta tqis l-inċertezza tal-kejl estiżau l-aġġustament tar-riżultat għall-irkupru jekk ikun ġie applikat proċess ta' estrazzjoni fil-metodu analitiku użat.

D.2.3.   Applikabilità

Ir-regoli attwali ta’ interpretazzjoni għandhom japplikaw għar-riżultati analitiċi miksuba mill-kampjun għall-infurzar. F’każ ta' analiżi għal skopijiet ta' difiża jew ta' referenza, għandhom japplikaw ir-regoli nazzjonali.


(1)  Kif emendat mill-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

(2)  “The international harmonized protocol for the proficiency testing of analytical chemistry laboratories” ta' M. Thompson, S.L.R. Ellison u R. Wood, Pure Appl. Chem., 2006, 78, 145-96.

(3)  Edittjat minn M. Thompson and R. Wood, Pure Appl. Chem., 1995, 67, 649-666.

(4)  L-istandard EN 13804:2002, “Foodstuffs — Determination of trace elements — Performance criteria, general considerations and sample preparation”, CEN, Rue de Stassart 36, B-1050 Brussell.

(5)  M. Thompson, Analist, 2000, 125, 385-386.

(6)  ĠU L 272, 3.10.1990, p. 1.

(7)  http://europa.eu.int/comm/food/ food/chemicalsafety/contaminants/sampling_en.htm


Top